EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5657

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030” (COM(2020)652 final — 2020/0300 (COD))

EESC 2020/05657

ĠU C 123, 9.4.2021, p. 76–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030”

(COM(2020)652 final — 2020/0300 (COD))

(2021/C 123/12)

Relatur ġenerali:

Lutz RIBBE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 11.11.2020

Kunsill, 5.11.2020

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Deċiżjoni tal-Bureau

1.12.2020

Adottata fis-sessjoni plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

227/4/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jista’ jara biss valur miżjud marġinali ħafna fil-proposta attwali għat-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP). Dan huwa dovut għat-titjib imħabbar fil-mudell ta’ monitoraġġ u fis-sistema ta’ rappurtar. Mill-bqija, il-proposta tiffoka fuq deskrizzjonijiet ġenerali tas-sitwazzjoni u memoranda ta’ qbil aktar milli fuq is-sustanza u l-azzjonijiet. Iżda għal governanza aħjar biss ma hemmx il-ħtieġa ta’ “programm ta’ azzjoni”.

1.2.

Il-KESE jistaqsi jekk it-8 EAP ta’ dan it-tip huwiex verament meħtieġ biex jagħti spinta ulterjuri lill-politika ambjentali tal-UE, politika li, bis-saħħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew waslet fil-qalba tal-oqsma ta’ politika tal-UE.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-proposta inkwistjoni, fil-parti l-kbira, tikkonferma l-perspettiva tiegħu, dik li ilu jtenni għal ħafna snin: li m’hemmx nuqqas ta’ għarfien dwar dak li hemm bżonn isir. Hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri li ilna nafu dwarhom, ħafna drabi deċiżi żmien ilu, u nuqqas ta’ rieda politika.

1.4.

Il-KESE għalhekk jara benefiċċju, pereżempju, fl-inizjattivi strateġiċi ppreżentati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħall-Istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, bir-rekwiżiti dettaljati rispettivi tagħhom, li huma integrati u inklużi fit-8 EAP. Barra minn hekk: il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jistgħu wkoll jobbligaw lill-Kummissjoni, permezz tat-8 EAP, biex tkompli u tapprofondixxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jagħtuha mandat espliċitu biex tippreżenta, mhux aktar tard mill-mandat il-ġdid, proposta leġiżlattiva għal “Aġenda tal-UE għall-2050” (bħala l-“Patt Ekoloġiku Ewropew 2” emendat u estiż), li żżid lista konkreta u dettaljata ta’ miżuri bħala appendiċi għat-8 EAP. Madankollu, ma sar l-ebda pjan għal dan.

1.5.

Għalhekk, il-KESE jappella għal dibattitu fundamentali dwar it-tifsira u l-utilità tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali u jtenni t-talba tiegħu biex titfassal “Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE għall-2050” proprja. Huwa jqis li l-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa bażi tajba u soda għal dan.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

Programmi ta’ azzjoni ambjentali tal-UE

2.1.

Il-programmi ta’ azzjoni ambjentali (EAPs) fil-livell tal-UE ilhom fis-seħħ mill-bidu tas-snin 1970, u s-7 EAP wasal fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru 2020.

2.2.

Fil-proposta tagħha għat-8 EAP, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-programmi ambjentali bħala dawk li “jiggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE”. Madankollu, jeħtiġilha tammetti wkoll indirettament li, fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-programmi ma kellhomx l-effett imwiegħed. Hija tikkonkludi li “l-progress relatat mal-ħarsien tan-natura, is-saħħa u l-integrazzjoni tal-politika ma kienx biżżejjed”. Hija tirreferi għar-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, “The European Environment — State and Outlook 2020”, [L-ambjent Ewropew — l-istat u l-prospettiva 2020 (mhux disponibbli bil-Mati)], ippubblikat f’Diċembru 2019, li jiddikjara li l-“isfidi ambjentali, klimatiċi u ta’ sostenibbiltà attwali huma ta’ skala u urġenza bla preċedent, u jeħtieġu azzjoni immedjata u konġunta u soluzzjonijiet sistemiċi”. Għaliex bil-“mudell ta’ tkabbir attwali, il-pressjonijiet ambjentali huma mistennija li jkomplu jiżdiedu, u dan jikkawża effetti diretti u indiretti ta’ ħsara fuq is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem. Dan jgħodd b’mod speċjali għas-setturi bl-ogħla impatt ambjentali — l-ikel, il-mobbiltà, l-enerġija kif ukoll l-infrastruttura u l-bini.”

2.3.

Din id-dikjarazzjoni hija konformi mar-Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ewropa 2020, ippreżentat f’Diċembru li għadda min-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDSN) u l-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea. Waħda mis-sejbiet ewlenin ta’ dan ir-rapport hija li l-isfidi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li l-Ewropa qed tiffaċċja huma fl-oqsma tal-agrikoltura u l-ikel sostenibbli, il-klima u l-bijodiversità.

2.4.

Il-Kummissjoni tindika li bil-Patt Ekoloġiku, ippubblikat fil-11 ta’ Diċembru 2019, hija adottat aġenda ambizzjuża li se tkun ta’ għajnuna: (a) biex l-UE ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050; (b) biex il-kapital naturali tal-UE jiġi mħares, ippreservat u msaħħaħ; (c) biex tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti ambjentali.

2.5.

Madankollu, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni talbu lill-Kummissjoni biex tfassal proposta għat-8 EAP, li mbagħad tiġi deċiża mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni ppreżentat din il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030” (it-8 EAP) fl-14 ta’ Ottubru 2020, kważi sena wara l-preżentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u xahrejn u nofs biss qabel tmiem is-7 EAP.

Kontenut tat-8 EAP

2.6.

It-8 EAP jikkonsisti biss f’sitt artikoli.

2.7.

Artikolu 2 jelenka l-objettivi ambjentali tal-UE li huma diġà magħrufa u rikonoxxuti wkoll mill-Kunsill u l-PE, bħat-tnaqqis tal-gassijiet serra, in-newtralità klimatika sal-2050, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal “ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi”, il-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, eċċ., u jiddikjara li dawn huma “objettivi tematiċi prijoritarji” tat-8 EAP. Madankollu, għall-kuntrarju tas-7 EAP, ma ġew deskritti l-ebda strumenti jew miżuri konkreti biex jinkisbu l-objettivi jew l-azzjonijiet ambjentali. Dan huwa sorprendenti, speċjalment peress li xi drabi jsiru asserzjonijiet li huma partikolarment ambizzjużi. Għan iddikjarat huwa “il-progress lejn mudell ta’ tkabbir riġenerattiv li jagħti lura lill-pjaneta aktar milli jieħu” (1).

2.8.

Bl-istess mod, Artikolu 3 isemmi biss “kundizzjonijiet” abilitanti li ilhom magħrufa u li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi prijoritarji. Dawn jinkludu fost l-oħrajn:

l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima,

l-integrazzjoni tal-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2 fl-istrateġiji, l-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, il-programmi, l-investimenti u l-proġetti rilevanti kollha fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali u

l-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali.

2.9.

Artikolu 4 jiddeskrivi l-fokus attwali tat-8 EAP. Dan huwa li jtejjeb il-qafas ta’ monitoraġġ u s-sistema ta’ rappurtar sabiex dawk li jfasslu l-politika u l-pubbliku jingħataw ħarsa ġenerali aħjar tal-progress (jew in-nuqqasijiet). F’dan ir-rigward, pereżempju, il-KESE jinnota li l-Kunsill u l-KESE stess appellaw biex il-prestazzjoni ekonomika u l-progress soċjali jitkejlu abbażi ta’ indikaturi li “jmorru lil hinn mill-PDG”. Jeħtieġ li jiġu żviluppati wkoll “indikaturi ewlenin” għal monitoraġġ aħjar, pereżempju, tal-bijodiversità jew l-ekonomija ċirkolari. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandhom rwol ewlieni x’jaqdu hawnhekk u għalhekk l-għadd tal-persunal tagħhom għandu jiżdied.

2.10.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tat-8 EAP sal-31 ta’ Marzu 2029; għalhekk mhux previst rieżami ta’ nofs it-terminu.

2.11.

Artikolu 6 jirregola d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni.

3.   Kummenti

3.1.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-programmi ta’ azzjoni ambjentali ilhom jiggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE. Madankollu, il-politika ambjentali tas-snin 70, 80 u 90 ma tistax titqabbel aktar ma’ dik tal-lum; dan iqajjem il-kwistjoni dwar ir-rwol u l-funzjoni tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali.

3.2.

Għal din ir-raġuni, il-KESE jistaqsi jekk it-8 EAP huwiex verament meħtieġ biex jagħti spinta ulterjuri lill-politika ambjentali tal-UE, politika li, bis-saħħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, waslet fil-qalba tal-oqsma ta’ politika tal-UE. Din il-kwistjoni tidher aktar rilevanti minn qatt qabel peress li l-proposta għat-8 EAP hija kkaratterizzata minn deskrizzjonijiet tas-sitwazzjoni u dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni aktar ġenerali minn kontenut sostantiv u azzjonijiet konkreti. Dan huwa programm ta’ azzjoni mingħajr azzjoni!

3.3.

Naturalment, il-KESE m’għandu l-ebda dubju li l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 2 huma validi u li l-“Kundizzjonijiet li jippermettu li jintlaħqu l-objettivi prijoritarji” msemmija fl-Artikolu 3 huma tajbin. Madankollu, x’inhu l-benefiċċju għall-politika ambjentali jekk it-8 EAP sempliċiment itenni l-objettivi stabbiliti diġà, fost l-oħrajn, fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, mingħajr lanqas ma jippreskrivi strumenti ta’ implimentazzjoni jew miżuri li jsiru vinkolanti permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew? U x’inhuma l-benefiċċji reali li sempliċiment jiġu elenkati l-“kundizzjonijiet” li ilhom magħrufa għal żmien twil, jekk ma jiġi ppreżentat u adottat l-ebda pjan vinkolanti biex jiġu żgurati dawn il-kundizzjonijiet?

3.4.

Il-KESE jemmen li l-proposta inkwistjoni, fil-parti l-kbira, tikkonferma l-perspettiva tiegħu, dik li ilu jtenni għal ħafna snin: li m’hemmx nuqqas ta’ għarfien dwar dak li hemm bżonn isir. Hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri li ilna nafu dwarhom, ħafna drabi deċiżi żmien ilu, u ta’ rieda politika. Il-Kummissjoni u, sa ċertu punt il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ilhom snin jilmentaw dwar l-implimentazzjoni spiss inadegwata mill-Istati Membri ta’ ħafna mil-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti. Ebda programm ta’ azzjoni ambjentali ma jista’ jikkumpensa għal nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew rieda politika.

3.5.

Anke fin-nuqqas ta’ programm ta’ azzjoni ambjentali, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom ħafna possibbiltajiet biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom. Eżempju wieħed ta’ dan huwa l-politika tal-bijodiversità.

3.6.

Il-KESE jenfasizza li l-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tan-natura ġew elenkati b’mod espliċitu fost l-“objettivi prijoritarji” tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali kollha mit-2 EAP (1977-1981), kif inhu wkoll il-każ f’dan it-8 EAP. Ma jistax jingħad li l-baġit tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali preċedenti huwa pożittiv jekk il-Kummissjoni, fl-Istrateġija tagħha għall-Bijodiversità ta’ Mejju 2020, xorta waħda ssib li “in-natura tinsab fi kriżi”, wara li l-bijodiversità ilha fil-qalba ta’ dawn il-programmi għal aktar minn 40 sena (!).

3.7.

Madankollu, lil hinn mill-programmi kollha ta’ azzjoni ambjentali, hemm ideat u proposti ċari dwar kif għandha tiġi rimedjata s-sitwazzjoni. Pereżempju, l-istrateġija għall-bijodiversità (2) ppreżentata mill-Kummissjoni fiha lista twila ta’ azzjonijiet. Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew kellhom biżżejjed opportunità, fost l-oħrajn, fir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), biex jimplimentaw talbiet konkreti minnha. Din l-opportunità ntilfet. Għall-KESE mhuwiex ċar x’jista’ jtejjeb it-8 EAP, li għandu jiġi adottat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

3.8.

Madankollu, dan jiċċara wkoll il-mod li bih it-8 EAP jista’ jkollu valur miżjud: l-integrazzjoni formali tal-Istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” (u dokumenti ta’ politika simili oħrajn) ppreżentati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku bir-rekwiżiti dettaljati ħafna tagħhom; il-Kunsill u l-Parlament għalhekk se joħorġu favur l-implimentazzjoni ta’ proposti konkreti.

3.9.

Barra minn hekk: il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jistgħu wkoll jobbligaw lill-Kummissjoni, permezz tat-8 EAP, biex tkompli u tapprofondixxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jagħtuha mandat espliċitu biex tippreżenta, mhux aktar tard mill-mandat il-ġdid, abbozz ta' liġi għal “Aġenda tal-UE għall-2050” (bħala l-“Patt Ekoloġiku Ewropew 2” emendat u estiż), li jżid lista konkreta u dettaljata ta’ miżuri bħala appendiċi għat-8 EAP.

3.10.

Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn ma huwa attwalment previst, u huwa għalhekk li l-valur miżjud tat-8 EAP fil-forma attwali tiegħu huwa limitat għat-tħabbir ta’ titjib fil-mudell ta’ monitoraġġ u s-sistema ta’ rappurtar. Għalkemm dawn jistgħu jkunu importanti, għal monitoraġġ u governanza aħjar, m’hemmx bżonn ta’ “programm ta’ azzjoni”.

4.   Kummenti tal-għeluq

4.1.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-importanza u l-impatt tal-aħħar Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali u t-8 EAP li jmiss hija evidentement ogħla minn dik tal-KESE. Pereżempju, il-Kumitat ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni li s-7 EAP “antiċipa l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti”. L-aġenda 2030 tan-NU hija ħafna aktar kumplessa milli tista’ tiġi riflessa f’politika ambjentali Ewropea, irrispettivament minn kemm tista’ tkun innovattiva. Kwalunkwe politika ambjentali għandha, naturalment, tqis ukoll il-faqar, il-ġuħ, l-edukazzjoni jew il-kwistjonijiet tal-ġeneru, li madankollu ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod adegwat fil-kuntest tagħha.

4.2.

Din hija r-raġuni għaliex il-KESE talab lill-UE tfassal “Aġenda tal-UE għall-2050” separata, li naturalment għandha tinkludi wkoll dimensjoni ta’ politika ambjentali b’saħħitha. Il-Patt Ekoloġiku attwali nnifsu mhuwiex biżżejjed biex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 tan-NU, peress li l-kwistjonijiet soċjali, kemm fil-kuntest Ewropew kif ukoll f’dak globali, mhumiex ikkunsidrati biżżejjed. Madankollu, il-KESE huwa partikolarment ħerqan li jenfasizza li huwa jqis il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala bażi tajba u solida għal strateġija komprensiva għall-iżvilupp sostenibbli, “Aġenda tal-UE għall-2050”.

4.3.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-ambizzjonijiet politiċi stabbiliti fit-testi tal-Kummissjoni jiġu fformulati b’tali mod li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jagħrfu kif dawn se jiġu implimentati. It-8 EAP għandu l-għan li jippromovi “mudell ta’ tkabbir riġenerattiv” li “jagħti lura lill-pjaneta aktar milli jieħu”. Ħafna ċittadini, u anke ħafna rappreżentanti politiċi, probabbilment mhumiex konxji ta’ x’jimplika l-“mudell ta’ tkabbir riġenerattiv” u xi jfisser fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li nagħtu lura lill-pjaneta aktar milli nieħdu.

4.4.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa t-tnedija ta’ dibattitu ġenerali dwar ir-rwol ta’ programmi ta’ azzjoni ambjentali futuri possibbli. Għal dan il-għan, ikun utli li ma nistennewx evalwazzjoni disa’ xhur biss qabel jiskadi t-8 EAP.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2020:0652:FIN:MT:PDF, Artikolu 2 Paragrafu 2 Punt c.

(2)  Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 COM(2020) 380 final.


Top