Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XG0528(03)

Komunikazzjoni mill-Ministeru għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija tal-Ungerija skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi — Stedina pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għal konċessjoni għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-linjite taħt konċessjoni fiż-żona ta’ Sajókápolna

ĠU C 183, 28.5.2019, pp. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/4


Komunikazzjoni mill-Ministeru għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija tal-Ungerija skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi

Stedina pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għal konċessjoni għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-linjite taħt konċessjoni fiż-żona ta’ Sajókápolna

(2019/C 183/04)

F’isem l-Istat Ungeriż, il-Ministru għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (“l-Awtorità Kontraenti” jew “il-Ministru”), bħala l-Ministru responsabbli għall-estrazzjoni, hawnhekk qiegħed joħroġ stedina pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-linjite b’kuntratt ta’ konċessjoni abbażi tal-Att CXCVI tal-2011 dwar l-assi nazzjonali (“l-Att dwar l-Assi Nazzjonali”), l-Att XVI tal-1991 dwar il-konċessjonijiet (“l-Att dwar il-Konċessjonijiet”) u l-Att XLVIII tal-1993 dwar l-estrazzjoni (“l-Att dwar l-Estrazzjoni”), soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin.

1.   Il-Ministru se jippubblika l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti, jaġġudika l-offerti u jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni f’kooperazzjoni mas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (“Magyar Bányászati és Földtani Hivatal” - MBFSZ), f’konformità mal-Att dwar il-Konċessjonijiet u l-Att dwar l-Estrazzjoni. L-offerti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta jiġu evalwati minn Kumitat ta’ Evalwazzjoni stabbilit mill-Ministru.

Fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni, il-Ministru se joħroġ id-deċiżjoni li tagħti l-konċessjoni, f’konformità mat-Taqsima 5(1) tal-Att dwar il-Konċessjonijiet (1), li abbażi tagħha l-Ministru jista’ mbagħad jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni mal-offerent rebbieħ.

Il-lingwa tal-proċedura tal-offerti hija l-Ungeriż.

2.   Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti hija miftuħa għal kull persuna fiżika Ungeriża jew barranija li jkollha l-kapaċità li tieħu azzjoni u għal kull organizzazzjoni trasparenti skont it-tifsira tal-Att dwar l-Assi Nazzjonali, dment li dawn ikunu jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta; jistgħu jiġu ppreżentati wkoll offerti konġunti. Fil-każ ta’ offerti konġunti għal din l-attività ta’ konċessjoni, l-offerenti jridu jinnominaw wieħed minn fosthom bħala rappreżentant, iżda jassumu obbligazzjoni in solidum għat-twettiq tal-kuntratt ta’ konċessjoni. L-offerenti domestiċi u barranin jitqiesu b’mod ugwali fil-proċedura tal-offerti.

Għall-iskop tat-twettiq tal-attività soġġetta għall-konċessjoni, l-offerent li jiffirma l-kuntratt ta’ konċessjoni (“id-Detentur tal-Konċessjoni”) irid iwaqqaf kumpanija bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Ungerija (“il-Kumpanija tal-Konċessjoni”) bl-użu tar-riżorsi tiegħu stess u fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ konċessjoni; fiż-żmien meta titwaqqaf il-kumpanija u għad-durata tal-operat tagħha, id-Detentur tal-Konċessjoni jrid ikollu l-maġġoranza tal-ishma, tal-interessi tan-negozju u tad-drittijiet tal-vot tagħha u, bħala s-sid, irid jimpenja ruħu li jinforza r-rekwiżiti speċifikati fil-kuntratt ta’ konċessjoni fi ħdanha. Bħala operatur tal-estrazzjoni, il-Kumpanija tal-Konċessjoni se jkollha d-drittijiet u tkun soġġetta għall-obbligi skont il-kuntratt ta’ konċessjoni.

3.   Durata tal-konċessjoni: 20 sena mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ konċessjoni; id-durata oriġinali tista’ tiġi estiża darba, sa massimu ta’ nofs id-durata oriġinali, mingħajr sejħa għall-offerti ulterjuri, jekk id-Detentur tal-Konċessjoni u l-Kumpanija tal-Konċessjoni jkunu kkonformaw mal-obbligi kollha tagħhom, f’konformità mal-kuntratt u fiż-żmien debitu.

4.    Data dwar iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni

Żona ddeżinjata għall-konċessjoni: iż-żona tinsab fil-muniċipalitajiet elenkati fit-tabella hawn taħt fil-kontej ta’ Borsod-Abaúj-Zemplén.

Muniċipalità

Kontea

Sajókápolna

Borsod-Abaúj-Zemplén

Saff ta’ materjal żejjed fuq iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni: is-superfiċe u s-sodda ta’ blat: 500 metru taħt il-livell tal-Baħar Baltiku.

Iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni ma tinkludix iż-żoni mnaddfa biex jagħmlu spazju għal sit ta’ minjiera għall-estrazzjoni tar-riżorsi minerali tal-linjite.

Il-koordinati tal-irkejjen li jiddelimitaw iż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni jinsabu fis-Sistema tal-Projezzjoni Uniformi Nazzjonali, filwaqt li d-data dwar iż-żoni mnaddfa biex jagħmlu spazju għal siti ta’ minjieri stabbiliti għal riżorsi minerali tal-linjite, li mhumiex inklużi fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni, tinsab fis-sit web tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (www.mbfsz.gov.hu) billi tikklikkja fuq il-menu li jinżel “Koncesszió” [“Konċessjonijiet”], kif ukoll fis-sit web tal-Ministeru tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (http://www.kormany.hu/hu/innovacios-es-technologiai-miniszterium).

Daqs taż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni: 0,0506 km2.

Mhumiex inklużi fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni ż-żoni għal siti ta’ minjieri li s-saff ta’ materjal żejjed tagħhom ikun jinsab f’punt ogħla mis-saff ta’ materjal żejjed taż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni, u li s-sodda ta’ blat tagħhom tkun tikkorrispondi mas-sodda ta’ blat taż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni jew tkun testendi aktar ’l isfel minnha.

Il-materja prima li trid tiġi prospettata u prodotta fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni hija kklassifikata taħt il-grupp “Linjite II (orto-linjite)” tal-grupp prinċipali “Faħam” stipulat fid-Digriet tal-Gvern Nru 54/2008 tal-20 ta’ Marzu 2008 dwar il-valuri nominali tal-materji primi minerali u tal-enerġija ġeotermali, u li jiddetermina metodi għall-ikkalkolar ta’ dawn il-valuri.

5.   Tariffa netta minima għall-konċessjoni: HUF 3 000 000 (tliet miljun forint) minbarra l-VAT, iżda fil-proċedura tal-offerti tista’ tiġi ppreżentata offerta għal ammont fiss akbar. Ladarba jiġi ppubblikat ir-riżultat, l-offerent rebbieħ irid iħallas it-tariffa tal-konċessjoni skont l-ammont, il-mod u sad-data speċifikata fil-kuntratt ta’ konċessjoni.

6.   Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni hija soġġetta għall-ħlas ta’ tariffa tal-parteċipazzjoni ta’ HUF 500 000 (ħames mitt elf forint) minbarra l-VAT; dan l-ammont irid jitħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Offerta.

7.   Minbarra li jħallsu t-tariffa tal-parteċipazzjoni, biex l-offerta tagħhom tkun valida, l-offerenti jridu jippreżentaw garanzija tal-offerta ta’ HUF 500 000 (ħames mitt elf forint) sa nofsillejl tal-jum ta’ qabel l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti bħala garanzija li l-offerta hija vinkolanti. Il-garanzija tal-offerta mħallsa tiġi ċeduta lill-Awtorità Kontraenti jekk l-offerent jirtira jew jekk l-offerent jirnexxielu jieħu l-kuntratt iżda mbagħad ma jirnexxilux jikkonkludih, jew inkella jekk ma jħallasx it-tariffa tal-konċessjoni offruta skont l-ammont, il-mod u sal-iskadenza stipulata fil-kuntratt. Il-garanzija tal-offerta trid titħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Offerta.

8.   Ir-rata minima tar-royalty għall-estrazzjoni għall-produzzjoni tal-linjite, pagabbli abbażi tal-kuntratt ta’ konċessjoni, se tkun ta’ 2 % f’konformità mad-deċiżjoni tal-Ministru. Fil-proċedura tal-offerti tista’ tiġi ppreżentata offerta li jitħallas suppliment mar-royalty għall-estrazzjoni, li jekk jintlaħaq qbil dwaru, irid jiġi rreġistrat fil-kuntratt ta’ konċessjoni u jrid jitħallas għad-durata tal-konċessjoni.

9.   Il-kundizzjonijiet u l-informazzjoni legali, finanzjarji, tekniċi u oħrajn relatati mal-proċedura tal-offerti, jinsabu fid-Dokument tal-Offerta.

10.   Id-Dokument tal-Offerta jista’ jinġabar mill-Uffiċċju ta’ Servizz għall-Klijenti tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (Columbus utca 17-23, 1145 Budapest, l-Ungerija; tel. +36 13012900) bejn it-8.00 u s-14.00 f’jiem tax-xogħol, sal-jum ta’ qabel l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti, ladarba tiġi ppreżentata prova dokumentarja adegwata li jkun tħallas il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta. Is-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż se joħroġ ċertifikat f’isem l-akkwirent.

Meta jixtri d-Dokument tal-Offerta, għall-finijiet li jiġi kkuntattjat u li jirċievi l-komunikazzjonijiet, l-akkwirent irid iressaq ukoll Skeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent għall-Konċessjoni, li tista’ titniżżel mis-sit web tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (www.mbfsz.gov.hu) billi tikklikkja fuq il-menu li jinżel “Koncesszió”.

11.   Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta huwa HUF 100 000 (mitt elf forint) minbarra l-VAT, li jrid jitħallas permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont qafas Nru 10032000-01417179-00000000 tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż li jintuża għall-approprjazzjonijiet. Il-messaġġ li jakkumpanja t-trasferiment irid juri l-kodiċi SKLIDV u isem l-akkwirent tad-Dokument tal-Offerta. Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta ma jistax jitħallas bi flus kontanti u la huwa parzjalment u lanqas kompletament rimborsabbli. Jekk id-Dokument tal-Offerta ma jasalx għand l-akkwirent, dan jingħata rifużjoni tal-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Offerta fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti.

12.   L-offerti jistgħu jitressqu biss minn persuni li jkunu xtraw id-Dokument tal-Offerta u li jkunu ħallsu kemm it-tariffa tal-parteċipazzjoni kif ukoll il-garanzija tal-offerta. Jekk titressaq offerta konġunta, ikun biżżejjed li wieħed mill-offerenti jixtri d-Dokument tal-Offerta.

13.   L-offerti jridu jitressqu fiżikament fis-26 ta’ Settembru 2019 bejn l-10.00 u 12.00 fl-Uffiċċju ta’ Servizz għall-Klijenti tas-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż (indirizz: Columbus utca 17-23, 1145 Budapest, l-Ungerija), bl-Ungeriż, kif speċifikat fid-Dokument tal-Offerta.

14.   L-offerta ssir vinkolanti fuq l-offerent minn meta titressaq u tibqa’ vinkolanti sakemm tintemm il-proċedura tal-offerti. L-offerenti ma jistgħux jeskludu l-obbligazzjoni tagħhom jekk ma jirnexxilhomx iżommu mal-offerta tagħhom.

15.   Il-Ministru jirriżerva d-dritt li jiddikjara li l-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni ma rnexxietx. Jekk il-proċedura tal-offerti tiġi ddikjarata li ma rnexxietx, ma tista’ tiġi ppreżentata l-ebda pretensjoni kontra l-Ministru, l-Istat Ungeriż irrappreżentat mill-Ministru, jew il-Ministeru tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija bħala l-post tax-xogħol tal-Ministru.

16.   L-offerent rebbieħ jakkwista d-dritt esklużiv għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-linjite fiż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni għad-durata ta’ din tal-aħħar permezz tal-Kumpanija tal-Konċessjoni li trid tiġi stabbilita bilfors għal dak l-iskop. Ladarba d-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit tal-minjiera ssir definittiva, id-dritt tal-konċessjoni għaż-żona ta’ prospettar ikun ristrett għaż-żona tas-sit tal-minjiera.

17.   Kull offerent jista’ jressaq offerta waħda biss.

18.   Limitu ta’ żmien għall-aġġudikazzjoni tal-offerti għall-konċessjoni: fi żmien 90 jum mill-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti.

19.   L-Awtorità Kontraenti se tiżgura kundizzjonijiet ekwi u mhijiex se tapplika kriterji preferenzjali.

20.   Kriterji għall-aġġudikazzjoni tal-offerta:

I)

Kriterji ta’ valutazzjoni relatati mal-kontenut tal-Programm ta’ Ħidma ta’ Riċerka soġġett għall-konċessjoni:

il-merti professjonali tal-Programm ta’ Ħidma ta’ Riċerka (tfassil ta’ programm immirat għall-prospettar massimu tal-linjite);

id-durata ppjanata tar-riċerka;

l-impenn finanzjarju li jittieħed meta jiġi implimentat il-Programm ta’ Ħidma ta’ Riċerka;

kemm ikunu aġġornati s-soluzzjonijiet tekniċi previsti;

il-miżuri previsti għall-ħarsien tal-ambjent u l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara matul ix-xogħol soġġett għall-konċessjoni;

il-previżjoni ta’ kemm hija maħsuba li tinbeda malajr il-produzzjoni (skont il-liġi, f’inqas minn ħames snin).

II)

Kriterji ta’ valutazzjoni relatati mal-kapaċità tal-offerent li jwettaq il-kuntratt ta’ konċessjoni:

il-kapaċità finanzjarja tal-offerent, id-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa biex jiġi ffinanzjat ix-xogħol li jrid jitwettaq taħt il-konċessjoni, u l-proporzjon ta’ dan li huwa kopert mir-riżorsi proprji;

il-valur totali tax-xogħol imwettaq f’konnessjoni mal-estrazzjoni tal-linjite fit-tliet snin ta’ qabel l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti.

III)

Kriterji ta’ valutazzjoni relatati mal-obbligi finanzjarji meħuda fil-kuntratt ta’ konċessjoni:

it-tariffa netta tal-konċessjoni offruta, imqabbla mat-tariffa minima tal-konċessjoni stabbilita mill-Ministru;

id-daqs tar-royalty offrut għall-estrazzjoni, imqabbel mar-royalty minimu għall-estrazzjoni stabbilit mill-Ministru.

Il-kriterji ddettaljati għall-aġġudikazzjoni u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tax-xogħol tal-konċessjoni u kif dan tal-aħħar għandu jitwettaq u jitlesta, huma speċifikati fid-Dokument tal-Offerta.

21.   Il-kuntratt ta’ konċessjoni

Il-kuntratt ta’ konċessjoni jrid jiġi konkluż fi żmien 90 jum minn meta jitħabbar ir-riżultat. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Ministru darba biss sa massimu ta’ 60 jum.

L-offerent rebbieħ huwa intitolat iwettaq l-attività ekonomika esklużiva kkontrollata mill-Istat (prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni tal-linjite f’żona delimitata) u permessa mill-konċessjoni għad-durata ta’ din tal-aħħar, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-kuntratt ta’ konċessjoni.

Meta jippreżentaw l-offerta, l-offerenti jridu jqisu t-Taqsima 7(1) tad-Digriet tal-Gvern Nru 203/1998 tad-19 ta’ Diċembru 1998 li jimplimenta l-Att ta’ Implimentazzjoni XLVIII tal-1993 dwar l-estrazzjoni, li tiddikjara li fil-każ tal-karburi, id-dritt jew il-permess ta’ prospettar ta’ operatur tal-estrazzjoni jistgħu jkopru total ta’ mhux aktar minn 400 km2 mit-territorju ta’ prospettar flimkien maż-żona ddeżinjata għall-konċessjoni. Meta jkun qed jiġi stabbilit it-territorju ta’ prospettar, irid jitqies ukoll it-territorju ta’ prospettar tal-operatur tal-estrazzjoni li jikkontrolla — skont it-tifsira tal-Att V tal-2013 fil-Kodiċi Ċivili — l-operatur tal-estrazzjoni li jkun jixtieq jikseb id-dritt jew il-permess ta’ prospettar. F’każ ta’ offerti konġunti, kull offerent irid jissodisfa dan il-kriterju b’mod individwali.

L-abbozz tal-kuntratt ta’ konċessjoni huwa mehmuż mad-Dokument tal-Offerta.

22.   L-informazzjoni dwar il-proċedura tal-offerti tista’ tintalab esklużivament bl-Ungeriż u bil-miktub wara li jkun inxtara d-Dokument tal-Offerta, skont il-mod stipulat fid-Dokument stess; is-Servizz Ġeoloġiku u ta’ Estrazzjoni Ungeriż se jpoġġi t-tweġibiet għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha permezz tal-indirizz tal-posta elettronika indikat fuq l-Iskeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent, li tkun tressqet meta jkun inxtara d-Dokument tal-Offerta.

Budapest, Marzu 2019.

Prof. Dr László PALKOVICS

Ministru


(1)  Fid-data li fiha qed tiġi ppubblikata din l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti, il-membru tal-Gvern responsabbli għall-estrazzjoni huwa l-Ministru għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, u l-membru tal-Gvern responsabbli għas-sorveljanza tal-assi tal-Istat huwa l-Ministru mingħajr Portafoll responsabbli għall-Amministrazzjoni tal-Assi Nazzjonali, f’konformità mat-Taqsima 116(3) u 144(1) tad-Digriet tal-Gvern Nru 94/2018 tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar id-dmirijiet u s-setgħat tal-membri tal-Gvern.


Top