IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.7.2019
COM(2019) 330 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar l-Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew
tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021-2027:
Nagħtu Spinta lit-Talent u lill-Kapaċità ta' Innovazzjoni fl-Ewropa
{SEC(2019) 275 final} - {SWD(2019) 330 final} - {SWD(2019) 331 final}
ANNESS
Werrej
1.Introduzzjoni
1.1.L-EIT: strument fundamentali għall-innovazzjoni tal-UE
1.2.Punti ta’ saħħa ewlenin
1.3.Sfidi Ewlenin
2.Ngħollu l-livell: l-EIT fil-perjodu 2021-2027
2.1.Għanijiet
2.2.Il-pożizzjonament f’Orizzont Ewropa
3.Nagħtu spinta lit-Talent u lill-Kapaċità ta’ Innovazzjoni fl-Ewropa
3.1.Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni
3.2.L-għoti ta’ appoġġ għall-kapaċità tal-innovazzjoni tal-edukazzjoni għolja
3.3.Attivitajiet trażversali tal-EIT
3.4.Mit-teorija għall-prattika
3.5.Sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ programmi oħrajn
4.Riżorsi
4.1.Ħtiġijiet tal-baġit
4.2.Impatt (monitoraġġ u evalwazzjoni)
5.Anness 1A
6.Anness 1B
1.Introduzzjoni
Din l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni (ASI) tistabbilixxi l-istrateġija u l-prijoritajiet għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) għall-perjodu 2021-2027. Hija tirrappreżenta d-dokument ta’ politika prinċipali tal-EIT matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u tiddefinixxi l-għanijiet tiegħu, l-azzjonijiet ewlenin, ir-riżultati mistennija u r-riżorsi meħtieġa. L-ASI tiżgura l-allinjament meħtieġ tal-EIT mal-[proposta ta’ Orizzont Ewropa], li huwa l-programm qafas tal-Unjoni li jappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2021-2027. Hija tiżgura wkoll is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet xierqa bejn l-attivitajiet tal-EIT u inizjattivi, politiki u strumenti oħra tal-Unjoni.
L-ASI 2021-2027 hija infurmata bil-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea. Hija tqis l-abbozz ta’ ASI mill-Bord Governattiv tal-EIT sottomess lill-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Diċembru 2017, f’konformità mar-Regolament dwar l-EIT. Tirrifletti wkoll il-[proposta ġdida ta’ Orizzont Ewropa] tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Ġunju 2018 u, b’mod partikolari, ir-rwol ewlieni tal-EIT bħala parti mill-Pilastru (il-Pilastru III) [Innovazzjoni Miftuħa], u l-kontribut tiegħu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inklużi l-miri stabbiliti għall-għanijiet li jirrigwardjaw il-klima, kif ukoll il-kompetittività industrijali Ewropea (il-Pilastru II) u għal xjenza eċċellenti (il-Pilastru I). L-ASI tibni fuq il-lezzjonijiet meħuda matul l-aħħar snin tat-tħaddim tal-EIT u r-riżultati ta’ proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati ewlenin.
L-ASI tqis l-Ippjanar Strateġiku ta’ Orizzont Ewropa sabiex tiżgura l-allinjament mal-attivitajiet tal-Programm Qafas, ma’ programmi rilevanti oħrajn tal-Unjoni u l-konsistenza mal-prijoritajiet u l-impenji tal-UE, kif ukoll iżżid il-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-prijoritajiet u l-programmi ta’ finanzjament reġjonali u nazzjonali.
1.1.L-EIT: strument fundamentali għall-innovazzjoni tal-UE
L-EIT kien stabbilit fl-2008 bl-għan li jikkontribwixxi għall-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli billi jsaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. Huwa kien minn tal-ewwel li integra l-edukazzjoni, in-negozju u r-riċerka (it-trijangolu tal-għarfien) b’enfasi qawwija fuq it-talent intraprenditorjali u l-ħiliet fl-innovazzjoni. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-EIT fl-2018 ikkonfermat li l-loġika predominanti tal-EIT tibqa’ valida u l-mudell tal-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien immexxi mill-innovazzjoni jibqa’ rilevanti.
Deċennju wara l-istabbiliment tal-EIT, ir-ritmu tal-innovazzjoni aċċellera b’mod drammatiku. L-innovazzjoni qed tfassal mill-ġdid is-setturi ekonomiċi, tfixkel in-negozji eżistenti u toħloq opportunitajiet bla preċedent. B’ordni ekonomika globali li qed tinbidel u kompetizzjoni internazzjonali li qed tiżdied, id-dipendenza tal-UE fuq it-talent u l-kapaċità tagħha li tagħmel innovazzjoni qed tikber. Id-disinn konġunt, il-kollaborazzjoni u l-ħolqien konġunt fid-dixxiplini kollha u bejn l-edukazzjoni, in-negozju u r-riċerka qatt ma kienu importanti daqs illum biex jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi globali relatati mat-tibdil fil-klima u l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-trasformazzjoni diġitali, il-bidliet demografiċi jew il-futur tal-kura tas-saħħa u l-ikel.
Bil-[proposta ta’ Orizzont Ewropa] għal Programm Qafas ġdid li jappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha bis-sħiħ sabiex iżżid aktar il-potenzjal ta’ innovazzjoni tal-Ewropa sabiex tkun tista’ tirrispondi għall-isfidi tal-ġejjieni. Ir-rwol distintiv tal-EIT fit-trawwim tal-innovazzjoni billi jlaqqa’ flimkien in-negozju, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili huwa msaħħaħ mill-pożizzjonament tiegħu fil-[Pilastru Ewropa Innovattiva] tal-[proposta ta’ Orizzont Ewropa]. Il-[proposta ta’ Orizzont Ewropa] tirrifletti l-ambizzjoni dejjem tikber tal-UE fir-rigward tal-innovazzjoni u l-ħtieġa li twettaqha.
1.2.Punti ta’ saħħa ewlenin
Sa mit-twaqqif tiegħu, l-EIT stabbilixxa ruħu gradwalment bħala strument ta’ suċċess li jindirizza l-isfidi tas-soċjetà. L-EIT jopera prinċipalment permezz tal-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI), li huma sħubiji Ewropej fuq skala kbira bejn l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tan-negozju u tar-riċerka. Bħalissa hemm tmien KKI li joperaw fl-oqsma li ġejjin: it-tibdil fil-klima, it-trasformazzjoni diġitali, l-enerġija, l-ikel, is-saħħa, il-materja prima, il-mobbiltà urbana u l-manifattura b’valur miżjud (ara l-Figura 2).
Kull KKI hija organizzata madwar ħames sa għaxar ċentri ta’ kolokazzjoni (CLCs) li huma maħsuba sabiex jaġixxu bħala ċentri ġeografiċi għall-integrazzjoni prattika tat-trijangolu tal-għarfien. Huma organizzati u strutturati skont il-kuntest ta’ innovazzjoni reġjonali u nazzjonali rispettiv tagħhom u jibnu fuq netwerk pan-Ewropew ta’ laboratorji, uffiċċji jew kampusijiet eżistenti tas-sħab ewlenin ta’ KKI.
Il-KKI għandhom l-għan li jmexxu l-portafolli tal-attivitajiet tat-trijangolu tal-għarfien permezz ta’:
·Attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ b’komponenti intraprenditorjali b’saħħithom biex iħarrġu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ talenti, inklużi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi mogħtija t-Tikketta tal-EIT, b’mod partikolari fil-livelli ta’ masters u dottorat;
·Attivitajiet li jappoġġjaw l-innovazzjoni biex jiżviluppaw prodotti, proċessi u servizzi innovattivi li jindirizzaw opportunità speċifika ta’ negozju;
·Attivitajiet ta’ appoġġ u ħolqien tan-negozju, bħal skemi ta’ aċċelleratur maħsuba biex jgħinu lill-imprendituri jittraduċu l-ideat tagħhom f’impriżi ta’ suċċess u jħaffu l-proċess ta’ tkabbir.
Il-KKI jirrappreżentaw ekosistemi ta’ innovazzjoni dinamiċi li jipproduċu firxa wiesgħa ta’ riżultati (ara l-Figura 1 hawn taħt).
Figura 1: Riżultati aġġornati tal-EIT, sors: EIT
L-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iżvilupp tat-talent u tal-ħiliet huma fil-qalba tal-mudell tal-EIT. L-ebda azzjoni oħra tal-UE dwar l-innovazzjoni ma tinkludi l-edukazzjoni għolja fil-katina tal-valur tal-innovazzjoni daqs l-EIT. L-aġenda tal-edukazzjoni tal-EIT hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ innovaturi intraprenditorjali u b’ħiliet għolja. Sal-2017, aktar minn 1 700 persuna ggradwata temmew b’suċċess programm bit-tikketta tal-EIT fil-livelli ta’ masters u/jew dottorat, u eluf ipparteċipaw f’attivitajiet u formati ta’ edukazzjoni innovattivi u intraprenditorjali.
L-enfasi fuq l-isfidi globali permezz tal-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien tiddistingwi l-EIT minn strumenti ta’ innovazzjoni oħrajn. Billi jipprovdi għotja għal massimu ta’ 15-il sena lill-KKI, l-EIT qed jilħaq l-għan fit-tul tiegħu li jindirizza l-isfidi globali permezz ta’ prodotti u servizzi innovattivi u jġib benefiċċji konkreti għas-soċjetà u ċ-ċittadini tagħna. L-EIT stabbilixxa wkoll l-għan li l-KKI jsiru finanzjarjament sostenibbli wara 15-il sena, li hija karatteristika unika li twassal għal strument ta’ innovazzjoni orjentat lejn in-negozju u r-riżultati. F’dan il-kuntest, il-KKI jridu jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji li joħolqu dħul sabiex iżommu l-ekosistema ta’ innovazzjoni tagħhom wara l-perjodu kopert mill-ftehim ta’ għotja.
L-approċċ tal-EIT jikkontribwixxi sabiex iseħħu kemm innovazzjonijiet inkrementali kif ukoll distruttivi, jindirizza b’mod effettiv il-fallimenti tas-suq u jgħin fit-trasformazzjoni tal-industriji. Dan jippermetti l-ħolqien ta’ strateġiji tan-negozju fit-tul għall-indirizzar tal-isfidi globali u jgħin sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas li huma essenzjali sabiex ekosistema ta’ innovazzjoni li tiffunzjona sewwa tkompli tikber u sabiex l-innovazzjoni tirnexxi.
L-EIT joffri pjattaforma effiċjenti u effettiva għat-tnedija, it-tkabbir u l-ġestjoni tal-KKI b’effetti qawwija tan-network u riperkussjonijiet pożittivi (ara l-Figura 2 hawn taħt). L-ewwel mewġa ta’ KKI (EIT Diġitali, EIT tal-KKI għall-Klima u EIT InnoEnergy), imnedija fl-2009, hija stabbilita u matura u, wara l-2024, il-ftehimiet qafas ta’ sħubija tagħhom se jiġu tterminati, f’konformità mat-tul massimu tal-għotja. It-tieni u t-tielet ġenerazzjonijiet tal-KKI (EIT Saħħa u EIT Materja Prima (2014), EIT Ikel (2016)) qegħdin jimmaturaw. EIT Mobbiltà Urbana u EIT Manifattura, iż-żewġ KKI iddeżinjati f’Diċembru 2018, qed jibdew l-operazzjonijiet tagħhom fl-2019.
Figura 2: EIT tal-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni, sors: Il-Kummissjoni Ewropea
Permezz tat-tmien KKI tiegħu b’aktar minn 1000 sieħeb min-negozju, ir-riċerka u l-edukazzjoni, l-EIT jirrappreżenta l-akbar ekosistema tal-innovazzjoni appoġġjata mill-UE. L-EIT appoġġja aktar minn 1200 negozju ġdid u impriżi innovattivi, li wassal biex ġie attirat finanzjament estern ta’ aktar minn EUR 890 miljun minn dawk il-kumpaniji u għall-ħolqien ta’ aktar minn 6000 impjieg min-negozji ġodda appoġġjati. Aktar minn 50 % tas-sħab tal-KKI huma mis-settur tan-negozju (l-industrija, l-SMEs u n-negozji ġodda) li juru l-prossimità għas-suq. Iż-żieda fl-għadd ta’ sħab f’kull KKI turi l-attraenza u l-potenzjal fit-tul tal-mudell tal-EIT. Sal-2019, hemm aktar minn 600 negozju, 250 HEI, 200 organizzazzjoni tar-riċerka u aktar minn 50 organizzazzjoni u awtorità tas-soċjetà ċivili li jipparteċipaw fil-KKI tal-EIT.
Fl-isfond tad-disparitajiet reġjonali persistenti fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni, fl-2014 l-EIT nieda Skema ta’ Innovazzjoni Reġjonali (RIS) biex iwessa’ s-sensibilizzazzjoni reġjonali tiegħu lejn pajjiżi innovaturi modesti u moderati. Permezz tal-RIS, l-EIT espanda l-attivitajiet tiegħu madwar l-Ewropa u issa qed joffri opportunitajiet għar-reġjuni bi prestazzjoni baxxa tal-innovazzjoni biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet tat-trijangolu tal-għarfien bħala parti mill-komunità tal-KKI. Dan huwa rifless ukoll fis-sehem tal-finanzjament tal-EIT allokat għas-sħab tal-UE-13 (8,3 % meta mqabbel ma’ 4,8 % f’Orizzont 2020 mill-2018).
Figura 3: L-EIT fl-Ewropa, sors: EIT, 2018
L-EIT seta’ jibqa’ aġli u jiżviluppa l-prinċipji u r-regoli ta’ governanza għall-ġestjoni b’suċċess tal-KKI tiegħu taħt l-umbrella komprensiva ta’ Orizzont 2020, f’konformità mar-Regolament dwar l-EIT. L-indipendenza operattiva tiegħu ppermettietlu jittestja u jimplimenta b’mod effettiv għadd ta’ novitajiet fil-ġestjoni tal-benefiċjarji tiegħu, bħal mekkaniżmu ta’ finanzjament kompetittiv, miri tas-sostenibbiltà finanzjarja u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni speċifiċi.
1.3.Sfidi Ewlenin
L-EIT huwa parti mill-qafas ġenerali ta’ Orizzont Ewropa li għandu l-għan, inter alia, li jwassal impatt xjentifiku, ekonomiku/teknoloġiku u soċjetali sabiex isaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni; li jilħaq il-prijoritajiet tal-politika strateġika tal-Unjoni, irawwem il-kompetittività tiegħu fl-Istati Membri kollha, inkluż fl-industrija tiegħu, u jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfidi globali, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Kundizzjoni ewlenija biex jirnexxi f’dan l-isforz hija li jirrispondi għall-ħtieġa persistenti li tiżdied il-kapaċità tal-innovazzjoni madwar l-Unjoni. B’mod partikolari, hemm tliet sfidi li qed tiffaċċja l-UE u li se jiggwidaw l-azzjonijiet tal-EIT fil-perjodu 2021-2027 kif riflessi mill-għanijiet ġenerali tiegħu.
L-ewwel nett, l-ekonomiji tal-lum qegħdin ikunu mmexxija dejjem aktar mill-ħiliet u l-abbiltajiet tan-nies u tal-organizzazzjonijiet sabiex ibiddlu l-ideat fi prodotti u servizzi. Il-ħiliet fl-innovazzjoni u l-kultura intraprenditorjali jagħmlu d-differenza kollha llum il-ġurnata, b’mod partikolari fl-oqsma teknoloġiċi u xjentifiċi, iżda dejjem aktar ukoll f’dixxiplini oħrajn. Hemm ħtieġa qawwija li tissaħħaħ aktar il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. L-EIT jinsab f’pożizzjoni unika li jwettaq dan fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.
It-tieni nett, il-prossimità fiżika hija fattur abilitanti ewlieni għall-innovazzjoni. L-inizjattivi mmirati biex jiżviluppaw netwerks ta’ innovazzjoni u jipprovdu servizzi li jappoġġjaw il-ħolqien, il-kondiviżjoni u t-trasferiment tal-għarfien, għandhom rwol ewlieni fit-trawwim tal-interazzjonijiet bejn in-negozji, l-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, il-gvernijiet u individwi. Madankollu, il-prestazzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-UE, kif riflessi fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea annwali, ivarjaw b’mod konsiderevoli. Huwa ta’ importanza kruċjali li l-innovazzjoni tkun inklużiva u jkollha l-għeruq tagħha fit-territorji lokali. L-attivitajiet tal-EIT, grazzi għall-approċċ tagħhom “ibbażat fuq il-post”, huma addattati sewwa biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali.
Fl-aħħar nett, l-ekosistemi tal-innovazzjoni vibranti jeħtieġu taħlita ta’ għarfien, infrastruttura u talent. Jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ kundizzjonijiet ta’ qafas għall-kooperazzjoni bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni Ewropej, flimkien ma’ sinerġiji b’saħħithom sabiex jiżguraw l-investiment xieraq u effiċjenti ta’ riżorsi skarsi fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-approfondiment tal-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien permezz tal-KKI eżistenti u dawk ġodda huwa mod ipprovat sabiex jitrawwem ambjent li jwassal għall-innovazzjoni u huwa għan ta’ gwida għall-EIT.
2.Ngħollu l-livell: l-EIT fil-perjodu 2021-2027
L-EIT, bħala parti integrali mill-programm Orizzont Ewropa, se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet u l-prijoritajiet predominanti tiegħu. Il-KKI se jkunu parti mis-Sħubiji Ewropej Istituzzjonalizzati, jiġifieri se jsegwu sett ta’ prinċipji u kriterji taċ-ċiklu tal-ħajja biex jiżguraw approċċ aktar koerenti, miftuħ u mmexxi mill-impatt. Għalhekk, l-għanijiet ġenerali tal-EIT jirriflettu r-rwol ġenerali tal-EIT f’Orizzont Ewropa u l-post tiegħu fil-[Pilastru Ewropa Innovattiva].
2.1.Għanijiet
L-oqsma predominanti ta’ intervent għall-EIT huma definiti fil-[proposta għal Orizzont Ewropa]. L-EIT se jkompli jappoġġja lill-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) tiegħu biex isaħħu l-ekosistemi tal-innovazzjoni li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi globali. Se jagħmel dan billi jrawwem l-integrazzjoni tal-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozju, biex b’hekk joħloq ambjenti li jwasslu għall-innovazzjoni, kif ukoll billi jippromwovi u jappoġġja ġenerazzjoni ġdida ta’ imprendituri u jistimola l-ħolqien ta’ kumpaniji innovattivi f’sinerġija u komplementarjetà mill-qrib mal-KEI. B’mod partikolari, meta jagħmel dan, huwa:
(1)Se jsaħħaħ l-ekosistemi ta’ innovazzjoni sostenibbli madwar l-Ewropa;
(2)Se jrawwem l-innovazzjoni u l-imprenditorija permezz ta’ edukazzjoni aħjar;
(3)Iġib soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi globali għas-suq.
F’konformità mal-isfidi identifikati li qed jiffaċċja l-EIT (deskritti fil-kapitolu 1.3.) u biex jikkontribwixxi għall-għanijiet predominanti msemmija hawn fuq definiti għall-EIT fil-[proposta għal Orizzont Ewropa], l-għanijiet speċifiċi tal-EIT għall-perjodu 2021-2027 huma li:
(a)Iżid l-impatt tal-KKI u l-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien;
(b)Iżid il-kapaċità tal-innovazzjoni tas-settur tal-edukazzjoni għolja billi jippromwovi t-tibdil istituzzjonali fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs);
(c)Iżid is-sensibilizzazzjoni reġjonali tal-EIT biex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali fil-kapaċità tal-innovazzjoni fl-UE kollha.
2.2.Il-pożizzjonament f’Orizzont Ewropa
Billi jaħdem biex jilħaq dawn l-għanijiet, l-EIT se jikkontribwixxi għall-kisba ġenerali tal-impatti xjentifiċi, ekonomiċi/teknoloġiċi u soċjetali ta’ Orizzont Ewropa. Se jkompli jsaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni, li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, billi jrawwem l-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien fl-oqsma ta’ attività tal-KKI. Il-proċess tal-Ippjanar Strateġiku ta’ Orizzont Ewropa se jiżgura allinjament eqreb bejn l-attivitajiet tal-EIT u l-bqija ta’ Orizzont Ewropa. Abbażi tar-rekord ipprovat tiegħu, l-EIT se jkollu rwol importanti fil-Pilastru Innovazzjoni Miftuħa.
Is-sinerġiji b’saħħithom bejn l-EIT u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se jkunu fundamentali għall-impatt tal-Pilastru [Ewropa Innovattiva]. L-EIT u l-KEI se jmexxu attivitajiet komplementarji mmirati biex jissimplifikaw l-appoġġ ipprovdut lill-impriżi innovattivi. Abbażi tal-għarfien espert tal-KKI tiegħu, l-EIT se jipprovdi servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju u sessjonijiet ta’ taħriġ lill-benefiċjarji mogħtija finanzjament mill-KEI.
Barra minn hekk, l-EIT se jiffaċilita l-aċċess tal-benefiċjarji tal-KEI għall-ekosistemi tal-innovazzjoni tal-KKI u l-atturi rilevanti tat-trijangolu tal-għarfien. B’dan il-mod, il-benefiċjarji tal-KEI jistgħu jsiru involuti b’mod attiv fl-attivitajiet tal-KKI u jibbenifikaw mis-servizzi tal-KKI. B’mod parallel, il-benefiċjarji tal-EIT se jkunu jistgħu japplikaw għall-istrumenti tal-KEI, meta l-appoġġ għall-KKI tal-EIT jista’ ma jkunx disponibbli. L-KEI jista’ jgħin lin-negozji ġodda appoġġjati mill-KKI b’potenzjal għoli ta’ tkabbir sabiex jikbru b’mod rapidu. B’mod partikolari, l-aktar impriżi innovattivi appoġġjati mill-KKI jistgħu, jekk jintgħażlu taħt Il-KEI, jibbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju mħallat offrut mill-Aċċelleratur tal-KEI u/jew mill-appoġġ finanzjarju offrut mill-istrumenti ta’ InvestEU.
L-EIT se jiżgura sinerġiji aktar b’saħħithom ukoll ma’ programmi u inizjattivi fil-Pilastru [Xjenza Eċċellenti], biex jitħaffef it-trasferiment tal-għarfien li jirriżulta mir-riċerka mingħajr għan preċiż (blue sky) f’applikazzjonijiet konkreti li minnhom tibbenifika s-soċjetà. B’mod partikolari, fir-rigward tal-Azzjonijiet Marie-Skłodowska-Curie (MSCA), l-EIT se jikkollabora fuq l-iżvilupp tal-innovazzjoni u l-ħiliet intraprenditorjali tas-sħab tal-MSCA.
L-EIT se jikkontribwixxi għall-Pilastru [Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali] u jikkomplementa l-attivitajiet rilevanti maħsuba biex jindirizzaw l-isfidi globali u jżidu l-kompetittività tal-UE fuq skala globali. B’mod partikolari, permezz tal-KKI tiegħu, l-EIT se jfittex li jikkontribwixxi għall-missjonijiet u r-raggruppamenti tematiċi rilevanti u għal Sħubiji Ewropej oħrajn billi jappoġġja notevolment miżuri min-naħa tad-domanda u jipprovdi servizzi ta’ sfruttament sabiex jagħti spinta lit-trasferiment tat-teknoloġija u jħaffef il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati miksuba.
L-EIT se jiżgura l-koerenza mal-linja tal-ekosistemi Ewropej tal-innovazzjoni ta’ Orizzont Ewropa. B’mod partikolari, l-EIT se jieħu sehem attiv fl-attivitajiet tal-Forum tal-KEI u se jistabbilixxi rabtiet bejn il-Komunità tal-EIT u l-attivitajiet rilevanti li jappoġġjaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà tal-azzjonijiet.
Se jiġu esplorati wkoll opportunitajiet għal sinerġiji bejn il-parti tal-Kondiviżjoni tal-Eċċellenza ta’ Orizzont Ewropa u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni appoġġjati mill-EIT. B’mod partikolari, il-pajjiżi fil-mira tal-parti tal-Kondiviżjoni tal-Eċċellenza ta’ Orizzont Ewropa se jkunu jistgħu jużaw l-għarfien espert tal-EIT u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ attivitajiet downstream (jiġifieri qrib is-suq), bħala l-grupp fil-mira għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-EIT.
3.Nagħtu spinta lit-Talent u lill-Kapaċità ta’ Innovazzjoni fl-Ewropa
Rwol imsaħħaħ tal-EIT, permezz ta’ enfasi fuq l-azzjonijiet fejn se jżid il-valur fil-livell tal-UE u jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Orizzont Ewropa, se jiggwida l-istrateġija tal-EIT għall-perjodu 2021-2027. L-ewwel nett, l-EIT se jkompli jappoġġja l-kapaċità għall-innovazzjoni u l-ekosistemi permezz tal-KKI, l-iżvilupp u l-espansjoni ulterjuri tagħhom u permezz tat-tnedija ta’ KKI ġodda. It-tieni, billi jibni fuq l-esperjenza tiegħu bl-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien, l-EIT se jappoġġja direttament l-iżvilupp tal-kapaċità tal-innovazzjoni u intraprenditorjali fis-settur tal-edukazzjoni għolja. Fl-aħħar nett, permezz ta’ miżuri trażversali aktar effettivi, l-EIT se jiżgura li l-impatt tiegħu fil-livell tal-UE jiżdied. Barra minn hekk, l-EIT se jtejjeb ukoll l-operazzjonijiet tiegħu f’għadd ta’ oqsma sabiex iżid l-effettività, l-effiċjenza u l-impatt tiegħu.
3.1.Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni
(1)Appoġġ għall-KKI eżistenti
L-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien mill-EIT u l-KKI fil-livelli tal-UE, tal-Istati Membri, reġjonali u lokali se tibqa’ kompitu ewlieni għat-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni u tagħmilhom sostenibbli, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi globali. L-EIT se jkompli jappoġġja portafoll ta’ KKI (ara l-Figura 2) u se jsaħħaħ aktar il-pjattaforma ta’ suċċess tiegħu għat-tnedija, it-tkabbir u l-ġestjoni tagħhom. Il-KKI se jkomplu joperaw permezz taċ-ċentri ta’ kolokazzjoni (CLC). Il-KKI se jkomplu jsegwu s-sostenibbiltà finanzjarja sabiex jiksbu l-indipendenza finanzjarja mill-għotja tal-EIT fit-tul (wara mhux aktar tard minn 15-il sena) permezz tal-ingranaġġ tal-investiment pubbliku u privat.
L-EIT se jiddedika parti kbira mill-baġit tiegħu sabiex jappoġġja lill-KKI. Huwa se jissorvelja u janalizza l-prestazzjoni tagħhom u jiżgura li dawn jaħdmu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-EIT u tal-Programm Orizzont Ewropa. Minbarra l-appoġġ finanzjarju, abbażi tal-lezzjonijiet meħuda, l-EIT se jipprovdi superviżjoni strateġika lill-KKI, kif ukoll gwida dwar kwistjonijiet orizzontali u speċifiċi, inkluż dwar l-istabbiliment ta’ sinerġiji fi ħdan Orizzont Ewropa u ma’ inizjattivi oħrajn tal-UE. B’mod partikolari, l-EIT se jappoġġja lill-KKI fl-istabbiliment ta’ interkonnessjonijiet u fit-trawwim ta’ attivitajiet konġunti mas-Sħubiji Ewropej rilevanti u ma’ inizjattivi u programmi rilevanti oħrajn tal-Unjoni.
Huwa se jissorvelja wkoll l-għoti tat-Tikketta tal-EIT lill-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-KKI u jesplora mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni tal-kwalità aktar effettiv, inklużi r-rikonoxximent u l-akkreditazzjoni esterni għat-Tikketta tal-EIT.
L-EIT se jiffaċilita servizzi kondiviżi lejn il-KKI u skambji ta’ esperjenzi u prattiki tajbin bejn il-KKI u jrawwem kollaborazzjoni bejniethom (attivitajiet trażversali tal-KKI) kemm fuq suġġetti tematiċi kif ukoll orizzontali. L-attivitajiet trażversali tal-KKI għandhom l-ogħla potenzjal, fejn bosta KKI diġà jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ politika komuni tal-UE fejn ma jeżistux KKI ddedikati. It-tlaqqigħ flimkien tal-komunitajiet differenti tal-KKI f’azzjonijiet konġunti ddedikati ta’ benefiċċju reċiproku għandu potenzjal għoli għal sinerġiji. L-EIT se jagħti spinta lil dawn l-attivitajiet u jieħu sehem attiv fid-definizzjoni tal-kontenut u tal-istruttura tal-attivitajiet trażversali tal-KKI. Huwa se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet trażversali tal-KKI, kif ukoll ir-riżultati miksuba, bl-għan li jagħmel dawk l-attivitajiet parti integrali mill-istrateġiji tal-KKI.
(2)Żieda fl-impatt reġjonali tal-KKI
L-EIT se jkompli jżid l-impatt reġjonali tiegħu permezz ta’ ftuħ imtejjeb lejn is-sħab potenzjali u l-partijiet ikkonċernati u permezz ta’ strateġija reġjonali artikolata aħjar tal-KKI, inkluż b’links għall-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti rilevanti.
L-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali tal-EIT, immexxija mill-EIT u implimentata mill-KKI, sa issa tmexxiet fuq bażi volontarja. Mill-2021 ’il quddiem, l-RIS tal-EIT se ssir parti integrali mill-istrateġija pluriennali tal-KKI. L-EIT se jkompli jipprovdi gwida u appoġġ lill-KKI fit-tħejjija ta’ strateġiji pluriennali tal-RIS tal-EIT u fl-implimentazzjoni tagħhom. L-attivitajiet ta’ RIS tal-EIT se jkomplu b’appoġġ imtejjeb għall-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-pajjiżi u r-reġjuni li ma jagħtux ir-riżultati mistennija f’termini ta’ innovazzjoni. Il-baġit tal-EIT iddedikat għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ RIS tal-EIT se jkun mill-inqas 10 % tal-finanzjament ta’ appoġġ ġenerali mill-EIT lill-KKI, sabiex b’hekk jiżdied l-għadd ta’ msieħba tal-KKI minn reġjuni fil-mira. L-attivitajiet appoġġjati permezz tal-RIS se jkollhom l-għan li:
·itejbu l-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni tal-ekosistema lokali, permezz ta’ attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità u interazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-atturi tal-innovazzjoni lokali (raggruppamenti, netwerks, awtoritajiet reġjonali, HEIs, organizzazzjonijiet tar-riċerka, istituzzjonijiet tal-ETV);
·jgħaqqdu l-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali mal-ekosistemi tal-innovazzjoni pan-Ewropej permezz ta’ kooperazzjoni mal-KKI tal-EIT u ċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tagħhom.
Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni aktar profonda tal-KKI fl-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali, kull KKI se tkun meħtieġa li tiżviluppa u timplimenta strateġija li jkollha l-għan li ssaħħaħ ir-relazzjoni mal-atturi tal-innovazzjoni lokali u reġjonali, u l-EIT se jissorvelja l-implimentazzjoni b’mod attiv. Għandu jiġi integrat approċċ ta’ innovazzjoni “bbażat fuq il-post” fi ħdan l-istrateġija pluriennali u l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-KKI u dan għandu jibni fuq is-CLCs (u l-RIS) tal-KKI, sabiex b’hekk ir-rwol tagħhom jintuża bħala portal għall-aċċess għal komunità ta’ KKI u għall-interazzjoni mas-sħab kolokati. Il-KKI għandhom juru rabtiet ma’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti lokali u mal-attivitajiet ta’ pjattaformi tematiċi rilevanti u inizjattivi interreġjonali, inklużi l-Awtoritajiet Maniġerjali tal-Fondi SIE. L-EIT se jissorvelja wkoll kif joperaw is-CLCs u kif dawn jintegraw fl-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali.
(3)It-tnedija ta’ KKI ġodda
Sabiex jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfidi globali ġodda u emerġenti, l-EIT se jniedi KKI ġodda f’oqsma ta’ prijorità magħżula abbażi ta’ kriterji li jivvalutaw, fost aspetti oħrajn, ir-rilevanza tagħhom għall-prijoritajiet tal-politika ta’ Orizzont Ewropa, u l-valur potenzjali u miżjud tagħhom, li għandhom jiġu indirizzati permezz tal-mudell tal-EIT. It-tnedija ta’ KKI ġodda se tqis l-Ippjanar Strateġiku ta’ Orizzont Ewropa u l-baġit allokat għall-EIT fil-perjodu 2021-2027. Il-kriterji tal-għażla rilevanti għas-Sħubiji Ewropej definiti fl-Anness III tar-[Regolament dwar Orizzont Ewropa] se jiġu inklużi fis-Sejħa għall-proposti tal-KKI u jiġu vvalutati matul l-evalwazzjoni.
Il-lista ta’ oqsma ta’ prijorità għall-KKI futuri hija stabbilita fl-Anness 1A għal din l-ASI.
Abbażi ta’ proposta mill-Bord tat-Tmexxija tal-EIT u analiżi tagħha, l-ewwel KKI fil-qasam tal-Industriji Kulturali u Kreattivi (CCI) hija proposta li titnieda fl-2022 b’sejħa għall-proposti li għandha tiġi ppubblikata fl-2021. Dan il-qasam ta’ prijorità għandu l-aktar komplementarjetà b’saħħitha mat-tmien KKI li diġà ġew imnedija mill-EIT, kif ukoll mal-oqsma ta’ prijorità potenzjali għal Sħubiji Ewropej oħrajn li għandhom jitniedu fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa. Is-CCI huma settur b’potenzjal għoli ta’ tkabbir, ħafna inizjattivi elementari u appell qawwi miċ-ċittadini. Huma inkorporati sewwa fl-ekosistemi lokali u reġjonali tagħhom. Madankollu, is-CCI għadhom settur frammentat ħafna u l-innovaturi u dawk li joħolqu n-negozju ma għandhomx il-ħiliet intraprenditorjali u tal-innovazzjoni meħtieġa. Dawn il-konġestjonijiet jiġu indirizzati bl-aħjar mod minn KKI bis-saħħa tal-approċċ ta’ integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien, il-perspettiva fit-tul u l-approċċ ibbażat fuq il-post tagħha. Skeda informattiva li tiġbor fil-qosor l-isfidi tal-qasam tas-CCI u l-impatt mistenni tal-KKI futura hija inkluża fl-Anness 1B għal din l-ASI.
Abbażi tal-baġit propost għall-EIT, fl-2025 tista’ titnieda t-tieni KKI ġdida b’sejħa li għandha tiġi ppubblikata fl-2024, wara emenda għall-Anness 1A sabiex jiżdiedu oqsma ta’ prijorità ġodda. L-oqsma ta’ prijorità se jintgħażlu fid-dawl tal-proposti tal-Bord tat-Tmexxija tal-EIT. Dawn il-proposti se jqisu l-oqsma ta’ prijorità li għandhom jiġu identifikati fil-Pjan Strateġiku għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta’ Orizzont Ewropa u l-kriterji stabbiliti għall-għażla tas-Sħubiji Ewropej, b’mod partikolari l-ftuħ, it-trasparenza, il-valur miżjud tal-UE, il-koerenza u s-sinerġiji. Il-kriterji għall-għażla tal-KKI ġodda se jiġu allinjati ma’ dawk fl-Orizzont Ewropa. Huma se jappoġġjaw ukoll it-twettiq tal-prijoritajiet tal-politika tal-UE, bħal missjonijiet u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Jistgħu jintgħażlu KKI ġodda oħrajn jekk isir disponibbli baġit addizzjonali għal dak tal-EIT.
|
L-EIT se:
·Jsaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni billi jkompli jappoġġja l-KKI eżistenti fl-indirizzar tal-isfidi globali permezz tal-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien.
·Jiddefinixxi l-oqsma ta’ kollaborazzjoni trażversali tal-KKI aktar b’saħħitha fuq suġġetti ta’ rilevanza strateġika u politika, u jippromwoviha.
·Jiżgura li l-KKI jiżviluppaw u jimplimentaw strateġija sabiex joħolqu kollaborazzjoni u sinerġiji mas-Sħubiji Ewropej rilevanti u ma’ inizjattivi u programmi rilevanti oħra tal-Unjoni.
·Jiżgura li l-KKI jkollhom approċċ inklużiv li jkollu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħhom mal-atturi tal-innovazzjoni lokali, reġjonali u nazzjonali.
·Jiżgura li l-attivitajiet ta’ RIS tal-EIT jiksbu impatt reġjonali akbar u li jkunu integrati b’mod sħiħ fl-istrateġiji pluriennali tal-KKI.
·Iniedi KKI ġodda f’oqsma tematiċi magħżula ta’ importanza strateġika, li jibdew b’KKI fil-qasam tal-Industriji Kulturali u Kreattivi fl-2022.
|
3.2.L-għoti ta’ appoġġ għall-kapaċità tal-innovazzjoni tal-edukazzjoni għolja
Permezz tal-mudell ta’ integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien, l-EIT għen sabiex titnaqqas id-diskrepanza persistenti bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, l-EIT huwa għodda ewlenija għall-iżvilupp tal-kapital uman permezz tal-enfasi distintiva tiegħu fuq l-edukazzjoni intraprenditorjali. Madankollu, l-impatt tal-EIT jibqa’ limitat għas-sħab tal-KKI.
Sabiex jappoġġjaw l-innovazzjoni b’mod aktar wiesa’, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa jeħtieġ li jkunu innovattivi u intraprenditorjali fl-approċċ tagħhom għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-involviment man-negozji u l-ekosistema tal-innovazzjoni lokali usa’, inkluża s-soċjetà ċivili.
L-iżvilupp tal-HEIs f’organizzazzjonijiet aktar innovattivi u intraprenditorjali jeħtieġ strateġija ċara, qafas metodoloġiku u impenn ta’ riżorsi. Abbażi tal-esperjenza tiegħu, l-EIT jinsab f’pożizzjoni unika sabiex jappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità intraprenditorjali u tal-innovazzjoni tal-HEIs taħt Orizzont Ewropa.
L-attivitajiet se jiġu implimentati mill-EIT permezz tal-KKI b’mod miftuħ u mmirat bl-għan li tiżdied il-kapaċità tal-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja sabiex jiġi integrat għadd akbar ta’ HEIs fil-ktajjen ta’ valur tal-innovazzjoni u l-ekosistemi. Dawn l-attivitajiet se jikkomplementaw l-intervent tal-EIT fuq l-edukazzjoni bħala parti ewlenija mill-attivitajiet ta’ Integrazzjoni tat-Trijangolu tal-Għarfien tal-KKI, b’mod partikolari billi dawn isiru aktar miftuħa u aċċessibbli għal dawk li mhumiex sħab tal-KKI. L-impatt tal-EIT ikun jilħaq lil hinn mill-KKI u jikkontribwixxi għall-missjoni ewlenija tal-EIT li tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli u lill-kompetittività billi tissaħħaħ il-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Istati Membri, f’konformità mal-miri ta’ Orizzont Ewropa li jitrawmu ħiliet intraprenditorjali u innovattivi f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, inkluża ż-żieda tal-kapaċitajiet tal-HEIs madwar l-Ewropa.
L-appoġġ tal-EIT se jibni fuq inizjattivi ta’ politika bħall-oqfsa ta’ HEInnovate u RIIA li wrew il-valur tagħhom f’għadd ta’ HEIs u Stati Membri madwar l-UE. L-EIT se jfassal l-attivitajiet ta’ appoġġ f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni sabiex jiżgura l-koerenza u l-komplementarjetà mal-attivitajiet rilevanti fi ħdan Orizzont Ewropa, Erasmus u programmi oħrajn. Id-dettalji speċifiċi tal-proċess tal-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni u twassil se jiġu żviluppati aktar u rfinati fl-ewwel tliet snin u se jkunu soġġetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni matul din il-fażi pilota qabel ma jiżdiedu aktar il-livelli.
L-EIT se jkollu rwol ta’ tmexxija u koordinazzjoni fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-attivitajiet li se jitmexxew mill-KKI. Se tingħata attenzjoni partikolari għall-iżgurar ta’: approċċ inklużiv sabiex jiġu attirati l-HEIs lil hinn mis-sħab tal-KKI; approċċ interdixxiplinarju u intersettorjali; u konnessjoni mal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tal-Kummissjoni Ewropea, mal-pjattaformi tematiċi rilevanti u mal-RIS tal-EIT.
L-EIT se jgħaqqad l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja mat-Tikketta tal-EIT, li bħalissa qed tingħata lill-programmi ta’ edukazzjoni tal-KKI. B’mod partikolari, l-HEIs parteċipanti jistgħu jkunu involuti fl-użu tat-Tikketta tal-EIT. L-EIT se jestendi wkoll it-Tikketta tal-EIT għal attivitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja li jinvolvu u jilħqu grupp fil-mira usa’ ta’ studenti, studenti adulti u istituzzjonijiet (inklużi istituzzjonijiet tal-ETV) lil hinn mill-KKI. L-applikazzjoni tat-Tikketta lil hinn mill-komunità tal-EIT se jkollha effett aktar strutturat fil-livelli kollha (individwali, tal-programm u tal-istituzzjoni).
L-EIT se jimmira b’mod partikolari għall-HEIs minn pajjiżi li huma innovaturi moderati u modesti u minn reġjuni oħrajn bi prestazzjoni baxxa li jixtiequ jsaħħu l-impronta tal-innovazzjoni tagħhom u l-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti. L-EIT se talloka għal din il-miżura mill-inqas 25 % tal-baġit ġenerali allokat għal dawn l-attivitajiet.
|
L-EIT se:
·B’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, ifassal u jniedi attivitajiet maħsuba sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-kapaċità tal-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, li se jiġu implimentati permezz tal-KKI, u li jibdew fl-2021.
·Jintroduċi skema ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jinċentivizza lill-HEIs minn pajjiżi innovaturi modesti u moderati sabiex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-innovazzjoni tagħhom.
·Jipprovdi gwida, għarfien espert u taħriġ speċifiċi lill-HEIs parteċipanti.
·Isaħħaħ u jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tat-Tikketta tal-EIT lil hinn mill-KKI biex jinkludi l-HEIs li jipparteċipaw fl-azzjoni.
|
3.3.Attivitajiet trażversali tal-EIT
(1)Komunikazzjoni
L-EIT se jsaħħaħ il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà tiegħu. B’għadd dejjem jikber ta’ KKI u azzjoni ġdida li tappoġġja l-iżvilupp intraprenditorjali tal-HEIs, l-EIT se jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex iżid ir-rikonoxximent tiegħu bħala marka ta’ kwalità għall-innovazzjoni. Din il-ġestjoni tal-marka u l-komunikazzjoni mtejba huma kruċjali, speċjalment għaċ-ċittadini, billi l-innovazzjonijiet li joħorġu mill-EIT jikkontribwixxu biex juru l-impatt konkret tal-investimenti tal-UE permezz tal-Programm Qafas Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-EIT se japplika strateġija ta’ markar imtejba għall-partijiet ikkonċernati ewlenin tiegħu (HEIs, organizzazzjoni tar-riċerka, negozji, eċċ.) fl-Istati Membri kollha u lil hinn, f’konformità mal-approċċ ta’ komunikazzjoni ta’ Orizzont Ewropa.
Sabiex jiżgura tixrid usa’ u fehim aħjar tal-opportunitajiet offruti mill-EIT, l-EIT se jesplora l-possibbiltà li jsaħħaħ il-gwida u l-assistenza dwar aspetti relatati mal-parteċipazzjoni fil-KKI tal-EIT madwar l-Ewropa billi jibni fuq in-netwerks ta’ informazzjoni eżistenti madwar l-Ewropa.
Sabiex jiġi żgurat li komunità kbira ta’ partijiet ikkonċernati tul it-trijangolu tal-għarfien fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE jkunu konxji mis-sejħiet u l-proġetti ffinanzjati kollha tal-EIT (u l-KKI), dawn se jidhru wkoll fil-Portal Ewropew tal-Opportunitajiet ta’ Offerti u Finanzjament, taħt Orizzont Ewropa.
L-EIT se jorganizza laqgħat regolari tal-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri, kif ukoll servizzi relatati mal-Kummissjoni, mill-inqas darbtejn fis-sena, biex jiżgura komunikazzjoni xierqa u fluss ta’ informazzjoni mal-Istati Membri u fil-livell tal-UE, filwaqt li jżommhom infurmati bil-prestazzjonijiet u l-kisbiet tal-attivitajiet iffinanzjati mill-EIT. Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri għandu jiżgura wkoll appoġġ xieraq biex jikkoordina l-attivitajiet appoġġjati mill-EIT mal-programmi u l-inizjattivi nazzjonali, inkluż il-kofinanzjament nazzjonali potenzjali ta’ dawk l-attivitajiet.
L-EIT se jkompli jmexxi l-Forum tal-Partijiet Ikkonċernati tal-EIT u l-premjijiet tal-EIT biex jippromwovi l-interazzjonijiet ma’ atturi Ewropej tat-trijangolu tal-għarfien u jirrikonoxxi l-aktar imprendituri u innovaturi promettenti fl-Ewropa.
L-EIT se jkompli jmexxi u jipprovdi gwida strateġika lill-Komunità ta’ Alumni tal-EIT (b’kollaborazzjoni mal-Bord tal-Alumni tal-EIT) sabiex jimmassimizza l-impatt intraprenditorjali u soċjetali tiegħu u l-involviment kontinwu tal-membri tiegħu fl-attivitajiet appoġġjati mill-EIT. Matul il-perjodu 2021-2027, il-Komunità se tkompli tikber u tinkludi wkoll l-alumni li jieħdu sehem fl-azzjonijiet li jappoġġjaw il-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni tal-HEIs.
(2)L-identifikazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin mal-partijiet ikkonċernati
L-EIT għandu rwol ewlieni fit-tixrid ta’ prattiki tajbin u t-tagħlimiet meħuda. Il-KKI u l-proġetti li jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-kapaċità intraprenditorjali tal-HEI huma sors siewi ta’ evidenza u tagħlim sperimentali għal dawk li jfasslu l-politika, billi jipprovdu eżempji ta’ prattiki tajbin u appoġġ fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fl-oqsma tematiċi tagħhom.
Sa issa, il-prattiki tajbin u t-tagħlimiet li joħorġu mill-KKI għadhom ma ġewx ikkodifikati biżżejjed u mxerrda b’mod effettiv. Fil-funzjoni ta’ appoġġ tiegħu bħala sieħeb tal-għarfien għal dawk li jfasslu l-politika u għall-komunità kollha tal-innovazzjoni, l-EIT se jkompli jiżviluppa r-rwol tiegħu bħala istitut tal-innovazzjoni li jista’ jiskopri, janalizza, jikkodifika, jikkondividi u jiżgura l-adozzjoni ta’ prattiki innovattivi, lezzjonijiet u riżultati mill-attivitajiet iffinanzjati mill-EIT (l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-appoġġ għall-innovazzjoni, l-appoġġ għall-intraprenditorija) fuq skala usa’. Din l-attività se tibni fuq ir-rabtiet u s-sinerġiji mal-inizjattivi l-oħrajn fi ħdan il-[Pilastru Ewropa Innovattiva] tal-[proposta għal Orizzont Ewropa].
(3)Kooperazzjoni internazzjonali
Fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-EIT, l-EIT se jfittex impatt akbar tal-attivitajiet tiegħu permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali u se jikkoordina l-attivitajiet internazzjonali ffinanzjati mill-EIT mill-KKI. L-enfasi tiegħu se tallinja mill-qrib mal-għanijiet tal-politika industrijali rilevanti tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha u tiżgura l-valur miżjud Ewropew.
Fil-kooperazzjoni internazzjonali tiegħu, l-EIT, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, se jiffoka fuq l-indirizzar effettiv tal-isfidi soċjetali globali, billi jikkontribwixxi għall-inizjattivi internazzjonali rilevanti u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jiżgura l-aċċess għat-talent u provvista u domanda mtejba ta’ soluzzjonijiet innovattivi. L-EIT u l-KKI se jippjanaw u jwettqu l-attivitajiet internazzjonali tagħhom f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, f’konformità mal-approċċ ta’ Orizzont Ewropa u politiki rilevanti oħra tal-UE, u taħt is-superviżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-EIT.
|
L-EIT se:
·Jtejjeb il-viżibbiltà tiegħu permezz ta’ strateġija aktar b’saħħitha ta’ markar lejn il-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri.
·Jiżgura l-viżibbiltà tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea.
·Jesplora l-fattibbiltà għall-użu tan-netwerks ta’ informazzjoni tal-UE eżistenti u jipprovdi koordinazzjoni għall-attivitajiet tagħhom sabiex jiżgura pariri u gwida aħjar lis-sħab potenzjali tal-KKI tal-EIT.
·Jorganizza laqgħat regolari tal-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati Membri sabiex jiżgura komunikazzjoni effettiva u fluss ta’ informazzjoni mal-Istati Membri.
·Iżid il-viżibbiltà tal-azzjoni tiegħu lejn iċ-ċittadini u l-komunità ta’ partijiet ikkonċernati permezz tal-Forum tal-Partijiet Ikkonċernati, il-Premjijiet tal-EIT u l-Alumni tal-EIT.
·Jidentifika, jikkodifika u jikkondividi b’mod effettiv it-tagħlimiet u l-prattiki tajbin li joħorġu mill-attivitajiet iffinanzjati mill-EIT; jinvolvi ruħu mal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak nazzjonali, jistabbilixxi djalogu strutturat u jikkoordina l-isforzi, sabiex jidentifika, jikkondividi u jxerred il-prattiki tajbin u l-lezzjonijiet.
·Jiżviluppa linji wesgħin ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-EIT u tal-KKI taħt is-superviżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-EIT, f’konformità mal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u wara konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni rispettivi.
|
3.4.Mit-teorija għall-prattika
Din it-taqsima tinkludi għadd ta’ miżuri li għandhom l-għan li jadattaw u jtejbu l-funzjonament attwali tal-EIT u tal-KKI. Bord tat-Tmexxija tal-EIT effettiv u strateġiku se jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri fil-livell tal-EIT u se jipprovdi l-inċentivi u l-kontroll meħtieġa, inkluż permezz tal-proċess tal-allokazzjoni ta’ finanzjament, sabiex jiġi żgurat li l-KKI jimplimentawhom.
(4)Mudell operattiv tal-KKI
L-EIT se jipprovdi gwida operattiva lill-KKI u se jissorveljahom fir-rigward tal-konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni tajba, il-prinċipji u l-kriterji stabbiliti għas-Sħubiji Ewropej fir-regolament dwar Orizzont Ewropa u l-allinjament mal-prijoritajiet ta’ Orizzont Ewropa sabiex jimmassimizza l-prestazzjoni u l-impatt tagħhom.
Il-miżuri li jiżguraw il-ftuħ kontinwu tal-KKI u t-trasparenza matul l-implimentazzjoni se jittejbu, b’mod partikolari billi jiġu inklużi dispożizzjonijiet komuni għal membri ġodda li jżidu l-valur għas-sħubiji. Huma se jmexxu wkoll l-attivitajiet tagħhom b’mod kompletament trasparenti. Il-KKI se jibqgħu sħubiji dinamiċi li s-sħab ġodda, inkluż sehem dejjem jikber ta’ SMEs, jistgħu jissieħbu fihom abbażi tal-eċċellenza u l-kapaċità strateġika. Sabiex tiġi limitata l-konċentrazzjoni tal-finanzjament u jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-KKI jibbenifikaw minn netwerk wiesa’ ta’ sħab, il-proċedura għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Direzzjoni tan-Negozju (inkluża l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet, l-għażla tal-attivitajiet u l-allokazzjoni tal-fondi) se ssir aktar trasparenti u inklużiva. Fl-aħħar nett, il-KKI se jżidu s-sehem ta’ sejħiet, b’mod partikolari għal proġetti ta’ innovazzjoni li huma miftuħa għal partijiet terzi. Dawn il-miżuri kollha se jżidu l-għadd ta’ entitajiet parteċipanti involuti fl-attivitajiet tal-KKI. Fl-aħħar nett, il-KKI jenħtieġ li jirrapportaw dwar l-involviment ta’ sħab ġodda fir-rapportar regolari tagħhom.
Hekk kif il-KKI joperaw tul il-katina tal-valur kollha tal-innovazzjoni, huma se jiżguraw bilanċ xieraq tal-attivitajiet tal-edukazzjoni, l-intraprenditorija u l-innovazzjoni fil-portafoll tal-Pjan ta’ Direzzjoni tan-Negozju tagħhom. L-operazzjonijiet tal-KKI se jiġu implimentati permezz ta’ struttura modesta, effiċjenti u kosteffettiva li żżomm għal minimu l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet ġenerali. L-EIT se jiżgura li l-KKI jiksbu l-impatti mistennija tagħhom permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, identifikati fil-Pjanijiet ta’ Direzzjoni tan-Negozju tal-KKI, li jappoġġjaw b’mod effettiv l-issodisfar tal-għanijiet tagħhom.
L-impenji mis-sieħeb ta’ kull KKI matul il-perjodu kuntrattwali tal-inizjattiva se jiġu żgurati permezz tal-monitoraġġ regolari tal-kontribuzzjonijiet tas-sieħeb attwali kontra l-impenji oriġinali. L-EIT se jiżgura li l-KKI jkollhom sistema ta’ ġestjoni tar-riskji fis-seħħ għal każijiet fejn xi sħab ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-impenji oriġinali tagħhom.
|
L-EIT se:
·Jiżgura li l-KKI japplikaw prinċipji stretti ta’ ftuħ u trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla ta’ sħab ġodda u l-proċedura għat-tħejjija tal-Pjanijiet ta’ Direzzjoni tan-Negozju.
·Jiżgura li l-implimentazzjoni tal-KKI tkun f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti rispettivi li joħorġu mir-regolament dwar Orizzont Ewropa.
·Jiżgura bilanċ xieraq fil-Pjanijiet ta’ Direzzjoni tan-Negozju bejn l-attivitajiet tat-trijangolu tal-għarfien.
·Jiżgura li l-KKI jżommu għal minimu l-kostijiet amministrattivi tagħhom.
·Jiżgura t-tranżizzjoni tat-tmien KKI eżistenti lejn it-twettiq tal-kriterji ta’ implimentazzjoni ġodda ta’ Orizzont Ewropa għas-Sħubiji Ewropej.
|
(5)Mudell ta’ finanzjament tal-KKI
Permezz ta’ mudell ta’ finanzjament effiċjenti u ssimplifikat, l-EIT se jtejjeb l-impatt u l-kontribut tal-KKI lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Programm Orizzont Ewropa. Sabiex iżid il-valur miżjud tal-appoġġ tiegħu, l-EIT se jadatta l-mudell ta’ finanzjament tiegħu. Hemm erba’ oqsma ewlenin fejn l-EIT se jimplimenta titjib.
L-ewwel nett, l-EIT se jintroduċi rata ta’ kofinanzjament sabiex iżid il-livelli tal-investimenti pubbliċi u privati. L-adattament tal-mudell ta’ finanzjament se jiffaċilita lill-KKI fit-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà finanzjarja. Se jinċentivahom biex inaqqsu gradwalment, matul il-perjodu tal-ftehimiet qafas ta’ sħubija, is-sehem tal-finanzjament tal-EIT fil-Pjan ta’ Direzzjoni tan-Negozju tagħhom, filwaqt li jżidu l-livell ta’ investiment konġunt minn sorsi mhux tal-EIT. Se jkunu applikabbli rati fissi ta’ kofinanzjament imnaqqas tul il-fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-KKI (il-bidu, iż-żieda, il-maturità, il-ħruġ mill-għotja tal-EIT) kif ippreżentat hawn taħt.
|
|
Bidu
|
Żieda
|
Maturità
|
Ħruġ mill-għotja tal-EIT
|
|
Snin
|
1 – 4
|
5 – 7
|
8 – 11
|
12 – 15
|
|
Ir-rata ta’ kofinanzjament tal-EIT
|
Sa 100 %
|
Sa 80 %
|
Sa 70 %
|
50 % fit-12-il sena, li tonqos b’10 % fis-sena
|
Figura 4: Ir-rati ta’ kofinanzjament tal-EIT għall-perjodu 2021-2027
It-tieni, il-proċess tal-allokazzjoni ta’ għotjiet użati bħalissa se jkun immirat b’mod aktar qawwi lejn il-prestazzjoni u r-riżultati kompetittivi u l-użu ta’ għotjiet pluriennali. Il-Bord tat-Tmexxija tal-IET se jipprovdi inċentivi aktar b’saħħithom lill-KKI, b’mod partikolari abbażi tal-prestazzjoni individwali tagħhom biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ impatt. Għalhekk, l-EIT se jemenda d-dispożizzjonijiet tal-finanzjament kompetittiv tiegħu sabiex itejjeb l-impatt tiegħu bħala parti minn Orizzont Ewropa.
It-tielet, l-EIT se japplika regoli stretti għat-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta’ rieżami qabel l-iskadenza tal-ewwel perjodu inizjali ta’ 7 snin ta’ operazzjonijiet tal-KKI. Dan ir-rieżami ta’ nofs it-terminu, li jrid jitwettaq bl-għajnuna ta’ esperti esterni, jenħtieġ li jkun konformi mal-aħjar prattika internazzjonali, skont il-kriterji ta’ Orizzont Ewropa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-Sħubiji Ewropej, u jseħħ qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali ta’ seba’ snin. Bħala riżultat tar-rieżami, il-Bord tat-Tmexxija se jiddeċiedi li jew ikompli l-kontribuzzjoni finanzjarja lil KKI, jew inkella jwaqqafha (b’hekk ma jiġix estiż il-ftehim qafas ta’ sħubija ma’ dik il-KKI) u jerġa’ jalloka r-riżorsi għal attivitajiet bi prestazzjoni aħjar.
Fl-aħħar nett, l-EIT se jkompli bl-isforzi tiegħu lejn is-simplifikazzjoni sabiex itaffi l-piż amministrattiv bla bżonn tal-KKI, billi jippermetti l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Direzzjoni tan-Negozju annwali u tal-istrateġija pluriennali tagħhom b’aġilità u b’mod effiċjenti. Dan se jinkludi l-użu ta’ somma f’daqqa jew kostijiet unitarji għall-attivitajiet tal-KKI rilevanti. Barra minn hekk, sabiex jipprovdi ppjanar aħjar tar-riżorsi, b’mod partikolari tal-attivitajiet ta’ innovazzjoni, kif ukoll sabiex jiffaċilita impenn aktar b’saħħtu u investiment fit-tul mis-sħab li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-KKI, l-EIT se jiffirma ftehimiet ta’ għotja pluriennali mal-KKI, meta jkun xieraq, taħt il-ftehimiet qafas ta’ sħubija rispettivi. Dawn il-ftehimiet ta’ għotja pluriennali jenħtieġ li ma jaqbżux it-tliet snin.
|
L-EIT se:
·Jimplimenta mudell ta’ finanzjament ġdid imfassal sabiex jinċentiva l-impenn mis-sħab tal-KKI.
·Itejjeb kontinwament il-mudell ta’ finanzjament billi jissimplifika l-prattiki ta’ rapportar tal-KKI u, meta jitqies bħala xieraq, jiffirma ftehimiet ta’ għotja pluriennali mal-KKI taħt il-ftehimiet qafas ta’ sħubija rispettivi.
·Jadatta l-proċess kompetittiv tal-allokazzjoni ta’ għotjiet sabiex jippremja l-prestazzjoni u r-riżultati.
·Isaħħaħ ir-rieżami komprensiv tal-prestazzjoni ta’ kull KKI qabel l-iskadenza tas-seba’ sena ta’ attività tagħhom sabiex jappoġġja deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija dwar il-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni tal-appoġġ finanzjarju tagħhom, f’konformità mal-qafas ta’ Orizzont Ewropa għas-Sħubiji Ewropej.
|
(6)Ir-relazzjoni tal-EIT mal-KKI wara t-terminazzjoni tal-ftehim qafas ta’ sħubija
Soġġett għal studju indipendenti fil-fond b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, sal-aħħar tal-2023, l-EIT se jiddefinixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-KKI li se jieqfu jirċievu għotjiet ta’ appoġġ matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. Soġġett għal eżitu pożittiv ta’ rieżami finali, l-EIT jista’ jikkonkludi “Memorandum ta’ Kooperazzjoni” ma’ kull KKI, bl-għan li jżomm kooperazzjoni mal-KKI wara t-terminazzjoni tal-ftehim qafas ta’ sħubija. Dan il-Memorandum jenħtieġ li jinkludi, inter alia, drittijiet u obbligi marbuta ma’:
·l-użu tal-marka tal-EIT, il-parteċipazzjoni fil-Premjijiet tal-EIT u f’inizjattivi oħra organizzati mill-EIT;
·l-użu tat-Tikketta tal-EIT għall-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ;
·il-parteċipazzjoni f’sejħiet kompetittivi tal-EIT għal attivitajiet trażversali tal-KKI u servizzi kondiviżi;
·ir-relazzjonijiet mal-Komunità tal-Alumni tal-EIT.
|
L-EIT se:
·Jiżviluppa l-prinċipji ġenerali għar-relazzjoni mal-KKI wara t-terminazzjoni tal-ftehim qafas ta’ sħubija, f’konformità mal-qafas ta’ Orizzont Ewropa għas-Sħubiji Ewropej;
·Jikkonkludi, soġġett għal rieżami finali pożittiv u deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-EIT, Memoranda ta’ Kooperazzjoni mal-KKI sabiex jinżammu bħala membri attivi tal-Komunità tal-EIT.
|
3.5.Sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ programmi oħrajn
Billi jibni fuq l-ambitu wiesa’ tal-azzjoni u r-rwol distintiv tiegħu, l-EIT jinsab f’pożizzjoni tajba sabiex joħloq sinerġiji u jipprovdi komplementarjetajiet ma’ programmi jew strumenti oħrajn tal-UE, inkluż billi jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu lill-KKI fl-attivitajiet ta’ ppjanar u implimentazzjoni tagħhom. Il-lista ta’ hawn taħt toffri eżempji konkreti fejn l-EIT se jikkontribwixxi għal sinerġiji għal żmien medju sa twil lil hinn minn Orizzont Ewropa.
Erasmus
·L-Erasmus u l-EIT se jistabbilixxu sinerġiji bejn il-komunitajiet rispettivi tagħhom. Il-kooperazzjoni se tkun immirata lejn l-iżgurar tal-aċċess għall-istudenti tal-Erasmus li jipparteċipaw f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja sħab tal-KKI għall-iskejjel tas-sajf tal-KKI jew għal attivitajiet ta’ taħriġ rilevanti oħrajn (pereżempju, dwar l-intraprenditorija u l-ġestjoni tal-innovazzjoni) u sabiex jiġu stabbiliti kuntatti man-netwerk ta’ alumni tal-KKI.
·L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu wkoll l-għoti ta’ taħriġ mill-EIT/KKI lill-persunal akkademiku (li ġej mill-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja kollha, lil hinn mill-KKI) għall-kurrikuli li jintegraw l-intraprenditorija u l-innovazzjoni, kif ukoll l-ittestjar, l-adozzjoni u ż-żieda ta’ prattiki innovattivi żviluppati fi ħdan in-netwerks tal-Erasmus (bħall-Alleanzi ta’ Għarfien bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u n-negozji) minn KKI u viċi versa.
·Fejn possibbli, se jiġu żgurati sinerġiji mal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, li jistgħu jgħinu fl-integrazzjoni tal-attivitajiet edukattivi tal-EIT sabiex jintlaħaq impatt sistemiku.
Programm Ewropa Diġitali (DEP)
·Iċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tal-KKI se jikkollaboraw maċ-Ċentri Ewropej ta’ Innovazzjoni Diġitali sabiex jappoġġjaw it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku.
·Se jiġu esplorati l-fattibbiltajiet sabiex jintużaw l-infrastrutturi u l-kapaċitajiet żviluppati fi ħdan id-DEP (eż. ir-riżorsi tad-data u l-libreriji tal-algoritmi ta’ intelliġenza artifiċjali; ċentri ta’ kompetenza tal-informatika bi prestazzjoni għolja fl-Istati Membri) mill-KKI fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll għall-finijiet ta’ ttestjar u dimostrazzjoni fi proġetti ta’ innovazzjoni.
Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew)
·Il-KKI tal-EIT, permezz taċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tagħhom u l-entitajiet tal-RIS, se jippromwovu kooperazzjoni reġjonali u transreġjonali bejn l-atturi tat-trijangolu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka, in-negozju) u l-awtoritajiet maniġerjali, f’sinerġija mal-kooperazzjoni interreġjonali u l-investimenti tul il-ktajjen tal-valur f’oqsma ta’ prijoritajiet ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u l-ħidma tal-pjattaformi tematiċi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. L-EIT se jesplora wkoll il-kontribut għall-inizjattivi ta’ żvilupp tal-ħiliet taħt il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni permezz ta’ skambju tal-aħjar prattiki.
·Il-KKI tal-EIT se jippromwovu l-kollaborazzjoni mal-Pjattaformi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, b’mod partikolari l-proġetti li għandhom esperjenza fil-ħidma mal-Awtoritajiet Maniġerjali tal-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, sabiex jiffaċilitaw is-sinerġiji bejn ir-riżorsi tal-EIT, il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u programmi reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropej oħrajn.
InvestEU
·Il-KKI tal-EIT se jfittxu l-kollaborazzjoni taċ-Ċentru Konsultattiv InvestEU sabiex jipprovdu appoġġ tekniku u assistenza lill-impriżi appoġġjati mill-KKI għat-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġetti.
·Il-KKI tal-EIT se jikkontribwixxu għall-alimentazzjoni tal-Portal InvestEU biex iqarrbu lill-investituri lejn l-impriżi appoġġjati mill-KKI, b’kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni.
Ewropa Kreattiva
·Il-Programm ġdid Ewropa Kreattiva se jkun speċifikament rilevanti għall-attivitajiet ta’ KKI futura dwar is-CCI. Se jiġu żviluppati sinerġiji u komplementarjetajiet b'saħħithom mal-programm f’oqsma bħall-ħiliet kreattivi, l-impjiegi u l-mudelli tan-negozju.
Programm tas-Suq Uniku (COSME)
·Il-KKI se jfittxu kooperazzjoni man-Netwerk Enterprise Europe (EEN) u mal-Gruppi Settorjali tiegħu sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn negozju u ieħor, it-trasferiment tat-teknoloġija u s-sħubiji ta’ innovazzjoni għal imprendituri li jixtiequ jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fl-UE kollha u lil hinn minnha. L-organizzazzjonijiet tal-EEN se jippromwovu l-attivitajiet tal-KKI tal-EIT fost l-SMEs klijenti tagħhom. L-EIT se jesplora l-kooperazzjoni mal-programmi ta’ mobbiltà għall-imprendituri ġodda sabiex itejbu l-ħiliet intraprenditorjali tagħhom.
4.Riżorsi
4.1.Ħtiġijiet tal-baġit
Il-ħtiġijiet tal-baġit tal-EIT fil-perjodu 2021-2027 huma ta’ EUR [3 000] miljun u huma bbażati fuq tliet komponenti ewlenin: 1) in-nefqa għat-tmien KKI eżistenti (li tirrifletti li, għal tlieta minnhom, il-ftehimiet qafas ta’ sħubija se jiġu fi tmiemhom sal-2024) u t-tnedija ta’ żewġ KKI ġodda (fl-2022 u fl-2025); 2) it-tnedija ta’ azzjoni ġdida ta’ appoġġ u koordinazzjoni tal-EIT; u 3) in-nefqa amministrattiva.
Madwar EUR [2 500] miljun (83,3 % tal-baġit totali tal-EIT) huma previsti biex jiffinanzjaw il-KKI eżistenti u ġodda u jinkludu EUR [200] miljun għall-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali. Permezz tal-introduzzjoni ta’ rata ta’ kofinanzjament, il-KKI huma mistennija li jimmobilizzaw EUR [1 500] miljun oħra minn sorsi pubbliċi u privati oħrajn. Il-baġit għat-tnedija ta’ żewġ KKI ġodda (li jridu jitnedew fl-2022 u fl-2025, rispettivament) se jkun ta’ madwar EUR [300] miljun. Jekk ikun disponibbli baġit addizzjonali għal dak tal-EIT, l-EIT jista’ jniedi wkoll KKI addizzjonali.
L-EIT se jniedi azzjoni ġdida ta’ appoġġ sabiex tgħin fl-iżvilupp tal-kapaċità intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni tal-HEIs. Din l-azzjoni se tirrikjedi servizzi orizzontali ta’ ġestjoni u monitoraġġ tal-proġetti. Madwar EUR [400] miljun mill-baġit tal-EIT (massimu ta’ 14 %) huma meħtieġa biex jiġu implimentati dawn l-attivitajiet, b’EUR [120] miljun iddedikati għall-fażi tal-bidu (l-ewwel tliet snin) u l-bqija għall-fażi taż-żieda (l-aħħar erba’ snin)
L-EIT se jkompli jkun organizzazzjoni effiċjenti u dinamika. Il-kostijiet tan-nefqa amministrattiva, li jkopru l-kostijiet neċessarji tal-persunal, amministrattivi, tal-infrastruttura u operazzjonali, se jiżdiedu, iżda bħala medja, ma jaqbżux it-3 % tal-baġit tal-EIT. Parti min-nefqa amministrattiva hija koperta mill-Ungerija permezz tal-forniment ta’ spazju għal uffiċini mingħajr ħlas sal-aħħar tal-2029. Għalhekk, fuq din il-bażi, in-nefqa amministrattiva se tkun ta’ madwar EUR 73 miljun għall-perjodu 2021-2027. It-tqassim tal-baġit huwa ppreżentat hawn taħt:
4.2.Impatt (monitoraġġ u evalwazzjoni)
Il-kejl tal-impatt tal-EIT se jittejjeb kontinwament matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss billi jitqiesu l-lezzjonijiet meħuda u l-esperjenzi miksuba sa issa. L-EIT se japplika qafas ta’ evalwazzjoni, rapportar u monitoraġġ li jiżgura l-koerenza mal-approċċ ġenerali meħud għal Orizzont Ewropa, filwaqt li jaħseb għall-flessibbiltà. B’mod partikolari, iċ-ċrieki vizzjużi bejn il-Kummissjoni, l-EIT u l-KKI se jittejbu biex l-għanijiet jiġu indirizzati b’mod konsistenti, koerenti u effiċjenti.
Evalwazzjoni
L-evalwazzjonijiet perjodiċi tal-attivitajiet tal-EIT, inklużi dawk ġestiti permezz tal-KKI, se jitwettqu mill-Kummissjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-EIT u r-Regolament dwar Orizzont Ewropa. Dawn l-evalwazzjonijiet se jivvalutaw l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tal-attivitajiet tal-EIT, inklużi l-KKI. Se jkunu bbażati fuq evalwazzjonijiet esterni indipendenti u se jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet ġenerali ta’ nofs it-terminu u ex-post ta’ Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, kull KKI se tkun soġġetta għal rieżami bir-reqqa mill-EIT qabel tmiem is-7 u l-14-il sena tal-operat taħt il-Ftehimiet ta’ Sħubija Qafas.
Rapportar u Monitoraġġ
Ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-prestazzjoni operattiva tal-KKI u r-riżultati tagħhom se jkunu kompitu primarju tal-EIT u se jiġu implimentati b’kooperazzjoni mas-servizzi korporattivi komuni ta’ Orizzont Ewropa. Is-sistema ta’ rapportar u monitoraġġ għall-KKI se tkun inkorporata fis-sistema ta’ monitoraġġ ġenerali ta’ Orizzont Ewropa, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta’ mudelli ta’ data komuni, inkluż il-ġbir tad-data. Il-Kummissjoni se tieħu sehem fit-tfassil konġunt tal-indikaturi u l-għodod tal-impatt u tal-monitoraġġ rilevanti kollha żviluppati jew applikati mill-EIT sabiex tiżgura l-kompatibbiltà u l-konsistenza mas-sistema ta’ monitoraġġ ġenerali ta’ Orizzont Ewropa, inklużi l-mogħdijiet tal-impatt ewlenin, il-qafas tal-kriterji għas-Sħubiji Ewropej u l-Proċess tal-Ippjanar Strateġiku. Barra minn hekk, l-EIT se jqis l-iskjerament tal-metodoloġija tar-Radar tal-Innovazzjoni f’Orizzont Ewropa, u se jesplora kif ir-Radar tal-Innovazzjoni jista’ jintuża mill-KKI għat-titjib tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tiegħu.
B’mod ġenerali, se tkun ir-responsabbiltà tal-EIT li jissorvelja regolarment il-prestazzjoni operattiva tal-KKI u li jadatta kontinwament is-sistemi ta’ monitoraġġ tiegħu f’konformità mal-qafas ta’ monitoraġġ u rapportar ta’ Orizzont Ewropa għas-Sħubiji Ewropej u b’kooperazzjoni mas-servizzi korporattivi komuni ta’ Orizzont Ewropa. Ir-riżultati ta’ tali monitoraġġ se jiġu inkorporati fil-proċessi tal-ippjanar tan-negozju tal-KKI u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EIT dwar l-allokazzjoni tal-baġit u t-tħejjija tal-ftehimiet ta’ sħubija qafas mal-KKI bħala benefiċjarji.
L-attivitajiet tal-EIT, inklużi dawk ġestiti permezz tal-KKI, huma mistennija li jkollhom
(1)impatt ekonomiku/ta’ innovazzjoni billi jinfluwenzaw il-ħolqien u t-tkabbir tal-kumpaniji, kif ukoll il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet innovattivi ġodda sabiex jiġu indirizzati l-isfidi globali, jinħolqu impjiegi diretti u indiretti u jiġu mmobilizzati investimenti pubbliċi u privati oħrajn;
(2)impatt xjentifiku u edukattiv billi jsaħħu l-kapital uman fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi jtejbu l-ħiliet innovattivi u intraprenditorjali kemm fil-livell individwali kif ukoll f’dak organizzazzjonali, kif ukoll billi jrawmu t-tixrid tal-għarfien u l-innovazzjoni b’mod miftuħ fis-soċjetà;
(3)impatt soċjetali billi jindirizzaw il-prijoritajiet tal-politika tal-UE fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-materja prima, is-saħħa jew l-ikel permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi, involviment maċ-ċittadini u mal-utenti finali u billi jsaħħu l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi f’dawn l-oqsma fis-soċjetà.
It-tabella ta’ hawn taħt tipprovdi l-lista mhux eżawrjenti ta’ indikaturi tal-ġestjoni u l-miri tagħhom li jiġu ssorveljati mill-EIT fil-perjodu 2021-2027. Dawn l-indikaturi jipprovdu l-orjentazzjonijiet ewlenin tal-input u tal-output għall-monitoraġġ tal-kisba tal-għanijiet ewlenin tal-EIT għall-perjodu 2021-2027, bħalma huma t-trawwim tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija permezz ta’ edukazzjoni aħjar, iż-żieda tal-impatt reġjonali u l-ftuħ tiegħu lejn is-sħab potenzjali u l-partijiet ikkonċernati, u jinġiebu soluzzjonijiet innovattivi ġodda għall-isfidi globali għas-suq.
Se jiġu żviluppati indikaturi addizzjonali, inklużi indikaturi tal-impatt soċjetali fl-oqsma ta’ attività tal-KKI, mill-EIT flimkien mal-Kummissjoni f’konformità mal-iżvilupp tal-qafas tal-indikaturi tal-programm Orizzont Ewropa u se jirriflettu l-approċċ ġenerali għas-Sħubiji Ewropej sabiex jikkontribwixxu għall-impatt xjentifiku, ekonomiku u soċjetali. B’mod ġenerali, l-allinjament tal-indikaturi tal-impatt ma’ Orizzont Ewropa se jkollu l-għan li jissorvelja l-progress lejn l-għanijiet stabbiliti matul iż-żmien. Dan se jiżgura bażi ta’ evidenza komparattiva dwar ir-riżultati u l-impatti ġġenerati mill-KKI vis-à-vis il-bqija tal-programm. Barra minn hekk, l-EIT se jiżgura li s-sistema ta’ monitoraġġ tiġbor il-progress fir-rigward tal-attivitajiet speċifiċi għall-mudell tal-KKI, bħall-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien u l-ħiliet intraprenditorjali. Dawn l-indikaturi addizzjonali għandhom jimmiraw li jissorveljaw il-progress u l-impatt matul iż-żmien. Pereżempju, l-indikaturi dwar l-attivitajiet relatati mal-edukazzjoni tal-EIT (inklużi dawk li jappoġġjaw il-kapaċitajiet tal-HEIs) għandhom jimmonitorjaw l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet tal-kapital uman (għal żmien qasir), il-karriera (għal żmien medju) u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (għal żmien twil), l-involviment tal-HEIs u t-titjib tal-kapaċità (għal żmien qasir) jew ir-rwol u l-prestazzjoni tal-HEIs fl-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali (għal żmien medju u twil).
|
Indikaturi tal-Ġestjoni tal-EIT
|
Mira 2023
(linja bażi 2020)
|
Mira 2027
(linja bażi 2020)
|
|
Nru. ta’ entitajiet/organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI
|
Żieda ta’ 20 %
|
Żieda ta’ 50 %
|
|
Nru. ta’ innovazzjonijiet (prodotti u servizzi) imnedija fis-suq
|
1 500
|
4 000
|
|
Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja involuti fl-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI
|
300, li minnhom 100 huma mill-azzjoni ġdida dwar l-edukazzjoni
|
750, li minnhom 450 huma mill-azzjoni ġdida dwar l-edukazzjoni
|
|
Nru. ta’ studenti involuti fl-attivitajiet ta’ edukazzjoni tal-EIT u tal-KKI
|
10 000
|
30 000
|
|
Nru. ta’ negozji ġodda appoġġjati
|
300
|
700
|
|
Kofinanzjament tal-KKI
|
EUR 700 miljun
|
EUR 1 500 miljun
|
|
Nru. ta’ entitajiet/organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-EIT u tal-KKI minn reġjuni barra r-reġjuni CLC tal-KKI
|
Żieda ta’ 50 %
|
Żieda ta’ 100 %
|
L-EIT se jiżgura li d-data li jiġbor permezz tas-sistema ta’ monitoraġġ intern tiegħu, inklużi r-riżultati mill-KKI, ikunu integrati bis-sħiħ fis-sistema ġenerali tal-ġestjoni tad-data tal-programm Orizzont Ewropa. L-EIT se jiżgura li l-informazzjoni dettaljata li tirriżulta mill-proċess ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tiegħu tiġi magħmula disponibbli fil-ħin u tkun aċċessibbli f’bażi ta’ data elettronika komuni dwar l-implimentazzjoni ta’ Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, l-EIT se jiżgura rapportar iddedikat dwar l-impatti kwantitattivi u kwalitattivi, inkluż dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji impenjati u effettivament ipprovduti.
|
L-EIT se:
·Jtejjeb is-sistemi ta’ monitoraġġ attwali tiegħu u jintroduċi qafas ta’ rapportar u monitoraġġ, inklużi indikaturi tal-impatt, allinjati mal-Mogħdijiet Ewlenin tal-Impatt tal-[programm Orizzont Ewropa].
·Jimmonitorja regolarment il-prestazzjoni operattiva tal-KKI u l-outputs, ir-riżultati u l-progress tagħhom lejn l-impatt f’konformità mal-[qafas ta’ Orizzont Ewropa].
·Jiżgura l-iżvilupp tal-indikaturi soċjetali speċifiċi fl-oqsma ta’ attività tal-KKI u l-monitoraġġ regolari tiegħu f’konformità mal-qafas ta’ Orizzont Ewropa għall-impatt soċjetali.
·Jiżgura r-rapportar dwar l-impatti kwantitattivi u kwalitattivi, inkluż dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji.
·Jiżgura l-aċċess għar-riżultati u għad-data tal-proġett mill-KKI u jintegrahom fis-sistema ġenerali tar-rapportar u l-ġestjoni tad-data tal-programm Orizzont Ewropa.
|
5.Anness 1A
Oqsma ta’ prijorità għat-tnedija ta’ Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni ġodda.
1. Industriji Kulturali u Kreattivi
6.Anness 1B
Skeda informattiva dwar il-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni “Industriji Kulturali u Kreattivi”
(7)L-Isfida
L-Industriji Kulturali u Kreattivi (CCI) jistgħu jġibu soluzzjoni orizzontali għal firxa ta’ sfidi li qegħdin jiżdiedu, li huma ta’ natura permanenti, u jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Dawn l-isfidi jistgħu jinġabru f’erba’ pilastri: 1) Il-kreattività, id-diversità kulturali u l-valuri tal-Ewropej; 2) L-identità u l-koeżjoni Ewropej; 3) L-impjiegi, ir-reżiljenza ekonomika u t-tkabbir intelliġenti tal-Ewropa; u 4) l-Ewropa bħala attur globali.
Il-kreattività u d-diversità kulturali tal-Ewropej jiddependu fuq setturi kulturali u kreattivi reżiljenti u robusti. Madankollu, dawk is-setturi, partikolarment is-settur awdjoviżiv jew tal-mużika, qed jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi bħala riżultat taż-żieda fil-kompetizzjoni mill-parteċipanti globali u l-bidla diġitali.
·Il-produtturi, id-distributuri, ix-xandara, it-teatri taċ-ċinema u t-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet kulturali jeħtieġ li jinnovaw sabiex jattiraw ġenerazzjonijiet ġodda ta’ udjenzi.
·In-nuqqas ta’ ħiliet intraprenditorjali u trażversali fis-CCI jikkonċerna kemm is-subsetturi emerġenti kif ukoll dawk maturi ħafna li jgħaddu minn trasformazzjoni diġitali profonda. Dawn il-ħiliet huma meħtieġa għall-innovazzjoni u kruċjali fid-dawl tal-bidliet fis-suq tax-xogħol li qed jiffaċċja s-settur.
L-isfidi tas-soċjetà relatati mal-identità u l-koeżjoni Ewropej ġeneralment jistgħu jiġu deskritti f’termini ta’ nuqqas ta’ “pontijiet” li jgħaqqdu partijiet differenti tas-soċjetà, inklużi territorji differenti. Dawn jinkludu kwistjonijiet relatati mal-esklużjoni soċjali, il-ħtieġa li jinbnew konnessjonijiet interkulturali aktar mill-qrib u li jiġi żviluppat sens ta’ appartenenza komuni abbażi tad-diversità kulturali u l-wirt komuni tagħna, li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ aktar parteċipazzjoni tal-komunità, innovazzjonijiet fid-disinn, arkitettura u l-użu ta’ spazji pubbliċi, kif ukoll innovazzjoni soċjali mmexxija mill-kultura. B’mod partikolari:
·Hemm kooperazzjoni limitata bejn ir-riċerkaturi u bejn ir-riċerka u l-industrija, kif ukoll koordinazzjoni insuffiċjenti tal-isforzi fir-riċerka u l-iżvilupp, il-kondiviżjoni tal-metodi, ir-riżultati u l-aħjar prattiki. Barra minn hekk, ħafna mir-riċerka fis-CCI ma ġietx tradotta, li twassal għal repetizzjoni, billi r-riċerkaturi ta’ spiss ma jkunux jafu bi proġetti simili.
·Il-livell ta’ integrazzjoni ta’ raggruppamenti kreattivi u ċentri ta’ innovazzjoni huwa insuffiċjenti.
·Sehem sinifikanti tal-prijoritajiet reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fl-Ewropa jirreferi għall-kultura taħt angoli differenti (eż. il-wirt kulturali, l-industriji kreattivi, eċċ.). Minħabba r-rwol importanti tal-kultura u tal-kreattività għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-bliet u r-reġjuni u l-abbiltà tagħhom li jgħinu aktar sabiex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ disparità madwar l-Ewropa, il-potenzjal tal-KKI fis-CCI huwa għoli.
L-isfidi relatati mal-impjiegi, ir-reżiljenza ekonomika u t-tkabbir intelliġenti tal-Ewropa jinkludu kwistjonijiet ekonomiċi bħall-qgħad (speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ) u l-kompetizzjoni globali.
·Hemm konċentrazzjoni għolja fis-suq: - madwar 50 % tal-fatturat totali u tal-valur miżjud jiġi ġġenerat fil-Ġermanja, fir-Renju Unit u fi Franza.
·L-industriji Ewropej iridu jaffaċjaw l-isfidi tad-diġitizzazzjoni u tal-globalizzazzjoni kif ukoll tal-impatt qawwi tagħhom fuq il-mod kif l-artisti jipproduċu u jqassmu x-xogħlijiet tagħhom u jirrelataw mal-udjenzi tagħhom. Il-kollass tas-swieq tad-DVDs, l-aspettattivi ġodda tal-konsumaturi u s-saħħa kontinwa tal-istudjows tal-Istati Uniti, flimkien maż-żieda ta’ ġganti diġitali globali bħal Amazon, ITunes, Google u Netflix kellhom impatt fuq il-katina tal-valur tradizzjonali.
Fl-aħħar nett, ir-rwol tal-Ewropa bħala attur globali jinkludi l-ħtieġa li jittejjeb it-tixrid tal-kontenut kulturali maħluq fl-Ewropa. L-Ewropa trid tibqa’ kompetittiva fit-tellieqa diġitali globali għall-ħolqien ta’ teknoloġiji ġodda (eż. AI, IoT, blockchain) li għalihom is-CCI huma ġeneraturi importanti ta’ kontenut, prodotti u servizzi globalment. Barra minn hekk, fuq skala globali, is-CCI (eż. id-disinn, l-arkitettura, eċċ.) jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp sostenibbli u jixprunaw l-innovazzjoni ekoloġika, filwaqt li l-kontenut kulturali (il-letteratura, il-films u l-arti) jista’ jqajjem kuxjenza dwar problemi ekoloġiċi u jinforma l-opinjoni pubblika.
(8)Rilevanza u Impatt
KKI tal-EIT dwar is-CCI – bl-approċċ olistiku u integrat tagħha – se tgħin sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kollha definiti hawn fuq. Billi tkopri kważi s-setturi kollha ta’ ħajjitna, tas-soċjetà u tal-ekonomija, tali KKI se tkun rilevanti ħafna f’termini tal-impatt ekonomiku u soċjetali, filwaqt li tisfrutta opportunitajiet strateġiċi għall-innovazzjoni ekonomika, teknoloġika kif ukoll soċjali.
L-innovazzjonijiet ibbażati fuq il-kultura u xprunati mill-kreattività jagħtu spinta lill-kompetittività Ewropea direttament billi joħolqu intrapriżi u impjiegi ġodda jew indirettament billi joħolqu benefiċċji transsettorjali għall-ekonomija usa’, itejbu l-kwalità tal-ħajja u jżidu l-attraenza tal-Ewropa. Is-CCIs huma dejjem aktar meqjusa bħala sorsi ġodda ta’ tkabbir u impjiegi intelliġenti, sostenibbli u inklużivi, li diġà qegħdin jimpjegaw aktar minn 12-il miljun persuna fl-UE, li jammontaw għal 7,5 % tal-persuni kollha impjegati fl-UE.
Il-kontribut tal-kultura u tal-kreattività għall-innovazzjoni mhuwiex limitat għall-impatt dirett tas-CCI, minħabba li l-innovazzjoni b’mod estensiv qed tiġi xprunata dejjem aktar minn fatturi mhux teknoloġiċi bħall-kreattività, id-disinn u proċessi organizzattivi jew mudelli ta’ negozju ġodda. B’mod partikolari, is-CCI bi ktajjen ta’ valur distinti (jiġifieri l-mużika, id-disinn, il-moda, l-awdjoviżiv, il-logħob tal-kompjuter, l-arkitettura ...) għandhom kapaċità ta’ innovazzjoni b’saħħitha f’termini ekonomiċi u huma kapaċi jmexxu l-innovazzjoni f’setturi oħrajn tal-ekonomija.
Il-kultura u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet kulturali għandhom impatt dirett fuq il-benesseri taċ-ċittadini. Is-CCI jtejbu l-valuri soċjetali tal-identità, id-demokrazija u l-parteċipazzjoni tal-komunità. Il-kultura għandha potenzjal kbir li ssaħħaħ s-sens ta’ appartenenza Ewropew, fejn id-diversità tirrappreżenta vantaġġ. Dan huwa ta’ importanza fundamentali biex ikunu permessi r-reżiljenza, l-aċċess soċjali, il-koeżjoni tas-soċjetà, il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll sabiex jiġu indirizzati l-inċertezzi politiċi tal-Ewropa u l-ħtieġa ta’ unità.
KKI tal-EIT dwar is-CCI tagħti s-setgħa lill-opportunitajiet tan-netwerk, il-kollaborazzjoni, il-ħolqien konġunt u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozju, fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi u ma’ setturi oħrajn tas-soċjetà u l-ekonomija. Din se tikkatalizza inizjattivi minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Se tiżviluppa l-kundizzjonijiet qafas meħtieġa għall-ħolqien u ż-żieda ta’ impriżi ġodda f’ekosistemi innovattivi. Se tipprovdi lir-riċerkaturi u lill-istudenti f’ħafna dixxiplini (inklużi l-arti, l-umanistika, in-negozju, ix-xjenzi soċjali u x-xjenza pura applikata) u lill-imprendituri tas-CCI u setturi oħrajn bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa sabiex iwasslu soluzzjonijiet innovattivi u jbiddluhom f’opportunitajiet ta’ negozju ġodda. Din se tippermetti aktar krossfertilizzazzjoni ma’ setturi ekonomiċi u industrijali oħra, filwaqt li taġixxi bħala aċċelleratur għall-innovazzjoni.
(9)Sinerġiji u Komplementarjetajiet ma’ inizjattivi eżistenti
KKI fis-CCI tkun komplementarja għal għadd ta’ inizjattivi tal-Unjoni oħrajn, kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Is-sinerġiji ewlenin mistennija fil-livell tal-UE huma ppreżentati hawn taħt.
KKI dwar is-CCI mistennija tistabbilixxi sinerġiji b’saħħithom ma’ inizjattivi ta’ politika rilevanti taħt il-Programm Orizzont Ewropa u, b’mod partikolari, taħt il-Pilastru II mar-raggruppament [Soċjetà Inklużiva u Sigura] u l-oqsma ta’ intervent tagħha fuq il-Patrimonju Kulturali u d-Demokrazija. KKI futura tista’ tipprovdi wkoll inputs orizzontali siewja f’diversi attivitajiet li jridu jitwettqu fir-raggruppament [Diġitali u Industrija], b’mod partikolari fir-rigward tat-teknoloġiji tal-manifattura li fihom il-ħtieġa li jiġu żviluppati prodotti ġodda tiddependi ħafna fuq is-CCI. Barra minn hekk, din tista’ tikkomplementa b’mod effiċjenti partijiet oħrajn tal-Programm Orizzont Ewropa, l-intervent tal-EIT Diġitali eżistenti u l-azzjonijiet previsti taħt programmi tal-UE oħrajn bħal InvestEU, Ewropa Diġitali jew il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni.
Il-Programm ġdid Ewropa Kreattiva se jkun rilevanti ħafna għall-attivitajiet tal-KKI dwar is-CCI. Il-Programm jeleġġi linji u sejħiet speċjali li jirriflettu wħud mill-isfidi diġà msemmija li qed jiffaċċja s-settur (eż. il-ħiliet u l-impjiegi tal-kreattivi, il-mudelli tan-negozju, eċċ.) u jenħtieġ li jiġu żviluppati sinerġiji u komplementarjetajiet b’saħħithom. Taħt il-Programm Ewropa Kreattiva, u fil-kuntest ta’ aċċess limitat għall-finanzi għas-setturi kulturali u kreattivi, jistgħu jkunu mistennija sinerġiji mal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Settur Kulturali u Kreattiv, mekkaniżmu finanzjarju maħsub biex jgħin fiż-żieda tal-proġetti kulturali u kreattivi billi jipprovdi assigurazzjoni lill-intermedjarji finanzjarji.
Il-pjattaforma tal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3) dwar il-Modernizzazzjoni Industrijali identifikat għadd ta’ strateġiji R&I li jiffokaw fuq is-CCI u tesplora rabtiet ġodda bejn l-assi lokali, is-swieq potenzjali u l-isfidi tas-soċjetà permezz tal-involviment ta’ sett kbir ta’ atturi intraprenditorjali. B’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ sħubiji ġodda bejn l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi hija tħassib ewlieni tal-istrateġiji S3, li jitolbu l-istabbiliment ta’ pjattaformi kollaborattivi ġodda.
Konklużjoni
KKI tal-EIT dwar is-CCI hija l-aktar addattata biex tindirizza l-isfidi ekonomiċi u soċjetali ewlenin deskritti hawn fuq. Il-kreattività hija xprunatur ewlieni tal-innovazzjoni u KKI dwar is-CCI għandha l-kapaċità li tisfrutta l-potenzjal tal-kreattività bbażata fuq il-kultura u tgħin biex jissaħħu l-kompetittività u t-tkabbir intelliġenti tal-Ewropa.
|
KKI tal-EIT dwar is-CCI se:
·Tnaqqas il-frammentazzjoni tax-xenarju tal-innovazzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi billi trawwem il-ħolqien ta’ ekosistemi tal-innovazzjoni li jgħaqqdu l-atturi u n-netwerks mis-setturi u d-dixxiplini kollha fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE.
·Tħarreġ lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ innovaturi fis-setturi tas-CCI billi tgħammarhom bil-ħiliet tekniċi u intraprenditorjali neċessarji li huma meħtieġa biex jirnexxu f’ambjent li qed jinbidel malajr.
·Tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kundizzjonijiet ta’ qafas xierqa biex tittrasforma l-ideat fi żviluppi teknoloġiċi ġodda u innovazzjoni soċjali li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u li minnhom jibbenifikaw iċ-ċittadini tal-UE.
·Trawwem il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi ġodda fis-setturi kulturali u kreattivi billi timmobilizza l-investiment u l-impenn fit-tul mis-settur tan-negozju.
·Toħloq sinerġija mal-KKI eżistenti, kif ukoll ma’ sħubiji, programmi u inizjattivi Ewropej oħrajn biex tmexxi l-innovazzjoni lil hinn mill-industriji kulturali u kreattivi f’setturi oħrajn tal-ekonomija.
·Issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE bħala attur globali fis-CCI billi tisfrutta l-kreattività u d-diversità kulturali tal-Ewropej.
|