Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IE0989

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Għal implimentazzjoni aħjar tal-Pilastru Soċjali, il-promozzjoni ta’ servizzi essenzjali”(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2019/00989

    ĠU C 282, 20.8.2019, p. 7–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.8.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/7


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Għal implimentazzjoni aħjar tal-Pilastru Soċjali, il-promozzjoni ta’ servizzi essenzjali”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2019/C 282/02)

    Relatur: Raymond HENCKS

    Korelatur: Krzysztof BALON

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    24.1.2019

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    22.5.2019

    Adottata fil-plenarja

    19.6.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    544

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    128/3/6

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    Konklużjonijiet

    1.1.

    Il-prinċipju nru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jintroduċi fl-Unjoni l-kunċett ta’ “servizzi essenzjali”, li ma jeżistix bħala tali fit-Trattati, iżda li jipprevedi li “Kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba, inkluż l-ilma, is-sanitazzjoni, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali. Għandu jkun disponibbli l-appoġġ għall-aċċess għal dawn is-servizzi għal dawk fil-bżonn”.

    1.2.

    Fid-dawl tal-eżempji ta’ servizzi kkwalifikati bħala essenzjali mill-prinċipju nru 20, il-KESE huwa tal-fehma li din hija kwistjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEIs) li diġà huma koperti mil-liġi tal-UE, u b’mod partikolari mill-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali anness għat-TFUE, li d-dispożizzjonijiet ta’ interpretazzjoni tiegħu jmorru lil hinn minn sempliċi garanzija ta’ aċċess ta’ kwalità tajba, iżda li wħud minnhom — fi gradi differenti ħafna — mhumiex regolati u implimentati biżżejjed fl-Istati Membri.

    1.3.

    Għalhekk, il-KESE jaqbel li l-prinċipju nru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jafferma mill-ġdid id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi essenzjali/SGEIs jikkostitwixxu element essenzjali ta’ kwalunkwe ġustizzja soċjali u li jissejsu fuq il-prinċipju tat-trattament indaqs tal-utenti, u jipprojbixxu kull diskriminazzjoni jew esklużjoni ta’ liema natura tkun, u fuq il-prinċipju tal-aċċess universali għal livell għoli ta’ aċċessibbiltà finanzjarja u ta’ kwalità tajba.

    Rakkomandazzjonijiet

    Dritt ta’ aċċess

    1.4.

    Sabiex il-prinċipju pproklamat li “kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi ta’ kwalità tajba” jkun effettiv, dan għandu jiġi segwit minn miżuri konkreti fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u tal-koeżjoni soċjali u, fl-istess waqt, jeħtieġ li:

    (a)

    jiġi żgurat minn dispożizzjonijiet leġislattivi jew regolatorji, li jiddefinixxuh u jistabbilixxu kif jiġi applikat f’kull qasam;

    (b)

    jiġi ddefinit il-kumpens li l-persuni jistgħu jitolbu fil-każ li l-prinċipju ma jiġix rispettat;

    (c)

    ikun jista’ jkun soġġett għal appelli, ilmenti jew rimedji ġudizzjarji.

    Aċċess universali

    1.5.

    Il-KESE jitlob li jiġi ċċarat il-kunċett tal-aċċess universali għall-SGEIs u li jiġu introdotti miżuri leġislattivi li jobbligaw lill-Istati Membri jiddefinixxu indikaturi ta’ aċċess universali għal kull SGEI (densità tal-punti ta’ aċċess għas-servizz, distanza massima sal-punt ta’ aċċess, regolarità tas-servizz, eċċ.) sabiex jiġi evitat li, speċjalment fiż-żoni suburbani, rurali jew b’popolazzjoni baxxa, is-servizzi ta’ interess ġenerali għall-utenti (pereżempju, is-servizzi tat-trasport pubbliku, l-uffiċċji postali, il-fergħat tal-banek) jitneħħew jew ma ssirilhomx manutenzjoni biżżejjed jew, fil-każ li dan ikun diġà qed isir, jinstabu soluzzjonijiet alternattivi ekwivalenti.

    Servizz universali

    1.6.

    F’dak li jirrigwarda s-servizzi tal-elettriku, tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, postali u bankarji, is-servizz universali li jibbenefikaw minnu ma jfissirx l-istess ħaġa bħall-universalità peress li jiggarantixxi biss aċċess limitat għal servizzi bażiċi. Dan japplika l-aktar għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, li s-servizzi tagħhom inklużi fis-servizz universali ġew issuperati fil-biċċa l-kbira tagħhom mill-iżviluppi teknoloġiċi, ma għadhomx jissodisfaw l-għodod ta’ komunikazzjoni moderni offruti fis-suq u ma jagħmlu xejn ħlief ikabbru d-distakk diġitali f’reġjuni li jinsabu ’l bogħod miċ-ċentri urbani l-kbar.

    1.7.

    Għalhekk, il-KESE jitlob li s-servizz universali jiġi adattat, li jiġu garantiti prestazzjonijiet moderni għall-aħħar u li tiġi pprovduta kopertura territorjali integrata għall-industriji kollha f’netwerk, b’mod ġenerali u, b’mod speċifiku, għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    Affordabbiltà

    1.8.

    Peress li qed isir aktar ċar li l-garanzija ta’ aċċess affordabbli ma ssirx permezz ta’ tariffa soċjali meqjusa bħala “raġonevoli”, iżda permezz ta’ għajnuna soċjali li tkun esklużivament għal dawk l-aktar foqra, u peress li mhumiex biss il-persuni l-aktar fil-bżonn li qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi serji biex jaċċessaw l-SGEIs, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li tiġi stabbilita l-affordabbiltà billi jiġi identifikat pakkett ta’ servizzi meqjusa bħala essenzjali, fejn il-kontribuzzjoni ta’ kwalunkwe unità domestika għal kull wieħed minn dawn is-servizzi tiġi stabbilita skont dak li huwa aċċettabbli b’rabta mal-paga minima soċjali/dħul minimu; malli din ir-rata tinqabeż, il-prezzijiet jitqiesu bħala eċċessivi u jkunu jeħtieġu miżuri regolatorji, jew għandhom iwasslu għal appoġġ pubbliku.

    Il-kwalità tas-servizz

    1.9.

    Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kwalità b’rabta mas-servizz ta’ diversi SGEIs f’ċerti Stati Membri (dewmien jew kanċellazzjonijiet tat-trasport pubbliku, kopertura terrotorjali nieqsa jew insuffiċjenti fir-rigward tal-komunikazzjonijiet elettroniċi), il-KESE jitlob li, fir-rigward tal-SGEIs, l-Istati Membri jadottaw indikaturi dwar il-perċezzjonijiet ta’ sodisfazzjon bħar-rapidità, il-puntwalità, l-affidabbiltà, il-kumdità, id-disponibbiltà, il-kompetenza u l-għajnuna offruta mill-fornituri, kif ukoll aspetti oħra bħall-ambjent, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    1.10.

    Fir-rigward tal-kumpens previst mil-leġislazzjoni Ewropea f’każ ta’ nuqqas ta’ kwalità (dewmien jew kanċellazzjoni tal-ferroviji jew tal-ajruplani, telf jew ħsara ta’ oġġetti postali), il-KESE għandu l-impressjoni li ċerti fornituri jippreferu jħallsu kumpens (żgħir) milli jinvestu fil-kwalità, għalhekk jitlob li jiġu eżaminati mill-ġdid l-ammonti fis-seħħ fir-rigward tal-kumpens u, b’regola ġenerali, jiġi stabbilit kumpens adattat għal kull SGEI f’kaz li ma jiġux rispettati l-obbligi ta’ servizz pubbliku jew ta’ servizz universali.

    Evalwazzjoni

    1.11.

    Sabiex jiġi żgurat servizz ta’ kwalità, huwa essenzjali li ssir evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ servizzi bħal dawn. Biex dan iseħħ, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet deċiżjonali jiddefinixxu l-ewwel nett b’mod ċar il-kunċetti, l-għanijiet u l-kompiti tas-servizzi kollha ta’ interess ġenerali (ekonomiċi u mhux ekonomiċi).

    1.12.

    Il-KESE jitlob għalhekk li ssir evalwazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri, li għandha tkun indipendenti, pluralista, miftuħa, tkopri l-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u tkun ibbażata fuq sensiela ta’ kriterji u titwettaq f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, u b’metodoloġija ta’ evalwazzjoni ġdida armonizzata fuq skala Ewropea abbażi ta’ indikaturi komuni, fil-livell tal-UE.

    Semestru Ewropew

    1.13.

    Fit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali tas-Semestru Ewropew, li għandha l-għan li teżamina s-sitwazzjoni tad-drittijiet soċjali pproklamati fil-Pilastru Ewropew, ma hemmx indikaturi dwar l-SGEIs essenzjali. Għalhekk, il-KESE jitlob li s-servizzi essenzjali msemmija fil-prinċipju nru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jkunu parti integrali mit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali tas-Semestru Ewropew.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Bis-saħħa tad-Dikjarazzjoni ta’ Göteborg tas-17 ta’ Novembru 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jissodisfaw il-wegħda, stipulata fit-trattati, ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali.

    2.2.

    L-20 prinċipju ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma intiżi primarjament li jindirizzaw il-lakuni tat-trattati u b’hekk jikkontribwixxu għall-istrutturar tal-ordni legali Ewropew, jirregolaw l-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali u jgħinu biex issir konverġenza tal-valuri applikabbli fi ħdan l-ordnijiet nazzjonali u Ewropej.

    2.3.

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jerġa’ jafferma ċerti drittijiet diġà stabbiliti fl-acquis tal-Unjoni, u jżid prinċipji ġodda li jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-iżviluppi soċjetali, teknoloġiċi u ekonomiċi (1). Dan huwa bbażat fuq l-ammissjoni li attwalment, id-drittijiet soċjali, jew tal-inqas uħud minnhom, ma jiġux regolati u implimentati biżżejjed, fi gradi differenti skont l-Istati Membri.

    2.4.

    Billi Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli għal nonkonformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE, “[s]abiex ikunu eżegwibbli legalment, il-prinċipji u d-drittijiet l-ewwel jirrikjedu miżuri ddedikati jew leġislazzjoni li jiġu adottati fil-livell xieraq” (2).

    3.   Is-servizzi essenzjali

    3.1.

    Il-prinċipju ewlieni nru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bit-titolu “Aċċess għal servizzi essenzjali”, jistabbilixxi li “Kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba, inkluż l-ilma, is-sanitazzjoni, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali. Għandu jkun disponibbli l-appoġġ għall-aċċess għal dawn is-servizzi għal dawk fil-bżonn”.

    3.2.

    Il-kunċett ta’ “servizzi essenzjali” ma jeżistix fit-Trattati, li jindirizzaw biss servizzi pubbliċi (trasport) u servizzi ta’ interess ġenerali (ekonomiċi u mhux ekonomiċi). Dan il-prinċipju nru 20 ma jipprovdi l-ebda definizzjoni tat-tifsira ta’ “servizzi essenzjali”. Jillimita ruħu għal xi eżempji mingħajr ma jipprovdi lista eżawrjenti. Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “servizzi essenzjali” huwa stabbilit sew fil-kuntest tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u jkopri ċerti servizzi li jidhru wkoll fi prinċipji oħra tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    3.3.

    Għalhekk, id-dritt għal servizzi essenzjali mhuwiex limitat biss għal dawk elenkati fil-prinċipju nru 20, iżda jikkonċerna wkoll prinċipji oħra, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kura bikrija tat-tfal u tal-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa, l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, il-kura fit-tul, l-akkomodazzjoni u l-għajnuna lill-persuni mingħajr dar. L-implimentazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba għandha għalhekk tkun segwita minn miżuri konkreti kemm għall-SGEIs kif ukoll għall-oqsma msemmija hawn fuq. F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar fir-responsabbiltà u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Istati Membri biex jiddefinixxu, jorganizzaw u jiffinanzjaw servizzi ta’ interess ġenerali li jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini.

    3.4.

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe definizzjoni, u fid-dawl tal-eżempji ta’ servizzi elenkati fil-prinċipju nru 20, huwa ċar li din hija kwistjoni ta’ “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, soġġetti għal obbligi ta’ servizz universali jew ta’ servizz pubbliku koperti mill-Artikolu 36 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 14 tat-TFUE, u mill-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali.

    3.5.

    Għalhekk, il-prinċipju nru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sempliċement jerġa’ jafferma d-drittijiet eżistenti fit-Trattat. Madankollu, ta’ min josserva li d-dispożizzjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (SGIs), anness mat-TFUE, imorru lil hinn minn sempliċi garanzija ta’ “aċess ta’ kwalità tajba” u jipprevedu livell għoli f’termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability[sic], it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti. Peress li fil-fehma tal-KESE, l-SGEIs huma elementi indispensabbli ta’ struttura tal-ġustizzja soċjali, huwa japprova l-fatt li l-prinċipju nru 20 jikkwalifikahom bħala “servizzi essenzjali”.

    3.6.

    Sabiex il-prinċipju pproklamat li “kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi ta’ kwalità tajba” jkun effettiv, dan għandu jiġi segwit minn miżuri konkreti fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u tal-koeżjoni soċjali, u, fl-istess waqt, jeħtieġ li:

    (a)

    jiġi żgurat minn dispożizzjonijiet leġislattivi jew regolatorji, li jiddefinixxuh u jistabbilixxu kif jiġi applikat għal kull qasam;

    (b)

    jiġi ddefinit il-kumpens li l-persuni jistgħu jitolbu fil-każ li l-prinċipju ma jiġix rispettat;

    (c)

    ikun jista’ jkun soġġett għal appelli, ilmenti jew rimedji ġudizzjarji, individwali jew b’azzjonijiet kollettivi.

    3.7.

    Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħall-elettriku, it-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, il-komunikazzjonijiet elettroniċi u postali, magħrufa bħala “industriji ta’ netwerk”, ilhom mis-snin tmenin isegwu proċess ta’ Ewropizzazzjoni u ta’ liberalizzazzjoni progressiv speċifiku bil-għan li jiġi stabbilit is-suq uniku.

    3.8.

    Madankollu, malajr sar ċar li dawn is-servizzi ma jistgħux joperaw biss skont ir-regoli komuni tal-kompetizzjoni u tas-suq, iżda li regoli speċifiċi huma indispensabbli biex jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess affordabbli għal dawn is-servizzi meqjusa bħala essenzjali u rikonoxxuti bħala valuri komuni tal-Unjoni.

    3.9.

    Ir-rikonoxximent tagħhom fil-liġi primarja ġie aġġornat bit-Trattat ta’ Lisbona. Il-Protokoll Nru 26 tat-TFUE jispeċifika l-valuri komuni tal-Unjoni u b’mod partikolari s-sitt valuri li għandhom japplikaw għall-SGEIs kollha madwar l-Unjoni Ewropea: “livell għoli f’termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability[sic], it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti”.

    4.   Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 26

    4.1.

    Ma teżisti l-ebda analiżi evalwattiva ġenerali tal-effetti pożittivi (tnaqqis fil-prezzijiet, diversifikazzjoni tal-provvista) u tal-effetti negattivi (żieda fil-prezzijiet, ħolqien ta’ oligopolji, skimming fis-suq, insigurtà tal-impjiegi, dumping soċjali) tal-politika ta’ liberalizzazzjoni tal-SGEIs. Ċerti servizzi essenzjali inklużi fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-progress ekonomiku u soċjali u għar-relazzjonijiet soċjali. Fir-rigward ta’ servizzi oħra, l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal żieda fit-tariffi u/jew għal tnaqqis fil-kompiti ta’ servizz pubbliku (3).

    4.2.

    Mhux l-Unjoni u l-Istati Membri biss għandhom l-obbligu iżjed strett li jiżguraw li l-SGEIs joperaw b’mod effettiv, li jfisser, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni ta’ prestazzjoni ta’ servizzi bħal dawn għandha tkun proċess kontinwu, iżda jeħtieġ ukoll li l-istituzzjonijiet deċiżjonali jiddefinixxu b’mod ċar il-kunċetti, l-objettivi u l-kompiti. Sakemm dan jitwettaq, l-evalwazzjonijiet ta’ prestazzjoni ma jistgħux jgħinu biex jiżguraw liċ-ċittadini l-SGEIs li huma għandhom id-dritt għalihom mingħand l-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej tagħhom.

    4.3.

    Fil-bidu tas-snin 2000, il-Kummissjoni bdiet twettaq, kull sena, evalwazzjoni orizzontali tal-prestazzjoni tal-industriji ta’ netwerk fuq il-bażi tan-nota metodoloġika dwar l-evalwazzjoni orizzontali tal-SGEIs (4). Dawn ir-rapporti kienu jiġu ppreżentati u diskussi b’mod regolari fi ħdan il-KESE f’seduta pubblika. Fl-2007, il-Kummissjoni kkoorganizzat mal-KESE sessjoni ta’ ħidma dwar metodoloġija ta’ evalwazzjoni ġdida fuq il-bażi ta’ studju ta’ konsulent estern, iżda l-idea li ssir evalwazzjoni tal-SGIs imsemmija mbagħad twarrbet u intesiet.

    4.4.

    Il-KESE jtenni t-talba li għamel fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar “Evalwazzjoni indipendenti tas-servizzi ta’ interess ġenerali” (5), fejn talab li ssir evalwazzjoni tal-SGIs fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri, li għandha tkun indipendenti, pluralista, kontradittorja, tkopri l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u tkun ibbażata fuq sensiela ta’ kriterji u titwettaq f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha b’metodoloġija ta’ evalwazzjoni ġdida armonizzata fuq skala Ewropea abbażi ta’ indikaturi komuni, fil-livell tal-UE.

    5.   Dritt ta’ aċċess għal servizzi essenzjali

    5.1.

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Artikolu 36) tgħid li l-UE “tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skont it-Trattati” u titlob li l-UE tpoġġihom fost id-drittijiet fundamentali, “sabiex tippromovi l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni”.

    5.2.

    Għalhekk, il-prinċipju ewlieni nru 20 tal-Pilastru jerġa’ jafferma biss id-dritt li kulħadd għandu jkollu aċċess għal SGIs ta’ kwalità tajba bħala element tal-valuri komuni tal-UE. Bħall-Protokoll Nru 26, il-Pilastru ma jiddefinixxix il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, il-livell ta’ garanzija u l-proċeduri ta’ rimedju.

    5.3.

    Il-KESE jqis li l-kunċett ta’ aċċess garantit għal kulħadd huwa bbażat fuq il-prinċipji tat-trattament indaqs, is-solidarjetà, l-universalità, il-kontinwità, il-prossimità mal-utent u l-affordabbiltà.

    6.   Trattament indaqs

    6.1.

    Fir-rigward tal-SGIs, it-trattament indaqs huwa bbażat fuq aċċess indaqs (aċċess universali), għall-utenti, f’sitwazzjonijiet simili, għas-servizzi nazzjonali u transkonfinali, bil-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni jew esklużjoni soċjali ta’ kwalunkwe natura (nazzjonalità, ġeneru, post ta’ residenza, diżabilità, età, eċċ.).

    6.2.

    Madankollu, it-trattament indaqs jew l-obbligu ta’ nondiskriminazzjoni ma jimpedixxix l-adozzjoni ta’ miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi għal ċerti kategoriji tal-utenti (persuni iżjed imdaħħlin fl-età, persuni b’diżabilità jew b’mobbiltà mnaqqsa, eċċ.).

    6.3.

    Għal ċerti servizzi, id-dritt ta’ aċċess universali huwa mistenni li jkun żgurat minn servizz universali jew minn obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq il-fornituri tas-servizzi.

    7.   Servizz universali

    7.1.

    Is-servizz universali huwa ġġustifikat fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni ta’ ċerti SGEIs li għalihom is-suq waħdu ma jistax joffri kopertura territorjali sħiħa, prezzijiet affordabbli jew kwalità adegwata ta’ servizz. Dan jinkludi sensiela ta’ rekwiżiti ta’ interess ġenerali li jiżguraw li ċerti servizzi speċifikati minn qabel jsiru disponibbli għall-konsumaturi u l-utenti kollha fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, indipendentement mill-post ġeografiku, u, fid-dawl ta’ kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, bi prezz affordabbli (6). S’issa, servizz universali ġie ddefinit fil-livell tal-UE fis-setturi tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi, tal-posta, tal-elettriku u tas-servizzi bankarji biss.

    7.2.

    Għalhekk, id-definizzjoni ta’ servizz universali tkopri biss “ċerti servizzi”, jiġifieri dawk elenkati f’lista eżawrjenti ta’ servizzi. Għalhekk, is-servizz universali ma jfissirx universalità peress li ma jiggarantixxix aċċess għas-servizzi kollha pprovduti fis-suq.

    7.3.

    Dan japplika l-aktar għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (7), li s-servizzi tagħhom inklużi fis-servizz universali ġew issuperati fil-biċċa l-kbira tagħhom mill-iżviluppi teknoloġiċi u ma għadhomx jissodisfaw l-għodod ta’ komunikazzjoni moderni offruti fis-suq.

    7.4.

    Ħafna Stati Membri, territorji jew agglomerazzjonijiet għadhom lura mil-lat tal-komunikazzjoniiet elettroniċi b’veloċità għolja u/jew tal-kopertura territorjali sħiħa fit-telefonija mobbli (żoni griżi jew bojod), li llum il-ġurnata jirrappreżentaw fattur essenzjali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja, pereżempju billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal servizzi pubbliċi oħra. B’hekk jirriżulta li n-nuqqasijiet attwali tas-“servizz universali ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” jkomplu jaggravaw id-distakk diġitali.

    7.5.

    Madankollu, skont id-Direttiva rilevanti, “[i]l-kunċett ta’ servizz universali għandu jevolvi biex jirrifletti l-avvanzi fit-teknoloġija, fl-iżviluppi tas-suq u fil-bidliet fit-talba tal-utent” (8). Għal dan il-għan, skont id-Direttiva msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tirrevedi kull tliet snin il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali, b’mod partikolari bil-għan li tipproponi emendi jew id-definizzjoni mill-ġdid tiegħu lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill.

    7.6.

    Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jiġu adattati għall-iżviluppi teknoloġiċi u b’mod partikolari li tiġi imposta kopertura territorjali sħiħa fit-telefonija mobbli u l-broadband.

    8.   Obbligi ta’ servizz pubbliku

    8.1.

    Għal ċerti SGEIs li ma jibenefikawx minn servizz universali, id-dritt ta’ aċċess universali huwa kopert minn obbligi ta’ servizz pubbliku li jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ tali servizzi.

    8.2.

    It-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija, pereżempju, ma jibbenefikax minn servizz universali; dan huwa soġġett għal obbligi ta’ servizz pubbliku, li huma ddefiniti (9) bħala “rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sal-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens”. Dan jimplika li servizz tat-trasport pubbliku, li jissodisfa ħtieġa tal-utenti, ma għandux jopera neċessarjament skont ir-regoli tas-suq. Madankollu, f’bosta Stati Membri, linji ferrovjarji u tat-toroq tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri qed jitneħħew jew ma ssirilhomx manutenzjoni fiż-żoni rurali jew b’popolazzjoni baxxa, għal raġunijiet ta’ profittabbiltà. Dan japplika wkoll għal servizzi oħra bħas-servizzi tal-posta (l-għeluq tal-uffiċċji) jew dawk bankarji (l-għeluq ta’ fergħat).

    8.3.

    Għalhekk, il-KESE jitlob li jiġi ċċarat il-kunċett tal-aċċess universali għall-SGEIs u li jiġu introdotti miżuri leġislattivi li jobbligaw lill-Istati Membri jiddefinixxu indikaturi ta’ aċċess universali għal kull SGEI (densità tal-punti ta’ aċċess għas-servizz, distanza massima sal-punt ta’ aċċess, regolarità tas-servizz, numru ta’ uffiċċji, eċċ.).

    9.   Affordabbiltà

    9.1.

    Fl-aħjar xenarju possibbli, is-suq jista’ biss jipproponi prezz fiss skont l-ispejjeż, u dan ma jistax jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għal SGEI bi prezz affordabbli. Għalhekk, wieħed mill-perikli tal-kompetizzjoni ħielsa huwa t-tentazzjoni min-naħa tal-fornituri ta’ SGEI li jfornu biss lill-klijenti li jitqiesu a priori bħala “solventi”.

    9.2.

    Sabiex jingħeleb dan ir-riskju, il-Protokoll Nru 26 jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li kull SGEI jkollu livell għoli ta’ affordabbiltà.

    9.3.

    L-affordabbiltà hija ddefinita bħala prezz tas-servizzi għall-konsumaturi bi dħul baxx/medju meta mqabbel ma’ dak tal-konsumaturi b’livelli ta’ dħul differenti (10).

    9.4.

    Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ servizz finanzjarjament affordabbli huwa fattur importanti fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali sabiex kulħadd ikollu aċċess għal SGEIs ikun xi jkun id-dħul tiegħu jew tagħha. Madankollu, il-prinċipju Nru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jidher aktar ristrett fis-sens li “għandu jkun disponibbli l-appoġġ għall-aċċess għal dawn is-servizzi għal dawk fil-bżonn” (biss).

    9.5.

    Qed isir aktar ċar li l-garanzija ta’ aċċess affordabbli ma ssirx permezz ta’ tariffa soċjali meqjusa bħala “raġonevoli”, iżda permezz ta’ għajnuna soċjali li tkun esklużivament għal dawk l-aktar foqra. Madankollu, mhumiex biss il-persuni l-aktar fil-bżonn li qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi serji biex jaċċessaw l-SGEIs.

    9.6.

    Xi drabi, jekk l-għan ta’ aċċess affordabbli għal kulħadd ma jintlaħaqx, l-awtoritajiet regolatorji japplikaw miżuri ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni u l-leġislatur Ewropew intervjenew permezz ta’ regolament biex ibaxxu u mbagħad jabolixxu l-kontijiet tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-UE (tariffa tar-roaming) jekk l-utent ikun qed jivvjaġġa fl-UE, iżda mhux jekk iċempel lil korrispondent fl-UE mid-dar tiegħu. Fil-Proposta tagħha għal Regolament dwar servizzi ta’ konsenja tal-pakketti transfruntiera, il-Kummissjoni tħabbar miżuri vinkolanti jekk is-sitwazzjoni ta’ prezzijiet għoljin wisq applikati mill-impriżi ta’ konsenja ta’ pakketti transfruntiera ma titjiebx qabel tmiem l-2018 (11).

    9.7.

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ prezzijiet affordabbli, il-KESE ilu snin jappella għall-kjarifika tal-kunċett tal-affordabbiltà tal-SGEIs u għall-introduzzjoni ta’ miżuri leġislattivi li jobbligaw lill-Istati Membri li jiddefinixxu indikaturi biex jiddeterminaw l-affordabbiltà.

    9.8.

    Il-KESE jtenni t-talba tiegħu li tiġi stabbilita l-affordabbiltà billi jiġi identifikat pakkett ta’ servizzi meqjusa bħala essenzjali, fejn il-kontribuzzjoni ta’ kwalunkwe unità domestika għal kull wieħed minn dawn is-servizzi tiġi stabbilita skont dak li huwa aċċettabbli b’rabta mal-paga minima soċjali/dħul minimu; malli din ir-rata tinqabeż, il-prezzijiet jitqiesu bħala eċċessivi u jkunu jeħtieġu miżuri regolatorji, jew għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ pubbliku.

    10.   Servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba

    10.1.

    Il-Protokoll Nru 26 jitlob lill-Istati Membri jiżguraw livell għoli ta’ kwalità tal-SGEIs, filwaqt li l-Pilastru huwa limitat għal sempliċi servizz essenzjali “ta’ kwalità tajba”.

    10.2.

    Fi kwalunkwe każ, servizz ta’ kwalità tajba huwa dak li jkun sodisfaċenti għall-utenti. Biex dan jinkiseb, jeħtieġ li jiġu identifikati l-utenti, il-ħtiġijiet tagħhom u l-aspettattivi tagħhom. Madankollu, l-aspettattivi spiss jiġu espressi wara, meta l-utent jilmenta dwar xi ħaġa li tkun marret ħażin.

    10.3.

    L-istandards ta’ kwalità jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE f’diversi SGIs bħas-servizzi tal-posta, il-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-provvista tal-ilma, il-ġbir tal-iskart, it-trasport tal-passiġġieri, is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, eċċ. Dawn l-istandards ivarjaw u xi drabi jkunu modesti wisq. Pereżempju, għalkemm il-maġġoranza tal-Ewropej għandhom aċċess għal ilma tax-xorb ta’ kwalità tajba, f’ċerti Stati Membri, ħafna ċittadini jippreferu jikkonsmaw l-ilma fil-fliexken minħabba li jqisu t-togħma tal-ilma tal-vit bħala mhix tajba. Jenħtieġ aġġornament regolari tal-istandards attwali biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur u tittejjeb il-kwalità tal-ilma tal-vit u, b’hekk, dan ikollu impatt pożittiv fuq l-ambjent billi jitnaqqas l-iskart tal-plastik.

    10.4.

    Il-kwalità tas-servizz hija fattur essenzjali f’evalwazzjoni kif propost mill-KESE hawn fuq. Għalhekk, fir-rigward tal-SGEIs, l-Istati Membri għandhom jadottaw indikaturi dwar il-perċezzjonijiet ta’ sodisfazzjon bħar-rapidità, il-puntwalità, l-affidabbiltà, il-kumdità, id-disponibbiltà, il-kompetenza u l-għajnuna tal-fornituri, eċċ. Il-kwalità tkopri wkoll aspetti bħall-ambjent, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    10.5.

    Il-kwalità tas-servizzi hija direttament marbuta mad-drittijiet tal-konsumaturi. Għal ċerti SGEIs (it-trasport ferrovjarju, il-posta), fil-każ ta’ nuqqas ta’ kwalità (dewmien jew kanċellazzjoni tal-ferroviji jew tal-ajruplani, telf jew ħsara ta’ oġġetti postali), il-leġislazzjoni Ewropea tipprevedi kumpens. Minħabba n-nuqqasijiet kbar tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija f’ċerti Stati Membri, il-KESE għandu l-impressjoni li ċerti fornituri jippreferu jħallsu kumpens (żgħir) milli jinvestu fil-kwalità. Barra minn hekk, f’bosta Stati Membri, id-drittijiet ta’ kumpens fil-każ ta’ dewmien huma limitati għal-linji ewlenin, filwaqt li s-servizzi ferrovjarji urbani, suburbani u reġjonali tat-trasport tal-passiġġieri huma esklużi minn kwalunkwe kumpens, skont id-derogi awtorizzati mil-leġislazzjoni Ewropea (12).

    10.6.

    Il-KESE jitlob li tiġi applikata s-sistema ta’ kumpens fil-każ ta’ dewmien għall-passiġġieri kollha bil-ferrovija, tkun xi tkun id-distanza, u li jiġi stabbilit id-dritt għal kumpens għal kull nofs siegħa ta’ dewmien vis-a-vis il-ħin normali tal-wasla b’rabta mal-iskeda uffiċjali jew għal kull 15-il minuta ta’ dewmien vis-a-vis il-ħin tat-tluq.

    10.7.

    Fil-kuntest tad-drittijiet tal-konsumaturi, bħala regola ġenerali, il-KESE jitlob li jingħata kumpens għal kull SGI fil-każ ta’ nonkonformità mal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

    11.   Tabella ta’ valutazzjoni soċjali tas-Semestru Ewropew

    11.1.

    It-tabella ta’ valutazzjoni soċjali tas-Semestru Ewropew għandha l-għan li tidentifika l-isfidi soċjali li jiffaċċjaw l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    11.2.

    Dan l-istrument tal-ewwel analiżi li jiġi kkombinat ma’ analiżi aktar dettaljata fil-livell ta’ kull pajjiż huwa maħsub biex jeżamina s-sitwazzjoni tad-drittijiet soċjali pproklamati fil-Pilastru Ewropew mill-perspettiva tal-indikaturi ewlenin tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali. Madankollu, fost l-indikaturi ewlenin u l-indikaturi sekondarji kollha tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali, li jidhru fl-anness statistiku tar-rapporti tal-pajjiżi, huma nieqsa s-servizzi essenzjali msemmija fil-prinċipju ewlieni nru 20 tal-Pilastru.

    11.3.

    Għalhekk, il-KESE jitlob li s-servizzi essenzjali msemmija fil-prinċipju nru 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jkunu parti integrali mit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali tas-Semestru Ewropew.

    Brussell, it-22 ta’ Mejju 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Premessa 14 tal-Preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    (2)  Premessa 14 tal-Preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    (3)  Ara l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali.

    (4)  COM(2002) 331 final (mhux disponibbli bil-Malti).

    (5)  267/2008.

    (6)  Green Paper tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (mhux disponibbli bil-Malti).

    (7)  Direttiva 2002/22/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    (8)  Premessa 1 tad-Direttiva 2002/22/KE tas-7 ta’ Marzu 2002.

    (9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007.

    (10)  COM(2002) 331 final (mhux disponibbli bil-Malti).

    (11)  Proposta għal Regolament COM(2016) 285 final.

    (12)  Regolament (KE) Nru 1370/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007.


    Top