EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE0069

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa: analiżi u l-passi li jmiss” (COM(2018) 771 final)

EESC 2019/00069

ĠU C 282, 20.8.2019, p. 20–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa: analiżi u l-passi li jmiss”

(COM(2018) 771 final)

(2019/C 282/04)

Relatur: Petr ZAHRADNÍK

Korelatur: Javier DOZ ORRIT

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.2.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

4.6.2019

Adottata fil-plenarja

19.6.2019

Sessjoni plenarja Nru

544

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

180/0/8

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għall-kontribut tiegħu għall-promozzjoni tal-investiment fl-UE u l-użu aktar effettiv tar-riżorsi finanzjarji limitati għall-iskop ta’ investimenti strateġiċi pan-Ewropej bħala tip ġdid ta’ ridistribuzzjoni finanzjarja tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita mira ta’ investiment fl-UE bħala waħda mill-kriterji għal politika ta’ investiment fit-tul u sostenibbli; il-mira ta’ investiment tista’ tkun parti miċ-ċiklu regolari tas-Semestru Ewropew u tkun evalwata kull sena.

1.2.

L-għan tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u, b’mod aktar ġenerali, l-investiment b’inċentiv pubbliku, għandu jkun li jappoġġja l-għanijiet strateġiċi tal-UE, li jinkludu: (a) il-promozzjoni ta’ konverġenza ’l fuq sostenibbli ekonomika u soċjali fost l-Istati Membri, (b) l-investiment sostenibbli, konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs tan-NU), (c) l-iffaċilitar ta’ tranżizzjonijiet ġusti, ekoloġiċi u diġitali, (d) it-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika tal-ekonomiji Ewropej, (e) l-iżvilupp ta’ infrastruttura strateġika, (f) il-promozzjoni tal-produttività, ir-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, (g) żieda fl-investiment soċjali u h) l-appoġġ tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea f’kuntest globali. Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ gwida ulterjuri sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet f’termini ġeografiċi u settorjali.

1.3.

L-istabbiliment urġenti ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni u indikaturi unifikati biex jiġi identifikat il-livell ta’ prestazzjoni sostenibbli, abbażi tal-SDGs tan-NU u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2017, għandu jgħin lill-investituri jindirizzaw il-flussi ta’ investiment tagħhom lejn attivitajiet sostenibbli (1).

1.4.

Il-KESE jinsab konvint dwar il-potenzjal kbir li għandhom l-istrumenti finanzjarji innovattivi biex jakkomodaw iż-żoni koperti mill-Programm InvestEU propost. Il-Kumitat jemmen f’sinerġiji bejn il-Programm InvestEU u l-programmi ġestiti b’mod ċentrali fil-futur (il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-Orizzont Ewropa, pereżempju), bi preferenza għall-użu ta’ strument ibbażat fuq ir-ritorn. Sabiex jinkiseb dan, hija meħtieġa semplifikazzjoni regolatorja meta jiġu kkombinati diversi programmi jew proġetti.

1.5.

Wieħed mill-aktar valuri addizzjonali importanti tal-Programm InvestEU huwa l-appoġġ ta’ proġetti Ewropej fuq skala kbira (SESAR, ERTMS, grilji intelliġenti tal-UE) abbażi tal-ingranaġġ ta’ fondi privati, iżda li t-twettiq tagħhom jeħtieġ ukoll azzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit il-qafas regolatorju u finanzjarju adatt. Il-Kummissjoni għandha tagħmel sforz biex l-Istati Membri jinvolvu ruħhom f’dawn il-proġetti ewlenin.

1.6.

Il-KESE jemmen li l-UE għandha tkun lesta, f’dan iż-żmien, biex tassumi riskju akbar sabiex tingħata spinta akbar lill-impjiegi u l-istandards ta’ għajxien. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi allokat impenn tal-QFP ikbar għall-finijiet ta’ dan l-istrument.

1.7.

Il-KESE jappoġġja ħafna l-isforz tal-Kummissjoni biex tidentifika l-ostakli ewlenin għal attivitajiet ta’ investiment aktar intensivi fl-oqsma tal-ambjent tas-Suq Uniku, l-integrazzjoni tal-infrastruttura, ir-rekwiżiti tal-edukazzjoni u tal-ħiliet, u l-allinjament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

1.8.

Madankollu, il-Kumitat iqis li jinħtieġ sforz finanzjarju akbar mill-UE, l-Istati Membri u s-settur privat biex jingħeleb id-defiċit tal-investiment tal-UE, li huwa wieħed mill-aktar riskji serji għall-futur tal-ekonomija Ewropea. Huwa għalhekk li jistieden lill-awtoritajiet tal-UE biex isaħħu l-kapaċità finanzjarja tal-InvestEU fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027.

1.9.

Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jemmen li jeħtieġ li jsir sforz ikbar u li tiġi stabbilita rabta akbar bejn il-FEIS (jew il-Programm InvestEU, rispettivament) u l-programmi ta’ investiment l-oħra tal-UE u l-Istati Membri, billi jiġu promossi s-sinerġiji meħtieġa, jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u li jsir xogħol doppju u billi l-investimenti jiġu diretti b’mod li jintlaħqu objettivi aktar preċiżi.

1.10.

Il-KESE jipproponi li jissaħħaħ il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm InvestEU sabiex il-kumpaniji Ewropej jingħataw il-garanziji meħtieġa li jippermettulhom jinvestu barra miż-żona tal-UE u jippromovu l-kummerċ tal-UE.

1.11.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tqajjem kuxjenza fost in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej dwar il-benefiċċji miksuba mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, speċjalment fir-rigward tal-SMEs, u b’hekk tagħmilhom konxji tal-kontribut tal-UE.

2.   Kuntest ġenerali tal-proposta u elementi fattwali essenzjali

2.1.

Din l-Opinjoni tissejjes direttament fuq, u ssegwi, il-konklużjonijiet adottati fl-Opinjoni dwar InvestEU (2) kif ukoll Opinjonijiet oħrajn dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 tal-UE u dwar il-prestazzjoni ekonomika u tal-investiment tal-UE (3). Konsegwentement, il-konklużjonijiet espressi b’mod espliċitu f’dawn l-Opinjonijiet mhux se jiġu ripetuti f’dan id-dokument, li b’implikazzjoni jaqbel magħhom.

2.2.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa: analiżi u l-passi li jmiss” taqbel bis-sħiħ mal-konklużjonijiet tal-Opinjoni adottata dwar InvestEU (4), b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

l-attività ta’ investiment hija l-uniku indikatur makroekonomiku ewlieni li ma laħaqx il-livell tiegħu ta’ qabel il-kriżi tal-2006-2007, u t-tħeġġiġ tal-użu tal-istrumenti rilevanti kollha għall-appoġġ ta’ din l-attività huwa għalhekk kompletament ġustifikat u leġittimu;

il-ħolqien ta’ strument finanzjarju li jappoġġja l-investiment, ibbażat fuq il-prinċipju tal-garanzija, jikkostitwixxi innovazzjoni sinifikanti fil-finanzjament ta’ proġetti kbar ta’ investiment fl-interess pubbliku;

l-involviment tal-kapital privat huwa ta’ benefiċċju u mixtieq ħafna għal dan il-għan. Madankollu, sħubijiet pubbliċi-privati mfassla ħażin jistgħu jispiċċaw jiswew aktar minn provvediment pubbliku dirett tal-istess servizzi. L-investiment pubbliku f’servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli fl-UE għandu jkun prijorità;

minbarra l-investiment domestiku, għandu jingħata appoġġ ukoll għall-investiment li għandu dimensjoni transkonfinali sinifikanti. Il-mudell jista’ jintuża wkoll biex jiġu implimentati l-investimenti għall-iżvilupp tal-UE barra mill-UE;

l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll madwar l-UE kollha tista’ ttejjeb l-effetti tal-attivitajiet ta’ investiment;

l-investimenti li jsiru għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet tas-Suq Uniku, fejn xieraq, fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, il-funzjonament tas-swieq finanzjarji, l-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija, u t-tħejjija tar-riżorsi umani biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

2.3.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tvarja b’mod usa’ mis-soltu billi tindirizza l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli li jfixklu l-irkupru ta’ investiment aktar b’saħħtu u l-użu aktar effiċjenti tal-istrumenti finanzjarji biex jappoġġjaw l-investiment.

2.4.

Filwaqt li l-abbozz ta’ regolament dwar il-programm InvestEU jittratta prinċipalment il-parametri tekniċi ta’ dan l-istrument, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka b’mod partikolari fuq l-isfond ekonomiku, politiku u soċjali, kif ukoll analiżi u deskrizzjoni tal-ambjent li fih se jintuża l-istrument. Il-KESE jaqbel ma’ din il-fehma ġenerali.

2.5.

L-ewwel prijorità ewlenija għall-Kummissjoni ta’ Juncker (lejn l-aħħar tal-2014 sal-bidu tal-2015) kienet li tgħin biex tneħħi jew tnaqqas id-diskrepanza fl-investiment fl-UE wara l-kriżi. Mingħajr investiment suffiċjenti u profittabbli, il-prosperità ekonomika futura tal-Ewropa u l-kapaċità tagħha li tikkompeti ekonomikament fuq livell globali ma jistgħux jiġu żgurati. Din hija r-raġuni għaliex il-proġett ta’ Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li wara l-2020 se jkun prinċipalment simbolizzat mill-Programm InvestEU, ġie adottat u implimentat fil-prattika. Fil-qofol tiegħu huwa strument finanzjarju mibni fuq il-bażi ta’ garanzija tal-baġit. Il-KESE jħoss li dan l-istrument mhux biss huwa adattat biex jiżgura l-investiment fl-UE, iżda jista’ jirrappreżenta wkoll pjattaforma tal-UE effettiva ħafna għall-iżvilupp u l-appoġġ ta’ proġetti ta’ investiment barra mill-UE (b’rabta mal-objettivi l-ġodda tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-perjodu 2021-2027 mil-lat ta’ azzjoni esterna, globalizzazzjoni u numru akbar ta’ proġetti esterni).

2.6.

Il-profittabilità u l-effiċjenza tal-investiment jiddependu minn struttura ekonomika soda. Ir-riformi strutturali huma għalhekk meqjusa bħala prerekwiżit biex ikun żgurat li l-investiment iġib miegħu l-impatt mistenni. Nuqqasijiet strutturali sinifikanti jirriżultaw f’firxa wiesgħa ta’ ostakli – regolatorji, amministrattivi, ostakli għal kompetizzjoni ġusta, eċċ. Dawn l-ostakli huma serji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak transkonfinali.

2.7.

Il-KESE japprezza l-fatt li l-UE tappoġġja l-aktar ambjent miftuħ possibbli kemm għall-investiment kif ukoll għall-kummerċ, sakemm jiġu rispettati d-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali u l-protezzjoni tal-ambjent. Fl-istess ħin, madankollu, qed jagħti attenzjoni partikolari lir-riskju politiku u strateġiku globali dejjem aktar profond li jista’ jkun marbut miegħu ċertu investiment barrani. Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-introduzzjoni ta’ funzjoni protettiva għal ċerti investimenti barranin, li l-għan tagħhom mhuwiex relatat primarjament man-negozju jew mal-qasam ekonomiku, iżda mal-politika u l-poter.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE japprezza l-benefiċċji tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, b’mod partikolari fl-aspetti li ġejjin:

fi żmien il-kriżi, il-finanzjament privat waqaf u għalhekk il-ħtiġijiet finanzjarji ma ġewx issodisfati. L-investituri bdew jikkunsidraw ir-riskji ħafna aktar bir-reqqa u fil-fond. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa wera li huwa pjattaforma xierqa, sikura, prattika u kkunsidrata b’attenzjoni biex tingħata spinta lill-investiment u jiġi mobilizzat il-finanzjament privat;

il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa kkontribwixxa b’mod pożittiv għall-monitoraġġ immirat u sistematiku ta’ każijiet ta’ fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment negattivi u għen biex jadatta l-perċezzjonijiet tar-riskju għall-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod kompatibbli mas-suq;

l-eżempji tal-proġetti appoġġjati msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea juru b’mod ċar li, fin-nuqqas tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-kapital privat qatt ma kien jista’ jiġi investit f’dan it-tip ta’ proġett mingħajr garanziji suffiċjenti u kopertura adegwata tar-riskju (sakemm ma kienx motivat b’mod filantropiku) u r-riżorsi pubbliċi għal tali impriżi min-natura tagħhom kienu jkunu limitati;

il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-FEIS jirrikjedu li l-proġetti jgħaddu minn test ta’ redditu finanzjarju dirett u b’hekk jissodisfaw l-istandard ta’ kwalità minimu impost fuqhom.

3.2.

L-investiment totali pubbliku u privat fl-UE kien, fl-2018, 20,5 % tal-PDG tal-UE, aktar minn żewġ punti perċentwali inqas mill-2007. L-irkupru kajman tar-rata tal-investiment, sa mill-2013, kien dovut kemm għall-investiment pubbliku kif ukoll għal dak privat.

3.3.

L-investiment pubbliku fl-UE27 għall-perjodu 2014-2018 kien, bħala medja, 2,86 % tal-PDG (2,68 % fiż-żona tal-euro), meta mqabbel ma’ 3,4 % tal-PDG bejn l-2009 u l-2013 (3,2 % fiż-żona tal-euro) (5). B’mod partikolari, il-formazzjoni ta’ kapital fiss nett kienet fil-biċċa l-kbira negattiva mill-2014 sal-2017, li jindika tnaqqis fl-istokk ta’ kapital pubbliku Billi dan jikkontradixxi fuq livell makro l-għanijiet tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tieħu miżuri biex tippromovi l-investiment pubbliku fil-livell tal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom jiġu inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż flimkien ma’ għodod rilevanti oħra tas-Semestru Ewropew.

3.4.

L-akbar parti tad-diskrepanza fl-investiment hija dovuta għal investiment privat. Fid-dawl ta’ dan, id-daqs totali tal-Pjan ta’ Investiment kien baxx wisq sa mill-bidu nett. Fuq perjodu ta’ ħames snin, l-Unjoni Ewropea qed tippjana li timmobilizza investimenti ta’ EUR 500 biljun, li jammontaw għal EUR 100 biljun jew madwar 0,6 % tal-PDG tal-UE fis-sena.

3.5.

Il-KESE huwa konxju tal-ambitu tal-istrumenti finanzjarji rimborżabbli għall-appoġġ tal-attività ta’ investiment fl-UE u huwa konxju wkoll mill-potenzjal li għadu mhux sfruttat tagħhom. Pereżempju, dawn jibnu l-pedamenti għall-użu ħafna aktar effiċjenti u konvenjenti tal-fondi disponibbli. Għall-kuntrarju tas-sussidji, dawn huma fondi li jitħallsu lura u li jistgħu sussegwentement u ripetutament jintużaw wara l-fatturat. Barra minn hekk, l-issikkar mistenni tal-politika monetarja u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kreditu jistgħu jkomplu jżidu l-attraenza tagħhom. Jekk jiġu ttrattati b’mod adatt mil-lat tal-politika ekonomika u l-governanza, huma jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ bażi finanzjarja soda għal appoġġ tul perjodu ta’ żmien twil ħafna (anke diversi deċennji) tal-investimenti ta’ interess pubbliku (huwa essenzjali li niddefinixxu xi jfisser l-interess pubbliku; il-fehma prevalenti attwalment hija li l-istrumenti finanzjarji huma adatti meta wieħed jiġi biex jirrimedja diversi tipi ta’ falliment tas-suq). L-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji jgħin ukoll biex jinkoraġġixxi varjazzjoni fil-prodotti finanzjarji disponibbli fis-swieq nazzjonali kif ukoll fis-suq pan-Ewropew ta’ intermedjazzjoni finanzjarja u biex tissaħħaħ id-diversità tiegħu u d-diversità tal-prodotti u s-soluzzjonijiet finanzjarji disponibbli.

3.6.

Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li naturalment mhux kull proġett huwa adatt li jiġi appoġġjat minn strumenti finanzjarji (il-kriterju ġenerali għar-rilevanza huwa l-eżistenza ta’ ambjent tas-suq u r-riskju ta’ falliment tas-suq fid-diversi forom tiegħu). Fejn il-proġett wera li jistħoqqlu l-appoġġ permezz ta’ strumenti finanzjarji, l-effett jinkiseb permezz ta’ tliet modi bażiċi:

permezz ta’ appoġġ għal proġett li huwa kapaċi jikseb benefiċċji addizzjonali u li jistgħu jitkejlu (pereżempju, żieda fil-profittabbiltà, gwadanji fil-produttività). F’dan il-każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna huma kważi esklużivament negozji individwali jew ir-raggruppamenti tagħhom, bħall-“clusters”;

permezz ta’ ffrankar fil-prestazzjoni ta’ proċessi eżistenti (bħal tnaqqis tad-domanda u l-ispejjeż tal-enerġija, u tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat billi jiġu ottimizzati l-proċessi). F’dan il-każ, l-entitajiet tas-settur pubbliku jistgħu jiġu appoġġjati minn strumenti finanzjarji bl-istess mod bħall-entitajiet tan-negozju;

permezz tal-istabbiliment ta’ parteċipazzjoni finanzjarja għall-konsumaturi ta’ prodott jew servizz partikolari. Din il-parteċipazzjoni tista’ tkun appoġġjata aktar minn sussidju mmirat jew programm ta’ appoġġ nazzjonali jew reġjonali ieħor li jippermetti li strument finanzjarju jitħallas lura.

3.7.

Il-KESE jieħu nota ta’ parti fundamentali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li tittratta l-identifikazzjoni tal-ostakli eżistenti. Dawn huma primarjament ostakli għas-Suq Uniku u l-ħtieġa li dan jiġi approfondit aktar u li jitneħħew l-ostakli (kemm billi jingħelbu l-ostakli amministrattivi u regolatorji eżistenti kif ukoll billi titwettaq il-modernizzazzjoni teknoloġika tas-Suq Uniku permezz tat-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali u l-istrateġija ta’ implimentazzjoni relatata). Qed naħsbu wkoll dwar il-potenzjal tal-iżvilupp tas-swieq kapitali u l-inkorporazzjoni tagħhom fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Hemm ukoll ostakli u potenzjal għall-integrazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija, jew permezz tal-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej (TENs) jew abbażi ta’ unjoni tal-enerġija. Huwa importanti wkoll li wieħed iżomm f’moħħu d-dimensjoni umana u r-rekwiżiti tal-edukazzjoni u l-ħiliet tal-forza tax-xogħol (f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali) kif ukoll l-allinjament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Mil-lat tal-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji taħt il-QFP għall-perjodu 2021-2027, il-KESE jinnota wkoll li jeħtieġ li tiġi żgurata l-aqwa konformità possibbli mal-Fondi ESI.

3.8.

Il-KESE jemmen li huwa neċessarju li jsir sforz akbar u li jiġi stabbilit livell ogħla ta’ konsistenza bejn il-FEIS (jew il-Programm InvestEU, rispettivament) u l-programmi ta’ investiment l-oħra tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Istati Membri. Dan se jgħin fil-promozzjoni tas-sinerġiji meħtieġa u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni fost il-programmi.

3.9.

L-investiment inċentivat pubblikament għandu jkun immirat lejn objettivi preċiżi li jiġu stabbiliti b’mod ċar u strateġiku fil-livell Ewropew sabiex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni. L-oqsma li se jiġu appoġġjati huma stabbiliti fit-taqsima 1.2 ta’ dan id-dokument. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jqis li jkun neċessarju li tiġi pprovduta aktar gwida, speċifikament mil-lat tal-allokazzjoni settorjali tal-kreditu lill-FEIS u l-programm futur InvestEU.

3.10.

B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, l-istabbiliment urġenti ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata u ta’ indikaturi għall-identifikazzjoni tal-grad tal-prestazzjoni tas-sostenibbiltà għandu jiġi sostnut minn fehim olistiku tal-impatt tal-attivitajiet ekonomiċi u l-investimenti fuq is-sostenibbiltà ambjentali u l-effiċjenza tar-riżorsi kif ukoll fuq l-objettivi soċjali u ta’ governanza, f’konformità mal-SDGs tan-NU u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2017. Dan l-approċċ għandu jgħin lill-investituri jidderieġu l-flussi tal-investiment tagħhom lejn attivitajiet sostenibbli li jippermettu l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’mod sħiħ, komprensiv, integrat u effettiv (6).

3.11.

Il-Pjan Juncker oriġinali kien jiggarantixxi jew joffri garanzija ta’ kontinġenza ta’ EUR 21 biljun li tiġġenera sa EUR 315-il biljun. Permezz ta’ InvestEU, il-Kummissjoni qed tipproponi garanzija ta’ kontinġenza ta’ EUR 38 biljun (+ EUR 9,5 biljun minn imsieħba finanzjarji) li tiġġenera sa EUR 650 biljun. Mad-daqqa t’għajn, l-inizjattiva InvestEU tirdoppja s-saħħa tal-Pjan Juncker, u barra minn hekk tippermetti lill-Istati Membri jimpenjaw sa 5 % tal-allokazzjonijiet tagħhom għall-politika ta’ koeżjoni għal erba’ kompartimenti ta’ garanzija. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-istrument imsaħħaħ iżda jqis li l-impenn ta’ EUR 15,2 biljun, li jirrappreżenta 1,2 % tal-QFP li jmiss, mhuwiex adegwat sabiex jintlaħaq l-għan li l-investiment jitreġġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Impenn ta’ 2 % (EUR 25,5 biljun), pereżempju, jista’ jiġġenera investiment pubbliku u privat addizzjonali ta’ aktar minn EUR 1 triljun.

3.12.

Hemm bżonn li tiġi promossa u appoġġjata l-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji u konsorzji Ewropej fis-sejħiet għall-offerti u l-akkwist pubbliku internazzjonali. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm InvestEU jista’ jiġi estiż biex ikopri ż-żoni ġeografiċi kollha u biex jipprovdi garanziji lill-kumpaniji Ewropej li jinvestu barra mill-UE. Din tista’ tkun l-ewwel reazzjoni prattika għall-Inizjattiva “Belt and Road”.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni xierqa sabiex jiġi żgurat li jitneħħew l-ostakli fil-livell nazzjonali u reġjonali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

4.2.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiddetermina b’mod ċar il-possibilitajiet għall-integrazzjoni tal-FEIS, il-Programm futur InvestEU u l-Fondi SIE. Il-Proposta għal Regolament tirreferi kemm-il darba għal sinerġiji bejn il-kapitoli u l-programmi tal-QFP, iżda r-realtà hija ħafna inqas akkomodanti għal dawn is-sinerġiji. Il-prattika attwali turi li l-possibbiltà li l-FEIS jiġi kkombinat mal-Fondi SIE hija limitata. Il-KESE ma jqisx li huwa mixtieq li wieħed jimxi f’din id-direzzjoni u jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti regoli ċari li jippermettu l-użu tal-Fondi SIE (fil-forma ta’ sussidju) u l-FEIS (fil-forma ta’ strument finanzjarju) għall-istess proġett.

4.3.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu perspettiva komprensiva tal-investiment meta tkun qed targumenta favur estensjoni tal-FEIS. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jkollhom ir-riżorsi fiskali meħtieġa għall-investiment pubbliku. Peress li n-nefqa hija tista’ tgħid dejjem marbuta mad-dħul mit-taxxa skont ir-regoli fiskali attwali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea trid tkun minn ta’ quddiem f’azzjoni determinata permezz ta’ strumenti effettivi kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-attività illegali tar-rifuġji fiskali. Dan jinkludi l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa li hija pprattikata llum minn xi Stati Membri li jiffavorixxu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa ta’ kumpaniji multinazzjonali.

4.4.

Ċerti tipi ta’ investiment, bħall-infrastruttura pubblika, jistgħu jiġu pprovduti b’mod aktar effiċjenti u b’inqas spejjeż għas-soċjetà bl-użu tas-settur pubbliku minflok is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati. F’dan il-każ, il-Kummissjoni Ewropea hija mħeġġa tippermetti lill-Istati Membri jinvestu biżżejjed mingħajr ma jnaqqsu l-infiq soċjali. B’konformità mat-teorija u l-prattika razzjonali tal-finanzi pubbliċi, il-ġenerazzjonijiet futuri li jibbenefikaw mill-investiment attwali għandhom iħallsu sehem ġust fil-finanzjament tiegħu permezz tal-ħruġ ta’ bonds tal-gvern fil-preżent. Kieku l-investiment pubbliku kellu jiġi ffinanzjat biss mill-ġenerazzjoni attwali permezz ta’ taxxi ogħla jew inqas infiq tal-gvern, dan ifisser li jkollu jiffaċċja fil-preżent piż għoli bla bżonn. Fil-prattika, dan ifisser li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) isir aktar flessibbli permezz tal-hekk imsejħa Regola tad-Deheb: l-ispejjeż ta’ investiment pubbliku mhux se jiġu kontabilizzati għall-finijiet tal-kalkolu tal-objettivi tad-defiċit pubbliku. L-użu ta’ approċċ flessibbli għall-implimentazzjoni tal-PST li għadu kif ġie aġġustat, introdott mill-Kummissjoni fl-2014, kellu effetti pożittivi fuq it-tkabbir. Għandu jinżamm u jiġi mmirat lejn investiment li jkun ta’ interess pubbliku għoli.

4.5.

Ir-riforma tal-UEM tista’ tipprovdi l-governanza meħtieġa għal politika ta’ investiment adegwata. B’mod partikolari, l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li jwassal biex jibdew jitħaddmu l-istrumenti tagħhom, jista’ jgħin il-finanzjament ta’ kumpaniji, speċjalment l-SMEs. Il-KESE jqis li din hija emerġenza u jiddispjaċih dwar id-dewmien mill-Kunsill Ewropew f’dan ir-rigward.

4.6.

Il-KESE jqis li jkun neċessarju li tiġi pprovduta aktar gwida fir-rigward tal-allokazzjoni settorjali tal-għajnuna mill-FEIS u l-programm futur InvestEU. Fil-fehma tal-Kumitat, l-investimenti għandu jkollhom prijorità fi tliet setturi: (a) il-kostruzzjoni ta’ mudell ekonomiku ekoloġiku u diġitali Ewropew; (b) ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; u (c) l-edukazzjoni u t-taħriġ. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għal mudell ekoloġiku u soċjali vijabbli, l-investimenti ta’ natura soċjali għandhom jiġu promossi abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-investiment fl-assistenza u l-appoġġ soċjali (7).

4.7.

L-awditi mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fuq kampjuni ta’ proġetti fit-Tieqa ta’ Infrastruttura u Innovazzjoni (IIW) issuġġerew li madwar terz tal-proġetti setgħu ġew kompletament iffinanzjati minn sorsi oħra minbarra l-FEIS. Il-promoturi tal-proġetti prinċipalment jagħżlu l-FEIS minħabba spiża aktar baxxa ta’ finanzjament u parzjalment minħabba maturità itwal tas-self.

4.8.

Meta proġett li kien jitwettaq permezz ta’ sorsi ta’ finanzjament mhux tal-FEIS jiġi meqjus bħala addizzjonali fir-rigward tal-FEIS, jitqies li jkun konformi mal-fehim komuni u mhux tekniku tal-addizzjonalità. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar ir-rilevanza għall-ekonomija reali tad-definizzjoni u l-applikazzjoni prattika tal-addizzjonalità fir-regolamentazzjoni u l-prattika tal-FEIS. Jista’ jdgħajjef il-kredibbiltà tal-FEIS li hija tant meħtieġa. Għalhekk, il-KESE jqis li l-FEI primarjament għandu jiffoka l-attivitajiet tiegħu fuq proġetti li huma verament addizzjonali fis-sens li, mingħajr il-finanzjament tal-FEIS, ma kinux jitwettqu biex b’hekk jiġi żgurat l-effett massimu fuq l-ekonomija reali u biex titħeġġeġ il-fiduċja fil-FEIS mill-pubbliku ġenerali.

4.9.

Kif innutat il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-metodoloġija użata biex jiġi stmat l-investiment mobilizzat, esaġerat, f’xi każijiet, sa fejn l-appoġġ tal-FEIS tabilħaqq ħeġġeġ investiment addizzjonali fl-ekonomija reali. Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha ssegwi r-rakkomandazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tiżviluppa indikaturi ta’ prestazzjoni u monitoraġġ komparabbli għall-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji kollha tal-UE sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kapaċità li jiġu vvalutati r-riżultati tagħhom.

4.10.

Kif innutat il-QEA, il-FEIS parzjalment issostitwixxa wkoll il-finanzjament minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE li huma ġestiti b’mod ċentrali, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija. Inħeġġu lill-Kummissjoni u lill-BEI jikkunsidraw duplikazzjonijiet potenzjali futuri bejn l-operazzjonijiet taħt it-Tieqa ta’ Infrastruttura u Innovazzjoni tal-FEIS u l-istrumenti finanzjarji tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

4.11.

Sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni adatta tal-investimenti mobilizzati tal-FEIS, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex b’mod sistematiku tikkonċettwalizza l-ġbir tad-data li huwa meħtieġ sabiex titwettaq l-analiżi statistika ex-post sabiex jiġu evalwati l-istimi multiplikaturi ex-ante ta’ proġetti individwali. Dan jista’ jgħin biex jittejbu l-kalkoli ex-ante futuri.

4.12.

Il-KESE jirrakkomanda li, minbarra ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (li huwa primarjament maħsub biex jappoġġja proġetti kbar ta’ investiment b’valur miżjud Ewropew ċar), għandu jopera netwerk ta’ uffiċċji konsultattivi nazzjonali u reġjonali, b’metodoloġija u interpretazzjoni konsistenti madwar l-UE, u li jipprovdi servizzi ta’ konsulenza b’mod partikolari lill-SMEs u l-proġetti tagħhom aktar iffukati fuq ir-reġjuni.

4.13.

Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jitwettaq test ta’ eliġibbiltà fuq proġetti għal finanzjament li jitħallas lura permezz ta’ strumenti finanzjarji, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi pjattaforma ta’ esperti. F’dan it-test, għandhom jiġu rispettati it-tliet rekwiżiti bażiċi għal strumenti finanzjarji: l-effettività (żgurata mill-maniġers ta’ dawn il-fondi li jwettqu id-dmirijiet tagħhom, u b’hekk jiġi ssodifat l-interess pubbliku b’mod kwalitattivament differenti mis-sussidji); l-utilità (abbażi tal-leġittimità ta’ kull programm jew parti minnu li huwa assenjat għal strumenti li jitħallsu lura); u s-sostenibbiltà fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha (abbażi tad-definizzjoni tal-prinċipju li l-istrumenti li jerġgħu jintużaw għandhom ikunu strumenti li jitħallsu lura).

4.14.

Ir-Regolament FEIS ma jistabbilixxix kriterji ta’ distribuzzjoni ġeografika għall-garanziji li jagħti. Huwa jistabbilixxi li dawn huma rregolati mid-domanda. Madankollu, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-FEIS stabbilixxa diversifikazzjoni ġeografika indikattiva u limitu ta’ konċentrazzjoni ġeografika fil-Qafas għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni. Ir-Regolament ma jistabbilixxix limiti ta’ konċentrazzjoni għall-Qafas għall-SMEs. Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-programm futur InvestEU għandhom ikunu strumenti ta’ konverġenza ekonomika u soċjali, u mhux ta’ diverġenza, bejn l-Istati Membri. Għalkemm l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea tindika li x-xejra lejn konċentrazzjoni ġeografika ġiet parzjalment ikkoreġuta fl-2018, il-kwistjoni hija importanti biżżejjed għall-adozzjoni ta’ linji gwida politiċi u bidliet regolatorji meħtieġa biex tintemm din is-sitwazzjoni. Bħala mezz wieħed biex titjieb is-sitwazzjoni, il-Kumitat jilqa’ l-istabbiliment ta’ Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali f’pajjiżi li m’għandhomx, sabiex jikkooperaw mal-FEIS u l-BEI, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jagħmlu dan.

4.15.

Il-KESE jirrimarka li, b’mod partikolari fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss tal-qafas fiskali, se jkun aktar importanti li l-istrumenti finanzjarji jkollhom funzjoni speċifika għal skop speċifiku u li r-regoli proposti jassumu firxa wiesgħa ta’ kombinazzjonijiet bejniethom, u b’hekk jiftħu l-ispazju għall-provvista ta’ soluzzjonijiet “imfassla apposta” għal proġetti individwali. L-istrumenti finanzjarji mhumiex omoġenji fit-tip, u self, garanzija, input ta’ kapital dirett jew bond ta’ proġett jistgħu jiġu assenjati għal tip speċifiku ta’ proġett. Meta jintużaw dawn l-istrumenti, fil-prattika għandha tingħata preferenza lil soluzzjonijiet “imfassla apposta” għaliex huwa preċiżament permezz ta’ dawn li l-potenzjal tal-istrumenti finanzjarji jista’ jiġi sfruttat bis-sħiħ.

4.16.

Jekk ir-riformi strutturali jitqiesu importanti b’mod ġenerali biex jinkiseb livell ogħla ta’ investiment, jeħtieġ li jiġu spjegati b’mod espliċitu u fid-dettall. Għadd ta’ aġġustamenti u riformi strutturali matul il-perjodu ta’ politika ta’ awsterità fil-pajjiżi tal-programm dgħajfu aktar id-domanda privata u pubblika, żiedu l-livell tal-qgħad, żiedu l-inċertezza u baxxew id-dħul tal-familji u l-aspettattivi tal-bejgħ tal-kumpaniji. Għalhekk ikkontribwixxew għal żieda fid-diskrepanza fl-investiment. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li għandhom jiġu promossi riformi li: (a) itejbu l-ambjent tan-negozju; (b) jiffaċilitaw il-finanzjament tal-kumpaniji — b’mod partikolari l-SMEs; (c) iżidu l-produttività; (d) jippromovu r-riċerka, l-innovazzjoni fl-iżvilupp u t-taħriġ; (e) jippromovu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità; (f) isaħħu n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali; (g) isaħħu d-domanda domestika; (h) iżidu r-reżiljenza ekonomika; u (i) jippermettu livell adegwat ta’ investiment pubbliku, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ kapaċitajiet ta’ ppjanar effettiv fi ħdan is-settur pubbliku.

4.17.

Flimkien mal-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn il-programmi ta’ investiment tal-UE u tal-Istati Membri, jinħtieġ ukoll li jiġu promossi l-kisbiet ta’ dawn il-programmi fost iċ-ċittadini: madwar 945 000 SME huma mistennija li jibbenefikaw mill-FEIS u ħafna aktar mill-programm InvestEU. L-SMEs benefiċjarji għandhom ikunu konxji tal-appoġġ li rċevew mill-UE, pereżempju permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ kjarifika fil-kuntratt ta’ finanzjament kif ukoll permezz tal-użu tal-logo tal-Unjoni Ewropea fuq il-kuntratt.

Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Finanzjament ta’ Tkabbir Sostenibbli.

(2)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 131.

(3)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83 , ĠU C 62, 15.2.2019, p. 90 , ĠU C 62, 15.2.2019, p. 126, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 312 , u ĠU C 159, 10.5.2019, p. 49.

(4)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 131.

(5)  Tbassir Ekonomiku Ewropew. Statistical Annex. Kummissjoni Ewropea, Novembru 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Ara r-(2019)0325 riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2019 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas li jiffaċilita l-investiment sostenibbli (COM(2018)0353 final – C8-0207/2018 – 2018/0178(COD)).

(7)  Ninvestu f’kura u appoġġ soċjali. Imperattiv Ewropew.


Top