EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR2352

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett tat-Tkabbir 2018

COR 2018/02352

ĠU C 86, 7.3.2019, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/8


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett tat-Tkabbir 2018

(2019/C 86/02)

Relatur

Franco IACOP (IT/PSE), Kunsillier reġjonali tar-Reġjun ta’ Friuli Venezia Giulia

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE

COM(2018) 450 final.

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

josserva b’interess l-impenn imġedded tal-Kummissjoni għat-tkabbir tal-UE, kif rifless mhux biss fil-Komunikazzjoni COM(2018) 450 final inkwistjoni, iżda wkoll fl-Istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent ta’ Frar 2018 (ara l-Opinjoni COR 2018/00065) u fid-deċiżjoni li jinbeda malajr l-iskrinjar leġislattiv mal-Albanija u mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja wara r-reazzjoni pożittiva tal-Kunsill fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjoni biex jinfetħu n-negozjati f’Ġunju 2019, abbażi tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u bil-kundizzjoni li jkun sar il-progress meħtieġ;

2.

jenfasizza li l-proċess ta’ tkabbir għandu jibqa’ prijorità tal-UE u jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-istat tad-dritt, il-ġustizzja, id-drittijiet fundamentali u r-rispett u l-ħarsien tal-minoranzi jibqgħu fiċ-ċentru ta’ dan il-proċess;

3.

ifakkar li huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-proċess u jinkoraġġixxi lill-pajjiżi kandidati (l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija) u l-pajjiżi kandidati potenzjali (il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo (*1)) biex isaħħu l-istrateġiji tagħhom għal deċentralizzazzjoni amministrattiva fid-dawl ta’ sussidjarjetà konkreta;

4.

jilqa’ l-fatt li ż-żewġ presidenzi tal-Kunsill tal-2018 inkludew it-tema tal-Balkani tal-Punent fost il-prijoritajiet tas-Semestru rispettiv tagħhom, jilqa’ bi pjaċir l-organizzazzjoni tas-Summit ta’ Sofija u jittama li d-dikjarazzjoni ffirmata f’dik l-okkażjoni tissarraf malajr kemm jista’ jkun f’inizjattivi konkreti;

5.

jinnota b’dispjaċir li fil-Balkani tal-Punent kien hemm tnaqqis fil-progress tal-azzjoni riformista mmirata lejn is-sħubija fl-UE u li dan wassal għal dubju u xettiċiżmu fost iċ-ċittadini;

6.

jinnota b’dispjaċir li l-mod kif żviluppat is-sitwazzjoni fit-Turkija, sal-elezzjonijiet ta’ Ġunju u warajhom, wassal għal tnaqqis progressiv tar-rispett tal-valuri u l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tant li l-prospetti ta’ sħubija mal-UE tal-Balkani tal-Punent u tat-Turkija issa huma differenti minn xulxin;

7.

huwa fiduċjuż li l-impetu mġedded mill-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Balkani tal-Punent (u b’mod indirett għat-Turkija wkoll) jista’ jniedi l-proċess kollu mill-ġdid;

8.

jittama li d-dinamika l-ġdida tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea deskritta fil-proposti leġislattivi reċenti tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni (Interreg) u t-tkabbir (IPA III) tista’ tinċentiva l-kollaborazzjoni stretta bejn ll-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

9.

itenni li l-konformità mal-kriterji ta’ Copenhagen fl-iktar sens wiesa’ tagħhom hija u għandha tibqa’ l-parametru fundamentali għall-valutazzjoni tal-idoneità tal-pajjiżi kandidati biex isiru Stati Membri tal-UE;

10.

jiżgura r-rieda massima li jaħdem flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE sabiex jappoġġja l-perkors ta’ tħejjija u tas-sħubija futura tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

11.

huwa kunfidenti li l-ftehim il-ġdid ta’ koperazzjoni bejn il-KtR u l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmat fi Strasburgu fis-27 ta’ Marzu 2018, isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, jippermetti li jiżdiedu s-sinerġiji u li tiġi evitata d-duplikazzjoni;

12.

jinnota li fost il-forom l-aktar effikaċi ta’ assistenza li jistgħu jingħataw fil-livell tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jispikkaw l-inizjattivi ta’ skambju bejn il-pari; jinnota wkoll li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri għandhom kompetenzi relatati mal-applikazzjoni tal-acquis li jistgħu jiġu kondiviżi b’mod utli ma’ korpi simili tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

13.

ifakkar li, fil-pajjiżi li jaspiraw li jingħaqdu mal-UE, is-soċjetà kollha kemm hi għandu jkollha rwol prinċipali f’riforma profonda tal-valuri u li, f’din il-perspettiva, huwa essenzjali r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li ċ-ċittadini jirrikkorru għalihom fil-ħajja ta’ kuljum;

14.

itenni li minħabba r-relazzjoni diretta tagħhom mal-popolazzjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali biss jistgħu jikkomunikaw b’mod effikaċi l-benefiċċji tas-sħubija fl-UE u jgħarrfu dwar il-vantaġġi u l-benefiċċji li l-UE tqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini kollha Ewropej, anki fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

15.

jinnota b’dispjaċir għalhekk li d-dokument li jiġbor fil-qosor il-pakkett tat-tkabbir ma jirreferix b’mod espliċitu għas-sitwazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda jenfasizza biss ftit għall-bżonn li jintlaħaq bilanċ adatt bejn il-livelli tal-gvern ċentrali u lokali.

Previżjonijiet, suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet

16.

jittama li fil-Balkani tal-Punent il-gvernijiet jerġgħu jniedu l-proċess ta’ tqarrib lejn l-UE u jkunu kapaċi jifhmu s-sinjali pożittivi li jindikaw żviluppi importanti f’perspettiva temporali realistika; jittama wkoll li ċ-ċittadini tar-reġjun juru b’determinazzjoni ġdida ċ-ċaħda tagħhom tan-nazzjonaliżmu, ir-radikalizzazzjoni u tar-restrizzjoni tal-identità u s-sostenn tagħhom għall-ideal tal-Ewropa;

17.

jittama li t-Turkija tabbanduna l-loġika ta’ stat ta’ emerġenza u terġa’ taqbad it-triq ta’ tqarrib lejn l-UE, billi tneħħi l-miżuri li dgħajfu r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali u billi tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ tas-setgħat demokratiċi fil-livelli kollha: ċentrali, reġjonali u lokali;

18.

jistieden lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kollha sabiex ikomplu għaddejjin b’determinazzjoni fit-triq tar-riforma amministrattiva u biex isegwu fil-fatt għanijiet ta’ deċentralizzazzjoni realistiċi u ambizzjużi fl-istess ħin, u jipprovdu allokazzjonijiet baġitarji adegwati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

19.

ifakkar li t-tkabbir ekonomiku u t-titjib fl-istandard tal-għajxien taċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għandhom ikunu inkoraġġiti, u jiżguraw impatt fil-livell lokali;

20.

josserva li l-kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta hija meħtieġa għall-ġestjoni tal-flussi migratorji; ifakkar li l-għajnuna li l-UE toffri lill-Balkani tal-Punent u lit-Turkija biex tikkontribwixxi għall-immaniġġjar ta’ dawn il-flussi migratorji għandha tasal ukoll għand l-awtoritajiet lokali u reġjonali impenjati ta’ kuljum fl-attività ta’ akkoljenza u appoġġ;

21.

jinnota li l-ebda kapitolu ta’ negozjar ma għandu bħala għan il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni jew tar-riforma tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-governanza; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi dawn is-suġġetti fil-laqgħat bilaterali kollha li jiffukaw fuq il-kapitoli tal-acquis li għalihom id-deċentralizzazzjoni amministrattiva hija rilevanti u sabiex tinsisti mal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fil-proċess tat-tħejjija għas-sħubija;

22.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi proċeduri operattivi ad hoc li jippermettu l-użu tal-istrumenti tat-TAIEX u t-Twinning għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

23.

jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rilanċ tal-Faċilità ta’ Amministrazzjoni Lokali u tal-Programm ta’ Taħriġ Reġjonali, li ntużaw fit-tkabbir preċedenti;

24.

jistieden lill-Kummissjoni biex tesperimenta l-intervent tal-programm Sigma mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi kandidati sabiex jiżviluppaw mudelli għar-riforma tal-governanza lokali bil-għan li japplikaw l-acquis;

25.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi inizjattivi fil-qasam kulturali u dak sportiv li, speċjalment f’żoni li jinkludu gruppi etniċi differenti, jippermettu l-involviment dirett tal-popolazzjoni lokali kollha u b’mod partikolari taż-żgħażagħ, u b’hekk irawmu l-integrazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-identitajiet;

26.

jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja l-imġiba tar-rappreżentanti pubbliċi tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u r-rispett tal-minoranzi etniċi u lingwistiċi u tal-komunità LGBI+. L-Unjoni Ewropea hija xempju ta’ tolleranza fid-dinja u jeħtieġ li kwalunkwe tkabbir futur iħaddan appoġġ politiku b’saħħtu għall-valuri demokratiċi marbutin mar-rispett tal-persuni, kemm fir-rigward tal-ħarsien tal-libertà kif ukoll tal-ugwaljanza;

27.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni u tieħu inizjattivi konġunti – anki fl-ispirtu tal-Proċess ta’ Berlin – ma’ organizzazzjonijiet li jafu r-realtajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali u li diġà sperimentaw magħhom forom ta’ kooperazzjoni, b’mod partikolari NALAS (Netwerk tal-Assoċjazzjonijiet tal-Awtoritajiet Lokali fix-Xlokk tal-Ewropa); ALDA (Assoċjazzjoni Ewropea għad-Demokrazija Lokali); IEĊ (Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali); u KKR (Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali);

28.

itenni, fl-aħħar nett, l-istedina urġenti tiegħu lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti futuri dwar l-istat attwali tal-proċess tat-tkabbir, tagħti aktar attenzjoni u analiżi tas-sitwazzjoni fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, billi tivvaluta l-progress jew in-nuqqasijiet fir-riforma amministrattiva bħalma għamlet fir-rigward tal-awtoritajiet ċentrali.

Kummenti speċifiċi rigward il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali

Il-Montenegro

29.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati sinifikanti tal-Montenegro fil-perkors Ewro-Atlantiku tiegħu;

30.

jinnota li huma meħtieġa sforzi sinifikanti biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt u l-istituzzjonijiet demokratiċi, fil-ħidma tagħhom biex terġa’ tiddaħħal rappreżentanza sħiħa tal-forzi politiċi kollha fil-Parlament;

31.

jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, b’mod partikolari l-ħafna każijiet ta’ intimidazzjoni u vjolenza kontra l-ġurnalisti;

32.

jilqa’ bi pjaċir l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda mmirati lejn l-introduzzjoni ta’ kriterji ta’ reklutaġġ meritokratiċi kemm fl-amministrazzjonijiet ċentrali kif ukoll f’dawk periferiċi u jilqa’ b’sodifazzjon il-fatt li kważi l-muniċipalitajiet kollha adottaw kodiċijiet etiċi għall-uffiċjali tagħhom stess u għar-rappreżentanti eletti lokali;

33.

jitlob li ssir verifika tal-impatt fuq livell lokali tal-applikazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar l-ippjanar territorjali u l-kostruzzjoni ċivili, li tibdel it-tqassim tar-responsabbiltajiet għar-regolamentazzjoni tal-użu tal-art.

Is-Serbja

34.

jilqa’ bi pjaċir il-fatt li, bħal fil-każ tal-Montenegro, il-Kummissjoni indikat l-2025 bħala data possibbli, għalkemm ambizzjuża, għas-sħubija mal-UE;

35.

jenfasizza li l-kisba ta’ dan l-għan se tkun teħtieġ impenn u sforzi kbar, b’mod partikolari għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo;

36.

jilqa’ bi pjaċir il-ħatra ta’ mara bħala kap tal-gvern għall-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż, iżda jinnota li l-liġi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha ma ġietx adottata mill-Parlament u li għad jinħtieġu sforzi sinifikanti biex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Rom, tal-persuni LGBTI, tal-persuni b’diżabilità u tal-gruppi soċjalment vulnerabbli;

37.

jagħraf l-impenn tas-Serbja fil-ġestjoni tal-flussi migratorji li jaqsmu t-territorju tagħha;

38.

jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadha waħda mill-aktar ħidmiet l-aktar importanti tal-pajjiż; li jeħtieġ li tiġi adottata mill-aktar fis possibbli l-liġi l-ġdida dwar l-aġenzija ta’ kontra l-korruzzjoni, iżda li għandha tingħata attenzjoni wkoll għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

39.

jinnota bi tħassib li l-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali juru nuqqasijiet u li r-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għal dawn l-entitajiet mhux dejjem ikunu adatti għax-xogħol li jirdu jwettqu; jilqa’ b’sodifazzjoni, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tal-liġi dwar il-pagi fl-awtoritajiet lokali u reġjonali lejn l-aħħar tal-2017;

40.

iħeġġeġ lis-Serbja sabiex timplimenta r-regoli kostituzzjonali dwar il-finanzjament tal-provinċja awtonoma ta’ Voivodina, billi tadotta mill-aktar fis possibbli d-dispożizzjonijiet leġislattivi rilevanti; iħeġġeġ ukoll lill-gvern sabiex jirrispetta l-awtonomija tar-rappreżentanti lokali irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom;

41.

ifakkar fir-rwol li jista’ jkollhom l-NGOs anki fil-livell lokali u jirrakkomanda li jiġu definiti malajr il-kriterji ta’ aċċess għall-finanzjament pubbliku li jiżguraw l-effiċjenza u t-trasparenza tiegħu; jittama li l-libertà tal-espressjoni tkun dejjem żgurata u li t-theddid u l-intimidazzjonijiet kontra l-ġurnalista jiġu kkundannati u mrażżna mill-awtoritajiet mingħajr dewmien.

It-Turkija

42.

jirrikonoxxi li t-Turkija hija msieħeb importanti tal-UE iżda jiddenunzja l-mod li bih ir-restrizzjonijiet serji tal-libertà tal-individwi, bl-arrest ta’ għexieren ta’ eluf ta’ persuni u tkeċċijiet ta’ gruppi sħaħ ta’ uffiċjali pubbliċi, jistunaw mal-prinċipji u mal-valuri li fuqhom hija bbażata l-UE, b’mod partikolari l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali;

43.

ifakkar li l-emendi kostituzzjonali mmirati li saru dan l-aħħar biex jintroduċu reġim presidenzjali, ġew ikkritikati ħażin mill-Kummissjoni ta’ Venezja, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-separazzjoni tal-poteri; josserva wkoll li wieħed jistenna li kull pajjiż kandidat jirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll li jiżgura ġudikatura indipendenti u li tiffunzjona;

44.

jesprimi tħassib serju dwar it-tneħħija bil-forza u f’ċerti każijiet bl-arrest ta’ aktar minn mitt sindku eletti b’mod demokratiku, sostitwiti minn awtoritajiet ta’ fiduċja tal-gvern, u dwar il-pressjoni fuq sindki ta’ bosta bliet oħra biex jirriżenjaw mill-kariga tagħhom;

45.

jittama li l-elezzjonijiet lokali li għandhom isiru sa Marzu 2019 jiġu organizzati fir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi u li jipprovdu l-okkażjoni biex terġa’ tiġi stabbilita r-rappreżentanza demokratika tal-awtoritajiet lokali;

46.

jirrikonoxxi l-isforzi tat-Turkija għall-appoġġ lir-refuġjati fit-territorju tagħha u jenfasizza l-impenn finanzjarju tal-UE biex dawn l-isforzi jkunu inqas ta’ piż; jittama li parti xierqa mill-fondi allokati mill-UE tiġi ddedikata għall-EALR involuti direttament fil-ġestjoni tar-refuġjati;

47.

jiddispjaċih li t-Turkija għadha mhix qed tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-UE u li ma tirrikonoxxix lir-Repubblika ta’ Ċipru; iħeġġeġ soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli tal-kwistjoni ta’ Ċipru a bbażi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-acquis tal-UE u jistieden lit-Turkija biex timpenja ruħha u tikkontribwixxi għal din is-soluzzjoni; jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress miksub lejn soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku, kif ukoll l-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti għat-tnedija mill-ġdid tan-negozjati;

48.

jistieden lit-Turkija timpenja ruħha b’mod inekwivoku għal relazzjonijiet tajba mal-ġirien kollha tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rrispettat id-dritt tal-Istati Membri kollha li jidħlu fi ftehimiet bilaterali u li jesploraw u jisfruttaw ir-riżorsi naturali f’konformità mal-acquis tal-UE u mal-liġi internazzjonali; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati s-sovranità u d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri fuq iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tagħhom, il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħhom;

49.

jistieden lit-Turkija biex tibda tirtira l-qawwiet tagħha minn Ċipru u biex tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta’ Famagusta lin-NU f’konformità mar-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-KSNU; jenfasizza li dawn il-miżuri li jnisslu fiduċja jikkostitwixxu opportunità għat-tkabbir ekonomiku, soċjali u reġjonali għaż-żewġ komunitajiet; jinnota li d-djalogu bejn is-soċjetà ċivili fil-komunitajiet lokali jista’ jrawwem il-ftehim;

50.

ifakkar li t-Turkija ilha pajjiż kandidat sa mill-1999 u li n-negozjati tas-sħubija bdew fl-2005; jinnota li f’dawn l-aħħar snin il-proċess ta’ tqarrib lejn l-UE tilef mill-momentum tiegħu u ġew innutati ostakli serji fir-rigward tar-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jemmen li f’dan il-punt hija t-Turkija li trid tiddeċiedi jekk hijiex se tkompli f’din it-triq li qabdet fl-1987 bit-talba ta’ sħubija, u b’liema mod.

L-Albanija

51.

jilqa’ bi pjaċir il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2018 u jħeġġeġ lill-Albanija żżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura deċiżjoni pożittiva mill-Kunsill dwar il-ftuħ tan-negozjati ta’ sħubija f’Ġunju 2019;

52.

itenni l-ħtieġa li l-pajjiż jippersisti fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari fil-ħames prijoritajiet ewlenin (ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tal-persuni minn minoranzi u d-drittijiet ta’ proprjetà);

53.

ifaħħar il-proċess ta’ rivalutazzjoni tal-maġistrati u tal-prosekuturi li diġà kiseb riżultati tanġibbli;

54.

jirrikonoxxi l-kapaċità li wrew il-forzi politiċi tal-maġġoranza u tal-oppożizzjoni biex jiżguraw proċess ordnat tal-elezzjonijiet tal-2017, iżda jenfasizza n-nuqqasijiet li għadhom jinstabu mill-OSKE; jittama li jsiru l-korrezzjonijiet meħtieġa fil-liġi elettorali għall-elezzjonijiet amministrattivi tal-2019;

55.

japprezza l-isforzi għar-riforma tal-leġislazzjoni dwar l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda jiddeplora l-fatt li ħafna drabi dawn ma jadottawx metodi ta’ għażla bbażati fuq il-mertu u li, b’mod ġenerali, il-liġi dwar is-servizz taċ-ċivil ma tiġix applikata b’mod adatt fuq livell lokali;

56.

jinnota b’dispjaċir id-dewmien fil-ħatra tal-kollaboraturi ewlenin tal-ombudsman il-ġdid, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li għadha tippersisti mġiba relatata ma’ tilwim u kodiċijiet konswetudinarji u livelli inaċċettabbli ta’ vjolenza domestika;

57.

jittama li l-pajjiż ikompli fit-triq tar-riformi fl-oqsma ta’ prijorità ewlenin u li jindirizza l-isfidi futuri bl-akbar impenn, billi jibda minn analiżi tal-acquis (skrinjar).

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

58.

jilqa’ bi pjaċir il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2018 u jħeġġeġ lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja żżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura deċiżjoni pożittiva mill-Kunsill dwar il-ftuħ tan-negozjati ta’ sħubija f’Ġunju 2019;

59.

ifaħħar il-kuraġġ politika tal-gvern il-ġdid, stabbilit wara l-Ftehim ta’ Pržino u l-elezzjonijiet fl-aħħar tal-2016, li għamilha possibbli li jintlaħaq kompromess mal-Greċja rigward l-isem uffiċjali tal-pajjiż; jittama li l-proċess ta’ riforma kostituzzjonali meħtieġ jitlesta malajr;

60.

jilqa’ b’sodifazzjoni ukoll l-ispirtu ta’ ftuħ għad-djalogu anki ma’ pajjiżi oħrajn tar-reġjun u b’mod partikolari mal-Bulgarija;

61.

jilqa’ bi pjaċir l-elezzjonijiet amministrattivi li saru f’Ottubru 2017 u l-fatt li l-konsultazzjonijiet saru b’mod ġeneralment ordnat;

62.

ifakkar li l-Ftehim Qafas ta’ Ohrid tal-2001 kien jipprevedi proċess ta’ deċentralizzazzjoni li madankollu ma twettaqx għal kollox fis-snin sussegwenti; jilqa’ għalhekk bi pjaċir id-deċiżjoni li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi żgurat li jiġu offruti servizzi aħjar liċ-ċittadini;

63.

jinnota li, minkejja li jidher li hemm inqas tensjoni fir-relazzjonijiet bejn il-gruppi etniċi milli kien hemm fil-passat reċenti, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas ta’ Ohrid jiġu implimentati kollha;

64.

jittama li l-pajjiż ikompli fit-triq tar-riformi mmirati lejn il-proċess ta’ sħubija mal-UE u li jindirizza l-isfidi futuri bl-akbar impenn, billi jibda minn analiżi tal-acquis (skrining).

Il-Bożnija-Ħerzegovina

65.

jilqa’ bi pjaċir il-fatt li sa fl-aħħar il-pajjiż ippreżenta t-tweġibiet għall-“kwestjonarju” lill-Kummissjoni fi Frar 2018;

66.

madankollu, jinnota li b’mod ġenerali ma sar l-ebda progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa biex jerġa’ jitnieda l-iżvilupp tal-pajjiż u l-prospettiva Ewropea tiegħu;

67.

jesprimi dispjaċir u tħassib dwar l-inabbiltà tal-mexxejja politiċi li jilħqu ftehim dwar liġi elettorali ġdida qabel ma jsiru l-elezzjonijiet nazzjonali u dwar l-imblokk kontinwu fir-rigward tal-kwistjoni li ilha għaddejja tal-muniċipalità ta’ Mostar;

68.

ifakkar fil-ħtieġa li jiġi ċċarat it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet, il-cantons u l-muniċipalitajiet, biex jiġu eliminati l-kunflitti u tiżdied il-kooperazzjoni;

69.

jirrikonoxxi l-isforzi tal-pajjiż fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni u jistiednu jissokta fl-isforzi ta’ prevenzjoni u ġlieda kontrihom; jindika l-importanza li l-awtoritajiet lokali jiġu involuti fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u tal-iffaċilitar tar-riintegrazzjoni ta’ ex-ġellieda radikalizzati.

Il-Kosovo

70.

jinnota li minkejja diffikultajiet endoġeni u eżoġeni, id-djalogu mas-Serbja ffaċilitat mill-UE qed ikompli fil-livell tekniku u politiku, iżda jenfasizza l-ħtieġa ta’ impenn aktar konvint u determinat;

71.

jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni qieset li r-rekwiżiti kollha għal-liberalizzazzjoni tal-viża huma sodisfatti;

72.

jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-elezzjonijiet amministrattivi ta’ tmiem l-2017 saru b’mod regolari u li nħatru aktar minn mitejn sindku madwar it-territorju kollu tal-Kosovo;

73.

jinnota li r-relazzjonijiet bejn il-forzi politiċi xi drabi ħadu forom u toni inaċċettabbli u jistieden lill-partijiet kollha sabiex jipproteġu l-prestiġju u jiżguraw il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

74.

jistieden lill-awtoritajiet biex jaħdmu sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni b’mod konkret, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-proċess ta’ tqarrib lejn l-UE.

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(*1)  Din ir-referenza hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus tal-Kosovo, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.


Top