Dan ir-rapport dwar missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fl-Ungerija jiġi trażmess lill-Kunsill skont l-Artikolu -11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97
. Kif previst mill-Artikolu -11(5) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, ir-riżultanzi provviżorji ta' dik il-missjoni ġew trażmessi preċedentement lill-awtoritajiet Ungeriżi għall-kummenti.
L-Ungerija – Proċedura ta' Devjazzjoni Sinifikanti
Missjoni ta’ sorveljanza msaħħa, 18-19 ta’ Settembru 2018
Rapport
1. Introduzzjoni
Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti (SDP) tnediet għall-Ungerija fir-rebbiegħa tal-2018 bħala konsegwenza ta’ devjazzjoni sinifikanti osservata mir-rekwiżit tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) fl-2017. Fit-23 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ħarġet twissija lill-Ungerija. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata fit-22 ta’ Ġunju 2018 ikkonfermat il-valutazzjoni tal-Kummissjoni u appellat lill-awtoritajiet biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa sabiex jerġgħu jaqbdu l-perkors ta’ aġġustament xieraq lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM). B'mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-2,8 % fl-2018, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 1 % tal-PDG. Ir-Rakkomandazzjoni fiskali Speċifika għall-Pajjiż tal-2018 irreferiet direttament għal dik ir-rakkomandazzjoni tal-SDP. L-Ungerija rrappurtat lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet li ttieħdu kif mitlub sal-15 ta’ Ottubru 2018. Il-valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Ungerja ġiet adottata mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Novembru 2018. Dan ir-rapport jippreżenta ir-riżultanzi tal-Kummissjoni mill-missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fl-Ungerija li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2018.
Għall-2018, il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni tipprevedi li d-defiċit nominali jiżdied għal 2,4 % tal-PDG minn 2 % fl-2017, u l-bilanċ strutturali kien stmat li se jiddeterjora aktar. It-tnaqqis ta’ dħul temporanju jikkontribwixxi għal aktar defiċit, kif jagħmlu wkoll it-tnaqqis addizzjonali tat-taxxa. Fl-istess waqt, it-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, eskluż l-infiq mill-fondi tal-UE, kien mistenni li jonqos, meta mqabbel mal-2017. Madankollu, n-nefqa primarja netta, aġġustata għal miżuri ta’ darba u miżuri diskrezzjonarji, xorta kienet stmata li tiżdied ’il fuq mir-rata fuq medda medja ta’ żmien ta’ tkabbir potenzjali tal-PDG tal-pajjiż, li tiżboq bil-bosta r-rata ta’ referenza li tirrifletti r-rekwiżit tal-parti preventiva tal-Patt.
Il-missjoni ta’ sorveljanza msaħħa mill-Kummissjoni seħħet fit-18-19 ta’ Settembru 2018. L-għan tal-missjoni kien li wieħed jitgħallem dwar il-fehmiet tal-awtoritajiet dwar l-iżviluppi fiskali u l-azzjonijiet ippjanati, u biex tiġi inkoraġġuta l-konformità mal-PST. Il-persunal tal-Kummissjoni ltaqa’ ma’ (i) il-Ministru Mihály Varga u s-Segretarji tal-Istat Péter Banai u Norbert Izer, il-Ministeru tal-Finanzi; (ii) Árpád Kovács, il-president tal-Kunsill Fiskali Ungeriż; u (iii) Barnabás Virág, Direttur Eżekuttiv tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija. Il-missjoni ddiskutiet ukoll il-kuntest u l-implikazzjonijiet tal-SDP mal-Membri tal-Parlament Ungeriż mill-Kumitati ta’ Ġestjoni baġitarja u l-Affarijiet Ewropej, u mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u l-gruppi ta’ riflessjoni. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni miksuba qabel u matul il-missjoni.
2. Ir-riżultanzi tal-missjoni
L-awtoritajiet Ungeriżi ma jippjanawx passi importanti din is-sena b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-SDP, filwaqt li jidhru impenjati li jissikkaw il-qagħda baġitarja mill-2019 ’il quddiem. Fl-2018, l-awtoritajiet biħsiebhom jirrispettaw il-mira inizjali tad-defiċit tal-gvern ġenerali tagħhom. Fl-istess ħin, il-baġit għall-2019, li diġà kien adottat f’Lulju 2018, għandu l-għan li jnaqqas id-defiċit nominali b’0,6 % tal-PDG is-sena d-dieħla. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni tal-SDP ma tkoprix l-2019.
L-Ungerija għamlet sforzi sostanzjali biex tikkonsolida l-finanzi pubbliċi tagħha wara l-kriżi iżda dan il-proċess reċentement tilef il-momentum, filwaqt li d-dejn pubbliku jibqa’ għoli, ’il fuq minn 70 % tal-PDG. L-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni b’defiċit għoli u kienet suġġett ta’ Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv bejn l-2004 u l-2013. Minn dak iż-żmien, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika nżamm b’mod sikur taħt il-limitu ta’ 3 % tal-PDG. Il-missjoni faħħret din il-kisba, iżda rrimakar li reċentement kienet twaqqfet il-konsolidazzjoni fiskali. Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-qagħda fiskali saret proċiklika ħafna wara l-2016. Dan b’mod partikolari jinvolvi riskji importanti għall-futur, meta jiġu mill-ġdid ix-xokkijiet negattivi. Filwaqt li t-tkabbir tal-ekonomija Ungeriża hu fost l-aktar mgħaġġel fl-UE fl-2018 (jiġifieri 4,7 % fl-ewwel nofs tas-sena) u diġà hemm sinjali ta’ sovrażbilanċ tal-ekonomija, id-defiċit nominali ppjanat għal 2,4 % tal-PDG għal din issena huwa t-tielet l-ogħla fl-UE (u ogħla bil-bosta mill-medja tal-UE ta’ 0,6 % tal-PDG). Barra minn hekk, il-livell ta’ dejn pubbliku li jammonta għal madwar 73 % tal-PDG, għadu għoli. Xi Membri tal-Parlament kif ukoll esperti ekonomiċi li ltaqgħu mal-persunal tal-Kummissjoni matul il-missjoni qablu li kiem hemm il-ħtieġa li tiġi riveduta l-politika fiskali proċiklika fl-Ungerija.
Filwaqt li l-awtoritajiet Ungeriżi ammettew xi elementi proċikliċi tal-politika fiskali, huma kellhom evalwazzjoni differenti tal-gravità tal-problema diġà rigward il-valutazzjoni tar-riżultat tal-baġit tal-2017. Il-Kummissjoni tistma li l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni qabeż il-+1,5 % tal-PDG fl-2017. B’kuntrast ma’ dan, skont il-kalkoli tal-Ministeru tal-Finanzi, il-lakuna tal-ouput kienet għadha qed tingħalaq f’dak l-istadju. Għalhekk l-awtoritajiet jistmaw pożizzjoni fiskali strutturali notevolment aħjar minn dik stmata mill-Kummissjoni. Fil-valutazzjoni tagħhom, il-bilanċ strutturali baqa’ qrib tal-OTM fl-2017 (-1,7 % tal-PDG meta mqabbel mal-OTM ta’ -1,5 % tal-PDG) u għalhekk il-ftuħ tal-SDP ma kienx hemm bżonnu. Bi tweġiba, il-persunal tal-Kummissjoni enfasizza li l-valutazzjoni ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-PST għandha tkun ibbażata fuq il-metodoloġija komunement miftiehma mill-Istati Membri kollha. Il-missjoni indikat ukoll li, filwaqt li tirrikonoxxi l-inċertezzi madwar l-istima tal-pożizzjoni ċiklika,tpoġġiet iżjed enfasi b’mod parallel fuq il-valur referenzjarju tan-nefqa fil-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, fuq dik il-bażi wkoll, ma tantx jista’ jiġi kkontestat li fl-2017 ġiet osservata devjazzjoni sinifikanti. Anki mingħajr ma tqis l-impatt tat-tnaqqis sinjifikanti tat-taxxi, in-nefqa primarja (meta tneħħi mis-somma l-fondi tal-UE u l-fondi ta’ darba) telgħet ferm ogħla mit-tkabbir potenzjali tal-PDG tal-Ungerija fl-2017 minn kwalunkwe kunsiderazzjoni.
Rigward it-tkabbir għoli osservat fin-nefqa fl-2017, l-awtoritajiet innutaw li dan għatta titjib sinifikanti tal-pożizzjoni baġitarja sottostanti (jiġifieri l-bilanċ strutturali “ġenwin”). Fl-2017, il-gvern iddeċieda li parzjalment jonfoq it-tfaddil u d-dħul ogħla milli mistenni fuq elementi diskrezzjonali mhux rikorrenti (l-aktar trasferimenti lejn is-settur privat u s-settur tal-organizzazzjonijiet mingħajr qligħ) fi tmiem is-sena. Minkejja dan, l-iżbilanċ fiskali rriżulta li kien iktar baxx mill-mira nominali fl-2017. Il-Kummissjoni ssuġġeriet li, fil-każ li terġa’ sseħħ kostellazzjoni bħal din lejn tmiem l-2018, id-dħul għandu jintuża biex jitnaqqas id-defiċit strutturali, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-SDP minflok ma jsir fl-infiq diskrezzjonarju addizzjonali.
L-awtoritajiet Ungeriżi indikaw li ma rawx li huwa raġonevoli li jimplimentaw l-aġġustament fiskali sostanzjali rrakkomandat mill-Kunsill għat-tieni nofs tal-2018. Fl-opinjoni tagħhom, ir-riżultat baġitarju fl-2018 fil-biċċa l-kbira kien diġà determinat minn deċiżjonijiet preċedenti u l-aġġustament propost fil-bqija tas-sena jkun ta’ ħsara għall-ekonomija. Madankollu, huma semmew ċerti azzjonijiet, li jistgħu jtejbu l-pożizzjoni baġitarja diġà fl-2018 jew tal-inqas joħolqu xi riskji pożittivi (eż., is-sistema għall-iffatturar elettroniku obbligatorju għal tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji mil-1 ta’ Lulju 2018 bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa), jew tiġi ffaċilitata r-restrizzjoni ppjanata fuq l-infiq fl-2019 (eż. tibda r-razzjonalizzazzjoni tal-livelli ta’ persunal fl-amministrazzjoni pubblika). L-awtoritajiet stqarrew li kienet mistennija biss devjazzjoni temporanja mill-OTM fl-2018, li kellha titreġġa’ lura fl-2019.
Id-delegazzjoni tal-Kummissjoni rrimarkat li l-adozzjoni tal-baġit tal-2019 kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Fl-istess ħin, il-missjoni wissiet li l-pjanijiet tal-gvern għall-2019 għadhom jinvolvu riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament meħtieġ meta wieħed jieħu l-2018 u l-2019 flimkien kif intwera mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2018. Fi kliem ieħor, l-implimentazzjoni tal-baġit tal-2019 kif prevista hi mistennija li tirriżulta f’titjib tal-bilanċ strutturali, iżda ma tidhirx li hija biżżejjed biex treġġa’ lura l-effetti proċikliċi preċedenti tal-politika fiskali fuq il-pożizzjoni baġitarja, speċjalment jekk ma jkun ebda titjib notevoli fl-2018. Innutat ukoll li l-pjanijiet baġitarji għas-sena d-dieħla jidhru li jiddependu ħafna fuq xenarju makroekonomiku ottimist jekk wieħed jassumi tkabbir kostanti fil-PDG ta’ madwar 4 %. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet enfasizzaw il-fatt li l-livell ibbaġitjat tar-riżervi ta’ stabbiltà żdied sabiex jipprovdi riżerva f’każ ta’ sitwazzjoni inqas favorevoli.
Hemm riskju li l-impatt fuq perjodu medju tat-tnaqqis riċenti fit-taxxi fuq id-dħul fiskali jista’ jkun ogħla milli jassumu l-awtoritajiet Ungeriżi. L-Ungerija reċentement implimentat sensiela ta’ qtugħ tat-taxxi konsiderevoli. Inkludiet b’mod partikolari tnaqqis suċċessiv ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem fl-2017 u l-2018, li hu ppjanat ukoll li jkompli s-sena d-dieħla. L-effett baġitarju ta’ dan it-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali sal-lum għadu bati, minħabba s-suq tax-xogħol issikkat u l-pagi li qed jiżdiedu malajr. Il-missjoni wissiet li l-impatt ta’ dan it-tnaqqis jista’ jsir akbar meta dawn il-kundizzjonijiet jiddeterjoraw maċ-ċiklu ekonomiku. L-awtoritajiet qablu li dawn ir-riskji kienu jeżistu, iżda argumentaw li l-impatt taż-żieda dinamika fil-pagi fuq il-proporzjon bejn id-dħul u l-PDG li kien hemm s’issa jista’ jitqies bħala prinċipalment permanenti. Is-sehem tal-pagi fl-ekonomija qabad il-perkors tal-irkupru fejn qed jitreġġa’ lura t-tnaqqis li kien hemm wara l-kriżi. Dan seta ingħata palata wkoll miż-żidiet sostanzjali riċenti tal-paga minima, li pprovdew ukoll “effett ta’ tibjid” ("whitening effect") billi rażżnu d-dħul mhux iddikjarat.
Id-dinamiċi tal-investiment pubbliku huma proċikliċi ferm. L-Ungerija qed titħaffef l-eżekuzzjoni tal-investimenti tal-gvern, inklużi proġetti ffinanzjati kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE. In-nefqa totali tal-investiment pubbliku mistennija tikber b’mod rapidu matul l-2018 u l-2019, u tilħaq l-ogħla rata fl-istorja ta’ madwar 7 % tal-PDG fl-2019. Il-Kummissjoni nnutat li din l-iskeda kkonċentrata sew fil-bidu ma tidhirx li hija konsistenti mal-pożizzjoni ċiklika tal-ekonomija. Minħabba restrizzjonijiet stretti ta’ bħalissa tal-kapaċità fil-kostruzzjoni, dan jista’ jirriżulta f’effett ta’ esklużjoni li jaffettwa ħażin l-investimenti tas-settur privat, filwaqt li jgħolli wkoll l-ispejjeż tal-proġetti pubbliċi. Barra minn hekk, jekk ma jiġix assigurat spazju fiskali suffiċjenti matul l-espansjoni ekonomika, il-gvern ikun imġiegħel inaqqas b’mod rapidu l-investimenti meta sseħħ ir-reċessjoni li jmiss. Din ikabbar il-fluttwazzjonijiet tal-output f’mument ħażin u fid-direzzjoni l-ħażina. F’dak ir-rigward, il-gruppi ta’ riflessjoni u l-imsieħba soċjali esprimew it-tħassib tagħhom li l-aċċelerazzjoni qawwija tal-investimenti pubbliċi tista’ taffettwa b’mod negattiv il-kwalità tal-infiq pubbliku.
Il-Kunsill Fiskali Ungeriż wissa li l-pjanijiet baġitarji għall-2019-2017 ma humiex konformi mar-regola nazzjonali domestika marbuta mal-bilanċ strutturali. Ir-regola tal-bilanċ strutturali tal-Liġi ta’ Stabbiltà Ungeriża tippreskrivi li l-kont tal-baġit ippreżentat mill-gvern għandu jkunu konformi mal-OTM kull sena. Fl-opinjonijiet tiegħu maħruġa dwar l-abbozzi tal-baġit, il-Kunsill Fiskali qabbel l-OTM mal-bilanċ strutturali kif stmat mill-gvern qabel l-eżekuzzjoni tal-baġit. Peress li l-pjanijiet baġitarji għas-snin 2017-2019 kien fihom defiċit strutturali stmat li jiżboq l-OTM, il-Kunsill Fiskali stqarr konsegwentement li dawk il-pjanijiet kienu qed jiksru r-regola domestika korrispondenti. Il-Kunsill Fiskali, ma kienx qiegħed jistenna titjib fl-2018 f’dan ir-rigward. Fir-rapport tiegħu dwar l-iżviluppi fiskali fl-2018, li ġie ppubblikat waqt il-missjoni, il-Kunsill Fiskali kien tal-opinjoni li tista’ tintlaħaq il-mira baġitarja tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għall-2018 stabbilita f’termini tal-ESA. Fl-istess ħin, huwa stieden lill-awtoritajiet jirrikorru għal kontroll baġitarju strett fil-bqija tas-sena, speċjalment fir-rigward tal-infiq minn istituzzjonijiet u kapitoli baġitarji ċentrali. Il-Kunsill Fiskali nnota wkoll li kien hemm riskju għoli li defiċit fil-bilanċ tad-dħul ta’ flus kien se jiġi konsiderevolment ogħla milli ppjanat. Dan kien dovut għal pagamenti sostanzjali bil-quddiem lejn proġetti ffinanzjati mill-UE flimkien ma’ żborż ibbażat fuq ir-regoli ta’ livell aktar baxx milli mistenni ta’ trasferimenti mill-UE.
Il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija (MNB) qabel li l-politika fiskali saret pro-ċiklika wara l-2016, anke jekk fi grad inqas minn dak ivvalutat mill-Kummissjoni, u pproġetta pożizzjoni fiskali kontro-ċiklika fl-2019 u fl-2020. L-MNB enfasizza l-importanza tal-istruttura tal-impuls fiskali. Fil-valutazzjoni, l-effetti temporanji sinifikanti wkoll ikkontribwew għall-illaxkar fiskali partikolarment fl-2018, inkluż it-tneħħija gradwali tal-bejgħ tal-artijiet u rikavat straordinarju mit-taxxa tal-introjtu korporattiva taħt l-iskema ta’ Kreditu tat-Taxxa tat-Tkabbir. Barra minn hekk, l-MNB saħaq fuq l-inċertezzi rigward il-valutazzjoni tal-potenzjal tal-produzzjoni. Waqt li l-utilizzazzjoni tal-kapaċità u l-indikaturi tas-suq tax-xogħol jissuġġerixxu tnaqqis fl-istaġnar, il-varjabbli finanzjarji (inkluż il-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti u l-proporzjon baxx tal-kreditu mal-PDG) ma jindikawx sovrażbilanċ. Rigward it-taħlita ta’ politika makroekonomika, l-MNB argumenta li filwaqt li l-politika fiskali u monetarja ma kenitx stretta sa ftit taż-żmien ilu, din il-pożizzjoni se tinbidel gradwalment, u li l-politika makroprudenzjali baqgħet stretta sabiex trażżan il-vulnerabilitajiet finanzjarji.