Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0696

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar

COM/2018/696 final

Brussell, 16.10.2018

COM(2018) 696 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar


I. INTRODUZZJONI

Fit-8 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar immirat lejn it-titjib tas-sigurtà ġenerali ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa fl-UE (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Pjan ta’ Azzjoni) 1 . Il-Pjan ta’ Azzjoni indirizza il-problema dejjem aktar sinifikanti ta’ frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, li saru aktar rilevanti fil-kuntest tal-attakki terroristiċi u tal-flussi migratorji. F’dan l-isfond, huwa kruċjali li l-UE u b’mod speċjali l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex itejbu s-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, u b’hekk jikkontribwixxu għal protezzjoni aħjar tal-fruntieri u tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u biex nersqu lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. 2

Il-Pjan ta’ Azzjoni ħares lejn il-kunċetti u l-proċessi sabiex jiġu mmaniġjati l-identità, identifika azzjonijiet sabiex jiġu koperti lakuni potenzjali għall-Istati Membri, għall-Kummissjoni, għall-Kunsill u għall-Parlament Ewropew.

Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati u l-progress li sar f’għadd ta’ aspetti ta’ ħidma u miżuri speċifiċi mwettqa mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-partijiet interessati l-oħra biex iwettqu l-azzjonijiet deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni. Barra minn hekk, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kienu adottati fis-27 ta’ Marzu 3 u dwar il-ġestjoni tal-identitajiet fit-18 ta’ Diċembru 2017 4 li jappellaw lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni għat-titjib tal-integrità tas-sistemi tal-identità nazzjonali.

Ir-rapport isegwi l-istruttura tal-Pjan ta’ Azzjoni li juri l-progress li sar f’kull wieħed mill-oqsma ewlenin ta’ infrastruttura tal-identità: ir-reġistrazzjoni tal-identità, il-ħruġ ta’ dokumenti, il-produzzjoni ta’ dokumenti u l-kontroll ta’ dokumenti.

II. REĠISTRAZZJONI TAL-IDENTITÀ

Ir-reġistrazzjoni jew l-evidenza tal-identità tirreferi għall-proċessi li jippermettu t-traċċar, il-konnessjoni u l-verifika tal-identità ma’ dokumenti oriġinaturi (eż. ċertifikati tat-twelid) biex jiġi żgurat li l-identità tal-individwu hija leġittima, awtentika u ħajja.

Il-proċessi ta’ reġistrazzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Marzu 2017 jenfasizzaw l-importanza ta’ dokumenti oriġinaturi aktar sikuri biex jipprevjenu l-frodi meta jintużaw bħala evidenza tal-identità, filwaqt li l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2017 jenfasizzaw l-importanza ta’ appoġġ lil pajjiżi terzi ewlenin dwar l-introduzzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi fir-reġistri tal-popolazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni ffaċilitat diskussjoni dwar il-ġestjoni tal-identità u evalwat s-sitwazzjoni fl-Istati Membri, notevolment billi ppreżentat kwestjonarju taħt il-Presidenza Maltija 5 dwar kwistjonijiet marbuta mar-reġistrazzjoni tal-identità u bl-appoġġ tal-organizzazzjoni ta’ laqgħa tematika dwar l-istess suġġett. B’mod partikolari, il-kwestjonarju indirizza dokumenti oriġinaturi, it-teħid tal-bijometrika għar-reġistri tal-popolazzjoni, il-proċeduri tat-tibdil fl-ismijiet u kwistjonijiet oħrajn relatati mal-identità. Il-valutazzjoni saret taħt il-presidenza Estonjana 6 u wriet li l-prattiki tal-Istati Membri jvarjaw f’dan il-qasam. L-Istati Membri għandhom ikomplu jiskambjaw il-prattiki nazzjonali u biex jivvalutaw kif il-proċeduri fi Stati Membri oħra 7 jistgħu jservu ta’ eżempji għal titjib tal-proċessi nazzjonali, b’mod partikolari proċeduri għat-titjib tas-sigurtà ta’ dokumenti oriġinaturi u tar-reġistrazzjoni tal-identità taċ-ċittadini (eż. reġistrazzjoni online; reġistrazzjoni ta’ identità matul il-ħajja adulta u t-teħid tal-bijometrika għal reġistri tal-popolazzjoni).

Barra minn hekk, il-laqgħa tematika tal-grupp ta’ ħidma dwar id-Dokumenti Foloz li saret fis-16 ta’ Novembru 2017 ipprovdiet perspettivi differenti dwar kwistjonijiet marbuta mar-reġistrazzjoni tal-identità mill-approċċ globali tal-ICAO 8 dwar evidenza ta’ identità għall-approċċ reġjonali tal-OSKE 9 ippreżentat fil-Kompendju ta’ Prattiki Tajbin tal-Ġestjoni tal-Identità varat f’Settembru 2017. Dan inkluda wkoll il-kontribut tal-Istati Membri dwar il-prattiki nazzjonali tagħhom u s-sejbiet tal-proġetti ORIGINS 10 u ARIES 11 .

Il-Kompendju tal-OSKE jiġbor u jivvaluta evidenza ta’ prattiki ta’ reġistrazzjoni tal-identità f’diversi pajjiżi tal-OSKE (li jinkludi l-Istati Membri kollha tal-UE) u jservi bħala gwida dwar l-isforzi għall-bini ta’ kapaċità. B’mod ġenerali, il-valutazzjonijiet tal-UE u tal-OSKE huma kruċjali biex l-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jqabblu s-sistemi tagħhom stess, jużaw dan in-netwerk sabiex jidentifikaw dgħufijiet potenzjali u jirriflettu dwar kif id-diversi prattiki jistgħu jservu ta’ eżempji għal titjib.

Bħala segwitu, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ġestjoni tal-identità fit-18 ta’ Diċembru 2017, li jipprijoritizzaw il-kooperazzjoni kontinwa u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri biex jallinjaw il-prattiki u jtejbu aktar l-integrità tas-sistemi tal-identifikazzjoni nazzjonali, filwaqt li tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal infrastrutturi tal-identità robusti u sodi biex itaffu r-riskji tas-sigurtà b’mod effiċjenti.

Rigward id-dimensjoni internazzjonali tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ bijometriċi fir-reġistri tal-popolazzjoni ta’ pajjiżi terzi ewlenin, il-Kummissjoni involviet ruħha fi djalogi mal-Mali u mas-Senegal, li t-tnejn li huma diġà qed jimplimentaw proġetti tal-Fond Fiduċjarju tal-UE dwar ir-reġistri ċivili sa minn kmieni fl-2017. Abbażi ta’ kooperazzjoni u appoġġ tekniku, azzjonijiet oħrajn li għaddejjin ma’ pajjiżi sħab ewlenin jinkludu t-Tuneżija, in-Niġer u s-Sudan. Pajjiżi li jesprimu interess dwar proġetti possibbli tar-reġistri ċivili jistgħu jibbenefikaw ukoll minn appoġġ tekniku skont il-fondi disponibbli u l-prijoritajiet stabbiliti biex jindirizzaw pajjiżi eliġibbli ġodda.

Il-Manwal tal-Europol dwar dokumenti oriġinaturi jelenka d-dokumenti oriġinaturi tal-Istati Membri, jiddeskrivi fil-qosor il-proċessi tal-ħruġ tagħhom u jipprovdi lista tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali. Il-manwal għandu jippermetti lill-awtoritajiet li joħorġu d-dokumenti li jidentifikaw aħjar dokumenti foloz. Il-manwal għadu qed jiġi ffinalizzat iżda verżjoni interim hija aċċessibbli online fis-sistema FADO 12 u permezz tal-Pjattaforma tal-Europol għall-Esperti diretta lejn speċjalisti tal-infurzar tal-liġi. Flimkien, dawn iż-żewġ pjattaformi jilħqu lil komunità wiesgħa, inklużi l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u xi awtoritajiet emittenti bħall-persunal konsulari, l-awtoritajiet għall-ħruġ tal-passaport u tal-immigrazzjoni.

Ir-Regolament (UE) 2016/1191 tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea se jkun applikabbli fis-16 ta’ Frar 2019. Skont dan ir-Regolament, id-dokumenti pubbliċi, bħaċ-ċertifikati tat-twelid, maħruġa fi Stat Membru u ppreżentati lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor se jiġu eżentati mit-timbru postilla. Ir-Regolament se jsaħħaħ il-ġlieda kontra d-dokumenti pubbliċi frawdulenti li jippermettu lill-awtoritajiet fl-Istat Membru riċeventi, jekk ikollhom dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument pubbliku ppreżentat, li jikkonsultaw mal-awtorità emittenti permezz tas-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern .

Rigward l-attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp fuq dokumenti oriġinaturi u verifikazzjoni tad-dokumenti inklużi t-teknoloġiji mobbli, il-Kummissjoni ffinanzjat tliet proġetti ewlenin fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 għal Soċjetajiet Siguri: ORIGINS, li tlesta sa nofs l-2017, FIDELITY 13 konkluż fl-2015 u ARIES varat fl-2016. Dawn il-proġetti ta’ riċerka jindirizzaw aspetti relatati mal-ġlieda kontra l-frodi tal-identità, mal-protezzjoni ta’ identitajiet eżistenti, mal-morphing tal-immaġni 14 u l-ispoofing tal-marki tas-swaba'. L-attivitajiet ta’ segwitu jinkludu l-kontinwità tal-proġett ORIGINS permezz tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) WG19 15 dwar dokumenti oriġinaturi tal-istandardizzazzjoni; konsorzju fuq programm ta’ riċerka dwar morphing tal-immaġni; il-proġett SIRIUS 16 jimmira li jaqbad data ta’ referenza standardizzata minn dokumenti u ENLETS Mobbli 17 , li jeżamina l-iżviluppi ġodda u jikkondividi l-aħjar prattiki dwar soluzzjonijiet mobbli għall-uffiċjali li qegħdin fuq quddiem għall-infurzar tal-liġi.

III. ĦRUĠ TAD-DOKUMENTI

Il-ħruġ tad-dokumenti jirreferi għall-proċessi u għall-protokolli għall-ħruġ ta’ dokument biex id-detenturi leġittimi u l-kontrolli biex ma jitħalliex isir serq, tbagħbis u telf ta’ dokumenti filwaqt li qed isir il-ħruġ.

Il-ħruġ ta’ dokumenti jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Għaddejja ħidma fuq l-istabbiliment ta’ gwida dwar l-aħjar prattika għar-reġistrazzjoni korretta ta’ identifikaturi bijometriċi, li tħares lejn il-wiċċ u l-marki tas-swaba' tar-reġistrazzjoni bijometrika u tenfasizza l-importanza ta’ reġistrazzjoni ħajja ta’ immaġni tal-wiċċ biex tikkumbatti b’mod effiċjenti l-frodi tal-identità permezz ta’ morphing tal-immaġni. Hija tindirizza wkoll l-kwalità tad-data bijometrika u tenfasizza l-isfidi prattiċi u t-tagħlimiet meħuda 18 . Din il-ħidma hija appoġġata mis-CEN, li se jistabbilixxi standard tekniku għar-reġistrazzjoni tal-identifikaturi biometriċi flimkien ma’ esperti tal-Istati Membri tal-kumitat tal-Artikolu 6 19 . Min-naħa tagħha, eu-LISA 20 bdiet tiżviluppa indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u standards ta’ kwalità minimi għar-reġistrazzjoni korretta ta’ data bijometrika maħżuna f’bażijiet ta’ data tal-UE.

Rigward l-aħjar prattiki dwar il-proċeduri tal-ħruġ ta’ dokument u l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fl-2005 21 dwar standards minimi f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-proċessi ta’ ħruġ, il-Presidenza Bulgara stabbilixxiet kwestjonarju 22 dwar il-ħruġ ta’ proċessi relatati, li wera li l-Istati Membri kollha huma ġeneralment konformi ma’ dawk l-istandards.

Fil-qafas tas-sottogrupp dwar il-Viża u l-Permess ta' residenza tal-kumitat tal-Art 6, id-diskussjonijiet tekniċi wasslu għal ftehim dwar l-allokazzjoni ta’ numru uniku għall-prodottita’ dokumenti qabel jitilqu fis-siti tal-produzzjoni. Din il-proċedura se tippermetti li jiddaħħlu deskritturi traċċabbli ta’ komponenti ta’ dokument mitluf / misruq f’sistemi rilevanti, u se jillimitaw l-għadd ta’ dokumenti vojta misruqa b’mod ġenerali.

IV. PRODUZZJONI TAD-DOKUMENTI

Il-produzzjoni ta’ dokument tirreferi għall-iddisinjar u l-immanifatturar ta’ dokumenti globalment siguri, standardizzati u interoperabbli. L-ICAO jirregola l-istandards globalment interoperabbli għad-dokumenti tal-ivvjaġġar billi jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għad-dokumenti tal-ivvjaġġar elettroniċi li jinqraw minn magna (MRTDs u eMRTDs).

Il-Kummissjoni hija responsabbli li tistabbilixxi l-istandards tas-sigurtà u l-bijometrika għad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa lil ċittadini tal-UE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fit-territorju tal-Istati Membri. Riżultat ewlieni f’dan il-qasam jikkonċerna l-adozzjoni fl-2017 tal-proposti tal-Kummissjoni f’format uniformi aktar sikur għall-viżi 23 u għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi 24 . Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-format uniformi tal-viżi 25 , filwaqt li dik dwar il-permessi ta’ residenza hija ppjanata għal tmiem l-2018.

Daqstant essenzjali kienet it-tkomplija tal-appoġġ tekniku mill-JRC biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta mill-Istati Membri ta’ karatteristiċi fiżiċi u elettroniċi kif meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE għal passaporti, permessi ta’ residenza u l-format uniformi tal-viżi. Filwaqt li l-ittestjar sħiħ għandu jiġi ffinalizzat fl-ewwel kwart tal-2019, ir-rapport interim ġie ppreżentat f’April u wera progress tajjeb. Ladarba tiġi ffinalizzata l-fażi tal-ittestjar, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għal aktar passi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-istandards stabbiliti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat avveniment ta’ testijiet tal-interoperabbiltà għal passaporti elettroniċi u l-permessi ta’ residenza f’Settembru 2017 fil-bini tal-JRC. Dan l-avveniment ivvaluta b’suċċess il-konformità ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar ma’ standards tal-interoperabbiltà globali fl-Istati Membri kif ukoll f’ċerti stati kontraenti oħra tal-ICAO.

Il-Kummissjoni adottat, fis-17 ta’ April 2018, inizjattiva leġiżlattiva biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-karti tal-identità ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ dokumenti ta’ residenza maħruġa lil ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu 26 . Din il-proposta tfittex li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini għall-moviment liberu u biex titjieb is-sigurtà ġenerali ta’ tali dokumenti. Il-Kummissjoni pproponiet standards ta’ dokumenti u sigurtà minimi għall-karti tal-identità, l-informazzjoni minima li trid tiġi pprovduta fuq dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini mobbli tal-UE u armonizzazzjoni sħiħa ta’ karti ta’ residenza maħruġa lill-membri tal-familja li mhumiex fl-UE. Il-proposta tipprovdi għal tneħħija gradwali mgħaġġla ta’ karti li ma jikkonformawx mal-istandards proposti, sabiex jintlaħaq progress malajr dwar is-sigurtà tad-dokumenti globali. Bħalissa, il-proposta qed tiġi diskussa mill-koleġiżlaturi bil-għan li tiġi adottata matul iċ-ċiklu leġiżlattiv attwali.

Barra minn hekk, fir-rapport tagħha dwar iċ-ċittadinanza tal-UE 2017, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tesplora l-possibbiltajiet biex timmodernizza r-regoli dwar id-dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar (ETD - emergency travel documents) inklużi l-elementi ta’ sigurtà tal-format komuni tal-UE 27 . Fit-31 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva li tintroduċi regoli ġodda dwar ETD tal-UE b’karatteristiċi tas-sigurtà mtejbin 28 , li bħalissa qed tiġi diskussa mill-Kunsill u mill-Parlament.

Il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera (LBT) tas-sistema tal-ETIAS 29 u evalwat ir-riskju għas-sigurtà. Il-konklużjoni kienet li hemm il-ħtieġa li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 għaliex diġà jipprovdi li l-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-permessi tal-LBT għandhom jiġu allinjati b’mod awtomatiku ma’ kwalunkwe aġġornament ta’ permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġew aġġornati reċentement skont ir-Regolament (UE) 2017/1954.

V. KONTROLL TAD-DOKUMENTI

Il-kontroll tad-dokumenti jittratta proċessi li jimmiraw għall-qari u għall-verifika effiċjenti u sikuri tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Dan ikopri wkoll dawk il-proċessi li jippermettu l-konnessjoni tempestiva, sigura u affidabbli ta’ dokumenti u d-detenturi tagħhom għal data disponibbli u rilevanti matul l-operazzjonijiet ta’ spezzjoni. Bl-istess mod, dan jinkludi mekkaniżmi ta’ taħriġ u ta’ valutazzjoni tad-data, li jippermettu l-użu korrett ta’ sistemi (qarrejja ta’ dokumenti, bażijiet tad-data, tagħmir, eċċ.) u jgħinu fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati.

Pass kbir ’il quddiem f’dan il-qasam kienet il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-bażi legali l-ġdida tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) adottata fil-21 ta’ Diċembru 2016, li pprovdiet sabiex ittejjeb il-funzjonalitajiet, inkluż billi l-Istati Membri jkunu permessi jdaħħlu dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati fis-sistema u tipproponi li tagħmel l-implimentazzjoni tal-funzjonalità tal-marki tas-swaba’ obbligatorja jekk l-identità tal-persuna ma tkunx tista’ tiġi aċċertata b’xi mod ieħor. Intlaħaq qbil politiku u l-adozzjoni hija ppjanata għal tmiem l-2018. Sadanittant, eu-LISA u l-Istat Membru llanċjaw b’suċċess fil-5 ta’ Marzu 2018 is-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS), li tippermetti funzjonalità fil-livell ċentrali għat-tiftixa tal-marki tas-swaba’ fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS). L-AFIS tal-SIS hija l-ewwel bażi tad-data wiesgħa Ewropea ċentralizzata tal-marki tas-swaba’ kriminali u huwa pass importanti għal sigurtà Ewropea li jippermetti l-iskoperta ta’ kriminali li jużaw identitajiet multipli jew frawdulenti. Seba’ Stati Membri implimentaw it-tiftixa diretta bil-marki tas-swaba’ fl-SIS, li hija mistennija li tiġi estiża għal kważi 20 Stat Membru sa tmiem l-2018. eu-LISA tat ukoll studju ta’ fattibbiltà li tippermetti tqabbil tal-bijometrika tas-sistemi tal-IT tagħha kollha li se jiġi kkunsidrat għal żviluppi futuri tas-sistemi.

Id-diskussjonijiet ġew konklużi f’kumitat tal-SISVIS dwar kif għandhom jiġu infurzati il-qbid ta’ dokumenti misruqa, mitlufa, miżapproprjata jew invalidati. Il-Kummissjoni aġġornat “Il-Katalogu ta’ rakkomandazzjonijiet u tal-aħjar prattiki dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen” li jipprovdi, permezz ta’ gwida, sett ta’ kriterji indikattivi fir-rigward tal-qbid ta’ dokumenti, li jimmiraw għal approċċ aktar armonizzat fost l-Istati Membri.

Rigward il-kontribut sistematiku fil-bażijiet ta’ data tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (SLTD), maħruġa minn pajjiżi li mhumiex tal-UE, fejn dawk il-pajjiżi mhumiex kapaċi jagħmlu dan huma stess, il-Kummissjoni qed tiffinanzja proġetti 30 , li se jinkludu appoġġ biex jiġu mmobilizzati l-għodod tal-Interpol (inkluż SLTD) f’għadd ta’ pajjiżi fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq. Dan il-proċess kontinwu se jtejjeb il-kapaċità tal-pajjiżi terzi li jdaħħlu d-data f’SLTD waħedhom.

Barra minn hekk, mis-7 ta’ April 2017, kontrolli sistematiċi ma’ bażijiet ta’ data rilevanti tal-vjaġġaturi kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni huma fis-seħħ. Dawk il-bażijiet tad-data, li huma obbligatorji għal konsultazzjoni, jinkludu l-SIS u l-SLTD tal-Interpol. Flimkien mal-ħidma li qed tagħmel il-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-informazzjoni mdaħħla fl-SLTD, l-SIS u l-bażijiet ta’ dokumenti oħra, dan se jsaħħaħ is-sigurtà tad-dokumenti.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmija hawn fuq tas-27 ta’ Marzu 2017 enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li titħaffef l-implimentazzjoni tal-iskambju ta’ ċertifikati għall-verifika tal-marki tas-swaba’ permezz tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt (SPOC, Single Points of Contact) u l-awtentikazzjoni tad-data tal-mikroċipp bl-użu ta’ Indiċi.

Rigward il-lista ta’ ċertifikati meħtieġa għall-awtentikazzjoni elettronika ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, fl-20 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel Indiċi test Schengen u varat kontroll tal-fruntieri test pilota man-Norveġja u mal-Portugall fl-ewwel semestru tal-2017. Ix-xogħol huwa għaddej ukoll rigward il-kuntatt ma’ pajjiżi terzi għar-riċeviment taċ-ċertifikati tal-passaport tagħhom. Il-Kummissjoni bdiet il-ħidma biex toħloq u taġġorna Indiċi uffiċjali, iffirmata biċ-ċavetta tal-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni (CSCA, Country Signing Certificate Authority) tal-Laissez-Passer tal-UE, li għalihom l-awtorizzazzjoni tkun ġiet miksuba. Il-Kummissjoni qed tirrifletti dwar il-ħtieġa ta’ strument legali fir-rigward ta’ “politika tal-indiċi”, li se jippermetti li jiġu ddeterminati meta ċertifikat ta’ pajjiż terz jista’ jiġi miżjud mal-lista.

Dwar l-użu ta’ applikazzjonijiet bijometriċi għas-sigurtà tad-dokumenti u l-iskambju taċ-ċertifikati, l-Istati Membri SPOCs jippermettu l-iskambju sikur bilaterali awtomatizzat taċ-ċertifikati meħtieġ biex jinqraw il-marki tas-swaba’ fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Il-progress lejn it-tranżizzjoni minn SPOCs test għal SPOCs kompletament operazzjonali fl-Istati Membri, jiġi mmonitorjat mill-Kummissjoni fuq bażi ta’ kull xahar. Bħalissa għaxar Stati Membri u pajjiżi assoċjati ma’ Schengen huma kompletament kapaċi li jiskambjaw iċ-ċertifikati u jivverifikaw il-marki tas-swaba’ fuq sistemi operattivi fuq dokumenti taċ-ċittadini filwaqt li 21 għadhom fil-fażi ta’ ttestjar. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu rwieħhom b’mod attiv sabiex jagħmlu l-iskambju ta’ ċertifikati live operazzjonali fl-iqsar dewmien possibbli.

Fir-rigward tal-miżura biex jiżguraw aċċess aħjar għas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti, il-premessa 6 tar-Regolament (UE) 2017/458 li temenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-uffiċjali tal-fruntiera jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-data rilevanti fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Barra minn hekk, l-Art.40(8) tar-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA, European Border and Coast Guard Agency) jistabbilixxi li l-Istat Membru ospitanti għandu jawtorizza lill-membri tat-timijiet EBCGA biex jikkonsultaw il-bażijiet tad-data Ewropej li huwa meħtieġ għas-sodisfazzjoni tal-għanijiet operazzjonali ta’ kontrolli, sorveljanza u ritorn fil-fruntieri. Bl-istess mod, il-proposti leġiżlattivi li jemendaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża 31 u r-regolamenti dwar l-SIS għall-kontroll fuq il-fruntieri u għal kooperazzjoni tal-pulizija, li ilhom jiġu diskussi, jinkludu dispożizzjonijiet għall-għoti ta’ aċċess EBCGA. Barra minn hekk, minn perspettiva operazzjonali, il-Kummissjoni inkludiet fil-Fond għas-Sigurtà Interna - il-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Pulizija għall-2017: għotja diretta lil Interpol biex tuża t-teknoloġija tagħha għal numru magħżul ta’ Stati Membri sabiex jiżdied l-użu tagħhom ta’ SLTD u bażijiet tad-data oħra tal-Interpol, u sejħa għal proposti ristretta għall-Istati Membri biex iżidu l-użu ta’ SLTD u bażijiet tad-data oħra tal-Interpol f’punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni tal-UE.

L-abbozz ta’ rapport tekniku dwar l-istandards għas-sistemi ta’ spezzjoni huwa għaddej. B’appoġġ għal din l-attività, l-EBCGA qed tiżviluppa metodoloġija għall-ittestjar u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ Sistemi ta’ Spezzjoni ta’ Dokumenti. Il-ħidma bdiet f’April 2018 u tinkludi ttestjar operattiv fil-ħajja reali kontra sistemi ta’ spezzjoni ta’ dokumenti f’xenarji fil-ħajja reali ta’ kontroll tal-fruntieri fit-tielet kwart u r-rapport finali sa tmiem l-2018. Ir-riżultati ta’ metodoloġija ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni għall-attività tas-sistemi ta’ spezzjoni ta’ dokumenti se jdakkru r-rapport tekniku dwar is-sistemi ta’ spezzjoni tas-sottogrupp tekniku tal-kumitat tal-Artikolu 6. Il-progress se jiddependi ħafna fuq l-eżitu tal-attività ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni mill-EBCGA msemmija hawn fuq u fuq l-involviment tal-Istati Membri.

Kisba ewlenija huwa t-titjib tal-appoġġ operazzjonali mogħti miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza EBCGA għall-Ġlieda Kontra l-Frodi tad-Dokumenti, imniedi fi Frar 2018. Dan iċ-Ċentru jiskjera l-persunal tal-EBCGA għal operazzjonijiet fil-post fil-fruntieri esterni, jikkontribwixxi għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar frodi ta’ dokumenti u pjanijiet għat-twaqqif ta’ Uffiċċju kontra l-Falsifikazzjoni li jipprovdi appoġġ tekniku u operazzjonali permanenti biex jiġu kkontrollati d-dokumenti. Iċ-Ċentru jamministra wkoll il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kontroll ta’ Dokumenti, maħsub biex jikkoordina l-appoġġ ġenerali lill-Istati Membri biex jiskopru l-frodi tad-dokumenti, u jaħdem mill-qrib ma’ Grupp ta’ Esperti Orizzontali dwar frodi ta’ Dokumenti maħluq fil-qafas taċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE 2018-2021 32 biex jiġu sfrattati netwerks ta’ organizzazzjonijiet kriminali tat-traffikar ta’ dokumenti foloz u ffalsifikati. Iċ-Ċentru qed jiffinalizza proposta ġdida għal format standardizzat għal twissijiet 33 ppjanati għal tmiem l-2018.

Barra minn hekk, rigward it-titjib tal-ġbir ta’ data dwar il-fenomenu ta’ frodi tad-dokumenti, l-EBCGA tiġġestixxi in-Netwerk ta’ Analiżi tar-Riskji tal-Unjoni Ewropea dwar il-Frodi ta’ Dokumenti (EDF-RAN) u tiġbor informazzjoni kemm dwar il-frodi tal-identità u tad-dokumenti misjuba mal-fruntieri esterni tal-UE u kif ukoll il-movimenti intra-UE / Schengen. L-EBCGA tiżviluppa u taġġorna wkoll pubblikazzjonijiet u dokumenti speċifiċi u kwistjonijiet relatati mal-frodi. B’ħarsa ’l quddiem, l-EBCGA se ttejjeb l-kwalità tad-data u tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġbir tad-data, tal-EDF-RAN sabiex jinkludi, eż. dokumenti frawdulenti ppreżentati matul l-applikazzjonijiet għall-viża u r-rifjuti ta’ qabel l-imbarkazzjoni.

Rigward il-fenomenu ta’ frodi ta’ dokumenti ġodda, l-EBCGA indirizzat il-morphing ta’ immaġni fil-kors ta’ taħriġ tagħha tal-2017 lil min iħarreġ dwar “Valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u l-ittestjar għal sistemi ta’ Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri” u wkoll fil-Manwal tal-2017 dwar il-Profili tar-Riskju ta’ Imposturi. L-EBCGA tkompli taħdem biex ittejjeb l-għodda ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni.

F’termini ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni ta’ taħriġ f’oqsma ġodda ta’ frodi tad-dokumenti, l-EBCGA fi sħubija mal-Akkademja ta’ Eindhoven - Ċentru tal-ID, żviluppat kors pilota dwar l-għarfien espert tal-identità, li jinkludi referenza għall-ġestjoni tal-identità, it-teknoloġija tal-mikroċipp, il-bijometrika u l-mezzi biex jinkixfu l-frodi. It-tieni edizzjoni hija ppjanata għall-2018. Bl-istess mod, l-EBCGA qed tiżviluppa modulu speċifiku dwar dokumenti oriġinaturi u qed taġġorna l-programmi tal-portafoll ta’ taħriġ tagħha, li jibdew minn taħriġ speċjalizzat għal avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni, bħal kampanji ta’ promozzjoni, assistenza għal pajjiżi terzi, webinars u sessjonijiet ta’ taħriġ għall-persunal konsulari. F’dan il-qasam, il-Kummissjoni, fi sħubija mal-EBCGA organizzat sensiela ta’ sitt workshops f’postijiet ewlenin barra mill-pajjiż 34 bl-għan li jassistu l-uffiċjali konsulari tal-UE bl-identifikazzjoni ta’ dokumenti foloz mressqa għal applikazzjonijiet tal-viża tal-UE. Min-naħa tiegħu, is-CEPOL 35 tipprovdi taħriġ, webinars u programmi ta’ skambju għal uffiċjali dwar frodi tad-dokumenti.

B’referenza għall-partijiet interessati internazzjonali, għaddejjin diskussjonijiet bejn iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni, in-Netherlands u l-Kummissjoni fuq l-użu potenzjali ta’ Strument ġdid ta' Sħubija għall-Mobbiltà biex jiġi indirizzat il-qasam mhux irrapurtat biżżejjed tal-kuntrabandu bl-ajru u possibbilment biex jiġi appoġġat it-taħriġ immirat dwar il-frodi tad-dokumenti f’postijiet ta’ ajruporti ta’ riskju għoli.

Rigward il-valutazzjoni tal-fattibbiltà ta’ proposta biex tiġi emendata jew riveduta d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tat-Trasportaturi 36 biex tinkludi rekwiżiti ta’ taħriġ, ma hemm l-ebda pjanijiet biex tiġi emendata din id-Direttiva fil-futur qarib. Hija meħtieġa aktar diskussjoni biex jiġi stabbilit jekk it-taħriġ għat-trasportaturi jistax jiġi promoss permezz ta’ mezzi oħra.

Rigward it-titjib fl-użu tal-bażi tad-data ta’ Dokumenti Foloz u Awtentiċi Online (FADO, False and Authentic Documents Online) u bħala segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni pproponiet li l-EBCGA tieħu f’idejha u topera s-sistema FADO 37 .

Minħabba li l-pjattaforma FADO / PRADO hija aċċessibbli għall-komunità ta’ esperti dwar in-nondokumenti, id-diskussjonijiet dwar il-futur ta’ FADO għandhom jinkludu wkoll miżuri dwar it-titjib tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar dokumenti ġodda u foloz għall-“komunità ta’ esperti dwar in-nondokumenti”. L-aċċess tal-komunità ta’ esperti dwar in-nondokumenti għat-tali informazzjoni huwa esplorat ukoll fil-kuntest ta’ proġetti ta’ R&D, partikolarment dawk relatati ma’ teknoloġija mobbli.

VI. KONKLUŻJONIJIET

Il-Pjan ta’ Azzjoni żied il-viżibbiltà tal-kwistjoni tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-infrastruttura għall-ġestjoni tal-identità sottostanti tagħha. L-Istati Membri appoġġaw dan l-approċċ olistiku. Il-progress li sar jinkludi skambju ta’ informazzjoni dwar prattiki nazzjonali u proċess ta’ reġistrazzjoni tal-bijometrika, titjib fil-karatteristiċi tas-sigurtà tal-viża u tal-formati tal-permess ta’ residenza uniformi u diskussjoni għaddejja biex titjieb is-sigurtà tal-karti tal-identità. Aktar ġestjoni sikura ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u kontroll aħjar se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u biex nersqu lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.

L-istandards ta’ sigurtà għad-dokumenti tal-ivvjaġġar inklużi l-bijometriċi u r-rekwiżiti ta’ kontroll fil-fruntieri huma stabbiliti fil-livell tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà sħiħa għad-dokumenti oriġinaturi u għall-produzzjoni u l-ħruġ tad-dokumenti. Iċ-ċaqliq tal-enfasi mid-dokumenti attwali għall-proċessi upstream u downstream huwa pass loġiku li għandu jittieħed. 

Minn total ta’ tnejn u tletin miżuri proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni madwar nofshom twettqu u dawk li għad fadal, li fil-biċċa l-kbira tagħhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, huma jew fuq medda twila jew se jiġu implimentati fix-xhur li ġejjin. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiċi għandu jkompli jgħin lill-Istati Membri biex jidentifikaw lakuni u jservi bħala inċentiv għall-introduzzjoni ta’ bidliet fl-infrastrutturi tal-identità nazzjonali.

Dan kollu juri l-impatt b’suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni, iżda juri wkoll il-ħtieġa tal-Istati Membri li jkomplu jiżguraw il-passi kollha meħtieġa biex jimplimentaw malajr il-miżuri rimanenti tal-Pjan ta’ Azzjoni u jinvolvu ruħhom b’mod proattiv fil-kooperazzjoni u fit-titjib tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fl-UE kollha. Fl-aħħar mill-aħħar, l-Istati Membri għandhom kontinwament jivvalutaw u jisfidaw il-proċessi tagħhom stess, biex itejbu l-effiċjenza u s-sigurtà tul il-katina tal-identità kollha kemm hi.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni sejħet għall-Istati Membri biex jimplimentaw malajr il-miżuri deskritti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Marzu u tat-18 ta’ Diċembru 2017, notevolment fuq titjib fil-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva biex tissaħħaħ l-integrità tal-proċessi relatati mal-identità nazzjonali; itejbu s-sigurtà ta’ dokumenti oriġinaturi u jallinjaw l-aħjar prattiki fl-UE, b’rispett sħiħ lejn l-istandards tad-drittijiet fundamentali, speċjalment fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Il-Kummissjoni se tissorvelja kontinwament il-progress u tibqa’ impenjata biex tiffaċilita d-diskussjoni u l-kooperazzjoni f’dan il-qasam.

(1)      COM(2016) 790 final.
(2)      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq it-twassil tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2016) 230 final, 20.4.2016).
(3)      Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ ir-rispons Ewropew għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, adottati fis-27 ta’ Marzu 2017 - http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/03/27/jha-travel-document-fraud/
(4)      Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-identitajiet - Dok. 15862/17 tat-18 ta’ Diċembru 2017.
(5)      Dokument tal-Kunsill 12004/17 tat-30 ta’ Jannar 2017.
(6)      Dokument tal-Kunsill 12004/1/17 tas-27 ta’ Novembru 2017.
(7)      Id-dikjarazzjoni ta’ Rotterdam wara l-konferenza “Transfruntier f’każ ta’ Inadempjenza”, organizzata mill-Uffiċċju Nazzjonali Netherlandiż għad-data ta’ identità dejta fil-11 u fit-12 ta’ April 2016 tat importanza partikolari għall-valur ta’ prattiki ta’ kondiviżjoni fil-qasam ta’ reġistri tal-popolazzjoni.
(8)      Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali,
(9)      Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,
(10)      ORIĠINI: “Rakkomandazzjonijiet għal Dokumenti Oriġinaturi Affidabbli li Jreġġgħu lura l-Fiduċja fil-Passaport bijometriku” u “l-Ingranaġġ Estiż tas-Sigurtà tal-Fruntieri”.
(11)      ARIES: “Ekosistema tal-identità Ewropea Affidabbli”.
(12)      FADO huwa isem sommarju għal trio ta’ sistemi tal-informazzjoni u tat-teknoloġija: Expert FADO, iFADO (Intranet FADO) u PRADO (Reġistru Pubbliku ta’ Dokumenti Awtentiċi Online). Hija sistema Ewropea ta’ arkivjar ta’ immaġini, stabbilità biex tassisti lill-Istati Membri fil-ġestjoni u fir-rikonoxximent ta’ dokumenti awtentiċi u dawk foloz. Is-subsistema iFADO hija maħsuba għall-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi u ta’ ħruġ ta’ dokumenti, filwaqt li s-subsistema PRADO, disponibbli permezz tal-internet, timmira għall-komunità “espert ta’ nondokumenti”.
(13)      FIDELITY: “Konsenja tal-Identità Rapida u Affiddabbli u Verifika mal-Passaporti bijometriċi billi tiġi Mħarsa l-Privatezza tal-Vjaġġaturi” (Fast and Trustworthy Identity Delivery and Check with ePassports Leveraging Traveller Privacy).
(14)      Il-morphing tal-immaġni hija teknika ta’ pproċessar użata biex tipproduċi l-kampjun bijometriku artifiċjali (jiġifieri immaġni morphed) li jixbah l-informazzjoni bijometrika ta’ żewġ individwi jew aktar.
(15)      Il-grupp ta’ ħidma 19 Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni / Comité Européen de Normalisation dwar dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna (CEN TC224/WG19).
(16)      SIRIUS: Sistema ta’ Assistenza għall-Utent għar-referenza u għall-ispezzjoni u għall-kontroll sikuri tad-dokumenti ta’ identità.
(17)      ENLETS Mobbli huwa sottogrupp tan-Netwerk Ewropew għas-Servizzi Teknoloġiċi tal-Infurzar tal-Liġi (ENLETS), li jirrapporta lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Infurzar tal-Liġi (LEWP) fil-Kunsill.
(18)      Rapport Tekniku tal-JRC, ir-rikonoxximent tal-marki tas-swaba’ awtomatiku: minn tfal għal anzjani, It-tixjiħ u l-effetti tal-età, EUR 29265 EN, 2018, ISBN 978–92–79–87179–5, dok 10.2760/809183.
(19)      Il-Kumitat maħluq permezz tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża.
(20)      Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA).
(21)      Il-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri f'dak li għandu x’jaqsam ma’ standards minimi komuni ta’ sigurtà għall-karti ta’ identità nazzjonali (1-2 ta’ Diċembru 2005).
(22)      Dokument tal-Kunsill 9231/18 tal-Il-Ħamis, 31 ta' Mejju 2018.
(23)      Ir-Regolament (UE) 2017/1370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża.
(24)      Ir-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE)1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.
(25)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018) 674 tat-12 ta’ Frar 2018 fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn għall-format uniformi għal viżi u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 319 tas-27 ta’ Jannar 2010.
(26)      COM(2018) 212 final.
(27)      Id-Deċiżjoni 96/409/CFSP tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar l-istabbiliment ta' dokument provviżorju tal-ivvjaġġar.
(28)      COM (2018) 358 final -Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP.
(29)      Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar
(30)      Il-proġett SHARAKA.
(31)      COM(2018) 302 final - Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, ir-Regolament (UE) 2017/2226, ir-Regolament (UE) 2016/399, ir-Regolament XX/2018 [ir-Regolament tal-Interoperabilità], u d-Deċiżjoni 2004/512/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI.
(32)      Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja / Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) 2018-2021
(33)      Referenza preċedenti huwa d-dok 5606/11 tas-27 ta’ Jannar 2011 - “Proposta għat-twaqqif ta’ format standardizzat għal allerti nazzjonali dwar dokumenti foloz tal-identità u tal-ivvjaġġar għall-użu nazzjonali u għad-distribuzzjoni lil pajjiżi terzi”.
(34)      Moska (Novembru 2017), New Delhi, (Jannar 2018), Nairobi (Frar 2018), Islamabad (Marzu 2018), Beijing (Mejju 2018), Abu Dhabi (Ġunju 2018).
(35)      l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi
(36)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta' Ġunju 2001 li tissupplimenta d-disposizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985.
(37)      COM(2018) 631 final tat-12 ta' Settembru 2018.
Top