IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.9.2018
COM(2018) 553 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Id-29 Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Ġlieda kontra l-frodi - 2017
{SWD(2018) 381 final}
{SWD(2018) 382 final}
{SWD(2018) 383 final}
{SWD(2018) 384 final}
{SWD(2018) 385 final}
{SWD(2018) 386 final}
WERREJ
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Id-29 rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-glieda kontra l-frodi (2017)
Sommarju Eżekuttiv
1.
Introduzzjoni
2.
L-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fl-UE: politiki trażversali kontra l-frodi, miżuri u riżultati
2.1.
Xena legali ġdida: Atti leġiżlattivi adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE
2.1.1.
Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi, li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, permezz tal-liġi kriminali
2.1.2.
Regolament li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa dwar it-twaqqif ta’ UPPE
2.2.
Infasslu l-ġejjieni: L-inizjattivi leġislattivi u ta’ politika tal-istituzzjonijiet Ewropej
2.2.1.
L-evalwazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013
2.2.2.
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE
2.2.3.
Proposta sabiex jiġi rivedut ir-Regolament Finanzjarju u ċerti regoli finanzjarji settorjali (Omnibus)
2.2.4.
Il-koperazzjoni internazzjonali
2.2.5.
L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS)
2.2.6.
Implimentazzjoni tal-Programm Hercule
2.3.
Il-ġurisprudenza tal-QĠUE
2.3.1.
Perijodi ta’ limitazzjoni: il-kawżi Alytaus u Glencore
2.3.2.
il-VAT: Il-kawża M.A.S.
2.4.
Miżuri meħuda mill-Istati Membri
2.4.1.
Sommarju
2.4.1.1.
L-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi (NAFS - National anti-fraud strategies)
2.4.1.2.
L-akkwist pubbliku u l-korruzzjoni
2.4.1.3.
Miżuri oħrajn
2.4.2.
L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2016
2.5.
Sommarju ta’ statistika dwar l-irregolaritajiet u l-frodi identifikati
2.5.1.
Irregolaritajiet frodulenti identifikati
2.5.2.
L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
2.5.3.
Investigazzjonijiet tal-OLAF
3.
Politiki, miżuri u riżultati kontra l-frodi — Dħul
3.1.
Miżuri kontra l-frodi tal-Istituzzjonijiet tal-UE – Dħul
3.1.1.
Assistenza Amministrattiva Reċiproka
3.1.1.1.
Implimentazzjoni tal-Artikolu 43b tar-Regolament (KE) Nru 515/97
3.1.1.2.
Sistema tal-Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS)
3.1.1.3.
Operazzjonijiet doganali konġunti (JCOs)
3.1.2.
Għajnuna reċiproka u dispożizzjonijiet kontra l-frodi fi ftehimiet internazzjonali
3.1.3.
Il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk
3.1.4.
Ġlieda kontra l-frodi tal-VAT
3.2.
Miżuri tal-Istati Membri kontra l-frodi - dħul
3.3.
Statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati - dħul
3.3.1.
Irregolaritajiet frodulenti identifikati
3.3.2.
L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
4.
Politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi — nefqa
4.1.
Politiki u miżuri settorjali kontra l-frodi tal-Istati Membri li jinvolvu diversi setturi ta’ nefqa
4.2.
Agrikoltura — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.2.1.
Agrikoltura — miżuri tal-Istati Membri kontra l-frodi
4.2.2.
Agrikoltura — statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
4.2.2.1.
Irregolaritajiet frodulenti identifikati
4.2.2.2.
L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
4.3.
Politika ta’ koeżjoni u s-Sajd — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.3.1.
Politika ta’ koeżjoni u s-Sajd — miżuri tal-Istati Membri kontra l-frodi
4.3.2.
Politika ta’ koeżjoni u s-sajd — statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
4.3.2.1.
Irregolaritajiet frodulenti identifikati
4.3.2.2.
L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
4.4.
Ġestjoni indiretta (qabel l-adeżjoni) — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.4.1.
Ġestjoni indiretta (qabel l-adeżjoni) — statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
4.5.
Ġestjoni diretta — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.5.1.
Ġestjoni diretta — statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
4.5.1.1.
Irregolaritajiet frodulenti identifikati
4.5.1.2.
L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
5.
Irkupru u miżuri preventivi u korrettivi oħra
6.
Kooperazzjoni mal-Istati Membri
7.
Sistema ta’ identifikazzoni bikrija u ta’ esklużjoni
8.
Segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-2016
9.
Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
9.1.
Dħul
9.2.
Nefqa
9.3.
Kooperazzjoni f’kull livell
ANNESS 1 — Irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti fl-2017
ANNESS 2 — Irregolaritajiet mhux irrappurtati bħala frodulenti fl-2017
ANNESS 3 — Lista ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal Akkumpanjanti
Tabella tal-illustrazzjonijiet
Illustrazzjoni 1: Punti leġiżlattivi li jispikkaw – 2017
Illustrazzjoni 2: Il-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar kwistjonijiet relatati mal-PIF (2017)
Illustrazzjoni 3: Irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti fl-2017
Illustrazzjoni 4: L-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati, 2013-2017
Illustrazzjoni 5: Irregolaritajiet li ma ġewx irrapportati bħala frodulenti fl-2017
Illustrazzjoni 6: Investigazzjonijiet li kienu għadhom għaddejjin sa tmiem l-2017, imqassma skond is-settur
Illustrazzjoni 7: Politiki ewlenin fl-oqsma ta’ dħul
Illustrazzjoni 8: Operazzjonijiet doganali konġunti fl-2017
Illustrazzjoni 9: Mekkaniżmi prinċipali fl-irregolaritajiet identifikati u rrappurtati fl-2017
Illustrazzjoni 10: Politika agrikola - fatti u illustrazzjonijiet ewlenin
Illustrazzjoni 11: Miżuri tas-suq l-aktar affetwati minn irregolaritajiet (frodulenti u mhux frodulenti)
Illustrazzjoni 12: Politiki ta’ koeżjoni u tas-sajd - fatti u illustrazzjonijiet ewlenin
Illustrazzjoni 13: Enfasi fuq PP 2007-2013
Illustrazzjoni 14: L-istruttura u s-sottogruppi ta’ COCOLAF
Sommarju Eżekuttiv
Ir-Rapport Annwali tal-2017 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (ir-Rapport PIF) huwa ppreżentat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Żewġ kisbiet leġiżlattivi importanti
Fl-2017, ġew adottati żewġ atti leġiżlattivi importanti li se jsaħħu l-konverġenza lejn il-protezzjoni effettiva u tal-istess livell tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari kontra l-frodi transfuntiera:
·id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi, li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, permezz tal-liġi kriminali (l-hekk imsejħa d-“Direttiva PIF”)
·ir-Regolament li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE” - European Public Prosecutor’s Office).
L-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti saret wara diversi snin ta’ negozjati u tirrifletti l-impenn tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi, li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
Inizjattivi leġiżlattivi u ta’ politika
Dawn l-atti se jeħtieġu l-adozzjoni tal-istruttura attwali ta’ kontra l-frodi sabiex tiġi żgurata koordinazjoni effettiva bejn il-korpi kompetenti u l-awtoritajiet.
Dan ix-xogħol se jkompli għall-ftit snin li ġejjin, b’mod partikolari fir-rigward tal-preparazzjoni tal-qafas legali li jirregola l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027.
L-ewwel pass kien l-evalwazzjoni tar-Regolament (UE Euratom) Nru 883/2013 (il-mandat u s-setgħat tal-OLAF) li enfasizza r-riżultati li ntlaħqu iżda wkoll in-nuqqasijiet fid-dawl tat-twaqqif tal-UPPE.
Fl-2017, il-Kummissjoni wkoll:
·kompliet bl-eżerċizzju regolari tal-ivvalutar tal-iżviluppi u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li hija indirizzat lill-Istati Membri fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-qafas tal-proċess tas-Semestru Ewropew;
·għamlet disponibbli baġit ta’ EUR 14,95 miljun permezz tal-programm Hercule III sabiex issaħħaħ il-kapaċità operazzjonali u amministrattiva tal-Istati Membri;
·innegozjat b’suċċess dispożizzjonijiet kontra l-frodi fi ftehimiet internazzjonali tal-UE; kif ukoll
·nediet evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi bil-għan li tiġi aġġornata.
Il-ġurisprudenza tal-QĠUE
Fl-2017, tliet sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) żdiedu mal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Tnejn minhom (il-kawżi Alytaus u Glencore ) ttrattaw kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-perijodu ta’ limitazzjoni, filwaqt li t-tielet kawża (M.A.S. u M.B.) kienet relatata mal-VAT, fejn b’mod partikolari ġew iċċarati xi aspetti tas-sentenza ta’ Taricco.
Enfasi fuq l-oqsma ta’ dħul
Il-Kummissjoni adottat proposta leġislattiva biex tagħmel is-sistema tal-Vat tal-UE aktar sempliċi, aktar reżistenti għall-frodi u biex jingħalqu l-lakuni fil-kummerċ transfruntier billi jissaħħu l-istrumenti ta’ kooperazzjoni amministrattivi bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi.
Ftehimiet ta’ assistenza reċiproka ġew konklużi ma’ Mercosur u l-Ażerbajġan. Il-klawżola kontra l-frodi ġiet inkorporata b’suċċess fil-ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Ġappun.
L-OLAF ikkoordina jew appoġġa 11-il operazzjoni doganali li b’suċċess iffukaw fuq diversi theddidiet, bħall-kutrabandu tas-sigaretti, il-frodi fuq l-introjtu, il-prodotti ffalsifikati, iċ-ċaqliq illeċitu ta’ flus u d-droga.
F’termini finanzjarji, il-pannelli solari impurtati kienu l-prodotti l-aktar affettwati minn frodi u irregolaritajiet. F’ħafna każijiet, l-irregolaritajiet li jirrigwardaw il-pannelli solari kienu identifikati wara notifika ta’ Għajnuna Reċiproka maħruġa mill-OLAF.
Proċedura ta’ ksur tnediet rigward is-sottovalutazzjoni li taffettwa d-dħul tradizzjonali u mir-riżorsi proprji tal-VAT li ġie individwat fir-Renju Unit.
Enfasi fuq l-oqsma tan-nefqa
Ir-Regolament Omnibus jippromwovi is-simplifikazzjoni u l-kjarifikazjoni tar-regoli finanzjarji. Fl-2017, id-dispożizzjonijiet marbutin mal-agrikoltura ġew adottati, filwaqt l-abbozz tal-bidliet għall-oqsma tan-nefqa li jifdal jinħtieġ li jiġu adottati fl-2018.
Il-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi (COCOLAF) ipprepara gwida dwar senjalazzjonijiet ta’ allarm u tal-aħjar prattiki fl-akkwist pubbliku u fir-rappurtar tal-irregolaritajiet.
L-analiżi ta’ irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti li ġew individwati u rrappurtati mill-awtoritajiet nazzjonali ikkonfermat is-sejbiet tal-2016 fir-rigward tas-setturi ewlenin f’riskju.
Tefgħet enfasi wkoll fuq il-metodi ta’ detezzjoni li għenu fl-identifikazzjoni u biex jitpoġġew fil-mira każijiet frodulenti u mhux frodulenti ta’ valur finanzjarju sinifikanti. Dawn jinvolvu l-analiżi tar-riskju, tips minn informanti, żvelar ta’ informazzjoni protetta u informazzjoni mill-midja.
L-istess analiżi turi wkoll ir-riżultati pożittivi milħuqa permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi.
Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, rakkomandazzjonijiet speċifiċi jiġu indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jistrutturaw u jagħmlu użu sistematiku minn informazzzjoni li tidħol mis-sorsi ta’ hawn fuq.
Miżuri kontra l-frodi tal-Istati Membri
L-Istati Membri rrappurtaw l-adozzjoni ta’ 73 miżura ewlenija sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji u l-ġlieda kontra l-frodi tal-UE. Dawn ikopru ċ-ċiklu ta’ kontra l-frodi kollu, iżda jiffukaw b’mod partikolari fuq id-detezzjoni u l-prevenzjoni. Għandhom x’jaqsmu prinċipalment mal-kontroll tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw dwar l-għadd u n-natura ta’ miżuri meħuda sabiex isir segwitu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2016; dan jista’ jitqies pożittiv, iżda għad hemm lok għal titjib.
Id-detezzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti li jaffettwaw il-baġit tal-UE
Fl-2017 ġew irrapportati 15 213 irregolarità frodulenti u mhux frodulenti lill-Kummissjoni, 20,8 % inqas mill-2016. Dawn involvew madwar EUR 2,58 biljun, 8,6 % inqas mis-sena preċedenti.
L-1 146 irregolarità rrappurtata bħala frodulenti kienu jinvolvu madwar EUR 467 million ta’ nefqa u dħul.
Id-detezzjoni ta’ irregolarità timplika li ttieħdu miżuri korrettivi sabiex jiġu rkuprati l-ammonti finanzjarji irregolari involuti u li nbdew proċedimenti kriminali jekk kien hemm suspett ta’ frodi.
L-Anness 1 juri għadd ta’ rregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti li ġew identifikati minn Stat Membru. Dan l-għadd juri r-riżultat ta’ ħidmet l-Istati Membri biex jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali l-oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Iċ-ċifri ma għandhomx ikunu interpretati li jindikaw il-livell ta’ frodi fit-territorji tal-Istati Membri.
1.Introduzzjoni
Kull sena, skont l-Artikolu 325(5) TFUE, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-miżuri meħuda biex jikkumbattu l-frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE.
L-UE u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u għall-ġlieda kontra l-frodi. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jiġġestixxu madwar 74 % tan-nefqa tal-UE u jiġbru r-riżorsi proprji tradizzjonali (TOR). Il-Kummissjoni tissorvelja dawn iż-żewġ oqsma, tistabbilixxi l-istandards u tivverifika l-konformità. Biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE b’mod effettiv, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jaħdmu mill-qrib flimkien.
Dan ir-rapport jivvaluta din il-kooperazzjoni bl-għan li jtejjibha; għal dan l-iskop, huwa:
·jipprovdi sommarju tal-miżuri meħuda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sabiex tikkumbatti l-frodi;
·jinkludi analiżi tal-kisbiet ewlenin tal-korpi nazzjonali u Ewropej fid-dettezzjoni u fir-rappurtar ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet li jirrigwardaw in-nefqa u d-dħul tal-UE. Dan huwa b’mod partikolari bbażat fuq id-detezzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi rrappurtati mill-Istati Membri f’konformità mar-regolamenti settorjali.
Ir-rapport huwa akkumpanjat minn sitt Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD - Commission Staff Working Documents), elenkati fl-Anness 3.
2.L-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fl-UE: politiki trażversali kontra l-frodi, miżuri u riżultati
2.1.Xena legali ġdida: Atti leġiżlattivi adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE
F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni enfasizzat id-differenzi fl-approċi tal-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi u l-irregularitajiet li jaffettwaw l-interessi tal-UE. Investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) urew l-okkorrenzi li dejjem qed jiżdiedu ta’ każijiet ta’ frodi transnazzjonali.
Żewġ atti leġiżlattivi importanti ġew adottati fl-2017 li se jiżguraw konverġenza lejn il-protezzjoni effettiva u tal-istess livell tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari kontra l-frodi transfuntiera:
1.id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi, li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF); kif ukoll
2.ir-Regolament li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE).
L-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti saret wara diversi snin ta’ negozjati u tirrifletti l-impenn tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi, li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
2.1.1.Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi, li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, permezz tal-liġi kriminali
Id-Direttiva tissostitwixxi l-Konvenzjoni tal-1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u l-protokolli tagħha (il-Konvenzjoni PIF) għas-26 Stat Membru marbutin biha. Il-Konvenzjoni PIF tibqa’ tapplika għad-Danimarka u għar-Renju Unit.
Illustrazzjoni 1:
Punti leġiżlattivi li jispikkaw – 2017
2.1.2.Regolament li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa dwar it-twaqqif ta’ UPPE
Stati Membri Parteċipanti:
Stati Membri oħra jistgħu jingħaqdu fil-futur.
2.2.Infasslu l-ġejjieni: L-inizjattivi leġislattivi u ta’ politika tal-istituzzjonijiet Ewropej
L-atti l-ġodda jirrikjedu l-adattament tal-istruttura attwali ta’ kontra l-frodi għall-aħħar żviluppi sabiex tiġi żgurata l-koordinazjoni meħtieġa bejn il-korpi kompetenti u l-awtoritajiet. Dan ix-xogħol se jkompli għall-ftit snin li ġejjin, b’mod partikolari fir-rigward tal-preparazzjoni tal-qafas legali li jirregola l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027.
It-taqsima li jmiss tagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin li jikkonċernaw l-inizjattivi leġiżlattivi u ta’ politika tal-Kummissjoni fl-2017.
2.2.1.L-evalwazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 huwa l-qofol ta’ dan il-qafas legali li jirregola l-mandat tal-OLAF biex iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi dwar il-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE.
Fit-2 ta’ Ottubru 2017, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu.
L-evalwazzjoni ikkonkludiet li r-Regolament ippermetta lill-OLAF biex fil-mandat tiegħu jġib riżultati konkreti, u ġab riżultati ċari fit-twettiq tal-investigazzjonijiet, fil-kooperazjoni ma’ sħab u fi drittijiet għall-persuni kkonċernati. Fl-istess waqt, tenfasizza xi nuqqasijiet li jimpattaw fuq l-effikaċja u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Dawn marbutin fost l-oħrajn ma’:
·l-għodda investigattiva tal-OLAF;
·l-eżekuzzjoni tas-setgħat tal-OLAF;
·kundizzjonijiet uniformi fit-twettiq tal-investigazzjonijiet interni fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenżiji tal-UE;
·diverġenzi fis-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF;
·id-dmirijiet ta’ kooperazzjoni mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni;
·il-koerenza globali tal-qafas legali applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF;
·il-possibilità li informazzjoni dwar kontijiet tal-bank tkun aċċessibbli; kif ukoll
·iċ-ċarezza dwar il-mandat tal-OLAF fil-qasam tal-VAT.
L-evalwazzjoni, rigward it-twaqqif tal-UPPE (ara t-taqsima 2.1) u l-impatt tiegħu fuq ħidmet l-OLAF, tirrikonoxxi biċ-ċar il-ħtieġa biex tkompli tiġi rregolata r-relazzjoni bejn iż-żewġ korpi, u ssejjaħ biex isiru adattamenti rapidi għall-operazzjonijiet tal-OLAF sabiex jiġi żgurat li l-qafas legali jkun adattat għall-iskop tiegħu.
Il-Kummissjoni adottat fit-23 ta’ Mejju 2018 proposta mmirata biex temenda r-Regolament, xprunata primarjament bit-twaqqif tal-UPPE, filwaqt li indirizzat ukoll ir-riżultati xejn ambigwi tal-evalwazzjoni sabiex tiżgura li l-OLAF jibqa’ sieħeb b’saħħtu u li jiffunzjona b’mod sħiħ mal-UPPE.
Ir-Regolament tal-UPPE diġà jħaddan dispożizzjonjjiet biex jirregola r-relazzjoni bejn l-UPPE u l-OLAF. Dawn huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ kooperazzjoni mill-qrib, l-iskambju ta’ informazzjoni, il-kumplimentarjetà u l-evitar tad-duplikazzjoni. Ir-regoli jenħtieġ li jiġu riflessi u kkumplimentati mill-emendi fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, bl-objettiv prinċipali jkun li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-baġit tal-Unjoni permezz ta’ politika integrata, li OLAF b’saħħtu u li jiffunzjona b’mod sħiħ jwettaq permezz tagħha investigazzjonijiet amministrattivi biex jikkumplimenta l-approċċ tal-UPPE fil-liġi kriminali.
L-enfasi qiegħda fuq l-oqsma li fihom attwalment ir-Regolament jqajjem diverġenzi sinifikanti fil-mod ta’ kif l-OLAF jopera fl-Istati Membri, bħalma huma l-kontrolli u l-ispezzjoniijiet fuq il-post, l-aċċess għall-informazzjoni tal-kontijiet tal-bank u l-assistenza mill-awtoritajiet nazzjonali.
2.2.2.Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE
Fl-2017, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienet prijorità fil-proċess ta’ governanza ekonomika tas-Semestru Ewropew. Bosta Rappurtar mill-Pajjiżi inkluda valutazzjoni tax-xena legali, istituzzjonali u ta’ politika għal kontra l-korruzzjoni, inkluż il-progress u l-isfidi li jkun għad fadal.
Diversi Stati Membri rċevew ukoll rakkomandazzjonijiet biex jieħdu azzjoni sabiex itejbu t-trasparenza, jsaħħu l-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interess, jiġġieldu l-pagamenti informali fil-kura tas-saħħa jew iżidu l-isforzi kontra l-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika, fil-ġudikatura u fl-akkwist pubbliku.
Fil-qafas tal-programm ta’ kondiviżjoni tal-esperjenza fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni tal-UE, il-Kummissjoni organizzat tliet workshops għall-qsim tal-esperjenzi fl-2017, filwaqt li laqqgħet 100 prattikant u espert ta’ kontra l-korruzzjoni mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, minn organizzazzjonijiet internazzjonali, mis-soċjetà ċivili, mid-dinja akkademika kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra. Dawn il-workshops iffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki f’dawn l-oqsma tematiċi: fl-indikaturi ta’ kontra l-korruzzjoni (Brussell, Marzu 2017), il-kunflitti ta’ interess u l-prattika tal-“bibien li jduru” (Barċellona, Ġunju 2017), kif ukoll l-impatt ekonomiku tal-korruzzjoni (Brussell, Diċembru 2017).
Sejħa għal proposti għal proġetti mfasslin biex jipprevjenu u jikkumbattu l-korruzzjoni fl-Istati Membri tnediet f’Diċembru 2017, li kienet tiswa b’kollox EUR 2,2 miljun.
Il-Kummissjoni u l-OLAF ipparteċipaw b’mod attiv f’diversi fora ta’ kontra l-korruzzjoni Ewropej u internazzjonali, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, il-Grupp ta’ Ħidma kontra l-korruzzjoni tal-G20 u s-Sħab Ewropej Kontra l-Korruzzjoni (EPAC) / in-Netwerk Ewropew tal-Punti ta’ Kuntatt kontra l-Korruzzjoni (EACN). L-EACN adotta d-Dikjarazzjoni ta’ Lisbona f’Novembru 2017 filwaq li talab lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex iqawwu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
2.2.3.Proposta sabiex jiġi rivedut ir-Regolament Finanzjarju u ċerti regoli finanzjarji settorjali (Omnibus)
Fl-2017, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeliberaw fuq il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2016 dwar reviżjoni komprensiva u ambizjuża tar-Regolament Finanzjarju u bidliet korrispondenti fir-regoli finanzjarji settorjali għal diversi programmi pluriennali.
Il-proposta hija mmirata biex ir-regoli finanzjarji tal-Unjoni jiġu modernizzati u simplifikati kif ukoll biex jissaħħu s-sistemi fis-seħħ biex il-baġit tal-UE jiġi protett mill-frodi u mill-irregolaritajiet finanzjarji. Fost l-oħrajn issaħħaħ ir-regoli dwar l-evitar tat-taxxa għas-sħab fl-implimentazzjoni tal-UE, u tiċċara li d-dmir li l-kunflitti ta’ interess jiġu evitati japplika għal kull xorta ta’ implimentazzjoni tal-fondi tal-UE (inkluż fil-livell tal-Istati Membri). Is-simplifikazzjoni minnha nfisha jenħtieġ li tnaqqas l-għadd ta’ żbalji, iżda fil-prattika żżid ukoll l-impatt tal-politiki u tar-riżultati tagħhom.
Fin-negozjati leġiżlattivi, fuq talba tal-Parlament, ir-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ benefiċjarji inaffidabbli ta’ finanzjament mill-UE komplew jissaħħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-“kumpaniji tal-isem”. Xi wħud mill-bidliet proposti, relatati ma’ politiki agrikoli, daħlu fis-seħħ separatament bir-Regolament (UE) 2017/2393, filwaqt li huwa mistenni li r-Regolament Finanzjarju l-ġdid u l-emendi fir-regoli settorjali li jifdal se jiġu adottati fit-tielet semestru tal-2018.
2.2.4.Il-koperazzjoni internazzjonali
Il-Kummissjoni, sabiex tiġġieled b’mod effettiv il-frodi li taffettwa l-baġit tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha, kompliet iddaħħal dispożizzjonijiet kontra l-frodi fil-ftehimiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u f’mudelli ta’ ftehimiet ta’ delega u dwar għotjiet ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.
Fl-2017, l-OLAF organizza żewġ attivitajiet biex jappoġġa pajjiżi mhux tal-UE:
·is-seminar annwali tiegħu (li seħħ f’Montenegro), għal awtoritajiet sħab f’pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, dwar l-aħjar prattiki fid-detezzjoni u r-rappurtar ta’ frodi; kif ukoll
·workshop kontra l-frodi bil-parteċipazzjoni tas-servizzi kollha relevanti kontra l-frodi u l-korruzzjoni fil-Georgia, biex jgħinhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kontra l-frodi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Georgia.
L-OLAF iffirma wkoll arranġamenti amministrattivi ta’ kooperazjoni ma’ awtoritajiet sħab fit-Tuniżija u fil-Kosovo.
2.2.5.L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS)
Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li taġġorna s-CAFS li ġiet adottata fl-24 ta’ Ġunju 2011, li l-objettiv tagħha huwa li ttejjeb il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi u tiżgura li s-sanzjonar, l-irkupru u d-deterrent adegwati huma prijorità fuq l-aġenda tal-Kummissjoni.
Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet tas-CAFS issa ġew finalizzati jew għadhom għaddejjin. Id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni introduċew Strateġiji Kontra l-Frodi settorjali(AFS-Anti-Fraud Strategies) għall-oqsma ta’ politika rispettivi tagħhom.
Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-implimentazzjoni kumplessiva tas-CAFS. L-evalwazzjoni tkejjel il-progress li ntlaħaq sa mill-adozzjoni tas-CAFS fl-2011 apparagun tal-objettivi ddikjarati, filwaqt li tqis l-iżviluppi f’termini ta’ politiki tal-UE fil-qasam ta’ kontra l-frodi, ir-riskji ta’ frodi korrispondenti u l-istrutturi emerġenti ta’ frodi. Ir-riżultati għandhom iservu bħala l-bażi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar liema s-CAFS jenħtieġ li tiġi aġġornata. L-evalwazzjoni se tkopri l-perjodu minn mindu ġiet adottata s-CAFS u se tevalwa r-relevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza u l-koerenza tagħha.
2.2.6.Implimentazzjoni tal-Programm Hercule
Il-programm Hercule III 2014-2020 jippromwovi attivitajiet għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Fl-2017, ir-raba’ sena tal-implimentazzjoni tiegħu, baġit ta’ EUR 14,95 miljun sar disponibbli għal:
·finanzjament ta’ azzjonijiet sabiex tissaħħaħ il-kapaċità operazzjonali u teknika tal-forzi tad-dwana u l-pulizija fl-Istati Membri, kif ukoll appoġġ tal-IT, (75 % tal-baġit tal-programm); kif ukoll
·attivitajiet ta’ taħriġ u konferenzi, inkluż it-taħriġ tal-forensika diġitali għall-persunal impjegat mill-aġenziji għall-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u pajjiżi sħab, (25 % tal-baġit).
Il-benefiċjarji ta’ għotjiet minn Hercule III iddikkjaraw suċċess sostanzjali li ntlaħaq bl-għajnuna ta’ tagħmir u taħriġ iffinanzjat permezz tal-programm, bħal:
·is-sekwestru ta’ sigaretti u tabakk kontrafatti u bil-kutrabandu;
·Id-detezzjoni ta’ skemi ta’ frodi ġodda u ta’ netwerks ta’ organizzazzjonijiet kriminali; kif ukoll
·operazzjonijiet u investigazzjonijiet ta’ irregolaritajiet u ta’ korruzzjoni mwettqa kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
2.3.Il-ġurisprudenza tal-QĠUE
Fl-2017, tliet sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) żdiedu mal-ġurisprudenza dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Tnejn (il-kawżi Alytaus u Glencore )
ttrattaw kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-perijodu ta’ limitazzjoni, filwaqt li t-tielet kawża (M.A.S. u M.B.) kienet relatata mal-VAT, fejn b’mod partikolari ġew iċċarati xi aspetti tas-sentenza ta’ Taricco.
Illustrazzjoni 2:
Il-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar kwistjonijiet relatati mal-PIF (2017)
2.3.1.Perijodi ta’ limitazzjoni: il-kawżi Alytaus u Glencore
F’Alytaus, il-Qorti iċċarat it-tifsira tal-perjodu ta’ limitazzjoni għal irregolarità li twettqet fil-kuntest ta’ programm pluriennali u fil-każ ta’ irregolarità “kontinwa jew ripetuta”. Iċċarat ukoll meta programm pluriennali jista’ jitqies bħala “mitmum definittivament”.
Fi Glencore, il-Qorti pprovdiet aktar kjarifiki fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 3(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 b’referenza għall-irkupru ta’ pretensjonijiet.
2.3.2.il-VAT: Il-kawża M.A.S.
Bħala riżultat tas-sentenza ta’ M.A.S., biex l-Istati Membri ma jonqsux mill-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, iridu jiżguraw li pieni kriminali effettivi u ta’ deterrent jiġu adottati f’każijiet ta’ frodi serji li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE fir-rigward tal-VAT.
2.4.Miżuri meħuda mill-Istati Membri
2.4.1.Sommarju
Dan is-sommarju jagħti ħarsa ġenerali lejn ix-xejriet u l-prijoritajiet li jirrigwardaw il-miżuri kontra l-frodi tal-Istati Membri, iżda ma huwiex eżawrjenti; L-Istati Membri intalbu biex isemmu tliet miżuri kontra l-frodi l-aktar, iżda xi wħud seta’ kellhom aktar.
Fl-2017, l-Istati Membri rrappurtaw dwar 73 miżura sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-UE u tiġi miġġielda l-frodi. Il-miżuri koprew iċ-ċiklu kollu kemm hu ta’ kontra l-frodi, l-aktar fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, iżda wkoll ir-reati finanzjarji, id-dwana u l-kummerċ illeċitu, l-akkwist pubbliku, il-kunflitt ta’ interess, strateġiji kontra l-korruzzjoni u l-frodi, il-kriminalità organizzata, is-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOSs - anti-fraud coordination services), id-definizzjoni ta’ frodi u l-informaturi. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri kkonċernaw id-detezzjoni, segwita mill-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, l-irkupru u s-sanzjonijiet.
Il-maġġoranza (77 %) kienu settorjali aktar milli trażversali (23 %). Mill-miżuri settorjali, 15 ikkonċernaw id-dħul fl-oqsma tal-frodi tat-taxxa u tad-dwana. Wieħed u erbgħin miżura oħra kkonċernaw in-nefqa, u koprew l-oqsma kollha tal-baġit. Il-miżuri settorjali se jiġu indirizzati fil-paragrafi speċifiċi ddedikati għal oqsma differenti tal-baġit filwaqt li din it-taqsima tittratta l-miżuri trażversali.
2.4.1.1.L-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi (NAFS - National anti-fraud strategies)
Sat-tmiem tal-2017, għaxar Stati Membri adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi u bagħtuha lill-Kummissjoni. Dan juri l-fehim tagħhom dwar l-importanza ta’ approċċ strateġiku biex jiġu miġġielda l-frodi u l-irregolaritajiet. Il-Kummissjoni tilqa’ dawn l-iżviluppi u tistieden lill-Istati Membri l-oħra biex jabbozzaw dawn l-istrateġiji.
2.4.1.2.L-akkwist pubbliku u l-korruzzjoni
Ħafna mill-miżuri ta’ akkwist pubbliku adottati mill-Istati Membri fl-2017 huma mmirati biex jiġġieldu l-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess, kif ukoll biex tiżdied it-trasparenza. Sitt Stati Membri rrappurtaw li ħadu dawn il-miżuri.
2.4.1.3.Miżuri oħrajn
Miżuri trasversali oħra rrappurtati jikkonċernaw prinċipalment il-kriminalità finanzjarja u organizzata (ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u l-Litwanja), ir-rieżami tal-organizzazzjoni u tal-kompetenzi ta’ korpi speċifiċi (il-Greċja u l-Isvezja) jew it-titjib fil-koooperazzjoni ta’ bejn l-aġenziji.
Tliet Stati Membri rrappurtaw miżuri sabiex jindirizzaw id-dħul u n-nefqa ta’ ċerti setturi:
·Il-Latvja nediet kampanja nazzjonali kontra l-frodi (#FraudOff!) sabiex tissensibilizza l-pubbliku dwar il-frodi, ikkumplimentata minn taħriġ speċifiku għall-amministrazzjonijiet kkonċernati;
·L-Italja ħadet passi biex tgħaqqad inizjattivi amministrattivi u penali biex tibni mill-ġdid il-flussi finanzjarji illeċiti u taħtaf l-assi ta’ organizzazzjonijiet kriminali; kif ukoll
·Is-Slovenja ħadet passi biex issaħħaħ ir-rata ta’ detezzjoni u ta’ għeluq ta’ każijiet ta’ atti kriminali li qed jikkawżaw ħsara lill-baġit tal-UE.
2.4.2.L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2016
Fir-rapport tal-PIF tal-2016, il-Kummissjoni għamlet erba’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri; waħda kellha fil-mira d-dħul u tlieta n-nefqa.
Kollox ma’ kollox, is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet (ara d-dijagrammi ta’ hawn taħt) urew li saru jew qed isiru sforzi sinifikanti u kostruttivi mill-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet ingħataw l-attenzjoni kif xieraq mill-maġġoranza tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri biex:
(1)jirrieżaminaw l-istrateġija tagħhom ta’ ġestjoni u kontroll fir-rigward tal-valutazzjoni doganali
(2) jittrasponu b’mod sħiħ id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku riveduti
(3)itejbu l-kwalità tad-data meta jirrappurtaw irregolaritajiet
(4)iqisu l-konklużjonijiet tal-analiżi tar-riskju
Madankollu, għad hemm lok għal titjib, bħall-implimentazzjoni ta’ regoli ġodda dwar is-sottovalutazzjoni tad-dwana u r-rifjut li tiġi rilaxxata l-merkanzija meta jkun hemm dubju; jista’ jiġi kkunsidrat l-użu ta’ profili tar-riskju fl-UE kollha abażi ta’ “prezzijiet medji netti”. Jistgħu jsiru aktar sforzi biex jiġu żgurati proċeduri elettroniċi tal-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, xi Stati Membri jipprovdu jew jorganizzaw taħriġ u seminars dwar l-użu ta’ sistemi tal-IT għal skopijiet ta’ rappurtar, sabiex itejbu l-kwalità tad-data u jaġġornaw irregolaritajiet li diġà jkunu rrappurtati, Stati Membri oħra jistgħu jintensifikaw l-isforzi tagħhom. Fl-aħħarnett, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ titjieb fir-rigward tat-theddida li dejjem qed tikber tal-frodi transnazzjonali, u fir-rigward tal-programmi ta kooperazzjoni territorjali Ewropea.
2.5.Sommarju ta’ statistika dwar l-irregolaritajiet u l-frodi identifikati
Fl-2017 ġew irrapportati 15 213 irregolarità frodulenti u mhux frodulenti lill-Kummissjoni, 20,8 % inqas mill-2016. Dawn involvew madwar EUR 2,58 biljun, 8,6 % inqas mis-sena preċedenti.
Id-detezzjoni ta’ irregolarità timplika li ttieħdu miżuri korrettivi sabiex jiġu rkuprati l-ammonti finanzjarji irregolari involuti u li nbdew proċedimenti kriminali jekk kien hemm suspett ta’ frodi.
Illustrazzjoni 3:
Irregolaritajiet irrapportati bħala frodulenti fl-2017
2.5.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
L-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti (li jinkludu każijiet ta’ frodi ssuspettata jew stabbilita) u l-ammonti relatati ma humiex indikatur dirett tal-livell ta’ frodi li jaffettwa l-baġit tal-UE. Dawn pjuttost jindikaw kemm-il każ ta’ frodi potenzjali qed jiġi identifikat mill-Istati Membri u mill-korpi tal-UE.
Fl-2017, ġew irrappurtati 1 146 irregolarità bħala frodulenti (jiġifieri 7,5 % tal-irregolaritajiet kollha identifikati u rrappurtati), li jinvolvu madwar EUR 467 miljun (li jirrappreżentaw 18,1 % tal-ammonti finanzjarji kollha affettwati mill-irregolaritajiet) u li jkopru kemm in-nefqa kif ukoll id-dħul, kif muri fi
Figure 3
.
L-għadd ta’ irregolaritajiet frodulenti rrappurtati fl-2017 naqas b’19,3 % meta mqabbel mal-2016 filwaqt li l-ammonti finanzjarji involuti żdiedu b’37,5 %. Meta wieħed iħares lejn perjodu ta’ ħames snin (2013-2017), dan kien 32 % inqas mill-2013, u 23 % inqas mill-medja ta’ ħames snin. Madankollu, l-impatt finanzjarju jvarja b’mod sinifikanti (ara l-Illustrazzjoni 4), peress li jista’ jiġi affettwat minn każijiet individwali li jinvolvu ammonti kbar ħafna.
Illustrazzjoni 4:
L-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u l-ammonti relatati, 2013-2017
Analiżi tal-irregolaritajiet frodulenti kollha rrapportati fl-2017, skont l-Istat Membru u skont is-settur tal-baġit, hija ppreżentata fl-Anness 1.
2.5.2.L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
Fl-2017, 14,067 irregolarità li ma kinux irrappurtati bħala frodulenti ġew innotifikati lill-Kummissjoni (20,9 % inqas mill-2016). Iċ-ċifri naqsu għas-setturi kollha ħlief qabel l-adeżjoni. L-ammonti finanzjarji involuti naqsu b’madwar EUR 2,1 billion, kif muri fi
Figure 5
.
Illustrazzjoni 5:
Irregolaritajiet li ma ġewx irrapportati bħala frodulenti fl-2017
2.5.3.Investigazzjonijiet tal-OLAF
Fl-2017, l-OLAF fetaħ 215-il investigazzjoni u għalaq 197 investigazzjoni, u rrakkomanda rkupri finanzjarji li jammontaw għal EUR 3,1 biljun, li EUR 2,7 biljun minnhom kienu relatati mad-dħul. Din iċ-ċifra eċċezzjonalment għolja ġejja minn każijiet ta’ frodi ta’ sottovalutazzjoni kbira mill-OLAF tul is-sena. Sa tmiem is-sena, kienu għadhom għaddejjin 362 investigazzjoni.
Illustrazzjoni 6:
Investigazzjonijiet li kienu għadhom għaddejjin sa tmiem l-2017, imqassma skond is-settur
3.Politiki, miżuri u riżultati kontra l-frodi — Dħul
3.1.Miżuri kontra l-frodi tal-Istituzzjonijiet tal-UE – Dħul
Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam ta’ dħul, l-iskambju rapidu, f’waqtu u preċiż tal-informazzjoni huwa essenzjali. Dan jiżgura l-koordinazzjoni adegwata sabiex jitħarbtu skemi ta’ frodi ta’ natura transnazzjonali. L-UE tissielet kontra l-frodi u l-irregolaritajiet f’dawn l-oqsma billi ssaħħaħ il-qafas legali u l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li tiżgura koordinazzjoni operattiva permezz tal-Operazzjonijiet Doganali Konġunti (JCOs - Joint Customs Operations) u billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-frodi tal-VAT.
L-Istati Membri adottaw miżuri nazzjonali biex:
·jirrieżaminaw il-pjanijiet strateġiċi, il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-indikaturi;
·jorganizzaw mill-ġdid servizzi kompetenti; kif ukoll
·isaħħu l-iskambji tal-inforamzzjoni.
Illustrazzjoni 7:
Politiki ewlenin fl-oqsma ta’ dħul
3.1.1.Assistenza Amministrattiva Reċiproka
3.1.1.1.Implimentazzjoni tal-Artikolu 43b tar-Regolament (KE) Nru 515/97
Ir-Regolament (UE) 2015/1525, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi fi kwistjonijiet doganali, daħħal l-Artikolu ġdid 43b, li jesiġi li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li testendi d-direttorju tal-messaġġ dwar l-istatus tal-kontejner (CSM) u d-direttorju tal-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu (IET) sabiex tiġi esportata data li mhijiex limitata għal prodotti soġġetti għas-sisa. Il-Kummissjoni hija obbligata ukoll tivvaluta l-fattibbiltà li testendi d-direttorju tat-trasport għal data dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-prodotti bl-art u bl-ajru.
Il-Kummissjoni se tippreżenta s-sejbiet tagħha fir-rapport PIF tal-2016. Sadanittant, kompliet b’ħidmietha u ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha.
3.1.1.2.Sistema tal-Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS)
L-AFIS hija sistema komprensiva ta’ applikazzjonijiet kontra l-frodi operata mill-OLAF, bl-użu ta’ infrastruttura teknika komuni. Din hija għodda tal-IT importanti għal bosta amministrazzjonijiet u utenti oħrajn involuti fil-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE. Tippermetti wkoll ekonomiji sostanzjali ta’ skala u sinerġiji fl-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-operat ta’ din il-ġabra wiesa’ u differenti ta’ servizzi u għodod tal-IT, u għandha l-għan ta’:
·skambju f’waqtu u sikur ta’ informazzjoni relatata ma’ frodi bejn l-amministrazzjonijiet kompetenti nazzjonali u dawk tal-UE; kif ukoll
·ħżin u analiżi ta’ data rilevanti.
L-AFIS tkopri żewġ oqsma ewlenin:
·l-għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet doganali; kif ukoll
·il-ġestjoni ta’ irregolaritajiet.
Fi tmiem l-2017, l-AFIS kellha 8 600 utent aħħari rreġistrati f’isem aktar minn 1 800 servizz kompetenti fi Stati Membri, pajjiżi sħab mhux tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, dipartimenti tal-Kummissjoni u korpi oħra tal-UE. Fl-2017, total ta’ 16 324 każ kienu disponibbli fil-bażijiet tad-data u l-moduli tal-assistenza reċiproka tal-AFIS.
Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS - irregularity management system), operata taħt il-pjattaforma tal-AFIS, irċeviet 88 347 komunikazzjoni ġdida dwar irregolaritajiet minn Stati Membri u pajjiżi kandidati.
Żewġ sistemi tal-IT ġodda previsti fir-Regolament (KE) Nru 515/97 (kif emendat), id-direttorju tal-CSM u d-direttorju tal-IET, bdew jaħdmu fl-1 ta’ Settembru 2016.
Fl-2017, l-AFIS irċeviet 637 miljun CSM. Id-direttorju IET jinkludi data ta’ dikjarazzjoni dwar l-importazzjoni u t-tranżitu ta’ prodotti u dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti soġġetti għas-sisa. Ġew ipproċessati xi 5,3 miljun dikjarazzjoni dwar l-esportazzjoni u messaġġi relatati.
L-AFIS intużat għal aċċess u skambju sikur ta’ informazzjoni fi ħdax-il JCO (ara t-taqsima li ġejja).
Is-sistema tal-informazzjoni dwar it-tranżitu kontra l-Frodi (ATIS) irċeviet informazzjoni dwar 22,5 miljun konsenja ta’ tranżitu ġodda. Dawn huma disponibbli wkoll fid-direttorju tal-IET.
3.1.1.3.Operazzjonijiet doganali konġunti (JCOs)
Il-JCOs huma miżuri operattivi kkoordinati u mmirati implimentati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi mhux tal-UE, fuq perjodu ta’ żmien limitat, biex jiġġieldu t-traffikar illeċitu transfruntier ta’ prodotti.
Fl-2017, l-OLAF ikkoordina u appoġġa 11-il JCO, ikkoopera mal-Istati Membri u pprovda appoġġ tekniku, finanzjarju, loġistiku u ta’ intelligence.
Il-JCOs kellhom fil-mira theddidiet varji, inkluż il-kuntrabandu tas-sigaretti, il-frodi tad-dħul, il-prodotti ffalsifikati, il-moviment illeċtu ta’ flus u d-drogi.
Figure 8
tippreżenta somarju tal-biċċa l-kbira tal-operazjonijiet.
Illustrazzjoni 8:
Operazzjonijiet doganali konġunti fl-2017
|
Operazzjoni
|
Pajjiżi parteċipanti
|
Kamp ta’ Applikazzjoni
|
Riżultati
|
|
JCO Renegade
|
Laqgħa bejn l-Ewropa u l-Asja: l-Istati Membri kollha, in-Norveġja, 12-il pajjiż Asjatiku, l-Interpol, il-Europol, l-Uffiċċju Reġjonali ta’ Kollegament ta’ Intelligence (WTO)
|
Prodotti ffalsifikati, b’mod partikolari spare parts tal-karozzi (ASPs)
|
70 000 ASP; 400 000 prodotti ffalsifikati oħra; 56 miljun sigarett (li jiswew EUR 12-il miljun f’dazji doganali u taxxi)
|
|
JCO Cerberus
|
27 Stat Membru, appoġġ tal-Europol
|
Flus li ma jiġux iddikjarati, ħasil il-flus u organizzazzjonijiet kriminali involuti f’attivitajiet terroristiċi.
|
Iż-żamma ta’ EUR 6,4 million
|
|
JCO Magnum II
|
Ikkoordinata mid-dwana Estonjana bl-involviment ta’ 14-il Stat Membru, il-Europol u l-Frontex
|
Il-kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk ittrasportati bit-triq minn pajjiżi mhux tal-UE (il-Belarussja, l-Ukrajna u r-Russja)
|
Is-sekwestru ta’ madwar 20 miljun sigarett
|
|
Octopus II
|
Organizzata mid-dwana Franċiża
|
Frodi tad-dħul
|
L-evalwazzjoni għadha għaddejja
|
|
Load, Lock Sea, Lucky u Pascal
|
Ikkoordinata mid-dwana Franċiża
|
Operazzjonijiet reġjonali ta’ sorveljanza marittima biex jiġi identifikat it-traffikar illeċitu bil-baħar ta’ prodotti sensittivi, fl-Atlantiku u fiż-żoni tal-Mediterran
|
Inħatfu aktar minn ħames (5) tunnellati ta’ raża tal-kannabis u għaxar (10) persuni ġew arrestati
|
|
JCO Postbox
|
Mexxija mid-dwana Belġjana, Ġermaniża u Żvediża taħt l-azzjoni “id-dwana kontra ċ-ċiberkriminalità”
|
Il-frodi tad-dazju u l-kummerċ illeġali fi prodotti ffalsifikati, drogi u armi waqt konsenji ttrasportati bil-posta u minn servizzi bil-kurjer express
|
Aktar minn 3,000 sekwestru ta’ eluf ta’ prodotti illeċiti, inklużi preparazzjonijiet farmaċewtiċi, drogi, sigaretti, oġġetti ffalsifikati, speċi protetti u armi
|
|
JCO Darius
|
Organizzata mid-dwana Franċiża
|
Kuntrabandu ta’ sustanzi psikoattivi speċifiċi ġodda (NPS) u oġġetti ffalsifikati u sottovalutati, ittrasportati bil-posta u b’kurjers rapidi
|
Aktar minn 300 sekwestru
|
|
Azzjoni konġunta Hansa
|
Immexxija mid-dwana tar-Renju Unit f’kooperazzjoni mal-Europol
|
Moviment intern ta’ oġġetti illegali suġġetti għas-sisa, prinċipalment sigaretti
|
Qbid ta’ għadd kbir ta’ sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk
|
3.1.2.Għajnuna reċiproka u dispożizzjonijiet kontra l-frodi fi ftehimiet internazzjonali
Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 515/97, ġew iffinalizzati negozjati mal-Mercosur (l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj) u l-Ażerbajġan dwar dispożizzjonijiet għal assistenza amministrattiva reċiproka, li tikkostitwixxi l-bażi legali għall-iskambju tal-informazzjoni dwar frodi u irregolaritajiet. Sar progress sew fin-negozjati mat-Tuniżija u l-Indoneżja.
L-UE għamlet progress fin-negozjati li għadhom għaddejjin dwar l-inklużjoni ta’ klawsola kontra l-frodi fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-Messiku, il-Mercosur, iċ-Ċilì, l-Indoneżja u t-Tuneżija, u kkonkludiet ftehim mal-Ġappun.
3.1.3.Il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk
Fit-12 ta’ Mejju l-Kummissjoni ħarġet rapport ta’ progress dwar l-eżitu preliminari tal-Komunikazzjoni tal-2013 tagħha L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigarretti u forom oħra ta’ kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk — Strateġija komprensiva tal-UE, li ġiet ippreżentata flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni komprensiv.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-prodotti tat-tabakk fl-UE (adottati fis-7 ta’ Diċembru 2017) u l-konferenza "Il-Ġlieda kontra t-tabakk illegali" tal-partijiet ikkonċernati (organizzata flimkien mal-OLAF u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f’Marzu 2018) jkomplu jorbtu max-xogħol tal-Kummissjoni dwar pjan ta’ azzjoni ġdid għall-ġlieda kontra t-tabakk illeċitu, previst għall-aħħar tas-sajf tal-2018.
Barra minn hekk, l-UE rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC - Framework Convention on Tobacco Control) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-24 ta’ Ġunju 2016. Il-Protokoll jidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2018. Il-Kummissjoni se tirrappreżenta lill-UE fl-ewwel laqgħa tal-partijiet tal-protokoll f’Ottubru 2018 u se jibqa’ jkollha rwol ewlieni fl-inkoraġġiment tal-Istati Membri, tal-pajjiżi ġirien u tal-pajjiżi tas-sors u tat-tranżitu ewlenin biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Protokoll.
3.1.4.Ġlieda kontra l-frodi tal-VAT
Fit-30 ta’ Novembru 2017, bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-VAT ta ’April 2016, il-Kummissjoni adottat proposta biex temenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud. F’Ġunju 2018, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar il-proposta. Il-proposta għandha l-għan li tagħmel is-sistema tal-VAT tal-UE aktar reżistenti għall-frodi u telimina l-lakuni li jistgħu jwasslu għal frodi tal-VAT fuq skala kbira. Ir-regolament il-ġdid għandu l-għan li jsaħħaħ il-fiduċja bejn l-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jiskambjaw aktar informazzjoni u jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali u l-korpi tal-infurzar tal-liġi nazzjonali. Dawn il-miżuri jinkludu:
·it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (pereż. sistema ġdida tal-IT għall-ipproċessar tal-informazzjoni u għall-analiżi tar-riskju fil-Eurofisc (Netwerk tal-UE ta’ esperti kontra l-frodi), awditi konġunti);
·it-tisħiħ tal-komunikazzjoni u tal-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali f’Eurofisc u l-korpi tal-infurzar tal-liġi Ewropej (OLAF, Europol u l-UPPE futur);
·it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana għal ċerti proċeduri doganali applikabbli għal importazzjonijiet minn barra l-UE, li attwalment huma vulnerabbli għall-frodi tal-VAT; kif ukoll
·it-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT fuq il-karozzi użati.
3.2.Miżuri tal-Istati Membri kontra l-frodi - dħul
Xi 12-il Stat Membru rrappurtaw miżuri biex jiġġieldu l-frodi doganali; dawn kienu jinkludu:
·L-irfinar tal-indikaturi tar-riskju biex tiġi indirizzata s-sottovalutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni;
·ir-rieżami tal-valutazzjoni tar-riskju doganali nazzjonali u żieda fil-multi minimi jekk ma jiġix iddikjarat l-amont ta’ flus li jinġarr;
·l-abbozzar ta’ pjan doganali intern;
·l-istabbiliment ta’ prijoritajiet strateġiċi u operattivi għad-dwana u s-sisa;; kif ukoll
·l-implimentazzjoni ta’ metodu ta’ awditjar ġdid ta’ wara r-rilaxx li jestendi l-ispezzjonijiet għall-attivitajiet kollha tal-operatur ekonomiku magħżul.
Tliet pajjiżi introduċew miżuri biex jiżguraw il-ħlas korrett tar-riżorsi proprji tal-UE u rkupri aktar effettivi, jew biex jikkumbattu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.
Żewġ pajjiżi stabilixxew jew irrieżaminaw l-organizzazzjoni ta’ korpi speċifiċi.
Stat Membru wieħed indirizza l-bżonn li titjieb il-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni skambjata permezz ta’ pjattaformi internazzjonali.
3.3.Statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati - dħul
Illustrazzjoni 9:
Mekkaniżmi prinċipali fl-irregolaritajiet identifikati u rrappurtati fl-2017
3.3.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
It-total ta’ 441 irregolarità kienu rrappurtati bħala frodulenti fl-2017. Dan huwa 33 % inqas mill-medja fuq ħames snin (658 irregolarità bħala medja għall-perjodu 2013-2017). L-ammont affettwat ta’ TOR stmat u stabbilit (EUR 76 miljun) fl-2017 kien 28 % inqas mill-medja fuq ħames snin (EUR 106 miljun).
Fir-rigward tal-investigazzjoni ta’ frodi ta’ sottovalutazzjoni fir-Renju Unit, infetħet proċedura ta’ qabel il-ksur b’ittra ta’ intimazzjoni f’Marzu 2018. Il-proċedura tnediet fi żmien rekord u fuq il-bażi li r-Renju Unit ma kienx ħa l-miżuri xierqa biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE għal bosta snin u kien irrifjuta li jagħmel disponibbli għall-baġit tal-UE t-telf TOR li rriżulta min-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu. Il-ksur ikopri l-perjodu sa mill-2011. Jekk l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jirnexxilhomx jirkupraw id-dazji dovuti, dawn se jinżammu finanzjarjament responsabbli għat-TORs kollha relatati li ma kinux disponibbli għall-baġit tal-UE.
Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Kummissjoni daħħlet riżerva fir-rapport annwali tal-attività tal-2017 dwar l-eżattezza tal-ammonti TOR ittrasferiti fil-baġit tal-UE mir-Renju Unit.
3.3.2.L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
Fl-2017 l-għadd ta’ irregolaritajiet irrapportati bħala mhux frodulenti kien 4 195, li huwa 8 % inqas mill-medja fuq ħames snin (4 564 fl-2013-2017). It-total affettwat tal-ammonti TOR stmati u stabbiliti kien ta’ EUR 425 miljun fl-2017, li huwa 15 % aktar mill-medja fuq ħames snin ta’ EUR 369 miljun.
4.Politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi — nefqa
4.1.Politiki u miżuri settorjali kontra l-frodi tal-Istati Membri li jinvolvu diversi setturi ta’ nefqa
L-Istati Membri rrappurtaw diversi miżuri li jindirizzaw diversi fondi fl-istess waqt, l-aktar il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Xi miżuri jestendu għal fondi oħra taħt ġestjoni kondiviża, bħall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni (AMIF), il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD - Fund for European Aid to the Most Deprived) u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG). Dawn il-miżuri huma ta’ natura u skop differenti ħafna u jvarjaw minn simplifikazzjoni tal-proċeduri għal rieżami tas-sistema ta’ korrezzjonijiet finanzjarji; minn valutazjonijiet tar-riskju għal korsijiet ta’ taħriġ dwar kwistjonijiet speċifiċi trażversali.
4.2.Agrikoltura — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.2.1.Agrikoltura — miżuri tal-Istati Membri kontra l-frodi
Disa’ Stati Membri rrappurtaw miżuri kontra l-frodi speċifiċi għall-agrikoltura. Tliet pajjiżi ffukaw fuq “il-ħolqien artifiċjali tal-kriterji ta’ eliġibbiltà”. Miżuri oħra jinvolvu:
·taħriġ obbligatorju għall-prevenzjoni tal-frodi u strateġija kontra l-frodi għall-iżvilupp rurali;
·il-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet waqt l-għoti ta’ għajnuniet u sussidji;
·kontrolli abbażi ta’ regoli tal-akkwist u evalwazzjoni ta’ “kemm huma raġonevoli” l-ispejjeż;
·titjib fit-tempestività u fil-kwalità tal-informazzjoni rrappurtata permezz tal-IMS;
·ir-rieżami tas-sistema ta’ kontroll esterna u interna, wara li jiġi individwat ingann; kif ukoll
·ir-rieżami ta’ proċeduri f’oqsma bħalma huma l-prattiki ta’ senjalazzjonijiet, l-użu ta’ indikaturi tar-riskju u kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi.
4.2.2.Agrikoltura — statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tħaddan żewġ komponenti ewlenin:
·appoġġ dirett (AD) permezz ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa u miżuri ta’ appoġġ għas-suq, li huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG — madwar 80 % tal-baġit tal-PAK); kif ukoll
·L-iżvilupp rurali (ŻR), li huwa prinċipalment iffinanzjat permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR — l-20 % li jifdal mill-baġit għall-PAK).
Il-FAEG isegwi ċiklu ta’ implimentazzjoni annwali, filwaqt li l-FAEŻR jiffinanzja programmi pluriennali.
It-tendenza tal-irregolaritajiet identifikati u rrappurtati mill-Istati Membri tul dawn l-aħħar ħames snin hija influwenzata minn dawn id-differenzi: L-AD juri tendenza stabbli u kostanti, filwaqt li l-iŻR juri kurvatura li tilħaq l-ogħla livell fl-2015. Analiżi tal-irregolaritajiet tikkonferma li hemm riskju ogħla assoċjat mal-miżuri ta’ appoġġ għas-suq u mal-investimenti fl-iŻR.
4.2.2.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
Għas-snin ta’ rappurtar mill-2013 sal-2017, il-livell tal-frekwenza tal-frodi (FFL) kien ta’ madwar 11 % u l-livell tal-ammont tal-frodi (FAL) kien ta’ 25 %. Iż-żewġ indikaturi, imma speċjalment il-FAL, kienu ogħla għall-AD milli għall-iŻR.
F’numri assoluti, il-biċċa l-kbira tal-frodi potenzjali individwati affettwaw l-iŻR, iżda l-ammont finanzjarju totali tal-każijiet li jirrigwardaw l-AD kienu ogħla u żdiedu b’mod sinifikanti fl-2017. Il-predominanza tal-AD f’termini finanzjarji kienet dovuta għal ftit każijiet li jikkonċernaw il-miżuri tas-suq u li kienu jinvolvu ammonti kbar ħafna. Madankollu, anke jekk jiġu esklużi dawn il-każijiet eċċezzjonali, l-ammont finanzjarju medju ta’ frodi potenzjali fil-qasam tal-miżuri tas-suq huwa ogħla mill-każijiet tal-iŻR. L-ammont finanzjarju medju tal-frodi potenzjali li tirrigwarda l-pagamenti diretti huwa anqas minn dak tal-każijiet tal-iŻR, u fl-2017 naqas.
Ir-Rata tal-Identifikazzjoni tal-Frodi (FDR - Fraud Detection Rate) kienet ogħla għall-iŻR milli għall-AD kollu kemm hu. Minkejja dan, il-miżuri tas-suq l-aktar li kienu affettwati, b’FDR ta’ 1,17 %. Madankollu, tajjeb li jiġi kkunsidrat li dan huwa influwenzat sew minn ftit każijiet b’ammonti finanzjarji eċċezzjonali. F’termini finanzjarji, il-miżuri tas-suq prinċipali kkonċernati kienu dawk tal-“frott u l-ħaxix”, “il-laħam tal-majjal, il-bajd u l-pollam, it-trobbija tan-naħal u prodotti ta’ annimali oħra” u “prodotti tas-settur vinikolu”.
Il-proporzjon tal-każijiet magħluqa hija ogħla fl-agrikoltura milli fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. L-awtoritajiet ġudizzjarji huma inqas inklinati li jħarrku għal reati allegati f’dan is-settur.
Illustrazzjoni 10:
Politika agrikola - fatti u illustrazzjonijiet ewlenin
4.2.2.2.L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
Bħala regola ġenerali, il-mekkaniżmi deskritti fit-taqsima 4.2.2 japplikaw ukoll għal irregolaritajiet mhux irrappurtati bħala frodulenti. L-irregolaritajiet osservati għall-iŻR huma prevalenti kemm numerikament kif ukoll f’termini ta’ ammonti finanzjarji totali. Madankollu, l-ammont finanzjarju medju involut f’każijiet tal-AD huwa ogħla u kompla jogħla fl-2017. Għal darb’oħra, ftit każijiet li kienu jirrigwardaw il-miżuri tas-suq u li kienu jinvolvu ammonti kbar ikkontribwew għal din il-medja ogħla. Madankollu, anke jekk jiġu esklużi dawn il-każijiet eċċezzjonali, l-ammont finanzjarju medju ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti fil-miżuri tas-suq tal-2013-2017 huwa xorta ogħla minn dak tal-każijiet tal-iŻR. L-ammont finanzjarju medju ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti li jirrigwardaw il-pagamenti diretti huwa anqas minn dak tal-każijiet tal-iŻR u qed jonqos.
Minn fost l-irregolaritajiet mhux frodulenti individwati, irrappurtati u komuni, ksur relatat ma’ talbiet għall-pagament jew evidenza dokumentata huma prevalenti, u hemm bosta rapporti dwar falsifikazzjoni. Madankollu dawn il-każijiet ma humiex ikklassifikati bħala frodulenti.
Ir-Rata tal-Identifikazzjoni tal-Irregolaritajiet (IDR - Irregularity Detection Rate) kienet ogħla għall-iŻR milli għall-AD kollu kemm hu. Madankolu l-IDR għall-miżuri tas-suq hija ta’ 1,39 %, l-ogħla fil-qasam ta’ politika kollu. Mill-ġdid, din hija influwenzata minn ftit każijiet li jinvolvu ammonti finanzjarji kbar.
Illustrazzjoni 11:
Miżuri tas-suq l-aktar affetwati minn irregolaritajiet (frodulenti u mhux frodulenti)
4.3.Politika ta’ koeżjoni u s-Sajd — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.3.1.Politika ta’ koeżjoni u s-Sajd — miżuri tal-Istati Membri kontra l-frodi
Il-politika ta’ koeżjoni u s-sajd kienu l-aktar oqsma ta’ politiki milquta mill-miżuri li l-Istati Membri adottaw fl-2017.
Tmien pajjiżi rrappurtaw li introduċew ARACHNE fis-sistema ta’ ġestjoni tagħhom, għodod tal-IT fl-akkwist pubbliku, sistema kompjuterizzata ta’ kontabilità jew titjib fis-sistema tal-informazzjoni tal-benefiċjarji. Erbgħa introduċew għodda għall-valutazzjoni tar-riskju tal-frodi jew żviluppaw analiżi tar-riskju speċifilka dwar ir-reati ekonomiċi.
Erba’ pajjiżi adottaw miżuri dwar il-ġestjoni jew ir-rappurtar tal-irregolaritajiet. Tliet miżuri adottati speċifiċi għal fond wieħed. Il-miżuri li fadal kienu jirrigwardaw il-kunflitt ta’ interess, l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ verifika u taħriġ kontra l-frodi.
Illustrazzjoni 12:
Politiki ta’ koeżjoni u tas-sajd - fatti u illustrazzjonijiet ewlenin
4.3.2.Politika ta’ koeżjoni u s-sajd — statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
Analiżi tal-politika ta’ koeżjoni hija aktar kumplessa minn dik ta’ setturi baġitarji oħra, għaliex l-informazzjoni li tasal (l-irregolaritajiet irrappurtati) tirrigwarda perjodi ta’ programmar differenti (PPs) irregolati minn ġabriet ta’ regoli parzjalment differenti.
Barra minn hekk, il-fatt li PPs huma sinifikani b’mod pluriennali, jaffettwa x-xejriet sottostanti. Minħabba li s-similaritajiet fil-ġestjoni tal-fondi, is-sajd u l-politika ta’ koeżjoni huma analizzati flimkien.
L-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati fir-rigward tal-politiki ta’ koeżjoni u tas-sajd laħqu l-ogħla livell fl-2015, f’konformità mal-progress taċ-ċiklu ta’ programmar.
L-irregolaritajiet irrappurtati fl-2017 kienu jirrigwardaw erba’ PPs differenti, bl-akbar proporzjon (94 %) marbut mal-PP 2007-2013 u 570 biss (anqas minn 2 %) mal-PP 2014-2020. F’konformità maċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni, ir-rappurtar b’referenza għall-PP 2014-2020 beda bażikament fl-2016 u żdied fl-2017. Xorta ma hemmx biżżejjed data biex issir analiżi sinifikanti.
Peress li l-biċċa l-kbira tal-irregolaritajiet irrappurtati huma marbutin mal-PP 2007-2013, l-analiżi tiffoka prinċipalment fuq dan i-ċiklu ta’ programmar kollu kemm hu.
4.3.2.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
L-għadd ta’ frodi potenzjali komplew jonqsu bil-mod mill-ogħla livell tal-2015, filwaqt li l-ammonti finanzjarji żdiedu (prinċipalment minħabba irregolaritajiet li huma marbutin mal-PP2002-2013).
Ir-“riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (RTD)” u l-prijoritajiet ta’ “trasport” kienu fost l-aktar affetwati mill-frodi potenzjali. Fir-rigward tal-ewwel, il-ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali kien l-aktar ksur irrappurtat fost irregolaritajiet potenzjalment frodulenti u mhux frodulenti. Kien irrappurtat ksur li kien jirrigwarda r-regoli tal-akkwist pubbliku, iżda ftit li xejn bħala frodulenti. Ksur dwar l-etika u l-integrita ftit li xejn kienu rrapurtati, iżda l-biċċa l-kbira kienu kklassifikati bħala frodi potenzjali. B’mod speċifiku, il-biċċa l-kbira kienu jinvolvu kunflitt ta’ interess jew kienu jappartjenu għal kategrija “oħra”.
Illustrazzjoni 13:
Enfasi fuq PP 2007-2013
Rigward il-prijorità “trasport”, ksur relatat ma’ dokumenti ta’ prova kien l-aktar ksur irrappurtat bħala frodi potenzjali. Ksur li jirrigwarda r-regoli tal-akkwist pubbliku kien l-aktar irrappurtat, iżda rari li kien irrappurtat bħala frodi potenzjali. L-oppost kien veru għall-ksur li jirrigwarda l-etika u l-integrità: dan il-ksur kien rari, iżda kollu kien jinvolvi frodi potenzjali. Kien jirrigwarda l-kunflitti ta’ interess, il-korruzzjoni jew “oħrajn”.
Il-proporzjon tal-frodi stabbilita kien ogħla u l-kwittanzi kienu inqas għall-miżuri ta’ politika ta’ koeżjoni milli għall-agrikoltura.
4.3.2.2.L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
L-għadd ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti jsegwi t-tendenza prinċipali enfasizzata hawn fuq. L-ammonti finanzjarji laħqu l-ogħla livell fl-2016 u mbagħad naqsu aktar bil-mod milli min-numru tagħhom. L-ammont finanzjarju medju ogħla li jirriżulta għall-PP 2007-2013 jista’ jkun ir-riżultat ta’ immirar aktar effettiv jew kien sempliċiment aċċidentali.
4.4.Ġestjoni indiretta (qabel l-adeżjoni) — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.4.1.Ġestjoni indiretta (qabel l-adeżjoni) — statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
L-analiżi tal-irregolaritajiet relatati mal-ġestjoni indiretta tiffoka fuq l-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni.
L-irregolaritajiet irrappurtati għadhom jikkonċernaw żewġ perjodi ewlenin:
·Il-Programmi ta’ Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (PAA - pre-accession assistance) tal-2000-2006, biex iħejju għal serje ta’ adeżjonijiet tal-2004 u l-2007, li bil-mod qed jitlestew (fl-2017 ġew irrapportati biss ħames irregolaritajiet li jikkonċernaw EUR 0,1 miljun fir-rigward tal-PAA); kif ukoll
·L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA - pre-accession instrument) tal-2007-2013, li n-numru ta’ irregolaritajiet irrappurtati baqa’ kważi l-istess mill-2016 (114, li jirrigwardaw EUR 17,3 miljun).
Fir-rigward tal-PAA, instabet irregolarità waħda biss u ġiet irrappurtata bħala frodulenti. Għall-IPA, l-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti misjuba naqas għal 17 (minn 22 fl-2016), iżda kienu jinvolvu EUR 3,1 miljun (żieda minn EUR 0,7 miljun). Il-qasam ewlieni kkonċernat għadu l-appoġġ għall-iżvilupp rurali.
4.5.Ġestjoni diretta — politiki, miżuri u riżultati settorjali kontra l-frodi
4.5.1.Ġestjoni diretta — statistika dwar irregolaritajiet u frodi identifikati
L-istatistika dwar il-ġestjoni diretta hija bbażata fuq ordnijiet ta’ rkupru maħruġa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni li huma rreġistrati fis-sistema tal-kontabilità abbażi tad-dovuti tal-Kummissjoni, (ABAC - accrual-based accounting system).
4.5.1.1.Irregolaritajiet frodulenti identifikati
Fl-2017, l-ABAC irreġistrat 65 oġġett ta’ rkupru kklassifikati bħala frodulenti, li ammontaw għal EUR 7,33 miljun. Meta dawn jitqabblu mal-fondi totali realment żborżati, l-FDR hija 0,03 %, jiġifieri madwar il-medja stabbli ta’ ħames snin.
4.5.1.2.L-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti
Fir-rigward tal-irregolaritajiet mhux frodulenti, fl-2017 ġew irreġistrati 1 585 oġġett ta’ rkupru li ammontaw għal EUR 64,15 miljun. Matul perjodu ta’ ħames snin, l-IDR baqgħet stabbli għal madwar 0,5 %.
5.Irkupru u miżuri preventivi u korrettivi oħra
Informazzjoni dettaljata dwar irkupru, korrezzjonijiet finanzjarji u miżuri oħra preventivi u korrettivi (interruzzjonijiet u sospensjoni ta’ ħlasijiet) jiġu ppubblikati fir-Rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni (AMPR - Annual management and performance report), li mill-2016 jinkludi l-Komunikazzjoni annwali preċedenti mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ħarsien tal-baġit tal-UE.
6.Kooperazzjoni mal-Istati Membri
Il-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi (COCOLAF) jlaqqa’ flimkien lill-Kummissjoni (OLAF) u lill-esperti tal-Istati Membri. Jipprovdi forum biex jiġu diskussi l-iżviluppi ewlenin fil-ġlieda kontra l-frodi u l-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport, kif jobbliga l-Artikolu 325(5) TFUE. Il-ħidma tiegħu hija strutturata madwar erba’ grupi ta’ ħidma u s-sessjoni plenarja (ara
Figure 14
).
Illustrazzjoni 14:
L-istruttura u s-sottogruppi ta’ COCOLAF
Żewġ sottogruppi ppreparaw dokument ta’ gwida fl-2017:
·Sottogrupp għall-irrappurtar u l-analiżi – Manwal dwar ir-rekwiżit li jiġu rrapurtati l-irregolaritajiet, li jipprovdi gwida dwar aspetti komuni tar-rappurtar tal-irregolaritajiet mill-Istati Membri għall-PP 2014-2020; kif ukoll
·Sottogrupp għall-prevenzjoni tal-frodi – Il-frodi fl-akkwist pubbliku - ġabra ta’ senjalazzjonijiet ta’ allarm u l-aħjar prattiki, li jħaddan għadd ta’ każijiet bħala eżempju, senjalazzjonijiet ta’ allarm, soluzzjonijiet u l-aħjar prattiki li huma miġburin tematikament skont il-fażijiet tal-proċedura tal-offerti.
Is-Servizz ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) jiltaqa’ annwalment ippresedut mill-OLAF. Fl-2017, il-kooperazzjoni investigattiva tal-OLAF, b’mod partikolari waqt il-verifiki fuq il-post u l-operazzjonijiet forensiċi diġitali, ġiet diskussa mar-rappreżentanti tal-AFCOS waqt il-laqgħa annwali. Suġġetti oħra għad-diskussjoni kienu jinkludu:
·ir-rwol tal-AFCOSs;
·l-iżviluppi reċenti fil-politika; kif ukoll
·L-użu tal-email tal-AFIS għal korrispondenza relatata ma’ każijiet bejn l-OLAF u l-AFCOSs.
In-Netwerk ta’ Komunikaturi ta’ Kontra l-Frodi tal-OLAF (OAFCN - OLAF Anti-Fraud Communicators’ Network) ilaqqa’ flimkien lill-uffiċjali tal-komunikazzjoni u r-rappreżentanti tas-sħab operazzjonali ta’ OLAF fl-Istati Membri. Għandu rwol ċentrali fil-komunikazzjoni tat-theddid ta’ frodi lill-pubbliku fl-UE, u fl-isforzi konġunti maħmula mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE biex jiġġilduha.
Fl-2017 OLAF iffirma żewġ arranġamenti amministrattivi ta’ kooperazzjoni biex jiffaċilita l-kooperazzjoni investigattiva mal-Carabinieri u mad-Direzione Nazionale Antimafia e Antiterrorismo tal-Italja.
L-Istati Membri u l-Kummissjoni taw il-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ kontra l-frodi f’laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi (GAF) tal-Kunsill. Fl-2017 saru erba’ laqgħat tal-GAF: tnejn taħt il-presidenza Maltija u tnejn taħt il-presidenza Estonjana.
7.Sistema ta’ identifikazzoni bikrija u ta’ esklużjoni
Is-Sistema ta’ Identifikazzoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES - Early Detection and Exclusion System) għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE billi tiżgura:
·l-identifikazzjoni bikrija ta’ operaturi ekonomiċi li jirrappreżentaw riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE;
·l-esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi mhux affidabbli milli jiksbu fondi tal-UE u/jew l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja; kif ukoll
·il-pubblikazzjoni, fl-aktar każijiet gravi, fuq is-sit web tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni relatata mal-esklużjoni u/jew mal-penali finanzjarja, sabiex jissaħħaħ l-effett ta’ deterrent.
Din is-sistema, li twaqqfet fl-2016, tirrappreżenta titjib sinifikanti fl-applikazzjoni ta’ regoli dwar sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, l-indipendenza u t-trasparenza. Fin-nuqqas ta’ sentenza finali nazzjonali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji, l-uffiċċji u l-korpi jistgħu jiddeċiedu li jimponu sanzjonijiet fuq operaturi mhux affidabbli wara li jirċievu rakkomandazzjoni minn bord interistituzzjonali ċentralizzat biss.
Il-bord ma għandux setgħat investigattivi. Fil-prinċipju, jibbaża l-valutazjonijiet tiegħu fuq fatti u sejbiet stabbiliti fil-kuntest tal-awditi jew tal-investigazzjonijiet mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF jew awditu intern, jew kull spezzjoni, awditu jew kontroll ieħor mwettqa taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal kompetenti awtorizzat. Huwa magħmul minn President indipendenti permanenti ta’ livell għoli, żewġ membri li jirrappreżentaw il-Kummissjoni (bħala sid is-sistema) u membru wieħed ad hoc li jirrappreżenta lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tas-servizz li jitlob ir-rakkomandazzjoni. Dan jirrispetta d-dritt tad-difiża tal-operatur ekonomiku kkonċernat u japplika l-prinċipju tal-proporzjonalità.
Fl-2017, diversi servizzi ta’ awtorizzazzjoni rreferew lill-bord, permezz tas-segretarjat permanenti, 11-il każ, relatati ma’ 11-il operatur ekonomiku. Minn dawn, 10 kienu mill-Kummissjoni u każ kien impriża konġunta li qed timplimenta sħubija pubblika-privata tal-UE. Dan ir-rapport jkopri ukoll erba’ każijiet oħra irreferuti lis-segretarjat permanenti fl-2016 u li jirrigwardaw erba’ operaturi ekonomiċi, minn mindu ġew ippreżentati lill-bord fl-2017.
Il-Kummissjoni trid tirrapporta wkoll dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni rigward:
·li ma jiġux esklużi l-operaturi ekonomiċi sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz għal perjodu limitat u sakemm jiġu adottati l-miżuri rimedjali mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati; kif ukoll
·in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar sanzjonijiet amministrattivi fuq is-sit web tal-Kummissjoni, jew minħabba l-ħtieġa għall-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet jew minħabba l-ħarsien tal-prinċipju tal-proporzjonalità meta persuna fiżika tkun ikkonċernata.
L-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni ma ħadux deċiżjonijiet bħal dawn fl-2017.
8.Segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-2016
Fit-3 ta’ Mejju 2018, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar ir-Rapport Annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - il-ġlieda kontra l-frodital-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tilqa’ r-riżoluzzjoni u tinnota r-rikonoxximent tal-Parlament għall-attività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi. Se tkun tista’ tieħu azzjoni dwar bosta kwistjonijiet imqajma fir-riżoluzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-OLAF u l-UPPE. Se tikkummenta fid-dettall dwar ir-riżoluzzjoni fit-tweġiba formali tagħha li se tintbagħat lill-Parlament aktar tard din is-sena.
9.Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
Miżuri legali u amministrattivi sabiex jiġu indirizzati l-frodi u l-irregolaritajiet u jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-UE għandhom jiġu adattati fuq bażi kontinwa. F’dan ir-rigward, l-2017 kienet sena storika bl-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi li se jiftħu t-triq għal aktar integrazzjoni u konverġenza. Id-differenzi li fadal bejn l-oqfsa legali u amministrattivi nazzjonali jeħtieġu miżuri apposta, bħal dawk adottati f’livell nazzjonali u deskritti f’dan ir-rapport. Madankollu, jistgħu jsiru xi konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet komuni li jitfgħu dawl fuq it-theddid prevalenti u li jieħdu vantaġġ mill-aħjar prattiki li rriżultaw efettivi f’xi pajjiżi jew f’oqsma tal-baġit.
9.1.Dħul
Minkejja tnaqqis ġenerali fl-għadd ta’ irregolaritajiet misjuba, bħal fl-2016, il-pannelli solari importati kienu l-prodotti l-iktar milquta minn frodi u irregolaritajiet f’termini finanzjarji. Ħafna mill-irregolaritajiet li jirrigwardaw il-pannelli solari kienu identifikati wara notifika ta’ għajnuna reċiproka maħruġa mill-OLAF. Dan jenfasizza l-importanza tal-investigazzjonijiet tal-OLAF għall-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet fit-tranżazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ prodotti (pereż. kodiċijiet NM jew dikjarazzjonijiet ta’ oriġini mhux korretti, l-evażjoni tad-dazji antidumping, is-sottovalutar tal-merkanzija ddikjarata).
Il-pajjiżi ta’ oriġini l-aktar milquta minn frodi u irregolaritajiet kienu ċ-Ċina (f’termini ta’ għadd ta’ każijiet) u l-Istati Uniti (f’termini finanzjarji).
L-investigazzjonijiet tal-OLAF enfasizzaw frodi ta’ dħul fuq skala kbira bis-sottovalutazzjoni tal-oġġetti importati fl-UE. Tali frodi tirriżulta f’telf kbir, mhux biss fid-dazji doganali, iżda wkoll fil-VAT evitata. L-investigazzjonijiet tal-OLAF enfasizzaw li l-frodisti se jisfruttaw n-nuqqasijiet kollha u li l-frodi tal-kwantità tista’ tħalli frott.
L-esperjenza tal-OLAF turi li s-sottovalutazzjoni se tibqa’ theddida li għandha tiġi ttrattata fis-snin li ġejjin.
Biex jingħalqu dawn il-lakuni, l-istrateġiji ta’ kontroll tad-dwana li jinvolvu diversi forom ta’ kontrolli huma essenzjali. L-istrateġija ta’ kontroll tad-dwana jenħtieġ li ssib il-bilanċ ġust bejn il-faċilitazzjoni/simplifikazzjoni tal-kummerċ u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.
Rakkomandazzjoni 1
L-Istati Membri huma mistiedna jibqgħu attenti għar-riskju ta’ oġġetti sottovalutati, speċjalment prodotti irħas importati fi kwantitajiet kbar ħafna, bħat-tessuti u ż-żraben.
Biex jissaħħu l-kontrolli doganali, l-Istati Membri huma mitluba jiżguraw li:
·l-istrateġiji jkunu fis-seħħ u jkollhom fil-mira t-tipi kollha ta’ proċeduri doganali u l-operaturi kollha;
·teżisti koordinazzjoni adegwata bejn is-servizzi doganali kollha li jittrattaw l-analiżi tar-riskju u l-kontrolli; il-profili tar-riskju fihom struzzjonijiet ċari u li l-informazzjoni dwar ir-riskju tinqasam ma’ Stati Membri oħra;
·fis-seħħ hemm monitoraġġ mill-qrib tar-riżultati ta’ kontroll (feedback) u segwitu strett tal-istruzzjonijiet ta’ assistenza reċiproka.
Huma mitluba ukoll:
·biex sistematikament jinkludu element aleatorju awtomatizzat u jqisu l-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għall-komunikazzjoni tad-dejn doganali bħala indikatur tar-riskju fl-analiżi tar-riskju ta’ wara r-rilaxx;
·awditi ta’ wara r-rilaxx orjentati fuq ir-riskju u monitoraġġ strett tar-riżultati tagħhom; kif ukoll
·jwettqu kontrolli doganali fuq operazzjonijiet magħmula minn operaturi ekonomiċi awtorizzati filwaqt li titqies il-ġestjoni tar-riskju mwettqa fir-rigward ta’ elementi differenti ta’ dawn l-operazzjonijiet.
Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jużaw sew il-manwal dwar il-kontroll doganali operazzjonali abbażi tal-aħjar prattiki tal-Istati Membri u tal-gwida għall-awditjar doganali.
9.2.Nefqa
L-analiżi f’dan ir-rapport tikkonferma t-tendenzi u x-xejriet prinċipali enfasizzati fis-snin preċedenti.
Ir-rati ta’ detezzjoni għadhom għoljin għall-programmi tar-reġjuni l-anqas żviluppati tal-Ewropa u għas-sajd, u baxxi fir-rigward tal-programmi transfruntiera.
Fl-agrikoltura, il-miżuri għall-appoġġ tas-suq huma affettwati minn għadd limitat ta’ irregolaritajiet li jiswew ferm, li xorta jeħtieġu livell adegwat ta’ attenzjoni.
L-enfasi sejra lejn il-frodi li tkun immirata artifiċjalment biex jinħolqu kundizzjonijiet biex ikun hemm aċċess għall-fondi. Diversi Stati Membri rrappurtaw miżuri speċifiċi f’dan ir-rigward.
Għalkemm anqas irregolaritajiet u frodi ġew irrappurtati fl-2017, l-ammonti finanzjarji medji żdiedu, li juri li l-kontrolli huma mmirati aħjar.
Analiżi tar-riskju, tips minn informanti jew informaturi, jew informazzjoni mill-midja jista’ jkollhom rwol li jtejjeb l-immirar, speċjalment peress li jidher li l-użu tagħhom ma huwiex daqshekk mifrux. Informazzjoni minn inkjesti ġudizzjarji wasslet biex jinkixfu xi irregolaritajiet mhux frodulenti li jinvolvu amonti finanzjarji medji għoljin. L-istess jgħodd għall-kontrolli li bdew minħabba informazzjoni / talbiet minn korp tal-UE jew irregolaritajiet identifikati minnu.
Rakkomandazzjoni 2
L-Istati Membri huma mistiedna:
·jisfruttaw aktar il-potenzjal tal-analiżi tar-riskju, filwaqt li jadattaw l-approċċ għal tipi differenti ta’ nefqa u jieħdu vantaġġ mill-aħjar prattiki u mill-elementi ta’ riskju enfasizzati f’dan ir-rapport;
·jiffaċilitaw u jivvalutaw ir-rappurtar spontanju ta’ irregolaritajiet potenzjali u jsaħħu l-protezzjoni ta’ informaturi li huma sors importanti għall-ġurnaliżmu investigativ;
kif ukoll
·Jippromwovu kooperazzjoni sistematika u puntwali bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u aministrattivi.
Dawn il-miżuri kollha jkollhom impatt ikbar jekk ikunu mwaħħdin ma’ strateġija nazzjonali kontra l-frodi.
9.3.Kooperazzjoni f’kull livell
Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn fuq huma mmirati li jsaħħu tendenza, f’termini ta’ politika u inizjattivi leġiżlattivi, li diġà hija viżibbli f’diversi Stati Membri u li hija appoġġata mill-analiżi ppreżentata f’dan ir-rapport.
L-użu korrett u mmirat tad-data u l-informazzjoni huwa effettiv sabiex tintensifika l-ġlieda kontra l-frodi u sabiex jinżamm il-pass mal-aspettativi tas-soċjetà ċivili. Iċ-ċittadini Ewropej mhux biss jħarsu lejn pajjiżhom, iżda kull ma jmur jiġġudikaw is-suċċess tal-proġett tal-Ewropa abbażi ta’ x’jiġri fi Stati Membri oħra.
Madankollu, id-data u l-informazzjoni meħtieġa ħafna drabi jkunu mifruxin għand diversi awtoritajiet. Il-kooperazzjoni f’livell nazzjonali u ta’ UE hija essenzjali.
Il-kooperazzjoni bejn investigazzjonijiet ġudizzjarji u aministrattivi diġà uriet kemm hija ċentrali biex tiġi miġġielda l-frodi b’mod effiċenti u effikaċi.
Fil-livell ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tiżgura li OLAF b’saħħtu u kompletament funzjonanti jkun jikkumplimenta l-approċċ tal-liġi kriminali tal-UPPE fl-investigazzjonijiet amministrattivi.
ANNESS 1 — Irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti fl-2017
L-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti juri r-riżultati tax-xogħol tal-Istati Membri biex jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Iċ-ċifri ma għandhomx ikunu interpretati li jindikaw il-livell ta’ frodi fit-territorji tal-Istati Membri. Dan l-anness ma jkoprix il-pajjiżi mhux tal-UE (ta’ qabel l-adeżjoni) jew in-nefqa diretta.
ANNESS 2 — Irregolaritajiet mhux irrappurtati bħala frodulenti fl-2017
Dan l-anness ma jkoprix il-pajjiżi mhux tal-UE (ta’ qabel l-adeżjoni) jew in-nefqa diretta.
ANNESS 3 — Lista ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal Akkumpanjanti
1.Implimentazzjoni tal-Artikolu 325 mill-Istati Membri fl-2017 (SWD(2018) 384)
2.Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrappurtati għall-oqsma tar-riżorsi proprji, ir-riżorsi naturali, il-politika ta’ koeżjoni u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni u n-nefqa diretta (SWD(2018) 386 – parti 1 u 2)
3.Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tar- rapport tal-Kummissjoni dwar protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE — il-ġlieda kontra l-frodi, 2016 (SWD(2018) 383)
4.Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u Esklużjoni (EDES) — Bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju (SWD(2018) 382)
5.Ħarsa ġenerali annwali b’informazzjoni dwar ir-Riżultati tal-Programm Hercule III fl-2017 (SWD(2018) 381)
6.Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 43b tar-Regolament (KE) Nru 515/97 (SWD(2018) 385)