This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE5700
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the European Council, the Council, the European Economic and Social Committee, the Committee of the Regions and the European Investment Bank Clean Planet for all A European strategic long-term vision for a prosperous, modern, competitive and climate neutral economy’ (COM(2018) 773 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-Bank Ewropew tal-Investiment Pjaneta Nadifa għall-kulħadd Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (COM(2018) 773 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-Bank Ewropew tal-Investiment Pjaneta Nadifa għall-kulħadd Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (COM(2018) 773 final)
EESC 2018/05700
ĠU C 282, 20.8.2019, p. 51–59
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.8.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 282/51 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-Bank
Ewropew tal-Investiment Pjaneta Nadifa għall-kulħadd Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”
(COM(2018) 773 final)
(2019/C 282/09)
Relatur: Pierre Jean COULON
Korelatur: Stefan BACK
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 17.6.2019 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjonijiet kompetenti |
L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
Opinjoni adottata fil-plenarja |
20.6.2019 |
Sessjoni plenarja Nru |
544 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
152/1/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jaqbel li r-riskju ta’ tisħin globali ta’ 2o C ftit wara l-2060 — lil hinn mil-livell massimu stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi — se jkollu riperkussjonijiet negattivi serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-ekonomija fl-Ewropa. Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-objettiv li l-UE ssir ekonomija newtrali f’termini tal-klima sal-2050 b’mod soċjalment ġust u effiċjenti. Tali tranżizzjoni hija possibbli u ta’ benefiċċju għall-Ewropa. |
1.2. |
Għalhekk huwa ta’ bżonn urġenti li tittieħed azzjoni klimatika immedjatament. Il-KESE japprova l-prijoritajiet prevalenti stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-objettiv li l-Unjoni Ewropea ssir ekonomija newtrali f’termini tal-klima sal-2050. Il-KESE jistieden lin-negozji, lit-trejdjunjins, lill-NGOs, u lill-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali biex jappoġġjaw dan l-objettiv. |
1.3. |
Il-KESE jilqa’ r-riżultati tajbin mistennija mill-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri li diġà ġew deċiżi, bi tnaqqis stmat ta’ 45 % fl-emissjonijiet ta’ gass serra sal-2030, li huwa akbar mill-impenn ta’ 40 % magħmul mill-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi, u tnaqqis ta’ 60 % sal-2050. |
1.4. |
Filwaqt li mhuwiex biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv ta’ soċjetà newtrali għall-klima sal-2050, il-KESE jqis li r-riżultati stmati fuq l-orizzont 2030 tal-miżuri li diġà ġew deċiżi jindikaw li kwalunkwe miżuri ġodda għandhom iqisu l-ħtieġa ta’ prevedibbiltà sabiex jippermettu ppjanar tajjeb u jevitaw assi mgħarrqa. Il-KESE għalhekk jinnota l-importanza li jintbagħtu sinjali ċari u f’waqthom lin-negozji, speċjalment lill-SMEs. |
1.5. |
Għall-istess raġunijiet, il-KESE jqis li huwa urġenti li tiġi ddefinita strateġija b’mod rapidu għal wara l-2030, sabiex tinkiseb tranżizzjoni għal soċjetà newtrali għall-klima sal-2050. |
1.6. |
Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima trid tiġi implimentata permezz ta’ approċċ kompetittiv, soċjalment ġust u multilaterali u li għandhom jiġu stabbiliti l-għodod xierqa biex jinkiseb l-involviment sħiħ u l-aċċettazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili, inklużi ċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet kollha. Dan jinkludi l-konċepiment u l-implimentazzjoni tal-ipprezzar tal-karbonju filwaqt li jitqiesu l-effetti fuq in-negozji u ċ-ċittadini. |
1.7. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni fil-livell lokali u reġjonali u l-importanza tal-involviment sħiħ tal-awtowritajiet lokali u reġjonali. |
1.8. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija, id-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija kondiviża, bħala kontributuri ewlenin biex tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi u jitnaqqsu l-emissjonijiet. |
1.9. |
Il-KESE jfakkar l-importanza ewlenija tal-mobbiltà għall-funzjonament tas-suq intern tal-UE rikonoxxut mill-Komunikazzjoni, u jenfasizza l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet li jnaqqsu l-impronta tas-CO2 tal-mobbiltà, inkluża l-avjazzjoni, mingħajr ma jinfluwenzaw ir-rwol vitali tal-mobbiltà għall-ekonomija u s-soċjetà, l-individwi u n-negozji kollha tal-UE. |
1.10. |
Il-KESE jaqbel mal-importanza li l-elettriku jiġi ġġenerat mis-sorsi kollha disponibbli u futuri li ma jiġġenerawx emissjonijiet. L-interkonnessjonijiet fil-grilja, il-ħżin tal-enerġija u r-rispons fin-naħa tad-domanda huma fundamentali biex jiżguraw il-provvista tal-elettriku li dejjem qed jiġi ġġenerat aktar minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. |
1.11. |
L-ippjanar bikri u l-istabbiliment bikri tal-objettivi huma importanti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ippjanar għan-negozji, iħeġġu r-riċerka u l-iżvilupp u joħolqu kundizzjonijiet favorevoli biex ikun possibbli li l-Ewropa, inklużi l-industrija Ewropea u n-negozji inġenerali, jisfruttaw il-benefiċċji li jkunu fl-avangwardja u jibqgħu kompetittivi. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi bħala mezz biex ikun hemm aktar pajjiżi involuti fi strateġija proattiva dwar il-klima u wkoll biex jiġu żgurati ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-industrija Ewropea u jiġi influwenzat l-istabbiliment tal-istandards. |
1.12. |
Il-finanzjament huwa fundamentali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ppjanata. Għalhekk, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li għandhom jiġu pprovduti riżorsi baġitarji adegwati għall-appoġġ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-użu industrijali. |
1.13. |
Il-KESE jinnota li l-finanzjament huwa kwistjoni kruċjali. Dan mhuwiex biss kwistjoni ta’ finanzjament pubbliku, u li għalhekk huwa importanti li jiġu promossi mekkaniżmi li jfittxu li jħeġġu l-investimenti ekoloġiċi. |
1.14. |
Il-KESE jinnota li t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima mhux se sseħħ mingħajr riċerka u innovazzjoni estensivi. Din teħtieġ kull xorta ta’ innovazzjoni, inkluż fil-qasam ta’ mġiba, mudelli tan-negozju, normi soċjali, proċessi, tekniki, kummerċjalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda. |
1.15. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-bijoenerġija permezz tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju u l-bjar tal-karbonju naturali, bħall-foresti u ħafna prattiki agrikoli li jorbtu l-karbonju pereżempju l-bwar, il-mergħat, l-art torbiera, eċċ. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-użu tal-potenzjal tas-sekwestru tal-karbonju tal-art agrikoli huma parti mis-soluzzjoni. |
1.16. |
Il-KESE jinnota li l-Ewropa tirrappreżenta madwar 7 % tal-popolazzjoni globali, 20 % tal-PDG globali u 30 % tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta’ kwalità għolja globali. Peress li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima trid tkun impenn globali biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, il-KESE jemmen li l-ikbar impatt li l-UE jista’ jkollha huwa li tagħti prova lill-bqija tad-dinja li din it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tista’ tinkiseb u hija pożittiva għas-soċjetà. Bħala tali, li wieħed jagħmel 100 belt Ewropea newtrali għall-klima sal-2030 juri li t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima tista’ ssir realtà u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja. |
1.17. |
Il-KESE jqis li l-Ewropa teħtieġ patt soċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li jkun hemm qbil dwaru mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura. Għal dan il-għan, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni għandhom jiġu mfassla u ffinanzjati kif xieraq. It-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima hija wkoll opportunità biex jinqered il-faqar enerġetiku u jittejbu l-kwalità tal-ħajja, il-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, u jiġi żgurat aċċess ugwali għas-servizzi bażiċi tal-enerġija għall-Ewropej kollha. |
1.18. |
Il-KESE jistieden lill-Parlament Ewropew biex jistabbilixxi Kumitat tal-UE indipendenti dwar it-Tibdil fil-Klima bil-kompitu li jagħmel valutazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ politika abbażi tax-xjenza. Fejn Kumitati simili ma jeżistux diġà, il-KESE jistieden lil dawk l-Istati Membri biex jistabbilixxu tali kumitati fil-livell nazzjonali u jiżguraw li dawn jirrappurtaw lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. |
1.19. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza għal darb’oħra l-urġenza li jinħoloq proċess effiċjenti ta’ djalogu, sabiex ikun jista’ jipprovdi kontribut utli u eventwalment aċċettazzjoni sħiħa tal-istrateġija li għandha tiġi fformulata u sottomessa sal-2020. Il-KESE għalhekk jipproponi li jiġi stabbilit djalogu permanenti maċ-ċittadini bħala element preparatorju obbligatorju tad-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha u l-inizjattivi kollha pertinenti ta’ tfassil tal-liġijiet fil-livelli tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali. Il-kontribut fid-djalogu u l-mod kif jiġi kkunsidrat għandu jkun pubblikament viżibbli. Il-viżibbiltà tad-djalogu għandha tiġi żgurata billi ssir responsabbiltà fil-livell ta’ Kummissarju. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
Il-KESE jqis it-tibdil tal-klima bħala theddida serja għas-soċjetà. It-temperaturi medji globali jistgħu jiżdiedu b’2o C ftit wara l-2060 - ferm lil hinn mil-livell massimu stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi – li se jkollu riperkussjonijiet negattivi serji fuq l-ekonomija globali u fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien fid-dinja kollha. Kif ġie enfasizzat fir-rapport tal-IPCC tal-2018 (1) u fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd” (COM(2018) 773) (il-Komunikazzjoni), huwa meħtieġ sens ta’ urġenza biex titħares il-pjaneta u l-Ewropej jitħarsu mit-tibdil tal-klima. |
2.2. |
Il-KESE jinnota li filwaqt li hemm spiża għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, hemm ukoll spiża ta’ nuqqas ta’ azzjoni. Skont il-Komunikazzjoni, diżastri relatati mat-temp ikkawżaw rekord ta’ EUR 283 biljun fi ħsara ekonomika fl-2017, u l-għargħar tax-xmajjar fl-Ewropa jistgħu jikkawżaw ħsara sa EUR 112-il biljun fis-sena. |
2.3. |
Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-objettiv li l-UE ssir ekonomija newtrali f’termini tal-klima (jiġifieri l-kisba ta’ emissjonijiet ta’ gass serra żero netti) sal-2050 permezz ta’ tranżizzjoni soċjalment ġusta u b’mod kosteffiċjenti. Kif turi l-Komunikazzjoni, tranżizzjoni bħal din hija possibbli u ta’ benefiċċju. Barra minn hekk, hija konformi mal-impenji globali tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. |
2.4. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha jżid il-miri tal-enerġija tal-UE għall-2030 kemm għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (minn 27 % għal 32 %) kif ukoll għall-effiċjenza fl-enerġija (minn 27 % għal 32,5 %). Skont il-Komunikazzjoni, dan ifisser tnaqqis ta’ 45 % fl-emissjonijiet ta’ gass serra sal-2030, aħjar mill-impenn ta’ 40 % magħmul mill-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi u tnaqqis mistenni ta’ 60 % sal-2050. Dan mhuwiex se jikseb newtralità klimatika sal-2050. Il-KESE għalhekk jaqbel li hemm bżonn imperattiv għal viżjoni għat-trasformazzjoni ekonomika u tas-soċjetà kif stabbilit fil-Komunikazzjoni. |
2.5. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-prevedibbiltà biex jiġi ffaċilitat l-ippjanar u jiġu evitati assi mitlufa. Il-KESE japprezza d-dikjarazzjoni fil-Komunikazzjoni li attwalment mhuma ppjanati l-ebda politiki ġodda u l-ebda reviżjoni tal-miri tal-2030, u jinnota l-importanza ta’ sinjali ċari u f’waqthom lin-negozji, speċjalment l-SMEs. |
2.6. |
Il-KESE jaqbel li biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika, dan jeħtieġ bidliet strutturali fl-oqsma kollha tas-soċjetà. Se jkun hemm impatt fuq iċ-ċittadini, in-negozji u l-entitajiet kollha. Għalhekk, huwa essenzjali li s-soċjetà ċivili tkun involuta b’mod sħiħ, mobilizzata u tingħata l-għodod xierqa biex tinfluwenza l-miżuri meħtieġa biex tintlaħaq in-newtralità klimatika. Il-KESE jfakkar ukoll li l-integrazzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima fl-ippjanar fit-tul hija essenzjali biex jiġu żgurati l-iżvilupp soċjali u ekonomiku. |
2.7. |
Il-KESE jenfasizza l-urġenza li tingħata spinta lill-azzjoni tal-UE u li tintwera tmexxija tajba sabiex jinħasdu l-benefiċċji tal-ewwel pijunieri. |
2.8. |
Il-KESE jieħu nota tad-definizzjoni ta’ seba’ “elementi importanti strateġiċi” li jindikaw l-oqsma fejn għandha tittieħed azzjoni u fejn jiġi permess li jitfassal qafas. |
2.9. |
Il-KESE japprova l-approċċ li jiġi pprovdut portafoll ġenerali ta’ 12-il prijorità prevalenti li għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-objettiv ta’ emissjonijiet żero, u jieħu nota b’mod partikolari tad-dikjarazzjoni li l-Istati Membri, in-negozji u ċ-ċittadini se jkunu jistgħu jagħżlu u jadattaw perkorsi għaċ-ċirkostanzi nazzjonali sabiex jinkisbu trasformazzjonijiet soċjetali u ekonomiċi estensivi f’kull settur tal-ekonomija. |
2.10. |
Il-KESE b’mod partikolari jenfasizza l-importanza ta’ dibattiti fil-livelli nazzjonali, sottonazzjonali, tal-partijiiet ikkonċernati u taċ-ċittadini bħala mezz biex b’mod demokratiku jinħolqu flimkien id-diversi miżuri li jippromovu t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, inkluż tibdil fl-imġiba. Tali dibattiti se jgħinu wkoll biex jidentifikaw il-miżuri li jistgħu jiksbu appoġġ pubbliku u jinvolvu s-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini, skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. |
2.11. |
Il-KESE jiddispjaċih li mhuwiex ċar jekk u sa fejn l-Istati Membri se jkunu liberi li jadattaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom. Kjarifika dwar dan il-punt waqt il-konsultazzjonijiet ippjanati se tkun utli ħafna. L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija tikkostitwixxi test f’dak ir-rigward. |
2.12. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet imfissra fil-prijoritajiet prevalenti diġà ġew indirizzati jew qed jiġu indirizzati mill-Kummissjoni u li l-KESE kien qed jappoġġja dawk l-inizjattivi u għamel suġġerimenti, inkluż il-ħolqien ta’ forums ta’ kuntatt u l-enfasizzar tal-importanza tal-aspetti soċjali u l-governanza. |
2.13. |
Il-KESE jappoġġja dawn il-prijoritajiet u jenfasizza li għandhom jitqiesu bħala pakkett. Il-KESE b’mod partikolari jenfasizza l-importanza tal-finanzjament, tar-rwol taċ-ċittadini, il-prosumaturi u l-konsumaturi u l-aspett soċjali, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. L-involviment pożittiv taċ-ċittadini jista’ jinħoloq b’mod partikolari billi ċ-ċittadini jitħallew jaqsmu l-benefiċċji ekonomiċi tat-tranżizzjoni. Dan jista’, pereżempju jinkludi l-promozzjoni b’mod attiv tas-sjieda kondiviża fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli deċentralizzata, bħall-enerġija mix-xemx u mir-riħ. Huwa essenzjali li tiġi żgurata l-aċċettazzjoni ta’ kwalunkwe piż li jirriżulta, pereżempju, mill-ipprezzar tal-karbonju. |
2.14. |
Il-KESE jerġa’ jtenni l-importanza li jiġi stabbilit u mtejjeb kuntatt bejn l-amministrazzjoni u atturi mhux statali u jirreferi għall-proposti tiegħu biex tinħoloq koalizzjoni ta’ politika, amministrazzjoni u soċjetà ċivili (2). |
3. Bżonn għal politika industrijali ġenwina u kumplessiva tal-UE għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, appoġġjata minn R&I ambizzjuża, patt soċjali u demokrazija
3.1. Kummenti dwar it-12-il prijorità
3.1.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza vitali tal-effiċjenza fl-enerġija u ta’ sorsi nnovabbli sabiex l-Ewropa tiġi kompletament dekarbonizzata. Dawn diġà huma soluzzjonijiet ippruvati. |
3.1.2. |
Il-potenzjal tal-elettriku bħala xprun għad-dekarbonizzazzjoni huwa konsiderevoli f’diversi oqsma, inkluż it-tisħin u t-tkessiħ (inklużi pompi tas-sħana, tisħin distrettwali u tkessiħ distrettwali), il-fjuwils elettroniċi u l-elettromobbiltà. Il-KESE jinnota li 55 % tal-elettriku tal-Unjoni Ewropea diġà jiġi minn sorsi ħielsa mill-karbonju (jiġifieri 25 % minn nukleari, 30 % mir-riħ, enerġija idroelettrika, solari u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli oħra), u jaqbel mal-komunikazzjoni li l-elettriku prodott għandu kemm jista’ jkun jiġi minn sorsi nodfa, newtrali għall-klima, u ħielsa minn emissjonijiet. |
3.1.3. |
Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata, pereżempju permezz ta’ kooperattivi tal-enerġija u prosumaturi (3). L-iżvilupp ta’ sistemi diġitalizzati intelliġenti u flessibbli għall-immaniġġjar tad-domanda u l-provvista f’sistema tal-enerġija deċentralizzata bbażata fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi rwol sinifikanti għall-prosumaturi se jkun karatteristika importanti tal-futur. Il-ħżin tal-enerġija huwa wkoll essenzjali għall-użu fuq skala kbira ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minħabba l-varjazzjonijiet fil-livelli ta’ produzzjoni, kemm fuq bażi ta’ kuljum kif ukoll ta’ kull sena. |
3.1.4. |
Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ mobbiltà nadifa permezz ta’ modi ta’ trasport alternattivi, inkluż it-trasport pubbliku, permezz ta’ sistemi ta’ propulsjoni alternattivi għall-modi kollha tat-trasport, inklużi l-elettrifikazzjoni u l-idroġenu sostenibbli, il-gass u l-bijofjuwils, anke għal vetturi tat-triq tqal, it-tbaħħir u l-avjazzjoni u permezz ta’ effiċjenza akbar bis-saħħa tad-diġitalizzazzjoni, l-elettrifikazzjoni u s-sistemi kollaborattivi. Dan jippermetti sistema ta’ trasport aħjar u aktar effiċjenti b’impronta ambjentali iżgħar. Għalhekk, il-KESE jitlob White Paper ġdida dwar il-politika tat-trasport, li tieħu post dik attwali. Il-KESE jinnota l-għanijiet limitati tat-tnaqqis ta’ gass serra għas-setturi li mhumiex tal-ETS, inkluż trasport, miftiehma mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014 (4). It-taxxi u l-imposti, inkluża l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, għandhom jintużaw bħala inċentivi għal effiċjenza aħjar, ikunu aċċettabbli għal dawk ikkonċernati u ma jżidux il-livell globali tat-tassazzjoni. |
3.1.5. |
Il-KESE jaqbel dwar l-importanza ta’ industrija tal-UE kompetittiva u l-ekonomija ċirkolari bħala elementi importanti għat-tnaqqis ta’ GHG, inkluż bidla għal fjuwils alternattivi, ġbir u użu tal-karbonju. Il-KESE jixtieq jara referenza ċara għall-Industrija 4.0, id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva bħala fundamentali biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet (5). Il-KESE jenfasizza li l-ekonomija ċirkolari hija fattur ewlieni fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Strateġiji tal-ekonomija ċirkolari, bħal miżuri biex jitnaqqas l-input ta’ materjali verġni, jittejjeb l-użu ta’ assi eżistenti u jitnaqqas l-output ta’ skart, se jkunu ta’ kontribut sinifikanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jibnu ekonomija newtrali għall-klima (6). |
3.1.6. |
Il-promozzjoni ta’ sistemi alimentari sostenibbli se tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inkluż billi tipproteġi u toħloq aktar bjar tal-karbonju. Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-impatt ambjentali tas-sistemi tal-ikel jista’ jitnaqqas billi jitħeġġu dieti sempliċi tan-nutrijenti (7), u l-produzzjoni u l-konsum staġjonali tal-ikel. Il-ktajjen tad-distribuzzjoni tal-ikel għandhom jitqassru u jiġi mnaqqas l-ippakkjar. |
3.1.7. |
L-industrija Ewropea wriet il-kapaċità tagħha li tiżviluppa alternattivi ta’ enerġija nadifa. L-industrija tal-UE għadha minn ta’ quddiem f’setturi ewlenin, bħat-turbini tar-riħ, iżda tilfet il-vantaġġ tagħha f’oħrajn, bħall-produzzjoni tal-pannelli solari, li żgiċċat minn idejn l-Ewropa, parzjalment minħabba għażliet ħżiena ta’ politika pubblika magħmula minn gvernijiet nazzjonali preċedenti. Madwar 1 % biss tal-produzzjoni dinjija tal-batteriji tal-litju tinsab attwalment fl-Ewropa. Sabiex jiġi evitat li jiġu ripetuti dawn l-iżbalji għas-setturi emerġenti, il-KESE jilqa’ inizjattivi bħall-Pjan ta’ Azzjoni għall-promozzjoni tal-industrija tal-batteriji fl-UE u l-konkretizzazzjoni ta’ pjani biex tiġi implimentata l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji, inkluż l-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida (8). |
3.1.8. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu stabbiliti standards f’fora internazzjonali, fejn l-UE tista’ tieħu pożizzjoni ta’ tmexxija, bil-vantaġġ kompetittiv li dan jinvolvi. |
3.1.9. |
Il-KESE jaqbel dwar l-importanza li jiġu inklużi ekonomiji ewlenin u emerġenti oħra u li jinħoloq momentum pożittiv. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi. Il-preservazzjoni tal-kompetittività għandha tkun element importanti fl-għażliet tal-politika rilevanti kollha. |
3.1.10. |
Il-KESE jenfasizza l-bżonn kbir ta’ investiment u kooperazzjoni transkonfinali u bejn is-setturi fl-ippjanar li hija neċessarja biex jiġu implimentati n-netwerks intelliġenti, inklużi arloġġi intelliġenti, u faċilitajiet ta’ ħżin tal-enerġija, li huma prerekwiżit fundamentali għall-implimentazzjoni effiċjenti ta’ pjani tan-netwerk eżistenti u futuri, u għall-indirizzar ta’ varjazzjonijiet fil-produzzjoni ta’ enerġiji alternattivi. |
3.1.11. |
Il-KESE jinnota li l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jidher li huwa s-seba’ element importanti strateġiku u li attwalment tal-inqas għadu kruċjali għall-possibbiltà li tinkiseb soċjetà newtrali għall-klima fl-2050, speċjalment permezz tal-bijoenerġija b’CCS. Il-KESE jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri analizzat li l-finanzjament tal-UE diġà eżistenti mfassal biex jappoġġja s-CCS, bħal NER 300, “ma wettaq l-ebda proġett ta’ suċċess għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju”. Għalhekk hemm ħafna inċertezza dwar il-vijabbiltà teknoloġika tas-CCS, u xi ftit inċertezza dwar l-appoġġ pubbliku għas-CCS. |
3.1.12. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ bjar tal-karbonju naturali, bħall-foresti u ħafna prattiki agrikoli li jissekwestraw il-karbonju, eż. bwar, mergħat, torbiera, eċċ. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, flimkien mal-użu ta’ prodotti bbażati fuq l-injam li jaħżnu l-karbonju u li s-sostituti ta’ materjali u enerġija bbażati fuq il-fossili jagħtu mitigazzjoni fit-tul kif ukoll itejbu l-kapaċità ta’ adattament tal-foresti għat-tibdil fil-klima. Huwa essenzjali li tiġi sfruttata l-kapaċità tas-sekwestru tal-karbonju tal-art agrikola. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-użu potenzjali tas-sekwestru tal-karbonju ta’ art agrikola huma parti mis-soluzzjoni. |
3.2. Il-Kundizzjonijiet tal-qafas — ħarsa ġenerali
3.2.1. |
Il-KESE jaqbel li l-aċċess għal finanzjament adegwat huwa essenzjali biex it-trasformazzjoni prevista tirnexxi. Huwa essenzjali li jiġi attirat investiment pubbliku u privat suffiċjenti. Il-KESE għalhekk itenni t-talba tiegħu li jiġi żgurat li 40 % tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u 40 % tal-baġit tal-UE jiġu investiti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex fil-baġits tal-UE u nazzjonali kollha tiġi inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (9) (10). Il-KESE jenfasizza r-rabta mill-qrib bejn il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u t-tnedija fis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi, kif stabbilit hawn taħt fil-punti 3.3.5 u 3.3.6. |
3.2.2. |
Il-KESE għalhekk jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Finanzjament ta’ Tkabbir Sostenibbli u l-proposti leġislattivi li jirriżultaw minnu. Il-KESE jerġa’ jtenni li huwa importanti li l-finanzjament ekoloġiku jingħata immaġni pożittiva, iżda wkoll li kwalunkwe tip ta’ tikkettar jew parametru ta’ referenza jikkunsidra speċifiċitajiet settorjali u lokali kif ukoll id-daqs tan-negozji kkonċernati (11). |
3.2.3. |
Il-KESE jfakkar fil-proposti tanġibbli tiegħu għal direzzjoni ġdida tal-finanzjament lejn investimenti sostenibbli permezz ta’ “allokazzjoni ekoloġika (12)”, permezz ta’ tnaqqis kwantitattiv mill-Bank Ċentrali Ewropew bħala sors ta’ finanzjament. |
3.2.4. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi pprovdut sett ta’ għodod li jiffaċilita l-aċċess għal finanzjament għal atturi fuq skala żgħira sabiex jippermetti lill-atturi fil-livelli kollha jaċċessaw il-finanzjament għall-klima (13). |
3.2.5. |
Finalment, il-KESE jenfasizza li t-teknoloġiji li huma relatati mal-klima u t-trasformazzjoni tal-enerġija huma f’evoluzzjoni kostanti u dinamika. Rievalwazzjoni regolari ta’ modi u mezzi hija għalhekk kruċjali. |
3.3. Riċerka u innovazzjoni
3.3.1. |
Il-KESE jinnota li mhu se jkun hemm l-ebda tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima mingħajr riċerka u innovazzjoni estensivi, inkluż innovazzjoni soċjali. Tabilħaqq, dan jeħtieġ kull xorta ta’ innovazzjoni, inkluż imġiba, mudelli tan-negozju, normi soċjali, proċessi, tekniki, kummerċjalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda. |
3.3.2. |
Il-KESE jinnota li l-Ewropa tirrappreżenta madwar 7 % tal-popolazzjoni globali, 10 % emissjonijiet ta’ gass serra, 20 % tal-PDG globali u 30 % tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta’ kwalità għolja globali. Peress li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima trid tkun impenn globali biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, il-KESE jemmen li l-UE tista’ tikseb l-ikbar impatt billi tagħti prova lill-bqija tad-dinja li din it-tranżizzjoni hija fattibbli u pożittiva għas-soċjetà. |
3.3.3. |
Il-KESE jikkunsidra li l-Ewropa tipproduċi xjenza eċċellenti iżda tbati biex tittrasformaha f’innovazzjoni ta’ valur. L-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw aħjar ir-riċerka u l-innovazzjoni tul il-ktajjen ta’ valur kollha tagħhom, mir-riċerka bażika sal-iskjerament kummerċjali, u jinkludu x-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi (SSH) biex jittejjeb il-fehim ta’ x’jixpruna l-għażliet tal-enerġija li jsiru mill-utenti finali, inklużi l-SMEs u ċ-ċittadini. |
3.3.4. |
Il-KESE jikkunsidra li l-UE għandha opportunità storika biex tippermetti lin-negozji, l-innovaturi, il-ħaddiema u l-investituri Ewropej biex jaffermaw it-tmexxija globali fis-swieq tal-enerġija nadifa li qed jiffjorixxu. L-UE għandha żżid l-ambizzjoni tagħha fl-oqsma kollha tal-enerġija nadifa, mill-effiċjenza fl-enerġija sal-mobbiltà elettronika, biex tipprovdi lin-negozju Ewropew b’suq domestiku sod fejn l-innovazzjoni tkun tista’ tintuża b’mod sikur, kif ukoll strateġija industrijali integrata mmirata lejn l-esportazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija nadifa lill-bqija tad-dinja. |
3.3.5. |
Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew biex jiżguraw li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss jappoġġja sew ir-riċerka, l-innovazzjoni u, fejn possibbli l-użu kummerċjali fl-enerġija u l-klima. Għalhekk huwa jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew għal żieda fil-baġit ta’ Orizzont Ewropa għal EUR 120 biljun għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. Huwa jitlob ukoll sinerġiji bejn l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE, inkluż l-Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond ta’ Innovazzjoni, il-Fondi Strutturali, l-ITER, il-programm ta’ riċerka u taħriġ ta’ Euratom u l-Erasmus u l-għodod ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment. |
3.3.6. |
Il-KESE jilqa’ l-proposta li jinħolqu “Missjonjiet ta’ Riċerka u Innovazzjonijiet” sabiex ir-riċerka u l-innovazzjoni jingħataw direzzjoni aħjar lejn proġetti dwar l-isfidi tas-soċjetà, inkluża t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jistabbilixxu missjoni speċifika biex 100 belt tal-UE jkunu newtrali għall-klima sal-2030. Dan se juri lill-Ewropej kollha li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tista’ ssir realtà u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej kollha. Din se tkun ukoll l-opportunità li ssir ħidma konkreta ma’ bliet madwar id-dinja, l-ewwel ma’ bliet minn pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran, biex ikunu jistgħu jiġu ispirati minn esperjenzi Ewropej. |
3.3.7. |
Il-KESE jilqa’ l-proposta li jinħoloq “Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni”. Biex jibni fuq l-esperjenza tal-għodod li diġà jeżistu, inkluż l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-KESE jixtieq li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jsir l-għodda ewlenija tal-UE għall-provvista ta’ kapital paċenzjuż u tolleranti għar-riskju lil dawk l-innovazzjonijiet li huma essenzjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Dan jista’ jgħin lin-negozji ġodda jsiru l-aqwa fl-Ewropa, minflok jinxtraw minn kompetituri mill-Istati Uniti jew mill-Asja. |
3.3.8. |
Il-KESE jinnota f’dan il-kuntest ir-rwol kritiku tal-komunitajiet reġjonali u lokali fl-indirizzar tal-isfidi klimatiċi u fiż-żieda tal-adattabbiltà u r-reżiljenza, b’modi li jaffettwaw b’mod dirett il-prospetti fil-livell lokali għal trasformazzjoni wiesgħa. Ħafna komunitajiet diġà qed jieħdu l-inizjattiva huma stess, u jaqdu rwol effettiv fis-soluzzjonijiet meħtieġa. Il-KESE jenfasizza r-rwol tal-gżejjer tal-UE, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, bħala innovaturi potenzjali għal politiki newtrali għall-klima għall-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja. |
3.4. It-tfassil konġunt ta’ patt soċjali għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima
3.4.1. |
Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u sottonazzjonali kollha għandhom jibnu appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Tħassib leġittimu mqajjem mill-ħaddiema tal-faħam f’ħafna pajjiżi tal-UE, u l-movimenti soċjali reċenti fi Franza komplew jenfasizzaw dan il-bżonn li jintwera li t-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar ambjentalment sostenibbli, għandha tkun ukoll tranżizzjoni lejn soċjetà aktar demokratika u soċjalment ġusta. |
3.4.2. |
Il-KESE jqis li l-Ewropa teħtieġ patt soċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li jkun hemm qbil dwaru mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura. |
3.4.3. |
Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tipprovdi finanzjament xieraq biex tappoġġja lil ħaddiema fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Għal dan l-għan, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni jitfasslu u jiġu ffinanzjati b’mod xieraq biex jindirizzaw l-isfidi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Dan ikun sinjal tar-rieda tal-Ewropa li tiżgura li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. |
3.4.4. |
Il-KESE jqis li l-ħiliet tal-ħaddiema ta’ ekonomija newtrali għall-klima jistgħu jkunu differenti b’mod sinifikanti mill-ħiliet li ħafna ħaddiema għandhom illum. Huwa importanti li l-edukazzjoni u l-programmi ta’ taħriġ jiġu adattati sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema u s-servizzi ta’ taħriġ futuri u attwali jistgħu jinkludu t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fl-għażliet ta’ taħriġ tagħhom. Dan se jippermetti adattament aktar rapidu tal-forza tax-xogħol Ewropea u se jgħin lill-Ewropej jiżviluppaw talenti ġodda. |
3.4.5. |
Il-KESE jqis it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima bħala l-opportunità biex jiġu pprovduti impjiegi għal Ewropej żgħażagħ, inkluż persuni żgħazagħ qiegħda. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa “programm Erasmus Pro Ekoloġiku”, li jibni fuq il-proġett pilota tagħha tal-Erasmus Pro, kif ukoll proġetti oħra li jistgħu jattiraw aktar żgħażagħ lejn is-setturi tal-ekonomija newtrali għall-klima li qed jikbru (eż. agrikoltura sostenibbli, ekonomija ċirkolari, immaniġġjar tal-iskart, effiċjenza enerġetika, ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli) billi jittejbu l-immaġni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-impjiegi. |
3.4.6. |
Il-KESE jqis it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima bħala opportunità biex jinqered il-faqar enerġetiku fl-Ewropa u jittejbu l-kwalità tal-ħajja, il-ħolqien tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali. L-UE għandha tiżgura aċċess ugwali għas-servizzi bażiċi tal-enerġija għall-Ewropej kollha. Il-bini fuq is-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew dwar il-Faqar Enerġetiku, il-pjan ta’ azzjoni Ewropew biex jiġi eradikat il-faqar enerġetiku għandu jitfassal f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, biex jiġi żgurat li l-azzjoni pubblika tkun immirata dejjem aktar lejn il-kawżi prinċipali tal-faqar enerġetiku. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm bidla minn miżuri palljattivi għal miżuri preventivi, bħar-rinnovazzjoni biex bini antik jiġi ttrasformat f’bini mingħajr konsum nett ta’ enerġija. It-tariffi soċjali u ċ-ċekkijiet tal-enerġija jistgħu jikkostitwixxu biss għajnuna temporanja u għandhom jiġu sostitwiti gradwalment minn mekkaniżmi bħal sussidji sabiex bini eżistenti jsir bini mingħajr konsum nett ta’ enerġija, u għal xiri ta’ karozzi elettriċi. |
3.4.7. |
Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu u jappoġġjaw aħjar sens ta’ sjieda fost iċ-ċittadini u l-komunitajiet għall-inizjattivi lokali kollha meħtieġa sabiex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima, inklużi inizjattivi mmirati lejn il-bidla fl-imġiba u l-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli. Il-mekkaniżmi ta’ appoġġ u r-riformi fis-suq tal-enerġija għandhom jippermettu lill-komunitajiet lokali jieħdu sehem b’mod attiv fil-produzzjoni tal-enerġija u jkollhom aċċess ġust għas-suq tal-enerġija. L-Istati Membri li m’għandhomx il-kapaċità istituzzjonali għandhom ikunu assistiti b’mod aktar attiv. |
3.4.8. |
Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ mwiet prematuri kkawżati mit-tniġġis tal-arja sal-2030 (400 000 mewta prematura fl-Ewropa fl-2015). Il-KESE jqis li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha għandhom jagħmlu l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja prijorità politika ta’ livell għoli. Il-miżuri regolatorji li jnaqqsu s-sustanzi li jniġġsu l-arja li joħorġu mill-vetturi u l-impjanti tal-enerġija għandhom jissaħħu. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinvolvi aktar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment l-assoċjazzjonijiet li qed jipproteġu lit-tfal u lill-anzjani, għax dawk il-gruppi tal-popolazzjoni Ewropea huma l-aktar f’riskju li jbatu u jmutu mit-tniġġis tal-arja. |
3.4.9. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-abbozz ta’ patt soċjali għal tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima huwa karatteristika essenzjali biex jiġi żgurat l-involviment pożittiv taċ-ċittadini favur azzjonijiet tanġibbli favur din it-tranżizzjoni. |
3.5. Demokrazija u governanza
3.5.1. |
Il-KESE jaqbel mal-importanza tar-rwol taċ-ċittadini, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini previst matul id-djalogi taċ-ċittadini. Fid-dawl tal-mobilizzazzjoni taż-żgħażagħ fuq skala enormi, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jibdew djalogu wkoll maċ-ċittadini żgħażagħ. |
3.5.2. |
Il-KESE jilqa’ l-fehma tal-Kummissjoni li, għal mobbiltà nadifa, it-“tibdil fl-imġiba tal-individwi u l-kumpaniji għandu jsaħħaħ din l-evoluzzjoni”. Il-KESE jemmen li dan huwa veru wkoll għas-setturi kollha kkonċernati bit-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, inklużi l-enerġija, l-abitazzjoni, l-agrikoltura u l-ikel. Il-KESE jenfasizza li l-bidliet vasti maħsuba, inklużi bidliet fl-imġiba u fil-mod tal-għajxien, se jeħtieġu li jiġu aċċettati minn dawk ikkonċernati. |
3.5.3. |
Il-KESE jaħseb li l-proċeduri eżistenti għadhom mhumiex adattati biżżejjed biex jiżguraw l-aċċettazzjoni neċessarja miċ-ċittadini. Il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha l-għan li mhux biss tagħmel it-tranżizzjoni tal-enerġija “soċjalment aċċettabbli”, iżda li tiżgura wkoll li hija appoġġjata b’mod demokratiku u soċjali. |
3.5.4. |
Filwaqt li jibni fuq ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, il-KESE jipproponi li għandu jitwaqqaf djalogu permanenti taċ-ċittadini u li għandu jkun element preparatorju obbligatorju tad-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha u tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE kollha li huma rilevanti għat-tibdil fil-klima. It-trasparenza u r-responsabbiltà għandhom ikunu elementi sinifikanti ta’ djalogu bħal dan, li għandu jkun qrib iċ-ċittadini. Għalhekk, filwaqt li jista’ jkun neċessarju djalogu fuq l-Internet, dan għandu jiġi kkomplementat minn laqgħat u kuntatt dirett mal-pubbliku ġenerali. Għandu jkun iffinanzjat b’mod xieraq, għandu jkun hemm biżżejjed persunal u jingħata wiċċ f’forma ta’ viċi president dedikat tal-Kummissjoni Ewropea. |
3.5.5. |
Il-KESE jqis li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġu li jiddemokratizzaw aktar it-tfassil tal-politika dwar l-enerġija, bl-użu ta’ għodod bħall-istħarriġ deliberattiv u billi jiġi żgurat l-involviment sistemiku u r-riżorsi neċessarji għas-soċjetà ċivili organizzata biex tipparteċipa meta jitfasslu u jiġu implimentati l-pjani nazzjonali tal-enerġija u tal-klima. |
3.5.6. |
Il-KESE jinnota r-rwol kruċjali li jaqdu r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali fit-twettiq tal-politika dwar il-klima u l-enerġija u fit-trawwim tal-imġiba meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tagħha. Huwa jindika inizjattivi meħuda mill-Patt tas-Sindki u jistieden lill-Kummissjoni tapprova inizjattivi simili u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni permanenti bbażat fuq id-Djalogu ta’ Talanoa (14). Dan jinkludi d-Djalogu Ewropew dwar Azzjoni Klimatika Mhux Statali li talab il-KESE. |
3.5.7. |
Il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għall-ħolqien ta’ Servizz Ewropew ta’ Informazzjoni dwar l-Enerġija fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent li jkun jista’ jiżgura aċċess miftuħ għal data ta’ kwalità, jiżviluppa punt tad-dħul wieħed għas-settijiet tad-data kollha meħtieġa biex jiġi vvalutat il-progress tal-Unjoni tal-Enerġija, jiżviluppa flimkien mal-partijiet ikkonċernati suppożizzjonijiet għal xenarji differenti, jipprovdi mudelli b’sors miftuħ biex jippermetti l-ittestjar ta’ suppożizzjonijiet differenti u jikkontrolla l-konsistenza bejn projezzjonijiet differenti. Il-ħidma tiegħu għandha tkun aċċessibbli liberament għal dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet, għan-negozji u għall-pubbliku ġenerali. |
3.5.8. |
Il-KESE jistieden lill-Parlament Ewropew biex jistabbilixxi Kumitat tal-UE indipendenti dwar it-Tibdil fil-Klima bil-kompitu li jagħmel valutazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ politika abbażi tax-xjenza. Fejn Kumitati simili ma jeżistux diġà, il-KESE jistieden lil dawk l-Istati Membri biex jistabbilixxu tali kumitati fil-livell nazzjonali u jiżguraw li dawn jirrappurtaw lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kumitati Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. |
Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Ir-rapport speċjali tal-IPCC adottat f’Ottubru 2018.
(2) Opinjonijiet tal-KESE dwar “Il-ħolqien ta’ koalizzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali sottonazzjonali biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi” (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20) u dwar “Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi minn atturi mhux statali” (OJ C 227, 28.6.2018, p.35).
(3) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli” (ĠU C 246, 28.7.2016, p. 55).
(4) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 23–24.10.2014, EUCO 169/14, punti I 2.1, 2.2, 2.10–2.13.
(5) Opinjonijiet tal-KESE dwar “Ninvestu f’industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli -Strateġija mġedda għal Politika Industrijali tal-UE” (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 70), “Żviluppi strateġiċi fil-politika industrijali sal-2030” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 16), “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” (ĠU C 75, 10.3.2017, p. 33).
(6) Rapport ta’ Circle Economy u Ecofys Circular Economy: A key lever in bridging the emissions gap to a 1.5°C pathway. (L-Ekonomija Ċirkolari: Fattur ewlieni biex titnaqqas id-differenza fl-emissjonijiet għal perkors ta’ 1,5 °C) (Mhux disponibbli bil-Malti).
(7) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE” (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18).
(8) Stqarrija għall-Istampa mill-Viċi President Maris Sefcovic, April 2019, Konferenza Stampa Konġunta ma’ Peter Altmaier u Bruno Le Maire, 2 ta’ Mejju 2019.
(9) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 8).
(10) Opinjoni tal-KESE dwar “L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-klima għal atturi mhux statali” (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 14)
(11) Opinjonijiet tal-KESE dwar Pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzjament sostenibbli (ĠU C 62, 15.2.2019, p 73), u Finanzjament sostenibbli: tassonomija u parametri referenzjarji ( ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103).
(12) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 8).
(13) Ara nota 10 f’qiegħ il-paġna.
(14) https://unfccc.int/topics/2018-talanoa-dialogue-platform.