Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3954

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, ir-Regolament (UE) 2017/2226, ir-Regolament (UE) 2016/399, ir-Regolament (UE) 2018/… (Ir-Regolament tal-Interoperabbiltà), u d-Deċiżjoni 2004/512/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI” (COM(2018) 302 final)

    EESC 2018/03954

    ĠU C 440, 6.12.2018, p. 154–157 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/154


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, ir-Regolament (UE) 2017/2226, ir-Regolament (UE) 2016/399, ir-Regolament (UE) 2018/… (Ir-Regolament tal-Interoperabbiltà), u d-Deċiżjoni 2004/512/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI”

    (COM(2018) 302 final)

    (2018/C 440/26)

    Relatur Ġenerali:

    Ionuţ SIBIAN

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 2.7.2018

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Deċiżjoni tal-Bureau

    10.7.2018

    Adottata fil-plenarja

    19.9.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    537

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    97/3/0

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja politika dwar il-viża li hija u li għandha tibqa’, għodda biex tiffaċilita t-turiżmu u n-negozju, filwaqt li jiġu evitati r-riskji għas-sigurtà u r-riskju ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE.

    1.2.

    Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) bħala l-aqwa soluzzjoni teknoloġika li tiffaċilita l-proċedura tal-viżi għal soġġorn qasir u li tgħin lill-awtoritajiet tal-viża, tal-fruntiera, tal-asil u tal-migrazzjoni biex jiċċekkjaw malajr u b’mod effettiv l-informazzjoni meħtieġa dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE.

    1.3.

    Il-KESE jikkunsidra li objettiv ewlieni ta’ azzjoni f’dan il-qasam għandu jkun l-armonizzazzjoni tal-proċeduri, il-prattiki u r-riżultati tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-politika dwar il-viża.

    1.4.

    Fir-rigward tat-tfassil ta’ indikaturi ta’ riskju speċifiċi għall-ipproċessar tal-viża, il-KESE jikkunsidra li dan jista’ jillimita d-drittijiet tal-applikanti. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jinfurmaw u jħarrġu b’mod xieraq lill-persunal l-aktar espost u tal-immaniġġjar biex jevitaw tfassil ta’ profili possibbli bbażat fuq razza, sess, etniċità, reliġjon, orjentazzjoni sesswali u kwalunkwe karatteristika personali oħra.

    1.5.

    Il-KESE jappoġġja l-objettiv li jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni tal-persuni neqsin. Madankollu, li titbaxxa l-età għat-teħid tal-marki tas-swaba’ għal applikanti tfal minn 12-il sena għal 6 snin tista’ tkun problematika. Il-proposta ma inkludietx kontribut u opinjonijiet mill-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tat-tfal, u ppreveniet lill-KESE milli jevalwa bis-sħiħ l-impatt tal-proposta fuq it-tfal u l-protezzjoni tagħhom.

    1.6.

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan l-istess objettiv, filwaqt li l-ħżin ta’ kopja tal-paġna tal-bijografija tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant fil-VIS huwa aċċettabbli u meħtieġ, il-bini ta’ din l-għodda l-ġdida tad-data biex tappoġġja l-proċeduri tar-ritorn, kif iddikjarat fil-proposta, jistgħu jitqajmu dubji dwaru. Il-KESE ma jikkunsidrax li l-bidliet proposti neċessarjament iwasslu għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Minflok, għandha tkun għodda li tħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b’attenzjoni kemm għal-legalità tas-soġġorn kif ukoll għall-interess u l-benesseri tal-individwi kkonċernati. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu mħeġġa u megħjuna mill-awtoritajiet biex jirregolarizzaw is-soġġorn tagħhom u jikkunsidraw li jirritornaw fil-post ta’ oriġini tagħhom.

    1.7.

    Rigward l-objettiv anċillari ta’ din il-proposta – li tippermetti, taħt kundizzjonijiet stretti, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u lill-Europol biex jaċċessaw id-data tal-VIS għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi – il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ kundizzjonijiet stretti ta’ aċċess. Idealment, l-aċċess għandu jirrikjedi deċiżjonijiet tal-qorti li jiżguraw li tali aċċess huwa limitazzjoni meħtieġa tal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data personali.

    1.8.

    Il-KESE jfaħħar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsultazzjonijiet organizzati fir-rigward ta’ din il-proposta. Fl-istess ħin, il-Kumitat, istituzzjonijiet oħra u l-pubbliku ġenerali kienu jibbenefikaw bil-kbir li kieku fil-proposta ġew inklużi aktar kontribut u opinjonijiet mill-partijiet ikkonsultati. Mhuwiex ċar liema tip ta’ kontribut kien offrut u sa fejn influwenza l-forma finali tal-proposta.

    1.9.

    Fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-KESE jilqa’ l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq dan il-punt. Il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni għall-mod kif l-Istati Membri jużaw id-data personali tal-applikanti tal-viża. Kif intqal qabel, huma meħtieġa salvagwardji ulterjuri kontra prattiki li jirriżultaw f’diskriminazzjoni kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal soġġorn qasir jew twil u għal residenza.

    1.10.

    Il-proposta kienet tibbenefika minn data aktar iddettaljata u speċifika dwar il-viżi għal soġġorni qosra u twal u l-permessi ta’ residenza, pajjiż b’pajjiż, kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll ta’ pajjiżi terzi. Aktar informazzjoni dwar soġġorni skaduti kienet ukoll utli ħafna fir-rigward tat-traffikar tat-tfal. Id-data hija indispensabbli għall-evalwazzjoni tan-natura u l-istruttura tal-mobbiltà u l-adegwatezza tal-istrumenti użati.

    1.11.

    Il-KESE jirrakkomanda wkoll impenn aktar sod għall-ħidma mal-gvernijiet u s-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi sabiex jinfurmaw, jippreparaw u jassistu liċ-ċittadini tagħhom matul il-proċedura tal-applikazzjoni tal-viża kollha.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja politika dwar il-viża li hija u li għandha tibqa’, għodda biex tiffaċilita t-turiżmu u n-negozju, filwaqt li jiġu evitati r-riskji għas-sigurtà u r-riskju ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE.

    2.2.

    Filwaqt li jirrikonoxxi l-isfidi tal-migrazzjoni u s-sigurtà ta’ dawn l-aħħar snin, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jieħdu approċċ konsenswali, ibbilanċjat u proporzjonat bl-għan li jżommu lill-UE kemm jista’ jkun miftuħa, responsabbli, impenjata u innovattiva.

    2.3.

    Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) bħala l-aqwa soluzzjoni teknoloġika li tiffaċilita l-proċedura tal-viżi għal soġġorn qasir u li tgħin lill-awtoritajiet tal-viża, tal-fruntiera, tal-ażil u tal-migrazzjoni biex jiċċekkjaw malajr u b’mod effettiv l-informazzjoni meħtieġa dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE.

    2.4.

    Il-KESE jappoġġja l-objettivi ġenerali ta’ din l-inizjattiva: it-titjib tas-sigurtà fi ħdan l-UE u mal-fruntieri tagħha, l-iffaċilitar tad-dritt ta’ vjaġġaturi leġittimi li jaqsmu l-fruntiera esterna, u li jiċċaqilqu u joqogħdu liberament f’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, u l-iffaċilitar tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta’ Schengen.

    2.5.

    Il-KESE jappoġġja l-objettivi speċifiċi ta’ din l-inizjattiva – l-iffaċilitar tal-proċedura ta’ applikazzjoni tal-viża; l-iffaċilitar u t-tisħiħ tal-kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera esterni u fit-territorju tal-Istati Membri; u t-tisħiħ tas-sigurtà interna taż-żona Schengen bl-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza.

    2.6.

    Il-KESE jappoġġja wkoll l-għeluq tal-lakuni ta’ informazzjoni li fadal għall-fruntieri u s-sigurtà: viżi għal soġġorn twil u dokumenti ta’ residenza li għandhom jiġu inklużi fil-VIS.

    2.7.

    Fir-rigward tat-titjib tal-verifiki fl-ipproċessar tal-viża bl-użu tal-interoperabbiltà, il-verifika u l-valutazzjoni tal-informazzjoni mressqa mill-applikanti u d-domanda awtomatika tal-VIS għal kull applikazzjoni ma’ kull sistema disponibbli, il-KESE jara dan bħala żvilupp proċedurali u teknoloġiku tajjeb.

    2.8.

    Fir-rigward tat-tfassil ta’ indikaturi ta’ riskju speċifiċi għall-ipproċessar tal-viża, il-KESE jikkunsidra li dan jista’ jillimita d-drittijiet tal-applikanti. Għalkemm l-indikaturi tar-riskju ma jinkludu l-ebda data personali, dawn ikunu bbażati fuq l-istatistika u l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar theddidiet, rati anormali ta’ rifjut jew soġġorn skadut minn ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u riskji għas-saħħa pubblika. Hemm riskju sinifikanti li din id-data u dawn l-indikaturi se jintużaw mill-awtoritajiet tal-ipproċessar tal-viża biex jirrifjutaw l-applikazzjonijiet tal-viża bbażati fuq il-profili mdaħħla fis-sistema u mhux fuq iċ-ċirkostanzi individwali tal-applikant. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jinfurmaw u jħarrġu b’mod xieraq lill-persunal l-aktar espost u tal-immaniġġjar biex jevitaw tfassil ta’ profili possibbli bbażat fuq razza, sess, etniċità, reliġjon, orjentazzjoni sesswali u kwalunkwe karatteristika personali oħra.

    2.9.

    Il-KESE jappoġġja l-objettiv li jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-persuni neqsin. Madankollu, li titbaxxa l-età għat-teħid tal-marki tas-swaba’ għal applikanti tfal minn 12-il sena għal 6 snin tista’ tkun problematika. Il-proposta ma inkludietx kontribut u opinjonijiet mill-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tat-tfal, u ppreveniet lill-KESE milli jevalwa bis-sħiħ l-impatt tal-proposta fuq it-tfal u l-protezzjoni tagħhom.

    2.10.

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan l-istess objettiv, filwaqt li l-ħżin ta’ kopja tal-paġna tal-bijografija tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant fil-VIS huwa aċċettabbli u meħtieġ, il-bini ta’ din l-għodda l-ġdida tad-data biex tappoġġja l-proċeduri tar-ritorn, kif iddikjarat fil-proposta, jistgħu jitqajmu dubji dwaru. Il-KESE ma jikkunsidrax li l-bidliet proposti neċessarjament iwasslu għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Minflok, għandha tkun għodda li tħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b’attenzjoni kemm għal-legalità tas-soġġorn kif ukoll għall-interess u l-benesseri tal-individwi kkonċernati. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu mħeġġa u megħjuna mill-awtoritajiet biex jirregolarizzaw is-soġġorn tagħhom u jikkunsidraw li jirritornaw fil-post ta’ oriġini tagħhom.

    2.11.

    Rigward l-objettiv anċillari ta’ din il-proposta – li tippermetti, taħt kundizzjonijiet stretti, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u lill-Europol biex jaċċessaw id-data tal-VIS għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi – il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ kundizzjonijiet stretti ta’ aċċess. Idealment, l-aċċess għandu jirrikjedi deċiżjonijiet tal-qorti li jiżguraw li tali aċċess huwa limitazzjoni meħtieġa tal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data personali.

    2.12.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkummissjona tliet studji indipendenti: wieħed dwar il-fattibbiltà, il-ħtieġa u l-proporzjonalità li titbaxxa l-età għat-teħid tal-marki tas-swaba’ għat-tfal fil-proċedura tal-viża u dwar il-ħażna ta’ kopja tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikanti għal viża fil-VIS, u żewġ studji dwar il-fattibbiltà u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità li l-VIS tiġi estiża biex tinkludi data dwar il-viżi għal soġġorn twil u dokumenti ta’ residenza.

    2.13.

    Il-KESE jfaħħar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, li jinvolvu l-partijiet kkonċernati kollha, inklużi awtoritajiet nazzjonali li għandhom aċċess biex idaħħlu, jemendaw, iħassru jew jikkonsultaw data fil-VIS, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-migrazzjoni, ir-ritorn, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tat-tfal, il-pulizija u awtoritajiet kontra t-traffikar, awtoritajiet responsabbli għall-affarijiet konsulari, u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kontrolli fil-postijiet tal-qsim tal-fruntieri esterni. Ġew ikkonsultati wkoll diversi awtoritajiet mhux tal-UE u organizzazzjonijiet mhux governattivi involuti fid-drittijiet tat-tfal. Fl-istess ħin, il-Kumitat, istituzzjonijiet oħra u l-pubbliku ġenerali kienu jibbenefikaw bil-kbir li kieku fil-proposta ġew inklużi aktar kontribut u opinjonijiet mill-partijiet ikkonsultati. Mhuwiex ċar liema tip ta’ kontribut kien offrut u sa fejn influwenza l-forma finali tal-proposta.

    2.14.

    Fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-KESE jilqa’ l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq dan il-punt. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon is-salvagwardji addizzjonali introdotti minn din il-proposta biex ikopru l-bżonnijiet speċifiċi tal-kategoriji l-ġodda ta’ data, ipproċessar tad-data u suġġetti tad-data li se jkunu koperti mill-VIS, bħala parti mill-isforz usa’ biex jitħarsu d-drittijiet ta’ aċċess, tħassir u rimedju ta’ data personali tal-individwi. Il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni għall-mod kif l-Istati Membri jużaw id-data personali tal-applikanti tal-viża. Kif intqal qabel, huma meħtieġa salvagwardji ulterjuri kontra prattiki li jirriżultaw f’diskriminazzjoni kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal soġġorn qasir jew twil u għal residenza.

    2.15.

    Il-proposta kienet tibbenefika minn data aktar iddettaljata u speċifika dwar il-viżi għal soġġorni qosra u twal u l-permessi ta’ residenza, pajjiż b’pajjiż, kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll ta’ pajjiżi terzi. Aktar informazzjoni dwar soġġorni skaduti kienet ukoll utli ħafna fir-rigward tat-traffikar tat-tfal. Id-data hija indispensabbli għall-evalwazzjoni tan-natura u l-istruttura tal-mobbiltà u l-adegwatezza tal-istrumenti użati.

    2.16.

    Il-KESE jirrakkomanda wkoll impenn aktar sod għall-ħidma mal-gvernijiet u s-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi sabiex jinfurmaw, jippreparaw u jassistu liċ-ċittadini tagħhom matul il-proċedura tal-applikazzjoni tal-viża.

    Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    Top