EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3920

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża” (COM(2018) 476 final)

EESC 2018/03920

ĠU C 110, 22.3.2019, p. 75–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża”

(COM(2018) 476 final)

(2019/C 110/15)

Relatur:

Aurel Laurenţiu PLOSCEANU

Korelatur:

Eric BRUNE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 2.7.2018

Kunsill, 4.7.2018

Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat

10.7.2018

Bażi legali

L-Artikoli 173(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Korp kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

22.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

200/1/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fil-fehma tal-KESE, huwa imperattiv li l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża jiġu implimentati b’mod konsistenti u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO ta’ Lulju 2016, kif ukoll mal-prinċipju ta’ sigurtà kollettiva tan-Nazzjonijiet Uniti.

1.2.

Il-KESE ilu mill-2017 jippromovi l-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea għad-Difiża (EDU) u jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, inkluż l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża komuni. Aħna nemmnu li dan it-tisħiħ tad-difiża Ewropea mhuwiex maħsub biex idgħajjef imma pjuttost issaħħaħ ir-relazzjonijiet man-NATO u dawk transatlantiċi.

1.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża skont il-QFP 2021-2027 li ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2018.

1.4.

Il-KESE qed isejjaħ biex isir progress kwalitattiv sinifikanti fil-kooperazzjoni Ewropea tad-difiża. Tabilħaqq, kooperazzjoni limitata bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-difiża tiġġenera duplikazzjonijiet u riżultati f’industrija tad-difiża li għadha fframmentata ħafna. In-nuqqas ta’ integrazzjoni min-naħa tad-domanda tas-suq ma jistimolax kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-impriżi u integrazzjoni ulterjuri tal-industrija. Dan jikkawża allokazzjoni ineffiċjenti ta’ riżorsi, trikkib tal-kapaċitajiet industrijali, diskrepanzi teknoloġiċi u nuqqas ta’ programmi ġodda, speċjalment programmi kollaborattivi.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv ta’ awtonomija strateġika, bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin f’oqsma kritiċi u kapaċitajiet strateġiċi. Dan l-objettiv huwa relatat b’mod strett mal-ħtieġa għal valutazzjoni u koordinazzjoni sodi sabiex jiġi żgurat li dawk it-teknoloġiji jkunu jistgħu jiġu akkwistati, miżmuma u prodotti fil-livell Ewropew, filwaqt li jippermettu lill-UE tieħu deċiżjonijiet u taġixxi b’mod awtonomu jekk meħtieġ.

1.6.

Il-KESE jemmen li kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għad-difiża komuni hija li tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea.

1.7.

Il-KESE jenfasizza li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li taħdem biex iżżomm, iġġedded u tiżviluppa forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli u tipproteġi lill-ħaddiema b’tali ħiliet.

1.8.

Il-KESE jipproponi li l-Unjoni Ewropea għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tarmonizza r-regoli dwar l-esportazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

1.9.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs, anke n-negozji ġodda, inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għal finijiet ta’ difiża.

1.10.

Il-KESE jenfasizza li l-baġit tal-UE b’appoġġ tal-attivitajiet ta’ difiża ma għandux jissostitwixxi jew ikun sostitut għall-infiq nazzjonali għad-difiża, iżda pjuttost għandu jagħti spinta u jaċċellera aktar kooperazzjoni tad-difiża u kooperazzjoni tad-difiża aħjar. Bl-istess mod, il-baġit tal-UE għar-riċerka fil-qasam tad-difiża ma għandux jiġi allokat għad-detriment tar-riċerka ċivili f’setturi oħra. Anke jekk id-deċiżjonijiet dwar l-investiment tad-difiża u l-programmi tal-iżvilupp fil-qasam tad-difiża jibqgħu l-prerogattiva tal-Istati Membri, l-EDF jista’ jagħti lill-UE valur miżjud billi jinċentiva r-riċerka konġunta dwar il-prodotti u t-teknoloġiji fil-qasam tad-difiża u l-iżvilupp tagħhom.

1.11.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li politika tad-difiża Ewropea aktar armonizzata u simplifikata tista’ ġġib magħha titjib fl-effiċjenza billi żżid s-sehem fis-suq tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea u billi tqassam aħjar il-prodotti bejn l-istati, ir-reġjuni u l-kumpaniji.

1.12.

Fond Ewropew għad-difiża se jagħmel differenza biss jekk dan jappoġġa l-attivitajiet li huma tassew importanti. Il-programmi ta’ ħidma tiegħu għandhom għalhekk ikunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ proċess ta’ ippjanar Ewropew għad-difiża b’saħħtu li jidentifika l-prijoritajiet ta’ kapaċitajiet kruċjali għall-Ewropa.

1.13.

Il-KESE jappoġġja politika ta’ kooperazzjoni li se tippromovi l-involviment tal-SMEs kif ukoll tal-pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-Ittra ta’ Intenzjoni, mingħajr iżda ma jkunu minsija l-ħiliet li dawn jistgħu jżidu mal-bażi industrijali u teknoloġika tal-industrija tad-difiża.

1.14.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġi limitat il-benefiċċju tal-fondi Ewropej f’każ ta’ kumpaniji Ewropej ikkontrollati mill-istess entità, u li jintalbu garanziji meta pajjiż terz jieħu sehem fi żviluppi appoġġjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża.

1.15.

Il-KESE jappoġġja l-idea li l-fondi Ewropej għandhom jiġu ġestiti mill-Kummissjoni Ewropea, iżda jemmen li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tista’ tintervjeni b’mod utli fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet tat-tagħmir tad-difiża u fl-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR), billi tieħu vantaġġ minn dawk l-esperjenzi li mhux dejjem kienu pożittivi, u jagħti s-sehem tiegħu fil-ġestjoni tal-programmi, peress li d-duplikazzjoni tal-ħiliet fil-qasam tkun ta’ detriment għall-effettività tas-sistema.

1.16.

Il-KESE jappoġġja l-idea li r-riċerka u l-iżvilupp jridu jiġu ppreżentati lil kumitat tal-etika. Il-kundizzjonijiet etiċi għandhom jiġu spjegati b’mod ċar u vvalutati diġà fl-evalwazzjoni tal-proposta biex tkun żgurata ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali.

1.17.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-futur tal-kooperazzjoni mar-Renju Unit wara l-Brexit, u jargumenta favur sigurtà u difiża b’saħħithom li jinkludu l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-FEŻ.

1.18.

Il-KESE jemmen li l-kontinent tagħna li qed jixjieħ qed iħossu mhedded, filwaqt li juri tendenza li jwaħħal fil-problemi u xi kultant joħloq konfużjoni bejniethom bħat-terroriżmu u l-movimenti migratorji u m’għandux biżżejjed solidarjetà kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom, b’qawmien mill-ġdid tan-nazzjonaliżmu u reġimi awtoritarji madwar l-Unjoni Ewropea kollha, li jpoġġu d-demokrazija tagħna taħt pressjoni. Għodda tal-politika industrijali interessanti daqs il-Fond Ewropew għad-Difiża mhux se twarrabna minn aktar riflessjoni dwar il-politika ta’ difiża Ewropea.

2.   Preżentazzjoni tal-proposta

2.1.

Il-kuntest ġeopolitiku ma baqax stabbli tul l-aħħar deċennju: aħna qed niffaċċjaw ambjent kumpless u impenjattiv li fih qed ifeġġ theddid ġdid, bħal attakki ibridi u ċibernetiċi, u qed jerġgħu jitfaċċjaw sfidi aktar konvenzjonali.

2.2.

Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Marzu 2017 f’Ruma, il-mexxejja ta’ 27 Stat Membru u l-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ddikjaraw li l-Unjoni se ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża komuni tagħha, u trawwem industrija tad-difiża aktar kompetittiva u integrata.

2.3.

Id-difiża Ewropea qed iġġarrab ċerti ineffiċjenzi sinifikanti tas-suq marbuta ma’ ekonomiji ta’ skala mhux sfruttati (frammentazzjoni tas-swieq nazzjonali b’xerrej uniku) u duplikazzjoni tar-riżorsi fil-livell Ewropew.

2.4.

Id-domanda tiġi kważi esklussivament mill-Istati Membri, iżda l-baġits tad-difiża tagħhom, b’mod partikolari għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), kellhom tnaqqis sostanzjali fl-aħħar 10 snin.

2.5.

Fl-2015, 16 % biss tat-tagħmir tad-difiża ġie akkwistat b’akkwist kollaborattiv Ewropew, li hu ferm ’il bogħod mill-valur referenzjarju kollettiv ta’ 35 % li ġie miftiehem mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

2.6.

Is-settur tad-difiża huwa fframmentat ħafna bejn il-fruntieri nazzjonali, b’duplikazzjoni sostanzjali u l-ineffiċjenzi konsegwenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ kisba ta’ ekonomiji ta’ skala u tagħlim.

2.7.

Is-sitwazzjoni attwali mhijiex sostenibbli u l-iżvilupp ta’ sistemi tad-difiża kbar tal-ġenerazzjoni li jmiss qed kulma jmur titbiegħed milli titwettaq minn Stati Membri individwali.

2.8.

In-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jkompli jdgħajjef il-kapaċità tal-industrija tad-difiża tal-UE milli ssostni l-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tippreserva l-awtonomija strateġika tal-UE u tissodisfa l-ħtiġijiet tas-sigurtà attwali u futuri tagħha.

2.9.

Fis-7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tniedi l-Fond Ewropew għad-Difiża, magħmula minn “twieqi” għar-riċerka u l-kapaċitajiet, akkumpanjata bi proposta leġislattiva għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża taħt it-tieqa għall-kapaċitajiet.

2.10.

Il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża skont il-QFP 2021-2027 ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2018.

2.11.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża huwa maħsub bħala strument li jrawwem il-kompetittività u l-innovattività tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża tal-UE u b’hekk jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-UE. L-istrument huwa mfassal biex iħeġġeġ programmi kooperattivi li ma jkunux possibbli mingħajr il-kontribuzzjoni tal-UE u biex jipprovdi l-inċentivi meħtieġa sabiex tingħata spinta lill-kooperazzjoni f’kull stadju taċ-ċiklu industrijali.

2.12.

Se jitħeġġu b’mod partikolari proġetti kollaborattivi li jkollhom parteċipazzjoni transkonfinali sinifikanti min-naħa tal-intrapriżi żgħar u medji. Dan se jiżgura li l-EDF jibqa’ miftuħ għal benefiċjarji mill-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom u l-post fejn jinsabu.

2.13.

Il-proposta tipprevedi data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 u hija ppreżentata għal unjoni ta’ 27 Stat Membru.

2.14.

Filwaqt li r-riċerka fil-qasam tad-difiża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont Ewropa), id-dispożizzjonijiet korrispondenti speċifiċi għar-riċerka fil-qasam tad-difiża – bħall-objettivi, ir-regoli tal-parteċipazzjoni, il-mekkaniżmi ta’ forniment – huma speċifikati f’din il-proposta.

2.15.

Il-proposta tfittex li tiżgura sinerġiji ma’ inizjattivi oħra tal-UE fil-qasam tar-R&Ż ċivili, bħas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, il-kontroll fil-fruntieri, il-gwardja tal-kosta, it-trasport marittimu u l-ispazju.

2.16.

Se jkun hemm rabtiet mill-qrib bejn il-Fond u l-proġetti implimentati fil-qafas ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fid-difiża.

2.17.

Il-Fond se jqis il-pjan tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet (CDP) tal-UE, li jidentifika l-prijoritajiet tal-kapaċitajiet tad-difiża u r-rieżami annwali kkoordinat tal-UE dwar id-difiża (CARD).

2.18.

F’dan il-kuntest, jistgħu jitqiesu wkoll attivitajiet rilevanti mwettqa mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u msieħba oħra meta l-attivitajiet ikunu jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni.

2.19.

Il-Fond iqis ukoll l-attivitajiet tad-difiża implimentati permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, strument estrabaġitarju propost barra mill-QFP.

2.20.

Din il-proposta tipprevedi l-possibbiltà ta’ taħlit ta’ appoġġ mill-Fond ma’ finanzjament sostnut mill-Fond InvestEU.

2.21.

Il-Fond għandu jintuża biex jiġu indirizzati nuqqasijiet tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment li mhumiex ottimali, b’mod proporzjonat u mingħajr ma jiġi rduppjat jew soppress il-finanzjament privat, u għandu jkollu valur miżjud Ewropew ċar.

2.22.

L-Unjoni jeħtieġ terfa’ iżjed responsabbiltà biex tipproteġi l-interessi u l-valuri tagħha u l-istil ta’ ħajja Ewropew, b’mod komplementari u b’kooperazzjoni man-NATO.

2.23.

Biex tkun imħejjija għat-theddid tal-ġejjieni u tħares liċ-ċittadini tagħha, l-Unjoni jeħtieġ issaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha. Dan jirrikjedi li jiġu żviluppati teknoloġiji ewlenin f’oqsma kritiċi u kapaċitajiet strateġiċi ħalli tkun żgurata t-tmexxija teknoloġika.

2.24.

Id-deċiżjonijiet dwar l-investimenti tad-difiża u l-programmi tal-iżvilupp fil-qasam tad-difiża jibqgħu l-prerogattiva u r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

2.25.

L-approċċ tal-politika propost huwa proporzjonat għall-iskala u l-gravità tal-problemi li ġew identifikati. L-inizjattiva hija limitata għall-miri li l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu biżżejjed waħedhom u fejn l-UE hija mistennija li tagħti sehemha aħjar.

2.26.

F’April 2017 tnediet l-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża b’baġit totali ta’ EUR 90 miljun fuq tliet snin. Minkejja l-fatt li l-proġetti kollha għadhom għaddejjin, fl-2018 ġew iffirmati l-ewwel ftehimiet tal-għotjiet u għalhekk din l-azzjoni diġà bdiet tagħti l-ewwel riżultati konkreti.

2.27.

Ir-Regolament propost dwar il-Programm Industrijali Ewropew tad-Difiża għall-2019-2020 se jkollu baġit ta’ EUR 500 miljun u għandu jibda jopera mill-1 ta’ Jannar 2019.

2.28.

Mit-13 ta’ Jannar sad-9 ta’ Marzu 2018, twettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-EDF għall-partijiet ikkonċernati kollha. Ġiet espressa xi kritika mill-perspettiva etika, iżda l-partijiet ikkonċernati affettwati direttament jappoġġaw l-inizjattiva. Ir-regoli dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali jeħtieġ li jiġu adattati għad-difiża.

2.29.

L-allokazzjoni tal-baġit proposta għall-2021-2027 hija ta’ EUR 13-il biljun (fi prezzijiet kurrenti), li minnhom EUR 4,1 biljun huma għall-azzjonijiet tar-riċerka u EUR 8,9 biljun għall-azzjonijiet ta’ żvilupp.

2.30.

Soġġett għal konferma tal-kosteffiċjenza permezz ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, il-fond jista’ jitmexxa minn Aġenzija Eżekuttiva tal-Kummissjoni.

2.31.

Qed tiġi proposta skema ta’ monitoraġġ li tappoġġja r-rappurtar dwar il-prestazzjoni u l-evalwazzjoni. Ir-riżultati se jkunu disponibbli b’mod progressiv.

2.32.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 stabbilixxiet mira aktar ambizzjuża għall-integrazzjoni tal-kwistjonijiet klimatiċi fil-programmi kollha tal-UE b’mira globali ta’ 25 % tan-nefqa tal-UE li tikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi. Il-kontribuzzjoni tal-EDF biex tintlaħaq din il-mira globali se tiġi segwita permezz ta’ sistema ta’ markaturi klimatiċi tal-UE fil-livell xieraq ta’ diżaggregazzjoni, inkluż bl-użu ta’ metodoloġiji aktar preċiżi meta dawn ikunu disponibbli.

2.33.

Il-proposta tipprevedi data tal-applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet li diġà għamel fl-Opinjonijiet CCMI/149 (2017), CCMI/116 (2013) u CCMI/100 (2012). L-istrateġija Globali tal-UE u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża jipprevedu wkoll approċċi importanti għal dan il-għan. Fil-fehma tal-KESE, huwa imperattiv li dawn l-inizjattivi jiġu implimentati b’mod konsistenti u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO ta’ Lulju 2016 kif ukoll il-prinċipju ta’ sigurtà kollettiva tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.2.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi ġeostrateġiċi u l-iżviluppi fis-sigurtà, l-Ewropa għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ sigurtà u difiża tagħha. Huwa essenzjali li jkun hemm fehim ċar tal-objettivi strateġiċi komuni tal-Unjoni: li għadu nieqes u jeħtieġ li jiġi żviluppat b’mod urġenti. Dan huwa prerekwiżit biex jiġu identifikati l-kapaċitajiet ta’ difiża meħtieġa li jeħtieġ li jiġu ssostanzjati permezz ta’ bazi teknoloġika u industrijali għad-difiża Ewropea sostenibbli.

3.3.

L-irtirar tal-Istati Uniti mill-ftehim nukleari li ġie ffirmat mal-Iran fl-2015, il-kriżi fl-Ukrajna, id-dimostrazzjonijiet inkwetanti tar-Russja fil-fruntieri tal-Istati Baltiċi u l-fruntiera tal-Lvant tal-UE, il-ħruq tal-ark tal-Libja-Iraq-Sirja, l-instabbiltà kontinwa fis-Saħel, il-konfrontazzjoni politika u militari potenzjali bejn l-assi tal-Istati Uniti-Iżrael-Saudi u l-assi tal-Iran-Sirja-Russja, ilkoll fl-isfond ta’ theddid ċibernetiku, żieda fl-awtoritarjaniżmu fl-Ewropa, u l-imprevedibbiltà għolja tad-diplomazija tal-Istati Uniti: l-ibbilanċjar strateġiku tal-UE rari kien daqshekk kumpless u inkwetanti.

3.4.

Il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà kemm fi ħdan l-UE kif ukoll madwarha huma fost l-aktar tħassib predominanti taċ-ċittadini u tal-kapijiet tal-istati bl-istess mod.

3.5.

Mill-inqas jeħtieġ li jiġu indirizzati erba’ sfidi mill-UE, bl-aktar mod konsenswali possibbli: awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet, antiċipazzjoni tal-kriżijiet, influwenza politika u l-koerenza bejn l-interessi tagħna u l-prinċipji demokratiċi tagħna.

3.6.

Fl-2017, il-KESE ppromova l-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tad-Difiża (EDU) u appoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, inkluż l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża komuni.

3.7.

Il-KESE talab li jsir progress kwalitattiv sinifikanti fil-kooperazzjoni Ewropea tad-difiża. Tabilħaqq, kooperazzjoni limitata bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-difiża tiġġenera duplikazzjonijiet u riżultati f’industrija tad-difiża li għadha fframmentata ħafna. In-nuqqas ta’ integrazzjoni min-naħa tad-domanda tas-suq ma jistimolax kollaborazzjoni transnazzjonali bejn l-impriżi u integrazzjoni ulterjuri tal-industrija. Dan jikkawża allokazzjoni ineffiċjenti ta’ riżorsi, trikkib tal-kapaċitajiet industrijali, diskrepanzi teknoloġiċi u nuqqas ta’ programmi ġodda, speċjalment programmi kollaborattivi.

3.8.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv ta’ awtonomija strateġika f’oqsma ta’ teknoloġija u kapaċità industrijali kritiċi identifikati. Dan l-objettiv huwa relatat b’mod strett mal-ħtieġa għal valutazzjoni u koordinazzjoni sodi sabiex jiġi żgurat li dawk it-teknoloġiji jkunu jistgħu jiġu akkwistati, miżmuma u prodotti fil-livell Ewropew, filwaqt li jippermettu lill-UE tieħu deċiżjonijiet u taġixxi b’mod awtonomu jekk meħtieġ.

3.9.

Il-KESE japprova l-għażla li s-settur tad-difiża jiġi appoġġjat bħala politika industrijali xprunata mid-domanda.

3.10.

Il-KESE jaqbel li effiċjenza akbar fil-baġits nazzjonali għandha tagħmilha possibbli li tinkiseb kopertura tal-ħtiġijiet kollha Ewropej għat-tagħmir tad-difiża.

3.11.

Il-KESE jaqbel li l-koerenza bejn il-programmi fil-livell Ewropew għandha tagħmilha possibbli li jiżdied id-daqs tas-suq Ewropew moqdi mill-industrija Ewropea tad-difiża.

3.12.

Il-KESE ddikjara li kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għad-difiża komuni hija li tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea.

3.13.

Il-KESE jenfasizza li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li taħdem biex tiżviluppa forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli u tipproteġi lill-ħaddiema b’tali ħiliet.

3.14.

Il-KESE jipproponi li l-Unjoni Ewropea għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tarmonizza r-regoli dwar l-esportazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

3.15.

Il-KESE jappoġġa bis-sħiħ li tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għal finijiet ta’ difiża.

3.16.

Il-KESE rrifjuta l-ftuħ ta’ fondi eżistenti, li jservu bħala objettivi ekonomiċi jew soċjali, għal finijiet tad-difiża.

3.17.

Il-KESE rrifjuta dispożizzjoni speċjali għal riżorsi baġitarji nazzjonali allokati għad-difiża skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. In-nefqa għad-difiża m’għandhiex tiddestabbilizza l-finanzi pubbliċi.

3.18.

Il-KESE appoġġa l-ħolqien ta’ Fond għad-Difiża b’żewġ twieqi li jkopru kemm ir-riċerka kif ukoll l-iżvilupp tal-kapaċitajiet. Dan jista’ jappoġġja t-tfassil ta’ proċess ta’ ppjanar integrat għall-investimenti fiċ-ċiklu teknoloġiku kollu. Id-deċiżjonijiet tal-akkwist għandhom jibqgħu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Forma ta’ akkwist konġunt, madankollu, tista’ ttejjeb l-effiċjenza tan-naħa tad-domanda u tikkontribwixxi għall-kompetittività u għall-effiċjenza tal-industrija Ewropea tad-difiża. Il-baġit tal-UE b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ difiża ma għandux jissostitwixxi jew ikun sostitut għall-infiq nazzjonali għad-difiża, iżda pjuttost għandu jagħti spinta u jaċċellera aktar kooperazzjoni tad-difiża u kooperazzjoni tad-difiża aħjar. Bl-istess mod, il-baġit tal-UE għar-riċerka fil-qasam tad-difiża ma għandux jiġi allokat għad-detriment tar-riċerka ċivili f’setturi oħra. L-għan tal-EDF huwa li jħeġġeġ programmi kooperattivi u, b’appoġġ għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp, jipprovdi l-inċentivi meħtieġa biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni f’kull stadju taċ-ċiklu industrijali. Anke jekk id-deċiżjonijiet dwar l-investimenti tad-difiża u l-programmi tal-iżvilupp fil-qasam tad-difiża jibqgħu l-prerogattiva tal-Istati Membri, l-EDF jista’ jagħti lill-UE valur miżjud billi jinċentiva riċerka konġunta dwar il-prodotti u t-teknoloġiji fil-qasam tad-difiża u l-iżvilupp tagħhom.

3.19.

Is-settur industrijali tad-difiża mhux biss għandu importanza strateġika għas-sigurtà u d-difiża taċ-ċittadini Ewropej, iżda huwa wkoll kontributur ewlieni għall-ekonomija u l-benesseri Ewropej b’fatturat totali ta’ madwar EUR 100 biljun/fis-sena u b’madwar 500 000 persuna b’ħiliet ta’ livell għoli impjegati direttament u indirettament. Dan is-settur huwa s-sors ta’ prodotti, servizzi u teknoloġiji avvanzati fejn l-isforzi fl-innovazzjoni u r-Riċerka & l-Iżvilupp (R&Ż) huma essenzjali għall-kompetittività.

3.20.

L-industrija Ewropea tad-difiża kif ukoll l-infiq R&Ż huma pjuttost ikkonċentrati fis-sitt pajjiżi tal-Ittra ta’ Intenzjoni (LoI) (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit), li jammontaw għal 95 % tal-investimenti, il-maġġoranza tal-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja kif ukoll kumpaniji ewlenin. Politika Ewropea tad-difiża aktar armonizzata u ssimplifikata tista’ ġġib kisbiet fl-effiċjenza permezz ta’ speċjalizzazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi, ir-reġjuni jew il-kumpaniji f’ċerti teknoloġiji.

3.21.

Il-pajjiżi LoI jiddominaw is-suq Ewropew tad-difiża fir-rigward tal-għadd ta’ kumpaniji attivi u l-bejgħ tal-armi tagħhom. Pereżempju, fir-Renju Unit, BAE Systems hija l-akbar kumpanija tad-difiża. SAAB hija l-kumpanija ewlenija Żvediża tal-ajruspazju u tad-difiża, filwaqt li fi Franza, l-akbar kumpaniji huma Dassault Aviation, Naval Group, SafranThales. Fil-Ġermanja, ir-Rheinmetall, ThyssenKrupp Marine Systems u Diehl huma kumpaniji importanti. Fl-Italja, LeonardoFincantieri jirrappreżentaw iż-żewġ kumpaniji ewlenin. Airbus, kumpanija trans-Ewropea, tikklassifika fit-tieni post fl-Ewropa wara BAE Systems. Kumpanija transnazzjonali rilevanti oħra hija MBDA, impriża konġunta tat-tliet mexxejja Ewropej fl-ajruspazju u d-difiża (Airbus, BAE SystemsLeonardo) attiva fil-manifattura tal-missili u tas-sistemi tal-missili. U anke KNDS, is-sid ta’ Nexter u KMW, qed issir kumpanija trans-Ewropea. Għandu jiġi nnutat li xi wħud minn dawn il-kumpaniji ma joperawx b’mod esklussiv fis-suq tad-difiża, fatt li jispjega l-proporzjonijiet varji tal-bejgħ lill-impjegati.

Meta wieħed iħares lejn kumpaniji iżgħar, studju riċenti tal-IHS identifika kważi 1 600 SME attivi fis-settur tad-difiża fl-Ewropa u ħareġ stima li l-għadd totali ta’ SMEs fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża huwa ta’ 2 000-2 500. Fin-natura tagħhom, għadd ta’ dawn il-kumpaniji għandhom użu doppju, involuti kemm fil-qasam ċivili kif ukoll f’dak tad-difiża. Fi kwalunkwe każ, l-SMEs jaqdu rwol importanti fl-industrija tad-difiża u huma faċilitatur ewlieni għall-kompetittività.

3.22.

L-industrija Ewropea tad-difiża mhijiex mifruxa b’mod indaqs madwar l-UE. Dan jissuġġerixxi li żieda fl-infiq militari mill-Istati Membri tal-UE tista’ ma tasalx b’mod indaqs għand l-Istati Membri kollha. Jekk infiq ogħla f’pajjiż wieħed imur għand ditti f’pajjiżi oħra, dan jista’ jirriżulta fi flussi kummerċjali ġodda.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Fond Ewropew għad-difiża se jagħmel differenza biss jekk dan jappoġġa l-attivitajiet li huma tassew importanti. Il-programmi ta’ ħidma tiegħu għandhom għalhekk ikunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ proċess ta’ ippjanar Ewropew għad-difiża b’saħħtu li jidentifika l-prijoritajiet ta’ kapaċitajiet kruċjali għall-Ewropa.

4.2.

Il-KESE jappoġġa politika ta’ kooperazzjoni li se tippromovi l-kooperazzjoni transfruntiera – l-involviment tal-SMEs, anke minn stati li mhumiex membri LoI, mingħajr, madankollu, ma mmorru lura għall-politiki ta’ dritt għal ritorn li xi drabi saħħew id-duplikazzjoni tal-ħiliet.

4.3.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġi limitat il-benefiċċju tal-fondi Ewropej lil kumpaniji Ewropej ikkontrollati mill-interessi Ewropej, u li jintalbu garanziji meta pajjiż terz jieħu sehem fi żviluppi appoġġjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża.

4.4.

Il-KESE jappoġġja l-idea li l-għotja ta’ krediti Ewropej għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni Ewropea, iżda jemmen li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tista’ tintervjeni b’mod utli fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet tat-tagħmir tad-difiża u fl-OCCAR, billi tieħu vantaġġ minn dawk l-esperjenzi li mhux dejjem kienu pożittivi, u tagħti s-sehem tagħha fil-ġestjoni tal-programmi, peress li d-duplikazzjoni tal-ħiliet fil-qasam tkun ta’ detriment għall-effettività tas-sistema.

4.5.

Il-KESE jappoġġja l-idea li r-riċerka u l-iżvilupp jridu jiġu ppreżentati lil kumitat tal-etika. Il-kundizzjonijiet etiċi għandhom jiġu spjegati b’mod ċar u vvalutati diġà fl-evalwazzjoni tal-proposta biex tkun żgurata ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali.

4.6.

Il-KESE jappoġġja l-idea ta’ sovranità Ewropea industrijali fl-Ewropa iżda xorta waħda għandu dubji dwar it-twettiq politiku tagħha, peress li l-maġġoranza tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jqisu lilhom infushom bħala parti mill-alleanza Atlantika, filwaqt li bosta stati għadhom marbuta ma’ kunċett nazzjonali tas-sovranità.

4.7.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-futur ta’ kooperazzjoni mar-Renju Unit wara l-Brexit, u jargumenta favur sigurtà u sħubija b’saħħithom li jinkludu l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-EDF.

4.8.

Milquta mill-globalizzazzjoni, li hija ta’ tfixkil b’diversi modi, l-Ewropej diġà huma konxji ta’ xi wħud mill-iżbalji tagħhom u tal-illużjonijiet tagħhom. L-akbar żball tagħhom huwa n-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom. Il-politika ta’ astinenza strateġika, li ħallietna niffukaw fuq l-ekonomija u ġabitilna ħafna ġid matul il-Gwerra Bierda u sal-bidlu tas-seklu l-ġdid, issa saret l-ostakolu ewlieni tal-Ewropa.

4.9.

Għal żmien twil, l-Ewropa imponiet ir-rieda tagħha fuq id-dinja, l-ewwel fuqha stess u mbagħad mal-Istati Uniti. F’dinja fejn it-tisħin globali u r-reġimi awtoritarji qed jissaħħu dejjem aktar, l-inugwaljanzi tal-iżvilupp bejn il-pajjiżi kif ukoll fi ħdan il-pajjiżi qed isiru intollerabbli. Il-kontinent tagħna li qed jixjieħ qed iħossu mhedded, filwaqt li juri tendenza li jwaħħal fil-problemi u xi kultant joħloq konfużjoni bejniethom bħat-terroriżmu u l-movimenti migratorji, u m’għandux biżżejjed solidarjetà kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom, fil-kuntest ta’ qawmien mill-ġdid tan-nazzjonaliżmu u tal-awtoritarjaniżmu li qed ipoġġu pressjoni fuq id-demokraziji Ewropej. Għodda tal-politika industrijali interessanti daqs il-Fond Ewropew għad-Difiża mhux se twarrab lill-Unjoni Ewropea minn riflessjoni politika dwar dak li rridu niddefendu u kif irridu niddefenduh.

4.10.

Id-difiża Ewropea ma tirrigwardax biss it-theddid strateġiku, l-interventi esterni, il-kapaċità militari, l-innovazzjoni teknoloġika u l-eċċellenza industrijali. Peress li l-akbar theddida li l-Ewropej qed jiffaċċjaw illum il-ġurnata hija l-isfida fir-rigward tad-demokrazija Ewropea nnifisha, il-politika ta’ difiża komuni ma tistax tibqa’ tinjora din id-dimensjoni politika.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


Top