Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2875

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà” (COM(2018) 336 final — 2018/0168 (COD))

    EESC 2018/02875

    ĠU C 440, 6.12.2018, p. 85–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/85


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà”

    (COM(2018) 336 final — 2018/0168 (COD))

    (2018/C 440/13)

    Relatur:

    Christophe LEFÈVRE

    Konsultazzjoni

    Il-Kunsill, 6.6.2018

    Il-Parlament Ewropew, 11.6.2018

    Bażi legali

    L-Artikolu 114(1) tat-TFUE

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    4.9.2018

    Adottata fil-plenarja

    19.9.2018

    Nru. tas-sessjoni plenarja

    537

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    191/0/6

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ bi pjaċir il-proposti tal-Kummissjoni permezz tal-emenda tad-Direttiva dwar “l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà”. Iżda l-Kumitat jinnota b’dispjaċir li l-Kummissjoni ma ħatfitx l-okkażjoni biex tantiċipa l-iżviluppi relatati mal-vetturi awtonomi, minkejja l-osservazzjonijiet magħmula fl-istudju tal-impatt (1) li jakkumpanja lill-proposta.

    1.2.

    Rigward it-titjib tal-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku f’każ ta’ insolvenza tal-assiguratur, il-Kumitat iqis li l-proposta li tirriżulta mill-kumpens tal-vittmi mill-korp tal-Istat Membru tal-post tar-residenza tal-vittma hija rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni teskludi l-użu tal-korp jekk il-vittma tkun ikkuntattjat direttament lill-assiguratur jew fetħet xi proċedura legali. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li din l-esklużjoni ma tapplikax jekk, sadanittant, ikun hemm inadempjenza ekonomika (falliment, likwidazzjoni) min-naħa tal-assiguratur jew jekk il-vittma tawtorizza lill-korp jiġi surrogat bil-benefiċċju tal-azzjonijiet legali, sabiex tirċievi kumpens aktar malajr. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-livelli ta’ kumpens (allokazzjonijiet għad-dannu) mogħtija jkunu l-aktar favorevoli għall-vittma, fost dawk tal-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident u dawk tal-pajjiż ta’ residenza.

    1.3.

    Rigward it-titjib tar-rikonoxximent tad-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi speċifikat l-isem tas-sewwieq involut u l-grad ta’ responsabbiltà tiegħu fl-okkorrenza tal-inċident (totali, parzjali, jew xejn). Il-Kumitat għandu dubji dwar il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet fil-kuntest ta’ leġislazzjoni nazzjonali li tkopri vettura irrispettivament mis-sewwieq, meta mqabbel mal-liġi li tipprevedi assigurazzjoni għal vettura b’sewwieq iddikjarat u pprezzat skont il-profil individwali tar-riskju u tar-rata ta’ inċidenti, jew inkella d-detentur tal-liċenzja, tkun xi tkun il-vettura użata. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li tinħareġ dokumentazzjoni ta’ appoġġ sikura dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assigurazzjoni u r-rapporti tal-inċidenti, u biex tawtorizza l-użu ta’ bażi tad-data interkonnessa li tkun tista’ tiġi kkonsultata mill-pulizija biex jivverifikaw il-validità tagħhom.

    1.4.

    Rigward il-kontrolli fuq l-assigurazzjoni biex jitrażżan is-sewqan mingħajr assigurazzjoni, il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-proposta li jintużaw it-teknoloġiji ta’ rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni sabiex il-vetturi jiġu kkontrollati f’sistema nazzjonali mingħajr ma jkollhom jitwaqqfu. F’każ ta’ nuqqas ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-vettura tiġi immobilizzata sakemm jintwera ċertifikat validu tal-assigurazzjoni.

    1.5.

    Rigward l-armonizzazzjoni tal-ammonti minimi ta’ kopertura, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi data finali għat-tlestija tal-livelli limiti minimi ta’ kumpens.

    1.6.

    F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-kjarifika dwar il-kunċett ta’ mezz tat-trasport fuq art pubblika jew privata, wieqaf jew miexi, minbarra vetturi identifikati għal użu esklużivament agrikolu. Madankollu, ikun jeħtieġ li jiġi żgurat li l-vetturi agrikoli li jinstaqu fit-toroq pubbliċi jkunu soġġetti għad-Direttiva.

    1.7.

    Fl-aħħar nett, rigward il-koerenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika, il-Kumitat jinnota wkoll li l-proposti tal-Kummissjoni huma konformi mal-moviment liberu tal-persuni u tal-oġġetti, kif ukoll mal-prinċipji tas-suq intern li jiżguraw il-libertà tal-forniment tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment tal-assiguraturi.

    2.   Kuntest u introduzzjoni

    2.1.

    Il-Kummissjoni tipproponi emenda għad-Direttiva dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, li temenda d-Direttiva 2009/103 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    2.2.

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti li jinvolvu vetturi bil-mutur li bħalissa mhix adatta, li tnaqqas id-differenzi fit-trattament fl-UE għad-detenturi tal-poloz fir-rigward tal-bonus/malus, li tintegra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija wara l-implimentazzjoni tal-ewwel Direttiva tal-UE dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi adottata fl-1972.

    2.3.

    Id-Direttiva hija strument legali essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku fil-qasam tal-libertà tal-moviment, fuq il-bażi ta’ primjum uniku, mingħajr il-ħtieġa ta’ assigurazzjoni oħra biex tivvjaġġa fi Stat Membru ieħor; hija għandha wkoll l-għan li tiżgura livell għoli ta’ konverġenza f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku.

    2.4.

    Il-leġislazzjoni hija mibnija fuq is-Sistema Internazzjonali tal-Karta l-Ħadra, li mhix ftehim tal-UE u li tinvolvi 48 pajjiż. L-elementi prinċipali tad-Direttiva 2009/103/KE huma:

    l-obbligu fuq vetturi bil-mutur li jkollhom kuntratt ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għall-vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ persuni terzi, valida fil-partijiet kollha tal-UE fuq il-bażi ta’ primjum uniku;

    ammonti minimi obbligatorji ta’ kopertura li dawn it-tip ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni jridu jipprovdu (Stati Membri jistgħu jimponu kopertura ogħla fil-livell nazzjonali);

    il-projbizzjoni fuq Stati Membri li jwettqu kontrolli sistematiċi fuq l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li normalment ikunu bbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

    l-obbligu fuq Stati Membri li joħolqu fondi ta’ garanzija għall-kumpens tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi mhux assigurati jew mhux identifikati;

    il-protezzjoni għall-vittmi tal-inċidenti ta’ vetturi bil-mutur fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom (“vittmi fuq żjara”);

    id-dritt għal detenturi tal-poloz sabiex jiksbu dikjarazzjoni tal-pretensjonijiet preċedenti tagħhom għall-aħħar ħames snin mill-assiguratur tagħhom.

    2.5.

    Fil-kuntest tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 u tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Marzu 2017, fl-2017 saret valutazzjoni (3) tad-Direttiva 2009/103/KE u fl-istess sena ngħataw żewġ sentenzi tal-QtĠ-UE. Dawn l-elementi wasslu lill-Kummissjoni biex tieħu pożizzjoni.

    2.5.1.   It-titjib tal-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku f’każ ta’ insolvenza tal-assiguratur

    2.5.1.1.

    Il-Kummissjoni tipproponi l-awtorizzazzjoni ta’ korp f’kull Stat Membru sabiex jikkumpensa lill-persuni li ġarrbu l-ħsara, abitwalment residenti fit-territorju tagħhom, mill-inqas fil-limiti tal-obbligu tal-assigurazzjoni, għad-danni personali jew ħsara fuq il-proprjetà, ikkawżati minn vettura assigurata, fin-nuqqas ta’ tweġiba motivata fi żmien tliet xhur għall-punti invokati f’talba għall-kumpens, jew f’każ li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun falliet jew tinsab f’likwidazzjoni. Sakemm il-vittma ma tkunx diġà għamlet talba diretta lill-assiguratur jew ħadet azzjoni legali li tkun għadha pendenti.

    2.5.1.2.

    Il-Kummissjoni tipprevedi li dan il-korp ikun jista’ jiġi rrimborżat mill-korp tal-pajjiż responsabbli.

    2.5.2.   Titjib tar-rikonoxximent tad-dikjarazzjonijiet tal-pretensjonijiet preċedenti, speċjalment f’kuntest transfruntier.

    2.5.2.1.

    Id-Direttiva timponi l-ħruġ ta’ dikjarazzjoni tal-pretensjonijiet preċedenti tal-kuntratt tal-assigurazzjoni tal-vettura li tkopri l-aħħar ħames snin. L-assiguraturi mhumiex obbligati jikkunsidraw tali dikjarazzjoni meta jikkalkolaw il-primjum.

    2.5.2.2.

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-kontenut u l-format ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu standardizzati, liema dikjarazzjonijiet għandhom jispeċifikaw l-elementi li jippermettu l-aġġustament tat-tariffi skont il-pretensjonijiet u li tiġi żgurata d-dikjarazzjoni.

    2.5.3.   Kontrolli fuq l-assigurazzjoni biex jitrażżan is-sewqan mingħajr assigurazzjoni

    2.5.3.1.

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-użu tat-teknoloġiji tar-rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni biex jiġu kkontrollati l-vetturi mingħajr ma jitwaqqfu, f’sistema ġenerali ta’ kontroll nazzjonali, proċedura li ma tfixkilx il-moviment liberu tal-persuni u l-vetturi.

    2.5.3.2.

    Il-Kummissjoni tispeċifika li tali verifika ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi li jidħlu fit-territorju nazzjonali tirrikjedi l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri.

    2.5.4.   Armonizzazzjoni tal-ammonti minimi ta’ kopertura

    2.5.4.1.

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-livelli minimi ta’ kumpens huma differenti bejn pajjiż u ieħor, minħabba li ma aġġustawx dawn il-livelli waqt il-perjodu tranżitorju. Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-armonizzazzjoni ta’ dawn l-ammonti minimi ta’ kopertura, filwaqt li kull Stat Membru jkun jista’ jimponi livelli limiti massimi ogħla.

    2.5.5.   Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

    2.5.5.1.

    Filwaqt li tintegra tliet sentenzi tal-QtĠ-UE (4), il-Kummissjoni tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għall-vetturi bil-mutur, u teskludi l-inċidenti li fihom il-vettura tkun għal użu esklużivament agrikolu: “kwalunkwe użu ta’ vettura konsistenti mal-funzjoni normali tagħha bħala mezz ta’ trasport, irrispettivament mit-terren li fih tintuża l-vettura bil-mutur u jekk hijiex wieqfa jew miexja”.

    2.6.   Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    2.6.1.

    Il-Kummissjoni tinnota li l-proposti tagħha huma konformi mal-moviment liberu tal-persuni u tal-oġġetti, mal-prinċipji tas-suq intern li jiżguraw il-libertà tal-forniment tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment tal-assiguraturi.

    3.   Kummenti

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposti tal-Kummissjoni permezz tal-emenda tad-Direttiva dwar “l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà”. Din hija r-riżultat tar-rispons mill-esperjenza previst fil-qafas leġislattiv, iżda wkoll riżultat tal-analiżi tal-impatt u tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jew l-integrazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

    3.2.   It-titjib tal-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku f’każ ta’ insolvenza tal-assiguratur

    3.2.1.

    Il-Kumitat iqis li l-proposta ta’ kumpens lill-vittmi mill-korp tal-Istat Membru hija rilevanti, biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-assiguraturi, jew fin-nuqqas ta’ risposta motivata fi żmien raġonevoli, u jilqa’ b’sodisfazzjoni il-fatt li l-korp tal-pajjiż ta’ residenza tal-vittma jista’ jagħmel appell finanzjarju lill-korp tal-pajjiż terz tal-persuna assigurata responsabbli.

    3.2.2.

    Iżda billi din teskludi li l-korp ta’ ġestjoni jikkumpensa lill-vittma jekk din tkun indirizzat direttament lill-assiguratur, jew jekk tkun għaddejja proċedura ġudizzjarja, il-Kumitat jirrakkomanda li din l-esklużjoni ma tapplikax fil-każijiet li ġejjin:

    jekk sadanittant l-assiguratur ifalli jew jidħol f’likwidazzjoni,

    fil-każ tal-irtirar tal-approvazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji,

    jekk il-vittma tawtorizza lill-korp jiġi surrogat bil-benefiċċju tal-azzjonijiet legali, sabiex tirċievi kumpens aktar malajr.

    Il-Kumitat jirrakkomanda li l-livelli ta’ kumpens (allokazzjonijiet għad-dannu) mogħtija jkunu l-aktar favorevoli għall-vittma, fost dawk tal-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident u dawk tal-pajjiż ta’ residenza.

    3.3.   Titjib tar-rikonoxximent tad-dikjarazzjonijiet tal-pretensjonijiet preċedenti, speċjalment f’kuntest transfruntier.

    3.3.1.

    Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-ħruġ sistematiku ta’ dikjarazzjoni ta’ informazzjoni standardizzata, li turi jekk kienx hemm jew le pretensjonijiet fl-aħħar ħames snin.

    3.3.2.

    Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li jiġi speċifikat l-isem tas-sewwieq involut u l-grad ta’ responsabbiltà tiegħu fl-okkorrenza tal-inċident (totali, parzjali, jew xejn).

    3.3.3.

    Il-Kumitat għandu dubji dwar il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet fil-kuntest ta’ leġislazzjoni nazzjonali li tkopri vettura irrispettivament mis-sewwieq, meta mqabbel mal-liġi li tipprevedi assigurazzjoni għal vettura b’sewwieq iddikjarat u pprezzat skont il-profil individwali tar-riskju u tar-rata ta’ inċidenti, jew inkella d-detentur tal-liċenzja, tkun xi tkun il-vettura użata.

    3.3.4.

    Il-Kumitat madankollu għandu dubji dwar is-sitwazzjoni tal-vetturi bil-mutur mingħajr sewwieq, jew possibbilment dwar il-kunċett ta’ “sewwieq” responsabbli meta l-vettura bil-mutur tkun misjuqa mill-bogħod.

    3.3.5.

    Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni ma għandhiex il-ħsieb li tilleġisla dwar il-frodi tad-dokumenti marbuta mad-dikjarazzjonijiet tal-pretensjonijiet jew maċ-ċertifikati tal-assigurazzjoni.

    3.3.6.

    Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li tinħareġ dokumentazzjoni ta’ appoġġ sikura dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assigurazzjoni u r-rapporti tal-inċidenti, u biex tawtorizza l-użu ta’ bażi tad-data interkonnessa li tkun tista’ tiġi kkonsultata mill-pulizija biex jivverifikaw il-validità tagħhom.

    3.3.7.

    Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni ma ssemmix kif se jiġi ffinanzjat l-istabbiliment ta’ dawn is-sistemi ta’ interkonnessjoni transfruntiera.

    3.4.   Kontrolli fuq l-assigurazzjoni biex jitrażżan is-sewqan mingħajr assigurazzjoni.

    3.4.1.

    Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-proposta li jintużaw it-teknoloġiji tar-rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni biex jiġu kkontrollati l-vetturi mingħajr ma jitwaqqfu, dment li l-kontrolli li jsiru jkunu jagħmlu parti minn sistema nazzjonali ġenerali ta’ kontrolli, ma jkunux diskriminatorji u ma jimponux li titwaqqaf il-vettura.

    3.4.2.

    Iżda l-Kummissjoni ma tgħid xejn dwar x’jiġri mill-vetturi li mhumiex koperti minn kuntratt ta’ assigurazzjoni u li jiġu individwati b’dan il-mod. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-vettura tiġi immobilizzata sakemm jintwera ċertifikat tal-assigurazzjoni b’data ta’ skadenza tal-validità ta’ mill-inqas xahar.

    3.4.3.

    Il-Kummissjoni tispeċifika li dan il-kontroll fuq l-assigurazzjoni tal-vetturi malli jidħlu fit-territorju nazzjonali jirrikjedi l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri, u li għandhom jiġu garantiti d-drittijiet, il-libertajiet u l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati minn din id-data skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR).

    3.4.4.

    Madankollu l-Kummissjoni ma tgħid xejn dwar l-operatur maniġerjali, kif ukoll dwar il-finanzjament tal-ispejjeż tal-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ bażi tad-data interkonnessa tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni validi jew invalidi.

    3.5.   Armonizzazzjoni tal-ammonti minimi ta’ kopertura

    3.5.1.

    Il-Kumitat jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-livelli limiti minimi differenti u li fuq kollox mhumiex konformi, peress li huma taħt il-limiti stabbiliti mid-Direttiva fi kważi nofs l-Istati Membri tal-UE.

    3.5.2.

    Lil hinn minn sempliċi rakkomandazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-limiti (5), il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni tistabbilixxi data finali għall-implimentazzjoni li tista’ tkun l-aħħar tal-2019 biex jitlestew il-livelli limiti minimi tal-kumpens, meta l-iskadenza tkun diġà nqabżet.

    3.5.3.

    Il-Kumitat jirrakkomanda li l-livelli ta’ kumpens (allokazzjonijiet għad-dannu) mogħtija jkunu l-aktar favorevoli għall-vittma, fost dawk tal-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident u dawk tal-pajjiż ta’ residenza.

    3.6.   Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

    3.6.1.

    Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-kjarifika dwar il-kunċett ta’ mezz tat-trasport fuq art pubblika jew privata, wieqaf jew miexi, minbarra l-użu esklużivament agrikolu. Madankollu, ikun jeħtieġ li jiġi żgurat li l-vetturi agrikoli li jinstaqu fit-toroq pubbliċi jkunu soġġetti għad-Direttiva.

    3.7.   Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    3.7.1.

    Il-Kumitat jinnota wkoll li l-proposti tal-Kummissjoni huma konformi mal-moviment liberu tal-persuni u tal-oġġetti, mal-prinċipji tas-suq intern li jiżguraw il-libertà tal-forniment tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment tal-assiguraturi.

    Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/10102/2018/EN/SWD-2018-247-F1-EN-MAIN-PART-1.PDF.

    (2)  ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.

    (3)  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2017-3714481_mt

    (4)  Is-sentenzi Vnuk (2014 C-162/13), Rodrigues de Andrade (2017 C-514/16) u Torreiro (2017 C-334/16).

    (5)  Id-Direttiva 84/5/KEE, emendata bid-Direttiva 2005/14/KE.


    Top