EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XX0112(01)

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq l-Ewwel pakkett ta’ riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (ir-Regolamenti tal-Eurodac, tal-EASO u ta’ Dublin)

ĠU C 9, 12.1.2017, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/3


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq l-Ewwel pakkett ta’ riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (ir-Regolamenti tal-Eurodac, tal-EASO u ta’ Dublin)

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2017/C 9/04)

Sa minn bosta snin, l-Ewropa qiegħda tiffaċċja kriżi qawwija ta’ migrazzjoni u refuġjati; kwistjoni li saret saħansitra iktar ta’ sfida fl-2015. Għaldaqstant, il-Kummissjoni pproponiet li tirriforma r-Regolament ta’ Dublin sabiex tadattah għas-sitwazzjoni attwali. Din ir-riforma hija kkombinata ma’ Proposta għall-ħolqien ta’ Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil, sabiex tassisti lill-Istati Membri jwettqu dmirijiethom fil-qasam tal-asil.

Minn meta ġiet stabbilita, il-Eurodac qdiet l-iskop li tipprovdi evidenza ta’ marki tas-swaba’ sabiex tiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-asil magħmula fl-UE.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll riformulazzjoni tar-Regolament tal-Eurodac. Il-bidla ewlenija f’dan ir-Regolament hija l-estensjoni tal-ambitu tal-Eurodac għar-reġistrazzjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jinstabu b’mod illegali fi Stati Membri jew li jinqabdu b’konnessjoni ma’ qsim irregolari ta’ fruntiera ta’ Stat Membru ma’ pajjiż terz.

Il-KEPD jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ ġestjoni aktar effettiva tal-migrazzjoni u tal-asil fl-UE. Madankollu, huwa jirrakkomanda titjib importanti fil-mod kif jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-individwi rilevanti li jistgħu jkunu affettwati mill-ipproċessar tad-data personali, b’mod partikolari ta’ gruppi vulnerabbli ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni speċifika bħal migranti u refuġjati.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-KEPD jirrakkomanda fost l-oħrajn, dawn il-punti ewlenin:

li jingħad fir-Regolament ta’ Dublin li l-introduzzjoni tal-użu ta’ identifikatur uniku fil-bażi tad-data ta’ Dublin ma għandu, fl-ebda każ, jintuża għal skopijiet oħrajn għajr l-iskopijiet deskritti fir-Regolament ta’ Dublin;

it-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt sħiħa tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza fir-riformulazzjoni tal-Eurodac 2016 sabiex jitkejjel l-impatt tal-privatezza tat-test il-ġdid propost u tal-estensjoni tal-ambitu tal-bażi tad-data tal-Eurodac;

it-twettiq ta’ valutazzjoni tal-ħtieġa li jinġabru u jintużaw ritratti tal-wiċċ tal-kategoriji ta’ persuni indirizzati fir-riformulazzjoni tal-Eurodac 2016 u dwar il-proporzjonalità tal-ġbir tagħhom, li tiddependi fuq studju konsistenti jew approċċ ibbażat fuq l-evidenza;

it-twettiq ta’ valutazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni tal-minuri u bilanċ bejn ir-riskji u l-perikli tal-proċedura ta’ teħid ta’ marki tas-swaba’ tal-minuri u l-vantaġġi li jistgħu jibbenefikaw minnhom, minbarra l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.

L-Opinjoni tiddefinixxi wkoll aktar nuqqasijiet tad-diversi proposti u tidentifika rakkomandazzjonijiet oħrajn f’termini ta’ protezzjoni tad-data u privatezza li għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess leġiżlattiv.

I.   INTRODUZZJONI U SFOND

1.

F’April 2016, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni intitolata “Għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-Tisħiħ ta’ Rotot Legali lejn l-Ewropa” (1), li tiddefinixxi l-prijoritajiet għat-titjib tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA). F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ħarġet tliet proposti bħala parti mill-ewwel pakkett ta’ riforma tas-SEKA:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (minn hawn ‘il quddiem “il-Proposta ta’ Dublin”) (2);

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (minn hawn ‘il quddiem “il-Proposta għal Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil” jew “il-Proposta AUEA”) (3); u

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 emendatorju dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għall-idenifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li qed jirresjiedu illegalment u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (riformulazzjoni) (minn hawn ‘il quddiem “il-Proposta tar-Riformulazzjoni tal-2016 tal-Eurodac”) (4).

2.

Il-KEPD ġie kkonsultat b’mod informali qabel il-pubblikazzjoni tar-Riformulazzjoni tal-Eurodac u l-Proposta dwar l-EASO u kkomunika kummenti informali lill-Kummissjoni dwar iż-żewġ testi.

3.

Il-KEPD jifhem il-ħtieġa li l-UE tindirizza l-isfidi tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati mill-2015, kif ukoll il-ħtieġa li jkollha politika tal-UE effettiva u armonizzata sabiex tindirizza l-immigrazzjoni irregolari li sseħħ fl-UE kif ukoll lejn l-UE. B’rispett sħiħ għar-rwol tal-leġiżlatur meta jivvaluta l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri proposti, il-KEPD, fir-rwol ta’ konsulenza li għandu, ser jipprovdi xi rakkomandazzjonijiet f’din l-Opinjoni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data u tal-privatezza, sabiex jgħin lil-leġiżlatur jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali rigward id-drittijiet tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

4.

Il-KEPD ser jindirizza l-ewwel ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin rigward it-tliet proposti. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin jirrappreżentaw il-kwistjonijiet ewlenin osservati mill-KEPD u li għandhom jiġu indirizzati fi kwalunkwe każ fil-proċess leġiżlattiv. Rakkomandazzjonijiet oħrajn huma l-punti identifikati mill-KEPD li jeħtieġu kjarifiki, informazzjoni addizzjonali, jew emendi żgħar. Din id-distinzjoni għandha tgħin lil-leġiżlatur jagħti prijorità lill-kwistjonijiet ewlenin indirizzati minn din l-Opinjoni.

IV.   KONKLUŻJONI

68.

Il-KEPD jilqa’ l-isforzi f’termini ta’ protezzjoni tad-data fit-testi differenti. Huwa jista’ jara li l-kultura tal-protezzjoni tad-data qiegħda ssir parti mill-proċess leġiżlattiv u tista’ tkun osservata wkoll fit-tfassil tal-proposti.

69.

B’rispett sħiħ għar-rwol tal-leġiżlatur meta jivvaluta l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri proposti, il-KEPD, fir-rwol ta’ konsulenza li għandu, ser jipprovdi xi rakkomandazzjonijiet f’din l-Opinjoni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data u tal-privatezza f’dawn it-tliet proposti eżaminati.

70.

Rigward il-Proposta ta’ Dublin, il-KEPD jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-identifikatur uniku jista’ jintuża għal finijiet oħrajn, pereżempju biex jiġu identifikati l-individwi f’bażijiet tad-data oħrajn, u b’hekk jagħmel it-tqabbil tal-bażijiet tad-data faċli u sempliċi. Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi speċifikat li kwalunkwe użu ieħor tal-identifikatur għandu jkun ipprojbit.

71.

Rigward il-Proposta tar-riformulazzjoni tal-Eurodac, il-KEPD jikkunsidra li l-estensjoni tal-ambitu tal-Eurodac tqajjem tħassib rigward ir-rispett tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-KEPD jirrakkomanda wkoll li jiġu speċifikati ulterjorment it-tipi ta’ miżuri minbarra t-tneħħija u r-ripatrijazzjoni li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri fuq il-bażi tad-data tal-Eurodac. Il-KEPD jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli valutazzjoni tal-impatt sħiħa fuq il-protezzjoni tad-data u l-privatezza tar-riformulazzjoni 2016 tal-Eurodac sabiex jitkejjel l-impatt tat-test propost fuq il-privatezza.

72.

Il-KEPD huwa mħasseb ukoll dwar l-inklużjoni ta’ immaġnijiet tal-wiċċ: ir-Regolament ma jirreferix għal xi valutazzjoni tal-ħtieġa li jinġabru u jintużaw l-immaġnijiet tal-wiċċ tal-kategoriji ta’ persuni indirizzati fil-Proposta għar-riformulazzjoni tal-Eurodac. Barra minn hekk, il-KEPD jikkunsidra li l-Proposta għandha tiċċara l-każijiet li fihom għandu jsir it-tqabbil tal-marki tas-swaba’ u/jew tal-immaġnijiet tal-wiċċ, peress li l-abbozz tal-Proposta għar-riformulazzjoni jidher li jimplika li dan it-tqabbil għandu jsir b’mod sistematiku.

73.

Il-KEPD jirrakkomanda wkoll li tkun magħmula disponibbli valutazzjoni dettaljata rigward is-sitwazzjoni tal-minorenni, il-bilanċ bejn ir-riskji u l-perikli ta’ tali proċedura għall-minorenni u l-vantaġġi li jista’ jkollhom, minbarra l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni. F’dan il-kuntest, ir-regolament għandu jiddefinixxi aktar (jiġifieri fi premessa) it-tifsira tat-teħid ta’ marki tas-swaba’ ta’ minorenni b’mod li jkun adattat għat-tfal.

74.

Rigward il-perjodu ta’ żamma, li fil-prinċipju ser ikun ta’ ħames snin, il-KEPD jirrakkomanda li jingħataw aktar dettalji u spjegazzjoni għaliex u kif perjodu ta’ żamma ta’ data għal ħames snin kien meqjus meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet il-ġodda tal-bażi tad-data tal-Eurodac. Barra minn hekk, il-KEPD jirrakkomanda li jitnaqqas il-perjodu ta’ żamma għat-tul attwali tal-projbizzjoni tad-dħul fuq individwu speċifiku. Finalment, il-KEPD jirrakkomanda li fil-Proposta jiġi speċifikat li l-punt tal-bidu tal-perjodu ta’ retenzjoni jkun id-data tal-ewwel teħid ta’ marki tas-swaba’ ipproċessat minn Stat Membru.

75.

Finalment, il-KEPD jirrakkomanda li tiġi imblokkata d-data kollha għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi wara tliet snin, u li ma tibqax issir differenza bejn il-kategoriji differenti ta’ individwi ta’ pajjiżi terzi f’dan ir-rigward.

76.

Flimkien man-nuqqasijiet essenzjali identifikati iktar ‘il fuq, ir-rakkomandazzjonijiet tal-KEPD f’din l-Opinjoni jirrigwardaw l-aspetti li ġejjin:

rigward il-proposta tar-riformulazzjoni tal-Eurodac,

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi speċifikat fit-test tal-Proposta li r-responsabbiltà aħħarija tal-ipproċessar tad-data personali għandha tkun tal-Istati Membri li ser jitqiesu bħala kontrolluri fit-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE.

L-Artikolu 37 għandu jiġi abbozzat mill-ġdid sabiex jiċċara f’liema każ huwa permess jew projbit trasferiment internazzjonali, u b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-trasferiment lejn il-pajjiż tal-oriġini tal-applikant.

L-Artikolu 38 (1) għandu jispeċifika li d-data strettament meħtieġa għall-finijiet ta’ ritorn tista’ tkun trasferita mill-Istati Membri.

Ma għandhiex tintuża forza biex jittieħdu l-marki ta’ swaba’ tal-individwi. Dan għandu jiġi speċifikat fir-Regolament dwar il-Eurodac.

F’dan il-kuntest, il-KEPD jirrakkomanda li jiġi ċċarat li d-detenzjoni ma għandhiex titqies bħala sanzjoni għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jiġu pprovduti l-marki tas-swaba’.

L-użu ta’ data reali mill-eu-LISA għall-finijiet ta’ ttestjar iqajjem tħassib serju u ma għandux ikun permess mir-Regolament tal-Eurodac. L-alternattiva għall-użu ta’ data mhux reali għandha tkun ikkunsidrata u vvalutata mil-leġiżlatur, waqt li jiġi kkunsidrat ir-riskju għall-privatezza tal-individwi kkonċernati. Fi kwalunkwe każ, it-test ma għandux jikkunsidra li d-data bijometrika tista’ tkun anonimizzata, peress li dejjem ser tkun relatata ma’ individwu u għaldaqstant għandha titqies bħala data personali.

Rigward l-ipproċessar ta’ informazzjoni mill-eu-LISA, il-KEPD jirrakkomanda li jiġu speċifikati li għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa rigward l-aċċess għad-data minn kuntratturi esterni.

Finalment, il-KEPD jilqa’ l-isforzi biex ikun żgurat li l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jiġi vvalutat minn korp indipendenti. Madankollu, l-awtoritajiet magħżula u l-awtoritajiet ta’ verifika ma għandhomx ikunu parti mill-istess organizzazzjoni, sabiex tinżamm l-indipendenza tal-awtorità ta’ verifika.

rigward il-Proposta dwar l-EUAA,

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi speċifikat li l-esperti tal-Aġenzija għandhom jitħallew jaċċessaw il-bażijiet tad-data skont l-atti legali li jirregolaw dawn il-bażijiet tad-data u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi speċifikat ukoll xi jrid jingħad bi skopijiet amministrattivi fl-Artikolu 30(3), peress li kwalunkwe skop imfittex minn amministrazzjoni jista’ jikkwalifika taħt dan it-terminu.

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-apparat użat mill-Aġenzija li għandha tkun definita f’kull pass taċ-ċiklu tal-ħajja tal-apparat, jiġifieri mix-xiri tiegħu, tul il-ħażna u l-użu tiegħu, sar-rimi tiegħu.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2016) 197 final.

(2)  COM(2016) 270 final.

(3)  COM(2016) 271 final.

(4)  COM(2016) 272 final.


Top