IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.12.2017
COM(2017) 722 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja, f’isem l-Unjoni Ewropea
u l-Istati Membri tagħha, tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
ANNESS
IT-TIELET PROTOKOLL ADDIZZJONALI
TAL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA,
KOORDINAZZJONI POLITIKA U KOPERAZZJONI
BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA,
MIN-NAĦA L-WAĦDA,
U L-ISTATI UNITI MESSIKANI,
MIN-NAĦA L-OĦRA,
SABIEX TITQIES L-ADEŻJONI
TAR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA FL-UNJONI EWROPEA
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA TA' FRANZA,
IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA,
IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
L-UNGERIJA,
IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA,
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,
Il-Partijiet Kontraenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”, u
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,
minn naħa, u
L-ISTATI UNITI MESSIKANI, minn hawn 'il quddiem imsejħin “Il-Messiku”,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien “il-Partijiet”,
BILLI l-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani min-naħa l-oħra, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Globali”, kien iffirmat fi Brussell fit-8 ta’ Diċembru 1997, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2000;
BILLI l-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ġie iffirmat f’Mexico City fit-2 ta’ April 2004 u fi Brussell fid-29 ta’ April 2004;
BILLI t-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ġie iffirmat f’Mexico City fid-29 ta’ Novembru 2006;
BILLI t-Trattat li jikkonċerna l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ it-“Trattat ta' Adeżjoni”) ġie ffirmat fi Brussell fid-9 ta' Diċembru 2011;
BILLI, skont l-Artikolu 6(2) tal-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mehmuż mat-Trattat ta’ Adeżjoni, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim għandha tiġi miftiehma bil-konklużjoni ta' Protokoll tal-Ftehim.
BILLI skont l-Artikolu 55 tal-Ftehim, għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, “il-Partijiet” tfisser, min-naħa, il-Komunità jew l-Istati Membri tagħha jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, skont l-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, kif derivat mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-Messiku;
BILLI skont l-Artikolu 56 tal-Ftehim, il-Ftehim japplika fit-territorju li fih it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikat bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, min-naħa, u fit-territorju tal-Messiku, min-naħa l-oħra;
BILLI skont l-Artikolu 59 tal-Ftehim, il-Ftehim tfassal f’dupplikat fil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża, Spanjola u Svizzera, b’kull waħda minn dawn il-lingwi tkun awtentika bl-istess mod;
BILLI l-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim iqis l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tal-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea;
BILLI l-Ftehim ġie awtentiċizzat fil-lingwa Ċeka, Estonjana, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Slovakka u Slovena bl-istess kundizzjonijiet bħall-verżjonijiet miktuba bil-lingwi oriġinali tal-Ftehim;
BILLI t-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim iqis l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni;
BILLI l-Ftehim ġie awtentiċizzat fil-lingwa Bulgara u Rumena bl-istess kundizzjonijiet bħall-verżjonijiet miktuba bil-lingwi oriġinali tal-Ftehim;
BILLI l-Artikolu 5(3) ta’ dan il-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha qabel ma jkunu tlestew il-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
ARTIKOLU 1
Ir-Repubblika tal-Kroazja qiegħda b’dan tiġi inkorporata bħala Parti fil-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra.
ARTIKOLU 2
1.
Wara l-iffirmar ta’ dan il-Protokoll, l-Unjoni għandha tibgħat il-verżjoni tal-lingwa Kroata tal-Ftehim lill-Istati Membri tagħha u lill-Istati Uniti Messikani.
2.
Suġġett għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-protokoll, il-verżjoni bil-Kroat għandha ssir awtentika bl-istess kundizzjonijiet tal-verżjonijiet tal-Ftehim bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Netherlandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, u Żvediża.
ARTIKOLU 3
Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim.
ARTIKOLU 4
Dan il-Protokoll għandu jiġi kkompilat f’duplikat bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku bl-istess mod.
ARTIKOLU 5
1.
Dan il-Protokoll għandu jiġi ffirmat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom.
2.
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan ikunu tlestew.
3.
Minkejja l-paragrafu 2, il-Partijiet jaqblu li, sakemm jitlestew il-proċeduri interni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, huma għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jagħtu notifika dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dak l-iskop u l-Istati Uniti Messikani jagħtu notifika dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll.
4.
In-notifiki għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jkun id-depożitarju ta' dan il-Protokoll.
B'XHIEDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, mogħtija s-setgħa għal dan l-effett, iffirmaw dan il-Protokoll.
Magħmul fi..............., dan.......... jum ta’...........fis-sena...........
GĦALL-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA
GĦALL-ISTATI UNITI MESSIKANI