Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0493

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment

    COM/2017/0493 final

    Brussell, 13.9.2017

    COM(2017) 493 final

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment

    {SWD(2017) 302 final}
    {SWD(2017) 303 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

    F’dawn l-aħħar snin, l-inklużjoni ta’ Soluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (Investor-State Dispute Settlement, ISDS) fil-ftehimiet kummerċjali u tal-investiment saret soġġetta għal aktar skrutinju u interrogazzjoni mill-pubbliku. Hemm għadd ta’ problemi li ġew identifikati bħala li jirriżultaw mill-ISDS, li hija bbażata fuq il-prinċipji tal-arbitraġġ. Dawn il-problemi jinkludu n-nuqqas ta’ leġittimità jew leġittimità limitata, u n-nuqqas ta’ konsistenza u ta’ trasparenza tal-mekkaniżmu ISDS kif ukoll in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ rieżami.

    Biex tindirizza dawn il-limitazzjonijiet, l-approċċ tal-Unjoni mill-2015 ‘il quddiem kien li tistituzzjonalizza s-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE permezz tal-inklużjoni tas-Sistema tal-Qorti tal-Investiment (ICS). Madankollu, minħabba n-natura bilaterali tagħha, l-ICS ma tistax tindirizza bis-sħiħ il-problemi kollha msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ ICSs fi ftehimiet tal-Unjoni għandha kost f’termini ta’ kumplessità amministrattiva u tal-impatt baġitarju tagħha.

    L-inizjattiva tal-qorti multilaterali tal-investiment għandha l-mira li tistabbilixxi qafas għas-soluzzjoni ta’ tilwimiet internazzjonali dwar l-investiment 1 li tkun permanenti, indipendenti u leġittima; li tkun prevedibbli fit-twassil ta’ ġurisprudenza stabbilita; li tkun tippermetti appell mid-deċiżjonijiet; li tkun kosteffikaċi; li tkun toffri proċeduri trasparenti u effiċjenti u tkun tippermetti interventi minn partijiet terzi (inklużi pereżempju organizzazzjonijiet interessati ambjentali jew tal-ħaddiema). L-indipendenza tal-Qorti jenħtieġ li tkun garantita permezz ta’ rekwiżiti stretti dwar l-etika u l-imparzjalità, ħatriet li ma jiġġeddux, impjieg full-time tal-aġġudikaturi u mekkaniżmi indipendenti għall-ħatra.

    Din l-inizjattiva se tindirizza biss kwistjonijiet proċedurali. Kwistjonijiet bħal ma huma l-liġi applikabbli jew standards ta’ interpretazzjoni, inkluż li tiġi żgurata l-konsistenza ma’ obbligi internazzjonali oħra (pereżempju Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u tan-Nazzjonijiet Uniti) se jiġu indirizzati fil-ftehimiet ta’ investiment sottostanti li għandhom jiġu applikati mill-Qorti Multilaterali tal-Investiment.

    Din l-inizjattiva għandha l-għan li tallinja l-politika tal-Unjoni fis-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment mal-approċċ tal-Unjoni f’oqsma oħra tal-governanza internazzjonali u s-soluzzjoni tat-tilwim internazzjonali li jiffavorixxi soluzzjonijiet multilaterali. Din l-inizjattiva mhijiex parti mill-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (Regulatory Fitness and Performance, REFIT).

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta' politika

    Id-dokument kunċettwali tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2015 “L-investiment fit-TTIP u lil hinn - it-triq tar-riforma - Insaħħu d-dritt tar-regolamentazzjoni u mmorru lil hinn mill-arbitraġġ ad hoc kurrenti lejn Qorti tal-Investiment” 2 stabbilixxa approċċ f’żewġ fażijiet għar-riforma tas-sistema tal-ISDS tradizzjonali. L-ewwel pass kien l-inklużjoni ta’ sistema tal-qorti istituzzjonalizzata għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment fi ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment futuri tal-Unjoni (jiġifieri l-ICS). Bħala t-tieni pass, l-Unjoni kellha taħdem favur l-istabbiliment ta’ qorti multilaterali tal-investiment. Din il-Qorti multilaterali jkollha l-għan li tieħu post l-ICSs bilaterali kollha inklużi fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-Unjoni u tippermetti lill-Unjoni, lill-Istati Membri tagħha u lill-pajjiżi sħab biex jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet tal-ISDS fil-ftehimiet ta’ investiment eżistenti tagħhom b’aċċess għall-qorti multilaterali tal-investiment.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Kummerċ għal kulħadd 3 ta’ Ottubru 2015, li tistabbilixxi li l-Kummissjoni, b’mod parallel mal-isforzi bilaterali tagħha, se “taħdem mas-sħab biex tibni kunsens għal Qorti tal-Investiment Internazzjonali sħiħa u permanenti”.

    Fil-fatt, mal-pubblikazzjoni fit-12 ta’ Novembru 2015 tat-test propost tal-UE għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (Transatlantic Trade and Investment Partnership, TTIP) dwar il-protezzjoni tal-investiment u s-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment, il-Kummissjoni ddikjarat li "il-Kummissjoni se tibda taħdem, flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, fuq it-twaqqif ta’ Qorti tal-Investiment Internazzjonali permanenti. [...] Dan għandu jwassal għas-sostituzzjoni sħiħa tal-mekkaniżmu tal-“ISDS l-antik" b’sistema moderna, effiċjenti, trasparenti u imparzjali għas-soluzzjoni tat-tilwim internazzjonali dwar l-investiment 4 .

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija konsistenti wkoll mad-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Immaniġġar tal-Globalizzazzjoni 5 , ta’ Mejju 2017, li jirreferi espliċitament għal din l-inizjattiva meta jafferma li "[it-tilwim internazzjonali tal-investiment] ma għandux jibqa' jiġi deċiż minn arbitraturi skont l-hekk imsejjaħ Mekkaniżmu ta' Soluzzjoni ta' Tilwim bejn Investituri u Stati. Għaldaqstant il-Kummissjoni pproponiet Qorti Multilaterali tal-Investiment li toħloq mekkaniżmu ġust u trasparenti”.

    Barra minn hekk, fl-okkażjoni tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tas-CETA, il-Kunsill iddikjara li “il-Kunsill jappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fir-rieda tagħha li taħdem biex tistabbilixxi Qorti multilaterali tal-Investiment, li ser tissostitwixxi s-sistema bilaterali stabbilita permezz tas-CETA, la darba tkun stabbilita, u f'konformità mal-proċedura prevista fis-CETA”. 6

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u jinnomina n-negozjatur tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur.

    Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

    L-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistipula li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax għall-oqsma ta’ kompetenza esklussiva tal-UE.

    L-Unjoni għandha kompetenza parzjalment esklussiva u parzjalment kondiviża fir-rigward tal-protezzjoni tal-investiment.

    L-Artikolu 3 tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, l-investiment dirett barrani (IDB), inkluża l-possibbiltà li jiġu nnegozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali li jkopru l-IDB, huwa parti mill-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni.

    Fl-Opinjoni 2/15 tagħha dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor (EU-Singapore Free Trade Agreement, EUSFTA) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Unjoni għandha, fuq il-bażi tal-Artikolu 207 TFUE, kompetenza esklussiva fuq l-istandards sostantivi tal-protezzjoni normalment inklużi fi ftehimiet tal-investiment sal-punt li tali standards japplikaw għall-IDB 7 . Fl-istess opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li, fil-każ tal-investiment mhux dirett, il-kompetenza fir-rigward ta’ dawk l-istandards sostantivi hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

    Fl-Opinjoni 2/15 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tikkjarifika li l-kompetenza fir-rigward tal-ISDS (kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-IDB kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment mhux dirett) hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, sa fejn l-Istati Membri huma meħtieġa li jaġixxu bħala konvenuti f’xi tilwim.

    L-Unjoni hija parti, flimkien mal-Istati Membri, għal ftehimiet li jipprovdu għal ISDS tradizzjonali (it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija - ECT) jew ICS (il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (EU-Canada Comprehensive Economic and Trade Agreement, CETA)) - u tista’ tkun meħtieġa li tkun l-intimat f’tilwim imressaq skont dawk il-ftehimiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tinnegozja għadd ta’ FTAs u ftehimiet ta’ investimenti awtonomi oħra li jinkludu ICS. Huwa previst li l-Unjoni tkun l-intimat f’mill-inqas xi tilwim imressaq skont dawk il-ftehimiet

    Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni prevista hija għalhekk meħtieġa sabiex jiddaħħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha dawk it-tilwimiet skont il-ftehimiet imsemmija hawn fuq fejn l-Unjoni tkun l-intimat.

    Il-ftehimiet eżistenti inklużi l-ISDS jew l-ICS li fihom l-Unjoni hija parti (l-ECT u s-CETA) jistipulaw li l-Istati Membri għandhom ikunu l-konvenuti f’xi każijiet. Il-ftehimiet previsti inkluż l-ICS jistgħu bl-istess mod jistipulaw li l-Istati Membri għandhom ikunu konvenuti f’ċertu tilwim. Barra minn hekk, l-Istati Membri ġew mogħtija s-setgħa mill-Unjoni skont ir-Regolament Nru 1219/2012 8 li jżommu jew jikkonkludu madwar 1400 trattat bilaterali ta’ investiment, li jinkludu ISDS tradizzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-riforma multilaterali tas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investimenti maħsuba minn din l-inizjattiva teħtieġ li tiġi sottoskritta mhux biss mill-Unjoni imma wkoll mill-Istati Membri.

    Proporzjonalità

    Din ir-Rakkomandazzjoni preżenti għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi Qorti multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jinkisbu l-objettivi tal-politika inkwistjoni.

    F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-għażliet ta’ politika raġonevoli kollha ġew ikkunsidrati sabiex jiġu vvalutati l-effetti possibbli ta’ dawn l-interventi ta’ politika. Huma deskritti fid-dettall fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt.

    L-għażla tal-istrument

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati skont l-Artikolu 218(3) tat-TFUE li jistipula li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Rieżami tal-ISDS jitwettaq perjodikament fil-kuntest tal-ECT, fejn l-Unjoni u l-Istati Membri bħala Partijiet Kontraenti jieħdu sehem b’mod attiv. Għalkemm l-immodernizzar tal-protezzjoni tal-investiment inkluż is-soluzzjoni tat-tilwim tibqa’ prijorità tal-Unjoni fl-ECT, il-mezz preferut tar-riforma tas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment hi r-riforma multilaterali inkorporata minn din l-inizjattiva.

    Minħabba l-introduzzjoni riċenti ħafna tagħha, għadha ma twettqet l-ebda evalwazzjoni tal-ICS.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-Kummissjoni ħadmet b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati u wettqet konsultazzjoni komprensiva tul il-proċess ta’ Valutazzjoni tal-Impatt.

    Bejn il-21 ta’ Diċembru 2016 u l-15 ta’ Marzu 2017 il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika onlajn li ġiet imnedija fuq is-sit web tad-DG TRADE u mpoġġija fuq “EU survey” (jiġifieri l-għodda onlajn tal-Kummissjoni għat-twettiq ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi). Il-partijiet ikkonċernati kienu mistiedna biex iwieġbu l-mistoqsijiet inkluż dwar il-problemi u l-alternattivi ta’ politika possibbli, l-aspetti tekniċi ta’ dawn l-għażliet u l-impatti possibbli. Il-konsultazzjoni wriet b’mod ġenerali appoġġ wiesa’ għal riforma multilaterali tas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment kif deskritt f’din l-inizjattiva għalkemm jibqgħu ħafna mistoqsijiet, b’mod partikolari dwar l-aspetti tekniċi tagħha.

    Ir-reazzjonijiet individwali għall-konsultazzjoni pubblika ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-konsultazzjoni. Ir-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika onlajn, kif ukoll tal-attivitajiet l-oħra kollha mwettqa mill-Kummissjoni bħala parti mill-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, huwa mehmuż mar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Twettqet Valutazzjoni tal-Impatt dwar ir-riforma multilaterali tas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment, inkluż l-istabbiliment possibbli ta’ qorti multilaterali tal-investiment. Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Iskeda tas-Sommarju Eżekuttiv tiegħu, kif ukoll l-opinjoni pożittiva tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, jinsabu mehmuża ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    Billi l-inizjattiva tal-qorti multilaterali tal-investiment tindirizza biss regoli proċedurali (jiġifieri soluzzjonijiet tat-tilwim) u mhux regoli sostantivi (li huma inklużi fil-ftehimiet ta’ investiment sottostanti), l-ebda impatti ambjentali jew soċjali ma huma mistennija li jirriżultaw minnha.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-qorti multilaterali tal-investiment se ttaffi l-piż amministrattiv relatat mas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment billi tiċċentralizza kull tilwima skont sett wieħed ta’ regoli proċedurali. Hija se tiżgura l-aċċess tal-investituri għal sistema leġittima, indipendenti u effettiva għar-riżoluzzjoni tat-tilwim internazzjonali dwar l-investiment, ikun xi jkun id-daqs u/jew il-fatturat tagħhom. L-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna addizzjonali sabiex jittieħed kont tal-fatturat aktar baxx tagħhom. Il-proċedimenti tal-qorti huma mistennija li jkunu iqsar u għalhekk irħas għall-investituri meta mqabbla mas-sistema tradizzjonali mhux riformata. Barra minn hekk, aktar prevedibbiltà u konsistenza fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-investiment se jikkontribwixxu għal tnaqqis fit-tilwim.

    Drittijiet fundamentali

    F’konformità mal-Artikolu 21(1) tat-TUE, l-Unjoni se tkun iggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kif inhuma relatati ma’ din l-inizjattiva, inkluż b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    L-azzjoni mill-Unjoni fil-livell multilaterali ma tistax tikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni. Il-qorti multilaterali tal-investiment hija maħsuba biex toħloq rimedju addizzjonali skont il-liġi internazzjonali għall-infurzar tal-obbligi imposti fuq l-Istati mill-ftehimiet internazzjonali. Hija għalhekk mingħajr preġudizzju għad-drittijiet eżistenti tal-investituri barranin skont il-Liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri jew ir-rimedji għall-infurzar ta’ dawn id-drittijiet tal-liġi domestika.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Huwa impossibbli li l-implikazzjonijiet finanzjarji eżatti ta’ din l-inizjattiva jiġu stabbiliti f’dan l-istadju sa fejn l-elementi ewlenin tal-qorti multilaterali tal-investiment għadhom iridu jiġu nnegozjati b’mod multilaterali. Hija meqjusa bħala anqas għalja mill-alternattiva li jinżamm l-ICS fil-ftehimiet diġà nnegozjati jew li huma soġġetti għan-negozjar u s-sistema eżistenti. Saru numru ta’ kalkoli msejsa fuq għadd ta’ suppożizzjonijiet, u dawn huma inklużi fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ regolari ladarba l-qorti multilaterali tkun operazzjonali. Se tawditja wkoll b’mod regolari l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għall-ispejjeż tal-qorti. Evalwazzjoni tal-funzjonament tal-qorti multilaterali tal-investiment se titwettaq meta tkun ilha fis-seħħ għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien li jippermetti d-disponibbiltà ta’ dejta sinifikanti. Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuż fih informazzjoni ddettaljata ulterjuri dwar l-attivitajiet previsti ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.

    Aspetti proċedurali

    Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li l-Membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qed jinteraġixxu dejjem aktar fi stadju bikri mal-parlamenti tagħhom dwar in-negozjati tal-investiment f’konformità mal-prattiki istituzzjonali tagħhom. Hija tħeġġeġ lill-Membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jagħmlu l-istess fir-rigward ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill b’kont meħud tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE 9 .

    Il-Kummissjoni se tagħmel din ir-Rakkomandazzjoni u d-dokument mehmuż miegħu pubbliċi immedjatament wara l-adozzjoni tagħha.

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda li d-direttivi ta’ negozjati jkunu disponibbli għall-pubbliku immedjatament wara li jiġu adottati.

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    BILLI jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-għan li tiġi konkluża konvenzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u pajjiżi oħra interessati li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment.

    Artikolu 2

    In-negozjati għandhom jitwettqu f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni u d-dokument mehmuż magħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Tilwimiet li jirriżultaw minn trattati bilaterali fuq l-investiment konklużi bejn l-Istati Membri (TBI intra-UE) u tilwimiet bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru skont it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva. Il-Kummissjoni tqis li dan it-tip ta’ trattat imur kontra l-liġi tal-Unjoni.
    (2) Disponbbli hawn: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/may/tradoc_153408.PDF .
    (3) Disponibbli hawn: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/october/tradoc_153846.pdf .
    (4) Ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-6059_en.htm .
    (5) Disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-globalisation_mt.pdf .
    (6) L-Istqarrija 36 tal-Istqarrijiet u d-Dikjarazzjonijiet imdaħħla fl-okkażjoni tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tas-CETA. Brussell, is-27 ta' Ottubru 2016.
    (7) L-Opinjoni tal-QĠUE tas-16 ta’ Mejju 2017, C-2/15, UE:C:2017:376 skont l-Artikolu 218(11) TFUE dwar il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapore.
    (8) Ir-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 40).
    (9) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32013D0488  
    Top

    Brussell, 13.9.2017

    COM(2017) 493 final

    ANNESS

    tar-

    Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment

    {SWD(2017) 302 final}
    {SWD(2017) 303 final}


    DOKUMENT MEHMUŻ

    Dwar il-proċess tan-negozjati:

    1.L-Unjoni Ewropea taħdem biex tiżgura li l-proċess tan-negozjati tal-Konvenzjoni jippermetti lill-pajjiżi kollha interessati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipparteċipaw b’mod effettiv fin-negozjati u biex jinstab kunsens.

    2.Matul in-negozjati l-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni. F’konformità mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni sinċiera u ta’ unità tar-rappreżentanza esterna kif stabbiliti fit-Trattati, l-Unjoni u l-Istati Membri tal-Unjoni li jipparteċipaw fin-negozjati għandhom jikkoordinaw bis-sħiħ u jaġixxu skont dan matul in-negozjati.

    3.In-negozjati għandhom jitmexxew taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (United Nations Commission on International Trade law, UNCITRAL). F’każ ta’ votazzjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ għandhom jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom skont dawn id-direttivi u skont il-pożizzjonijiet tal-UE maqbula preċedentement.

    4.L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li n-negozjati jsiru b’mod trasparenti, inkluż, fejn possibbli permezz ta’ streaming ta’ awdjo u/jew ta’ vidjo, u li r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fid-diskussjonijiet bħala osservaturi akkreditati.

    Dwar il-kontenut tan-negozjati:

    5.Il-Konvenzjoni għandha tippermetti lill-Unjoni biex tippreżenta t-tilwimiet li jqumu fi ftehimiet fejn l-Unjoni tkun parti mill-ġuriżdizzjoni tal-qorti multilaterali, jew tkun se ssir parti minnha. Għaldaqstant, l-Unjoni jenħtieġ li tkun f’pożizzjoni li ssir Parti mill-Konvenzjoni, u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jiġu abbozzati b’mod li jippermettu l-użu effettiv tagħhom mill-Unjoni Ewropea.

    6.Il-Konvenzjoni jenħtieġ li tippermetti wkoll lill-Istati Membri tal-Unjoni u lil pajjiżi terzi biex jippreżentaw it-tilwim li jqum fi ftehimiet li huma partijiet fihom jew li jkunu se jsiru partijiet fihom lill-ġuriżdizzjoni tal-qorti multilaterali 1 .

    7.Jenħtieġ li l-mekkaniżmu prinċipali tal-Konvenzjoni jkun li l-ġuriżdizzjoni ta’ qorti multilaterali tkun testendi għal ftehim bilaterali meta ż-żewġ Partijiet tal-ftehim ikunu ftiehmu li jippreżentaw it-tilwim li jirriżulta taħt il-ftehim quddiem il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti multilaterali. Fil-każ ta’ ftehimiet multilaterali, il-Konvenzjoni jenħtieġ li tippermetti li żewġ Partijiet jew aktar fi ftehim bħal dan jistgħu jaqblu li jippreżentaw it-tilwim li jirriżulta taħt il-ftehim multilaterali quddiem il-ġuriżdizzjoni tal-qorti multilaterali.

    8.Il-qorti multilaterali jenħtieġ li tkun magħmula minn tribunal tal-ewwel istanza u tribunal tal-appell. It-tribunal tal-appell jenħtieġ li jkollu l-kompetenza li jirrieżamina d-deċiżjonijiet maħruġa mit-tribunal tal-ewwel istanza minħabba żbalji fil-liġi jew minħabba żbalji ċari fl-evalwazzjoni tal-fatti. It-tribunal tal-appell jenħtieġ li jkollu s-setgħa li jibgħat lura każijiet quddiem it-tribunal tal-ewwel istanza għat-tlestija tal-proċedimenti fid-dawl tas-sejbiet tat-tribunal tal-appell (“rimandar”).

    9.L-indipendenza tal-Qorti jenħtieġ li tkun garantita. Il-membri tal-qorti (kemm tat-tribunal tal-ewwel istanza u tat-tribunal tal-appell) jenħtieġ li jkunu suġġetti għal rekwiżiti stretti dwar il-kwalifiki u l-imparzjalità tagħhom. Fil-Konvenzjoni jenħtieġ li jiġu previsti regoli dwar l-etika u l-mekkaniżmi ta’ kontestazzjoni. Il-membri tal-qorti jenħtieġ li jirċievu rimunerazzjoni permanenti. Huma jenħtieġ li jinħatru għal perjodu ta’ żmien fiss, twil u li ma jiġġeddidx, u jgawdu s-sigurtà tal-kariga, kif ukoll jingħataw il-garanziji kollha meħtieġa biex ikunu indipendenti. Il-membri jenħtieġ li jinħatru permezz ta’ proċess trasparenti u oġġettiv.

    10.Il-Konvenzjoni jenħtieġ li tinkludi l-flessibilitajiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tadatta ruħha għal sħubija li qed tevolvi, kif ukoll għall-evoluzzjonijiet possibbli fin-natura tal-ftehimiet li jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-ġuriżdizzjoni tal-qorti. Il-Konvenzjoni jenħtieġ li ma teskludix il-possibilità għall-qorti li sserraħ fuq l-appoġġ segretarjali ta’ organizzazzjoni internazzjonali eżistenti, u lanqas li tiġi integrata fl-istruttura ta’ xi organizzazzjoni bħal din fi stadju aktar tard.

    11.Il-proċedimenti quddiem qorti multilaterali jenħtieġ li jitwettqu b’mod trasparenti, inkluż il-possibbiltà li jiġu ppreżentati interventi minn partijiet terzi li jkunu simili jew li jużaw ir-regoli u l-istandards previsti fir-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza għall-arbitraġġ ta’ bejn l-investituri u l-Istat ibbażat fuq it-trattati.

    12.Id-deċiżjonijiet tal-qorti multilaterali jenħtieġ li jkollhom għall-benefiċċju tagħhom sistema ta’ eżekuzzjoni internazzjonali effettiva.

    13.Objettiv wieħed tan-negozjati jenħtieġ li jkun li l-qorti multilaterali taħdem b’mod kosteffiċjenti biex jiġi żgurat li tkun aċċessibbli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll għall-persuni fiżiċi. L-ispejjeż fissi tal-qorti, inklużi l-ispejjeż ta’ remunerazzjoni tal-membri tagħha u l-ispejjeż ta’ appoġġ amministrattiv u segretarjali fil-prinċipju jenħtieġ li jitħallsu mill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni li twaqqaf il-Qorti multilaterali. It-tqassim ta’ dawn l-ispejjeż fost il-Partijiet Kontraenti jenħtieġ li jiġi deċiż fuq bażi ekwa li tista’ tieħu inkonsiderazzjoni fatturi bħalma huma l-livell ta’ żvilupp ekonomiku tal-Partijiet, l-għadd ta’ ftehimiet koperti għal kull Parti, il-volum rispettiv tal-flussi jew tal-istokks ta’ investiment internazzjonali tal-partijiet.

    14.L-Unjoni għandha taħdem sabiex tiżgura li l-appoġġ jista’ jkun disponibbli sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jkunu jistgħu joperaw b’mod effettiv fis-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment. Inizjattiva bħal din tista’ tifforma parti mill-proċess li jistabbilixxi qorti tal-investiment multilaterali jew tista’ titwettaq separatament.

    15.Il-Konvenzjoni li tistabbilixxi Qorti multilaterali jenħtieġ li tkun miftuħa għall-firma u għall-adeżjoni ta’ kull pajjiż u organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika interessati li jkunu parti minn ftehim ta’ investiment. Għandha tippermetti d-dħul fis-seħħ bikri hekk kif l-għadd minimu ta’ strumenti ta’ ratifika jkunu ġew iddepożitati.

    (1) It-tilwimiet li jqumu minn Trattati Bilaterali fuq l-Investiment konklużi bejn l-Istati Membri (jiġifieri TBI intra-UE) u t-tilwimiet bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru fl-ambitu tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva.
    Top