Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0399

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-istabbiliment ta’ lista ta’ Arbitri.

COM/2017/0399 final - 2017/0177 (NLE)

Brussell, 27.7.2017

COM(2017) 399 final

2017/0177(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-istabbiliment ta’ lista ta’ Arbitri.


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Is-suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li se tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ lista ta’ Arbitri.

2.Il-kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jagħti kontribut għat-tnaqqis u għall-qerda eventwali tal-faqar permezz tat-twaqqif ta’ sħubija kummerċjali li tkun konsistenti mal-għan ta’ żvilupp sostenibbli, il-Miri ta’ Żvilupp tal-Millennju u l-Ftehim ta’ Cotonou.

Il-Ftehim ġie ffirmat fil-15 ta' Ottubru 2008, u huwa applikat b'mod proviżorju, sa mid-29 ta' Diċembru 2008.

2.2.Il-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE

Il-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE b’mod ġenerali għandu jkun responsabbli għat-tħaddim u għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jimmonitorja l-kisba tal-għanijiet tiegħu. Huwa jiltaqa’ f’livell ministerjali f’intervalli regolari, li ma jaqbżux perjodu ta’ sentejn. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim, għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet rigward il-kwistjonijiet kollha koperti minn dan il-Ftehim. Dawn id-deċiżjonijiet meħuda għandhom jorbtu lill-Partijiet u lill-Istati Firmatarji tal-CARIFORUM, li għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimplimentawhom skont ir-regoli interni ta' kull Parti u ta' kull Stat Firmatarju tal-CARIFORUM.

2.3.L-att previst tal-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE

Fis-17 ta’ Novembru 2017, matul ir-raba’ laqgħa tiegħu, il-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE se jadotta Deċiżjoni dwar l-istabbiliment tal-lista ta’ arbitri prevista fl-artikolu 221 (1) tal-Ftehim (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jistabbilixxi lista ta’ ħmistax-il individwu b’għarfien speċjalizzat jew esperjenza speċjalizzata fid-dritt u l-kummerċ internazzjonali, u li huma lesti li jservu ta’ arbitri, kif previst fl-Artikolu 221(1) tal-Ftehim. Dan il-pass huwa meħtieġ biex jimplimenta d-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ dan il-ftehim.

L-att previst għandu jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 221 tal-Ftehim, li jipprevedi: “Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim, il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-KE għandu jistabbilixxi lista ta' ħmistax-il (15) individwu li jkunu lesti u jistgħu jagħmluha ta' arbitri.. Kull waħda mill-Partijiet għandha tagħżel ħames individwi sabiex jagħmlu ta' arbitri. Iż-żewġ Partijiet għandhom jaqblu wkoll dwar ħames individwi li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet u li għandhom jagħmluha ta’ President tal-panel ta’ arbitraġġ. Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-KE jiżgura ruħu li l-lista se tinżamm dejjem fuq dan il-livell.”

3.Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni

L-Artikolu 221(1) tal-Ftehim jipprevedi l-istabbiliment ta’ lista ta’ ħmistax-il individwu b’għarfien speċjalizzat jew esperjenza speċjalizzata fid-dritt u l-kummerċ internazzjonali, u li huma lesti li jservu ta’ arbitri. Kull Parti għażlet ħames individwi u ż-żewġ Partijiet qablu wkoll dwar ħames individwi li mhumiex ċittadini ta’ xi waħda mill-Partijiet u li għandhom iservu bħala President tal-bord tal-arbitraġġ.

Fl-anness tal-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill mehmuż u l-lista ta’ arbitri ġew maqbula mal-CARIFORUM matul is-sitt laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp li saret fil-Ġamajka fil-25 ta’ Novembru 2016.

Il-pożizzjoni proposta li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha l-għan li trendi l-att previst vinkolanti.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE huwa korp imwaqqaf b’dan il-Ftehim.

L-att li huwa mitlub jadotta l-Kunsill Konġunt CARIFORUM-UE, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 221 tal-Ftehim.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelata mal-politika kummerċjali komuni.

Il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija għalhekk l-Artikolu 207 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2017/0177 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-istabbiliment ta’ lista ta’ Arbitri.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra 1 ("il-Ftehim"), ġie ffirmat fil-15 ta' Ottubru 2008, u mid-29 ta' Diċembru 2008 ġie applikat provviżjorjament.

(2)Il-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE, waqt ir-raba’ laqgħa tiegħu fis-17 ta’ Novembru 2017, se jadottata deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ lista ta’ Arbitri.

(3)Huwa xieraq li tkun stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE, peress li d-deċiżjoni tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(4)Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-istabbiliment ta’ lista ta’ ħmistax-il individwu b’għarfien speċjalizzat jew esperjenza speċjalizzata fid-dritt u l-kummerċ internazzjonali, u li huma lesti li jservu ta’ arbitri, kif previst fl-Artikolu 221(1) tal-Ftehim. Hija meħtieġa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-ftehim.

(5)Fi ħdan il-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-KE, l-Unjoni tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(1) TUE. L-Istati Membri jridu jappoġġaw il-pożizzjoni tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 4(3) TUE.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fir-raba’ laqgħa tal-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE fis-17 ta’ Novembru 2017 għandha tkun ibbażata fuq abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 289, 30.10.2008, p. 3.
Top

Brussell, 27.7.2017

COM(2017) 399 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tal-CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-istabbiliment ta’ lista ta’ Arbitri.


DOKUMENT MEHMUŻ

ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2017 TAL-KUNSILL KONĠUNT TAL-CARIFORUM-UE

ta’...

stabbilit bil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-istabbiliment ta’ lista ta’ Arbitri

IL-KUNSILL KONĠUNT CARIFORUM-UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ ħmistax-il arbitru previsti fl-Artikolu 221(1) anness ma’ din id-Deċiżjoni hija adottata mill-Partijiet.

Artikolu 2

Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp CARIFORUM - UE jista’ jemenda l-lista ta’ arbitri annessa ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi….

Magħmul fi ….

Għall-Istati tal-CARIFORUM

Għall-Parti tal-UE

ANNESS

Lista tal-Arbitri (l-Artikolu 221(1))

Arbitri magħżula mill-Istati tal-CARIFORUM:

Is-Sa Tracy BENN-ROBERTS — Antigua u Barbuda

Is-Sa Nicole FOSTER — Barbados

Is-Sa Bertha COOPER - ROSSEAU — il-Bahamas

Is-Sa Michelle A. BROWN — il-Ġamajka

Is-Sa Fabiola MEDINA GARNES — ir-Repubblika Dominicana

Arbitri magħżula mill-UE:

Is-Sur Jacques BOURGEOIS — il-Belġju

Is-Sur Claus - Dieter EHLERMANN — il-Ġermanja

Is-Sur Pieter Jan KUIJPER — in-Netherlands

Is-Sur Giorgio SACERDOTI — l-Italja

Is-Sur Ramon TORRENT — Spanja

Arbitri magħżula b’mod konġunt mill-Partijiet:

Is-Sur Frederick ABBOTT — l-Istati Uniti tal-Amerika

Is-Sur James BACCHUS — l-Istati Uniti tal-Amerika

Is-Sur Armand DE MESTRAL — il-Kanada

Is-Sa Claudia OROZCO — il-Kolombja

Is-Sur Helge SELAND — in-Norveġja

Top