Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017JC0040

Proposta Konġunta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Ministerjali Konġunt u fil-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni stabbiliti permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt, it-Termini ta’ Referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni u t-Termini ta’ Referenza tas-sottokumitati stabbiliti mill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni.

JOIN/2017/040 final - 2017/0279 (NLE)

Brussell,31.10.2017

JOIN(2017) 40 final

2017/0279(NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Ministerjali Konġunt u fil-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni stabbiliti permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt, it-Termini ta’ Referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni u t-Termini ta’ Referenza tas-sottokumitati stabbiliti mill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni.


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IS-SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Ministerjali Konġunt u l-Kumitat Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt, it-Termini ta’ referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni u t-Termini ta’ referenza tas-sottokumitati stabbiliti mill-Kumitat Konġunt għall- Kooperazzjoni.

2.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada

Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jtejjeb ir-relazzjoni strateġika bejn l-UE u l-Kanada billi jipprovdi qafas komprensiv ta’ kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà u f’għadd kbir ta’ oqsma ta’ politika settorjali. Il-Ftehim huwa sostnut mill-valuri u l-prinċipji komuni tal-UE u l-Kanada rigward id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-sigurtà, l-istat tad-dritt, u huwa wkoll maħsub biex jintensifika u jespandi d-djalogu politiku u biex jipproġetta dawn il-valuri fid-dinja. Għal dan l-għan, il-Ftehim jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni strutturati.

Il-Ftehim qiegħed jiġi applikat provviżorjament mill-1 ta’ April 2017.

2.2.Il-Kumitat Ministerjali Konġunt

Il-Kumitat Ministerjali Konġunt (KMK) huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 27(2) tal-Ftehim. Il-kompitu prinċipali tiegħu huwa li jirrevedi l-kooperazzjoni globali bejn l-UE u l-Kanada u jipprovdi gwida strateġika biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Ftehim, jiżgura l-koerenza u jespandi l-ambitu tiegħu, fejn dan ikun possibbli.

B’mod partikolari, il-KMK se jieħu għarfien tal-istat ta’ koperazzjoni fuq il-bażi tar-rapport annwali mingħand il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni. Huwa se jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-ħidma tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni inkluż fuq oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni futura u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim.

Il-KMK jista’ jieħu deċiżjonijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim. Id-deċiżjonijiet se jiġu adottati wara t-tlestija mill-Partijiet tal-Ftehim tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom.

Il-KMK huwa kompost minn rappreżentanti tal-Partijiet u jiġi kkopresedut mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kanada u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Dan jiltaqa’ fuq bażi annwali, jew kif miftiehem skont iċ-ċirkostanzi. Il-Kumitat Ministerjali Konġunt jaddotta r-Regoli u l-Proċeduri tiegħu.

2.3.Il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni

Il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni (KKK) huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 27(3) tal-Ftehim. Il-kompiti prinċipali tiegħu huma li:

- jirrakkomanda prijoritajiet rigward il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet;

- jissorvelja l-iżviluppi fir-relazzjoni strateġika bejn il-Partijiet;

- jaqsam l-opinjonijiet u jagħmel suġġerimenti dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni;

- jagħmel rakkomandazzjonijiet għal effiċjenzi, effettività akbar u sinerġiji bejn il-Partijiet;

- jassigura li l-Ftehim jaħdem sewwa;

- jipprovdi rapport annwali fuq il-KMK dwar l-istat tar-relazzjoni; kif ukoll

- jistabbilixxi sottokumitati biex jgħinuh fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

Il-KKK huwa magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ Partijiet u jiġi kkopresedut minn uffiċjal għoli wieħed mill-Kanada u wieħed mill-Unjoni. Dan jiltaqa’ darba fis-sena fl-Unjoni u l-Kanada b’mod alternat. Huwa jaqbel dwar it-Termini ta’ Referenza tiegħu stess. Il-KKK jista' jitlob kumitati u korpi simili stabbiliti skont ftehimiet bilaterali eżistenti bejn il-Partijiet biex jipprovdu aġġornamenti regolari lill-KKK dwar l-attivitajiet tagħhom bħala parti minn ħarsa ġenerali kontinwa u komprensiva tar-relazzjoni bejn il-Partijiet.

2.4.L-att previst tal-Kumitat Ministerjali Konġunt

Il-KMK se jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-KMK (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jadotta, skont l-Artikolu 27(2)(b)(iv) tal-Ftehim, ir-Regoli ta’ Proċedura li jirregolaw il-funzjonament tal-KMK biex jippermetti l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

2.5.L-atti previsti tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni

Il-KKK għandu hu stess jadotta t-Termini ta’ Referenza u t-Termini ta’ Referenza tas-sottokumitati (“l-atti previsti”).

L-għan tal-atti previsti huwa li jadottaw, skont l-Artikoli 27(3)(c) u 27(3)(b)(viii) tal-Ftehim, it-Termini ta’ Referenza li huma l-bażi tal-funzjonament tal-KKK u t-Termini ta’ Referenza tas-sottokumitati stabbiliti mill-KKK biex jippermettu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

3.IL-POŻIZZJONI LI GĦANDHA TIĠI ADOTTATA F’ISEM L-UNJONI

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha timmira li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-KMK, it-Termini ta’ Referenza tal-KKK u t-Termini ta’ Referenza tas-sottokumitati stabbiliti mill-KKK, kif previst fil-Ftehim.

4.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-KMK u l-KKK u s-sottokumitati tiegħu huma korpi mwaqqfa skont il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra.

L-atti mniżżla fl-annessi ta’ din id-deċiżjoni li l-KMK u l-KKK jintalab jadotta huma vinkolanti. Dan għaliex, f’konformità mal-Artikoli 27(2)(b)(iv) u (v) ta’ dan il-Ftehim, il-KMK għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura u d-deċiżjonijiet tiegħu stess bl-approvazzjoni taż-żewġ Partijiet, filwaqt li skont l-Artikolu 27(3)(b)(viii) u (c), il-KKK għandu jistabbilixxi sottokumitati u jaqbel dwar it-Termini ta’ Referenza tiegħu stess.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2. Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li simultanjament isegwi għadd ta' objettivi, jew għandu diversi komponenti, li huma inseparabbilment marbuta mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE għandha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti huma marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Il-Ftehim isegwi l-għanijiet u għandu komponenti fl-oqsma tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u tal-kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi żviluppati. Dawn l-aspetti tal-Ftehim huma marbuta b'mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin u mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor. L-iffirmar tal-Ftehim u l-applikazzjoni proviżorja kienet ibbażata fuq l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 212(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-atti previsti għandhom għalhekk ikunu bbażati fuq l-istess bażijiet ġuridiċi sostantivi.

5.KONKLUŻJONI

Għalhekk, fid-dawl ta’ hawn fuq il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 37 tat-TUE u l-Artikolu 212(1) tat-TFUE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2017/0279 (NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Ministerjali Konġunt u fil-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni stabbiliti permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt, it-Termini ta’ Referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni u t-Termini ta’ Referenza tas-sottokumitati stabbiliti mill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(1) li jinqara flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)    Il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fi Brussell fit-30 ta' Ottubru 2016 u ġie applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' April 2017.

(2)    L-Artikolu 27(2) u (3) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Ministerjali Konġunt, u Kumitat Konġunt għall-Koperazzjoni biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(3)    L-Artikolu 27(2)(b)(iv) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Ministerjali Konġunt għandu jadotta r-Regoli u l-Proċeduri tiegħu u l-Artikolu 27(3)(c) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni għandu jaqbel dwar it-Termini ta’ Referenza tiegħu stess. L-Artikolu 27(3)(b)(viii) jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi sottokumitati biex jgħinuh fit-twettiq ta’ dmirijietu.

(4)    L-Artikolu 27(2)(b)(ii) tal-Ftehim jipprevedi li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kanada u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom jikkopresidjaw il-Kumitat Ministerjali Konġunt. L-Artikolu 27(3)(c) jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni għandu jiġi kkopresedut minn uffiċjal għoli wieħed mill-Kanada u minn uffiċjali għoli wieħed mill-Unjoni;

(5)    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt u t-Termini ta’ Referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni u s-sottokumitati tiegħu jenħtieġ li jiġu adottati.

(6)    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Ministerjali Konġunt u l-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni jenħtieġ li għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-abbozz mehmuż tat-testi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt u t-Termini ta’ referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni u s-sottokumitati tiegħu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Ministerjali Konġunt bejn l-UE u l-Kanada għandha tkun ibbażata fuq it-test tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

(2)    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada għandha tkun ibbażata fuq it-test tat-Termini ta’ Referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni u t-test tat-Termini ta’ referenza tas-sottokumitati mehmuża ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Il-Kawża C-399/12 Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (OIV), ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61-64.
Top

Brussell,31.10.2017

JOIN(2017) 40 final

ANNESSI

tal-

Proposta Konġunta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Ministerjali Konġunt u fil-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt, it-Termini ta' Referenza tal-Konġunt għall-Kooperazzjoni u t-Termini ta' Referenza tas-sottokumitat stabbiliti mill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni


ANNESS 1

Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt

IL-KUMITAT MINISTERJALI KONĠUNT TAL-UE-KANADA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

Billi:

(1)F’konformità mal-Artikolu 30(2) tal-Ftehim, il-Ftehim ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ April 2017.

(2)Skont l-Artikolu 27(2)(b)(iv) tal-Ftehim, il-Kumitat Ministerjali Konġunt għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt, kif stipulat fl-Anness, huma b'dan adottati.

Iffirmat fi..., xxxx.

Għall-Kumitat Ministerjali Konġunt bejn l-UE u l-Kanada

Il-kopresidenti

ANNESS

Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Ministerjali Konġunt

Kompiti

1. Il-Kumitat Ministerjali Konġunt (KMK) se jwettaq il-kompiti li ġejjin: 

(a)jivvaluta l-istat tar-relazzjoni abbażi tar-rapport annwali sottomess mill-Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni (KKK);

(b)jagħmel rakkomandazzjonijiet relatati mal-ħidma tal-KKK inkluż fuq oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni futura;

(c)jieħu d-deċiżjonijiet bl-approvazzjoni taż-żewġ Partijiet tal-Ftehim;

(d)jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kull tilwima li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 28 tal-Ftehim.

Presidenza, Kompożizzjoni u Parteċipanti

1. Il-KMK jiġi kkopresedut mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kanada u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

2. Kull Parti tal-Ftehim se tinforma lis-segretarjat dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tiegħu, qabel kull laqgħa tal-KMK.

3. Il-kopresidenti jistgħu jistiednu esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra fil-laqgħa li jaġixxu bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Laqgħat

1. Il-KMK se jiltaqa’ fuq bażi annwali, jew kif approvat b’mod reċiproku skont iċ-ċirkostanzi; Il-laqgħat tal-KMK se jiġu organizzati fl-Unjoni Ewropea u l-Kanada b’mod alternat, jew f’kull post ieħor approvat b’mod konġunt mill-Kopresidenti, f’data stabbilita b’approvazzjoni konġunta.

2. Il-laqgħat tal-KMK għandhom isiru bil-bibien magħluqa, ħlief jekk il-kopresidenti, bl-approvazzjoni mill-Partijiet tal-Ftehim, jiddeċiedu li l-laqgħa għandha tkun pubblika.

Segretarjat

1. Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Affarijiet Dinjin tal-Kanada għandhom iservu b'mod konġunt bħala segretarji tal-KMK. Il-komunikazzjonijiet rilevanti minn u lejn il-kopresidenti se jiġu mgħoddija lis-segretarji.

2. Is-segretarjat se jiżgura kuntatti regolari, anke permezz ta’ konferenzi bil-vidjo, qabel il-laqgħat tal-KMK sabiex jittieħed rendikont tad-djalogi tematiċi li setgħu saru qabel l-organizzazzjoni tal-KMK. Il-kontenut ta’ dawn l-iskambji se jiddaħħal fl-aġenda tal-laqgħa tal-KMK.

Aġendi tal-laqgħat

1. Is-segretarjat tal-Parti ospitanti tal-Ftehim se jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. L-aġenda proviżorja se tintbagħat, flimkien ma’ kull dokument rilevanti, lill-Partijiet tal-Ftehim sa mhux iktar tard minn 15-il jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi li ma jippermettux dan.

2. L-aġenda se tiġi approvata mill-kopresidenti u tiġi adottata mill-KMK fil-bidu ta’ kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-kopresidenti jiddeċiedu li jsir hekk.

Dikjarazzjoni Ministerjali Konġunta

1. Il-Partijiet se japprovaw Dikjarazzjoni tal-KMK fi tmiem kull laqgħa. Din se tkun disponibbli pubblikament u tista’ tinkorpora kull rakkomandazzjoni approvata mill-Partijiet għall-Ftehim. 

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1. Il-KMK jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

2. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KMK se jiġu adottati b’approvazzjoni konġunta tal-Partijiet tal-Ftehim u se jkunu kkomunikati fuq in-naħa tal-UE, kif xieraq, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE u min-naħa Kanadiża lill-awtoritajiet Kanadiżi xierqa.

3. Id-deċiżjonijiet se jiġu adottati wara t-tlestija mill-Partijiet għall-Ftehim tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom.

4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KMK se jiġu rrekordjati f’żewġ kopji awtentiċi ffirmati mill-kopresidenti.

5. F’każ ta’ urġenza, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu adottati barra minn laqgħa formali tal-KMK permezz ta’ proċedura bil-miktub. Jenħtieġ li dawn id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijet jiġu kkomunikati lill-Partijiet tal-Ftehim.

Spejjeż

1. Kull Parti tal-Ftehim se tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-KMK, kemm fir-rigward tal-persunal, tan-nefqa tal-għajxien kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2. Kull Parti tal-Ftehim se tħallas l-ispejjeż li ġġarrab relatati ma’ servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat u t-traduzzjoni.

3. Il-Parti ospitanti tal-Ftehim se tħallas l-ispejjeż tal-organizzazzjoni tal-laqgħat u tar-riproduzzjoni tad-dokumenti.

Kunfidenzjalità

Meta Parti tal-Ftehim tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-KMK, il-Parti l-oħra għandha tittratta l-informazzjoni bħala tali.

ANNESS 2

Termini ta’ Referenza għal Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni

IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-KOOPERAZZJONI UE-KANADA

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

Billi:

(1)F’konformità mal-Artikolu 30(2) tal-Ftehim, il-Ftehim ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ April 2017.

(2)Skont l-Artikolu 27(3)(c) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni għandu jadotta t-Termini ta’ Referenza tiegħu.

APPROVA KIF ĠEJ:

It-Termini ta’ Referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni, kif stipulat fl-Anness, huma b'dan adottati.

Iffirmat fi..., xxxx.

Għall-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada

Il-kopresidenti

ANNESS

Termini ta’ Referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni

Kompiti

Il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni (KKK) se jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)jirrakkomanda prijoritajiet rigward il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet tal-Ftehim;

(b)jissorvelja l-iżviluppi fir-relazzjoni strateġika bejn il-Partijiet tal-Ftehim;

(c)jaqsam l-opinjonijiet u jagħmel suġġerimenti dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni;

(d)jagħmel rakkomandazzjonijiet għal effiċjenzi, effettività akbar u sinerġiji bejn il-Partijiet tal-Ftehim;

(e)jiżgura li dan il-Ftehim jaħdem sewwa;

(f)jipprovdi rapport annwali lill-KMK dwar l-istat tar-relazzjoni li l-Partijiet għall-Ftehim għandhom jagħmlu pubblika;

(g)jittratta b’mod xieraq kull kwistjoni taħt dan il-Ftehim li titressaq quddiemu mill-Partijiet ta’ dan il-Ftehim;

(h)jistabbilixxi sottokumitati biex jgħinuh fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Madankollu jenħtieġ li dawn is-sottokumitati ma jiddupplikawx korpi stabbiliti skont ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet tal-Ftehim;

(i)jikkunsidra sitwazzjonijiet fejn kull Parti tal-Ftehim tqis li l-interessi tagħha ġew jew setgħu ġew affettwati ħażin mill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'oqsma ta' kooperazzjoni li mhumiex irregolati minn ftehim speċifiku.

Kompożizzjoni, Presidenza u Parteċipanti

1. Il-KKK se jkun kompost minn rappreżentanti taż-żewġ Partijiet.

2. Il-KKK se jkun kopresedut minn uffiċjal għoli tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u wieħed mill-Affarijiet Globali tal-Kanada rispettivament.

3. Kull Parti għall-Ftehim se tinforma lill-kopresidenti bil-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tagħha qabel kull laqgħa tal-KKK.

4. Il-kopresidenti jistgħu jistiednu esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra fil-laqgħa li jaġixxu bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Laqgħat

1. Il-KKK se jiltaqa’ kull sena, jew kif approvat b’mod konġunt. Il-laqgħat tal-KKK se jissejħu mill-kopresidenti. Il-laqgħat se jsiru fl-Unjoni Ewropea u l-Kanada b’mod alternat, f’data determinata b’approvazzjoni konġunta. Jistgħu jsiru laqgħat speċjali tal-KKK fuq talba ta' waħda mill-Partijiet tal-Ftehim. 

2. Bl-approvazzjoni tal-kopresidenti, dawn il-laqgħat speċjali tal-KKK jistgħu eċċezzjonalment isiru permezz ta’ konferenza bil-vidjo jew bit-telefown.

3. Il-laqgħat tal-KKK għandhom isiru bil-bibien magħluqa, ħlief jekk il-kopresidenti, bi ftehim mal-Partijiet, jiddeċiedi li l-laqgħa għandha tkun pubblika.

Segretarjat

Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Affarijiet Globali tal-Kanada għandhom iservu b'mod konġunt bħala segretarji għall-KKK. Il-komunikazzjonijiet rilevanti minn u lejn il-kopresidenti se jiġu mgħoddija lis-segretarji.

Aġendi tal-laqgħat

1. Is-segretarjat tal-Parti ospitanti għall-Ftehim se jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa b’konsultazzjoni mas-segretarjat l-ieħor. L-aġenda proviżorja għandha tintbagħat, flimkien ma’ kull dokument rilevanti, lill-Partijiet tal-Ftehim, sa mhux iktar tard minn 15-il jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. Il-kopresidenti jistgħu, bl-approvazzjoni tal-Partijiet jekk meħtieġ, jistabbilixxu limitu ta’ żmien differenti għal laqgħa partikolari.

2. Kull Parti tal-Ftehim tista’ titlob lill-segretarjat biex tqiegħed punt fuq l-aġenda. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti kollha li fir-rigward tagħhom is-segretarjat irċieva talba bħal din sa mhux aktar tard minn 21 jum ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa.

3. L-aġenda se tiġi approvata mill-kopresidenti u se tiġi adottata mill-KKK fil-bidu ta’ kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-kopresidenti japprovaw li jsir hekk.

4. Il-Partijiet għall-Ftehim se jiżguraw kuntatti regolari, inkluż permezz ta’ vidjokonferenzi, bi tħejjija għal-laqgħa tal-KKK biex jittieħed kont ta’ djalogi tematiċi u ġeografiċi li jistgħu jkunu saru qabel il-laqgħa. Il-kontenut ta’ dawn l-iskambji se jiddaħħal fl-aġenda tal-KKK.

Minuti

1. Il-kopresidenti se jagħmlu sommarju tal-konklużjonijiet li wasal għalihom il-KKK f’kull laqgħa. Iż-żewġ segretarjati se japprovaw l-abbozz tal-minuti abbażi ta’ dawk il-konklużjonijiet. L-ewwel abbozz tal-minuti se jiġi propost mis-segretarjat ospitanti fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara d-data tal-laqgħa. 

2. Il-Partijiet se japprovaw l-abbozz fi żmien 30 jum tax-xogħol mid-data tal-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra approvata mill-Partijiet. Ladarba l-Partijiet ikunu approvaw l-abbozz tal-minuti, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji oriġinali mill-kopresidenti bl-idejn jew elettronikament.

Rakkomandazzjonijiet

1. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KKK se jiġu adottati b’approvazzjoni konġunta tal-Partijiet tal-Ftehim u se jiġu inklużi fil-minuti konġunti. Il-minuti se jintbagħtu fuq in-naħa tal-UE, kif xieraq, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea u min-naħa Kanadiża lill-awtoritajiet Kanadiżi xierqa.

2. Il-KKK se jagħmel rakkomandazzjonijiet relatati dwar kwalunkwe tilwima li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jsiru f’konformità mal-Artikolu 28 tal-Ftehim.

Rapport annwali tal-Kumitat Ministerjali Konġunt

1. Is-segretarjat se jiżgura li rapport annwali dwar l-istat tar-relazzjoni ikun preparat u jintbagħat lill-Partijiet tal-Ftehim mill-inqas 15-il jum ta’ xogħol qabel il-KKK.

2. Il-KKK se japprova r-rapport annwali li għandu jiġi pprovdut lill-KMK. Ir-rapport imbagħad se jiġi ppubblikat.

Spejjeż

1. Kull Parti tal-Ftehim tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-KKK, kemm fir-rigward tal-persunal, tan-nefqa tal-għajxien kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2. Kull Parti tal-Ftehim se tħallas l-ispejjeż li ġġarrab relatati ma’ servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat u t-traduzzjoni.

3. Il-Parti ospitanti tal-Ftehim se ġġarrab l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti.

It-twaqqif ta’ sottokumitati

1. Il-KKK jista’ jistabbilixxi sottokumitati biex jgħinuh fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Is-sottokumitati se jirrapportaw lill-KKK wara kull waħda mil-laqgħat tagħhom u mhumiex se jidduplikaw korpi stabbiliti skont ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet ta' dan il-Ftehim.

2. Il-KKK jista’ jtemm kull sottokumitat eżistenti, jiddefinixxi jew jemenda t-Termini ta’ Referenza tagħhom jew jistabbilixxi aktar sottokumitati.

Kunfidenzjalità

Meta Parti tal-Ftehim tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-KKK, il-Parti l-oħra tittratta l-informazzjoni bħala tali.

ANNESS 3

IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-KOOPERAZZJONI TAL-UE-KANADA

Sottokumitati u t-Termini ta’ Referenza tagħhom

IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-KOOPERAZZJONI UE-KANADA

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikoli 27.3(b)(viii) u 28(2) tiegħu, u t-Termini ta’ Referenza tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni,

Billi:

(1)Sabiex jiġu permessi diskussjonijiet fil-livell ta’ esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni jista’ jistabilixxi sottokumitati.

APPROVA KIF ĠEJ:

It-Termini ta’ Referenza ta’ kull sottokumitat futur se jkunu stipulati fl-Anness.

Iffirmat,

Għall-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada

Il-kopresidenti

ANNESS

Termini ta’ Referenza ta’ sottokumitati tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni, stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika

Kompiti

1. Is-sottokumitati tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni (KKK) (“is-sottokumitati”) jistgħu jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Ftehim fl-oqsma li jkopri. Huma jistgħu jiddiskutu wkoll suġġetti jew proġetti speċifiċi rigward il-qasam rilevanti tal-kooperazzjoni bilaterali, inkluża l-interpretazzjoni tal-Ftehim.

2. Is-sottokumitati se jaħdmu taħt l-awtorità tal-KKK. Dawn se jirrapportaw u jibagħtu l-minuti u l-konklużjonijiet tagħhom lill-kopresidenti tal-KKK fi żmien 20 jum tax-xogħol wara kull laqgħa.

Kompożizzjoni u l-Parteċipanti

1. Is-sottokumitati se jkunu magħmulin minn rappreżentanti taż-żewġ Partijiet tal-Ftehim.

2. Is-sottokumitati jistgħu jistiednu esperti għal-laqgħat tagħhom u jistgħu jisimgħuhom rigward punti speċifiċi fuq l-aġenda.

3. Is-sottokumitati se jkunu kopreseduti mill-Partijiet tal-Ftehim.

Segretarjat

Kull sottokumitat se jiddeċiedi dwar kif se jiġu assenjati d-dmirijiet segretarjali sabiex tiġi żgurata l-preżentazzjoni f’waqtha tar-rapporti tal-KKK.

Laqgħat

1 - Is-sottokumitati se jiltaqgħu kull meta jkun hemm bżonn, fuq il-bażi ta’ talba bil-miktub minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet tal-Ftehim. Kull laqgħa se ssir fi żmien u f’post li dwarhom ikun hemm approvazzjoni mill-Partijiet tal-Ftehim. Il-laqgħat jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta’ vidjokonferenza.

2. Il-laqgħat tas-sottokumitati se jsiru bil-bibien magħluqa, ħlief jekk il-kopresidenti, bi ftehim mal-Partijiet tal-Ftehim, jiddeċiedu li l-laqgħa għandha tkun pubblika.

Aġendi tal-laqgħat

Il-Partijiet tal-Ftehim se japprovaw b’mod konġunt l-aġenda tal-laqgħat tas-sottokumitati.

Minuti

Il-Partijiet tal-Ftehim se jfasslu b’mod konġunt abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tas-sottokumitati.

Top