EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0493

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2017/2121(INI))

ĠU C 369, 11.10.2018, p. 47–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/47


P8_TA(2017)0493

Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2017/2121(INI))

(2018/C 369/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar responsabbiltà politika,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-2016 dwar Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u s-SEAE tal-2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-Azzjoni Esterna tal-UE,

wara li kkunsidra l-prinċipji ewlenin stabbiliti fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropa, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw s-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati, u l-invjolabbiltà tal-fruntieri, li huma rispettati b'mod ugwali mill-istati parteċipanti,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mill-VP/RGħ tat-12 ta' Diċembru 2011 bl-isem “Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE: Lejn Approċċ Aktar Effettiv” (COM(2011)0886),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Baġits (A8-0350/2017),

Introduzzjoni

1.

Jinsab konvint li l-ebda Stat Membru waħdu ma huwa kapaċi jindirizza l-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum; jenfasizza li azzjoni komuni tal-UE hija l-aktar mod effettiv biex jiġu mħarsa l-interessi tal-Ewropa, biex l-UE tirrispetta l-valuri tagħha, tinvolvi ruħha f'dinja usa' bħala attur globali unit u influwenti, u biex tipproteġi ċ-ċittadini u l-Istati Membri tagħha minn theddid li qiegħed jiżdied fuq is-sigurtà tagħhom, inkluż fl-isfera diġitali globali; huwa mħasseb dwar l-arkitettura tas-sigurtà tal-UE, li għadha fraġli u frammentata fil-konfront ta' sfidi kontinwi u ġodda ta' kuljum u li fiha “paċi ibrida” saret realtà mhux sodisfaċenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni u jissodisfaw ix-xewqat ta' dawk iċ-ċittadini Ewropej li enfasizzaw ripetutament li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE bbażata fuq il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem hija l-iktar importanti u neċessarja mill-politiki kollha tal-UE; iqis li wasal iż-żmien li l-Istati Membri jimplimentaw l-għodod, strumenti u politiki tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) biex jippermettu lill-UE tirrispondi għal kunflitti u kriżijiet esterni, tibni l-kapaċijiet tas-sħab u tipproteġi lill-Unjoni Ewropea;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-UE biex tiżviluppa Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni ggwidata mill-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-konformità mal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali; iqis li, sabiex josservaw dan l-impenn u jikkontribwixxu biex isir progress fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fid-dinja kollha, jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jitkellmu b'vuċi magħquda u jiżguraw li l-messaġġ tagħhom jinstema';

3.

Huwa tal-fehma li, sabiex l-UE tkun tista' tirnexxi fl-indirizzar tal-isfidi li tħabbat wiċċa magħhom kif ukoll tegħlibhom, b'mod partikolari t-theddid għas-sigurtà, jeħtieġ li hija tkun attur globali effettiv, kredibbli u bbażata fuq il-valuri, b'kapaċità għal azzjoni u djalogu effettiv ma' atturi globali oħra, li jimplika li l-UE titkellem b'vuċi waħda, taġixxi flimkien u tiffoka r-riżorsi tagħha fuq il-prijoritajiet strateġiċi;

4.

Jisħaq fuq il-bżonn li l-politiki esterni tal-UE jkunu konsistenti bejniethom kif ukoll ma' politiki oħrajn li għandhom dimensjoni esterna, u li jsegwu l-objettivi definiti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

5.

Jemmen li l-kisbiet ewlenin biex l-Unjoni Ewropea tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha huma:

koordinazzjoni ta' valutazzjoni ta' theddid u sfidi kbar fi ħdan l-UE, u approċċ komuni kif dawn għandhom jiġu indirizzati; jittieħed kont dovut b'mod partikolari tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, li tista' twassal għar-reklutaġġ minn gruppi terroristiċi,

konsolidazzjoni u approfondiment tal-proġett Ewropew u l-azzjoni esterna tiegħu billi, fost oħrajn, tissaħaħ il-kooperazzjoni u l-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam tal-politika estera u tas-siġurtà komuni tagħhom, inkluż il-gwerra tal-informazzjoni,

kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, is-sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet li jħarsu l-paċi fi ħdan kundizzjonijiet definiti b'mod ċar u magħżula bir-reqqa biex isaħħu l-ordni globali politiku u ekonomiku bbażata fuq ir-regoli, inkluż il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u li taħdem flimkien mas-sħab biex ikollha rwol ewlieni fir-rikonċiljazzjoni, żamma tal-paċi, u fejn meħtieġ, l-infurzar tal-paċi;

Koordinazzjoni ta' valutazzjoni ta' theddid u sfidi kbar: naffaċċjaw l-ambjent politiku u ta' sigurtà attwali

6.

Jenfasizza li l-garanzija tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tal-integrità tat-territorju tal-UE, l-istabbilizzazzjoni tal-viċinat, b'mod speċjali fil-Balkani tal-Punent u li tiffoka fuq aktar viżibbiltà tal-UE f'dan ir-reġjun, il-promozzjoni ta' riformi biex jitħares ordni internazzjonali politiku u ekonomiku kooperattiv u bbażat fuq ir-regoli, l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-kunflitti armati u t-tisħiħ tal-politiki dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u djalogu ma' demokraziji pluralisti li huma impenjati biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, huma kundizzjonijiet ewlenin għall-istabbiltà tal-UE; jitlob li d-diplomazija pubblika tal-UE tkun aktar attiva u biex tingħata aktar viżibbiltà lill-proġetti implimentati mill-UE;

7.

Huwa tal-fehma li, f'ambjent internazzjonali li dejjem qed ikun aktar ikkarratterizzat minn kunflitti u instabbiltà, huwa biss permezz ta' taħlita ta' multilateraliżmu effettiv, setgħa ta' persważjoni konġunta u setgħa ta' koerċizzjoni kredibbli, li tista' tkun kapaċi tindirizza l-isfidi ta' siġurtà kbar, b'mod speċjali l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, il-ksur tal-ordni tas-sigurtà fl-Ewropa, it-terroriżmu, il-kunflitti fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, il-gwerer bi prokura, il-gwerra ibrida u tal-informazzjoni, inkluż l-aggressjoni diġitali u l-insikurezza tal-enerġija; jenfasizza li dawn l-isfidi jinkludu wkoll il-kriżijiet tar-refuġjati fid-dimensjoni umanitarja tagħhom, ir-reazzjoni għall-imġiba aggressiva tal-Korea ta' Fuq, il-ksur tad-dritt internazzjonali mir-Russja u l-qawwa militari li qiegħda tikber taċ-Ċina, li reazzjoni diplomatika b'saħħitha għalihom biss hija suffiċjenti;

8.

Huwa tal-fehma li politika estera u ta' sigurtà komuni aktar effikaċi tiddependi primarjament fuq l-istabbiliment ta' prijoritajiet u viżjonijiet strateġiċi komuni; huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-instabbiltà, li nfirxet sew minħabba stati falluti jew fraġli, u tal-migrazzjoni furzata u irregolari: Il-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi u aċċess għall-edukazzjoni, l-esklużjoni soċjali, kunflitti armati, governanza ineffiċjenti u mhux demokratika, korruzzjoni, tibdil fil-klima, żieda tas-settarjaniżmu, it-theddida tar-radikalizzazzjoni u t-tixrid ta' ideoloġiji estremisti; ifakkar il-pjan ta' azzjoni adottat fis-Summit tal-Belt Valletta li jsejjaħ għal responsabbiltà kondiviża tal-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni; jenfasizza l-importanza li jitkisser il-mudell ekonomiku tan-netwerks tat-traffikanti;

9.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu miġġielda t-tendenzi awtokratiċi u ta' nepotiżmu, jiġi intensifikat l-appoġġ għall-forzi demokratiċi u jiġi miġġieled it-terroriżmu Iżlamiku fil-viċinat tan-Nofsinhar u fost il-girien tal-girien u s-sħab tagħna, u li jitpoġġew fil-mira dawk il-gruppi li jfittxu li jħeġġu ċittadini tal-UE biex jiġġieldu għall-kawża estremista tagħhom; ifakkar li r-reġjun tas-Saħel u żoni oħra konnessi ġeografikament huma reġjuni ta' prijorità sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea; itenni l-ħtieġa għal sforzi diplomatiċi koordinati min-naħa tal-UE, l-Istati Uniti u sħab internazzjonali oħrajn, biex jaħdmu flimkien mas-sħab fir-reġjun, bħat-Turkija, il-Pajjiżi tal-Golf u l-Iran, dwar il-bżonn ta' pożizzjoni ċara kontra l-estremiżmu reliġjuż u t-terroriżmu, u biex jistabbilixxu strateġija komuni li tindirizza din l-isfida globali f'konformità mal-impenn li ttieħed fil-livell tan-NU biex jiġu rispettati d-dritt internazzjonali u l-valuri universali; jemmen li sforzi diplomatiċi għandhom ikunu akkumpanjati minn firxa wiesgħa ta' għodod u strumenti oħra għad-dispożizzjoni tal-UE, inkluż dawk għat-titjib tal-kundizzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi li jwasslu għall-istabbiliment tal-preservazzjoni tal-paċi;

10.

Jemmen li l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti għandha timxi id f'id mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem universali; jisħaq li l-UE trid tiġġieled u tikkundanna lis-sponsers mill-Istat tar-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, b'mod partikolari fejn dan l-appoġġ qiegħed jingħata lil entitajiet elenkati mill-UE bħala organizzazzjonijiet terroristiċi; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab tagħna li għandhom esperjenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11.

Jenfasizza li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tas-Sirja tista' tinkiseb biss fi ħdan il-qafas eżistenti maqbul min-NU u jeħtieġ li tkun ibbażata fuq soluzzjoni politika inklużiva mmexxija mis-Sirjani u li tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha; ikompli jħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jonoraw ir-responsabbilitajiet tagħhom rigward il-kriżi; jappoġġa s-sejħa tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sirja lill-istati garanti tal-waqfien mill-ġlied biex iwettqu sforzi urġenti biex jiddefendu r-reġim tal-waqfien mill-ġlied;

12.

Jilqa' l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja adottata f'April 2017, li tinkludi l-estensjoni ta' sanzjonijiet għal persuni involuti fl-iżvilupp u l-użu ta' armi kimiċi; iħeġġeġ l-estensjoni ulterjuri tas-sanzjonijiet għal dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li dawk kollha responsabbli għal ksur tad-dritt internazzjonali għandhom jinżammu responsabbli; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jesploraw flimkien mas-sħab it-twaqqif ta' tribunal tad-delitti tal-gwerra, sakemm jinħareġ riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE turi impenn sħiħ biex tassisti fir-rikostruzzjoni tas-Sirja wara l-kunflitt;

13.

Jistieden lill-partijiet involuti kollha, ġewwa u barra l-Libja, biex jappoġġaw kemm il-ftehim politiku Libjan iffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015 kif ukoll lill-Kunsill Presidenzjali li rriżulta minnu, li huwa l-unika awtorità rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali u min-NU; jissottolinja li s-soluzzjoni għall-kriżi Libjana hija prerekwiżit għall-istabbiltà fil-Mediterran; jenfasizza l-importanza tal-viċinat tan-Nofsinhar u l-ħtieġa li tinkiseb żona Ewro-Mediterranja ta' paċi, prosperità, stabbiltà, u integrazzjoni; jissottolinja l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, bi stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, vijabbli u kontigwu li jikkoeżisti f'paċi u sigurtà maġenb l-Istat tal-Iżrael sigur; jisħaq fuq l-importanza tal-garanzija tal-koerenza tal-politika tal-UE dwar sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni ta' territorju;

14.

Jilqa' l-issokktar tal-implimentazzjoni b'suċċess mill-partijiet kollha tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), maqbul bejn l-UE 3+3 flimkien mal-Iran; jisħaq li l-issokktar tal-implimentazzjoni sħiħa ta' dan il-ftiehem mill-partijiet kollha huwa essenzjali għall-isforzi globali fir-rigward tan-nonproliferazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani; jenfasizza li l-PAKK huwa ftehim multilaterali li ġie approvat minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u ma jistgħux jinbidel b'mod unilaterali; jenfasizza r-riskju għas-sigurtà li jirrappreżenta l-programm ta' missili ballistiċi tal-Iran, u jissottolinja l-ħtieġa li r-Riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tiġi implimentata bis-sħiħ, li tappella lill-Iran biex ma jwettaq l-ebda attività relatata ma' missili ballistiċi li huma ddisinjati biex ikunu jistgħu iwasslu armi nukleari, inkluż l-illanċjar ta' missili permezz tat-teknoloġija tal-missili ballistiċi;

15.

Jinnota li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti aġġorna uffiċjalment il-lista tiegħu ta' kontra t-terroriżmu ta' “Ċittadini Magħżula Speċifikament” (Specially Designated Nationals (SDN)) biex jinkludi lill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC);

16.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-diżastru umanitarju li għadu għaddej fil-Jemen; jenfasizza għal darb' oħra li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt imtawwal fil-Jemen, u jappoġġa l-isforzi li saru mill-UE u n-NU għall-kisba tal-waqfien mill-ġdid u għat-twittija tat-triq għal negozjati ta' paċi; huwa tal-fehma li l-UE trid taġixxi biex tiżgura l-eżistenza kontinwa ta' minoranzi ethniċi-reliġjużi fil-Lvant Nofsani, speċjalment fl-Iraq u s-Sirja;

17.

Jikkundanna l-użu ripetut tal-jedd tal-veto tagħha mir-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jqis li dan jimmina l-isforzi internazzjonali għall-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt fis-Sirja u fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea b'mod aktar wiesgħa;

18.

Jirrikonoxxi li jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-migrazzjoni u l-mobbiltà legali jsiru possibbli, inkluż fuq livell bilaterali, permezz tat-trawwim ta' mobbILtà ġestita tajjeb fi ħdan il-kontinenti u bejniethom, kif ukoll permezz tat-tħeġġiġ ta' politiki li jippromwovu kanali regolari għall-migrazzjoni filwaqt li jiġġieldu kontra netwerks illegali li japprofittaw ruħhom minn persuni vulnerabbli; jissottolinja l-isforzi li ttieħdu minn Stati Membri individwali f'dan ir-rigward, u jqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ l-aċċess sikur u legali lejn l-Ewropa; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar in-nuqqas ta' politika Ewropea ġenwina, ibbilanċjata u kredibbli dwar il-migrazzjoni u l-asil, kif turi l-kriżi li għaddejja fil-Mediterran, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jaġixxu kif xieraq;

19.

Jemmen bil-qawwa li jenħtieġ approċċ ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-Lvant; jemmen li l-appoġġ għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jkollhom rabtiet iktar mill-qrib mal-UE għandu jkun prijorità ewlenija għall-politika barranija tal-UE; jemmen li l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet fir-Russja hija riżultat inevitabbli tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk, u jkompli jqis tali implimentazzjoni min-naħat kollha bħala l-bażi għal soluzzjoni politika sostenibbli għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna;

20.

Jenfasizza li l-possibbiltà ta' relazzjonijiet aktar kooperattivi mar-Russja tiddependi fuq il-fatt li r-Russja taderixxi bis-sħiħ mal-ordni tas-sigurtà Ewropew u mad-dritt internazzjonali; jinsisti li l-UE għandha tibqa' miftuħa għall-possibbiltà ta' aktar sanzjonijiet gradwali jekk ir-Russja tkompli tikser id-dritt internazzjonali; itenni l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tal-pajjiżi l-oħra tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-fruntieri tagħhom li huma rikonoxxuti internazzjonalment. jenfasizza li d-deċiżjoni tar-Russja tal-21 ta' Marzu 2014 li tinkorpora lill-Krimea fil-Federazzjoni Russa għadha illegali skont id-dritt internazzjonali, u jiddeplora d-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet Russi li jimponu bil-forza l-passaport Russu fuq kull abitant tal-Krimea; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill biex ikollhom rwol aktar attiv u effettiv fis-soluzzjoni ta' kunflitti ffriżati u mtawla;

21.

Jiddeplora l-ksur multiplu tad-dritt internazzjonali min-naħa tar-Russja u l-gwerra ibrida tagħha; jirrikonoxxi, madankollu, il-possibbiltà ta' involviment u djalogu selettivi, raġunati u koerenti mar-Russja f'oqsma ta' interess komuni, sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà u r-rispett għad-dritt internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm u titħeġġeġ il-possibbiltà ta' kooperazzjoni futura għar-riżoluzzjoni ta' kriżijiet globali fejn hemm interess dirett jew indirett tal-UE jew opportunità għall-promozzjoni tal-valuri tal-UE;

22.

Jemmen li relazzjonijiet normalizzati huma neċessità kemm għall-UE kif ukoll għar-Russja, u li kwalunkwe strateġija futura bejn l-UE u r-Russja jenħtieġ li tenfasizza fuq it-tisħiħ tal-impenn u l-appoġġ għas-Sħab tal-Lvant tal-UE; jenfasizza li l-UE jenħtieġ li żżomm il-bieb miftuħ għall-approfondiment ta' relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bilaterali mar-Russja, li jkunu kundizzjonali għall-konformità min-naħa tar-Russja mad-dritt internazzjonali u ftehimiet sottoskritt, u għall-waqfien tal-attitudni dejjem aktar assertiva tagħha lejn il-ġirien tagħha u l-Ewropa;

23.

Itenni li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika ta' tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni Ewropew ta' sigurtà li japplika għall-istati kollha; jikkundanna bla riżervi, għalhekk, l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, inklużi l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-kunflitt sponsorjat mir-Russja fl-Ukrajna tal-Lvant; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jitolbu li r-Russja trid twaqqaf l-agressjoni tagħha u teħles lill-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-komunità internazzjonali biex ikollha rwol aktar attiv u effettiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u biex tappoġġa l-isforzi kollha għal soluzzjoni paċifika dejjiema li tirrispetta l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, b'mod partikolari bl-iskjerament – bil-kunsens tal-awtoritajiet Ukreni – ta' missjoni għall-bini u ż-żamma tal-paċi għat-territorju kollu;

24.

Itenni l-ħtieġa ta' ffukar mill-ġdid strateġiku fuq il-Balkani tal-Punent, li jirrikonoxxi li l-UE jenħtieġ li ssegwi l-ambizzjonijiet tagħha fir-reġjun, peress li jekk tagħmel dan jingħata impetu ġdid lill-politika ta' tkabbir kredibbli tal-UE bbażata fuq il-kriterji ta' Copenhagen, u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-istat; jemmen li l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent trid tibqa' prijorità maġġuri; jappella għal aktar sforzi għat-titjib tal-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi u politiċi tar-reġjun; huwa konvint li l-integrazzjoni Ewropea u r-rikonċiljazzjoni reġjonali huma l-aħjar mezz biex jiġu indirizzati l-perikli li jirriżultaw minn indħil u influwenzi barranin destabbilizzanti, il-finanzjament ta' netwerks kbar ta' Salafisti u Wahhabi u r-reklutaġġ ta' ġellieda barranin, il-kriminalità organizzata, tilwim maġġuri bejn l-istati, id-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jibqa' impenjat li jrawwem soċjetajiet poltiċi ferm effettivi fir-reġjun; jenfasizza l-importanza li l-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jallinjaw ruħhom mal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE, irrispettivament mill-progress tagħhom fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE; iħeġġeġ il-ftuħ immedjat ta' kapitolu rilevanti għall-pajjiżi kandidati tal-Balkani tal-Punent kollha;

25.

Itenni li ladarba jiġu ssodifati dawk il-kriterji kollha, il-bibien tal-UE huma miftuħa għall-adeżjoni; jilqa' l-isforzi reċenti li ttieħdu bħala parti mill-Proċess ta' Berlin u s-Summit ta' Trieste li jagħtu impetu addizzjonali għall-konverġenza tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn adeżjoni mal-UE; itenni li jenħtieġ li jingħataw attenzjoni u appoġġ speċjali għall-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali u politiċi kruċjali fil-Balkani tal-Punent, u jistieden lill-Kummissjoni biex terġa tikkunsidra l-possibbiltà ta' allokazzjoni addizzjonali ta' riżorsi finanzjarji għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), bħala wieħed mill-aktar għodod importanti li jgħinu l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi;

26.

Ifakkar li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tirrikjedi l-involviment ta' pajjiżi terzi ġirien; jappella għal appoġġ akbar għall-ġirien tal-ġirien tagħna, fuq il-bażi tal-valuri u interessi kondiviżi, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali u sfidi komuni; Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-awtonomizzazzjoni u l-protezzjoni tan-nisa, ta' gruppi soċjali vulnerabbli u tal-minoranzi, b'mod speċjali fl-Afrika, fejn il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-SMEs Ewropej u lokali, fi sħubija mas-soċjetà ċivili, u fejn jenħtieġu appoġġ għall-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi, trasparenti u effettivi, u promozzjoni ta' ordni globali bbażat fuq ir-regoli;

27.

Iqis il-kooperazzjoni internazzjonali u l-politiki ta' żvilupp bħala strumenti fundamentali sabiex jintlaħqu tali objettivi, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm allokazzjoni u użu aktar trasparenti, effiċjenti, effettiv u mtejjeb aktar tal-finanzjament tal-UE, u sinerġiji akbar ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati t-theddid ta' sigurtà serju fl-Afrika bl-għan li tiġi eradikata t-theddida terroristika minn kull grupp terroristiku, tiġi ggarantita l-prevenzjoni tar-reklutaġġ ta' individwi, jiġu miġġielda ideoloġiji radikali u tiġi indirizzata s-sigurtà tal-enerġija permezz ta' sorsi ta' enerġija ekoloġiċi u sostenibbli u fl-istess ħin jiġu promossi soluzzjonijiet mhux kollegati mal-grilja;

28.

Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe tentattiv mill-presidenti attwali biex jibqgħu fil-poter wara l-mandat tagħhom billi jiksru, jevadu jew jemendaw b'mod illegali l-liġijiet elettorali u, b'mod partikolari, il-kostituzzjonijiet; Jikkundanna, bl-istess mod, kwalunkwe strateġija li tabolixxi jew tevita l-limiti ta' terminu; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha biex jieħdu miżuri biex jiżguraw t-trasparenza u l-integrità tal-proċess elettorali kollu, u biex jieħdu kull miżura u prekawzjoni meħtieġa biex jiġi evitat li jitwettaq frodi jew kwalunkwe prattika illegali; jesprimi t-tħassib, f'dan ir-rigward, dwar il-kriżijiet politiċi, u l-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali relatati, b'mod partikolari fil-pajjiżi fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar; itenni l-fiduċja tiegħu f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali b'saħħithom u, fejn meħtieġ, appoġġ finanzjarju, tekniku u loġistiku bħala mezz biex jinkisbu proċessi elettorali ġusti, kredibbli u demokratiċi;

29.

Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija koerenti u robusta għar-reġjun tas-Saħel bl-għan li titjieb il-governanza u r-responsabbiltà u l-leġittimità tal-istati u tal-istituzzjonijiet reġjonali, tissaħħaħ is-sigurtà, jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni, it-traffikar tal-persuni, l-armi u d-droga, u jissaħħu l-politiki ekonomiċi u tal-iżvilupp;

30.

Itenni l-ħtieġa ta' strateġija aġġornata għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja; jesprimi l-appoġġ, f'dan il-kuntest, għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fil-qafas tal-Laqgħat Asja-Ewropa, inkluż f'dak li jirrigwarda d-dimensjoni parlamentari tagħha; jinkoraġġixxi l-appoġġ għal kooperazzjoni reġjonali aktar mill-qrib u miżuri għall-bini ta' fiduċja fl-Asja t'Isfel bl-għan li jitnaqqsu t-tensjonijiet bejn l-Indja u l-Pakistan; jirrakkomanda appoġġ kontinwu għal medjazzjoni għall-paċi tal-UE fil-proċess ta' paċi mmexxi u mħaddan mill-Afgani; jenfasizza li l-ħarsien tal-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun Asja-Paċifiku hija ta' interess sostanzjali għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; iqis li huwa fundamentali u ta' urġenza kbira li tiġi żviluppata strateġija tal-UE aġġornata għar-reġjun tal-Asja tal-Grigal fid-dawl tat-tkattir militari kontinwu u tal-attitudni aggressiva u irresponsabbli li uriet ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK); jikkundanna t-testijiet u l-provokazzjonijiet mir-RDPK, u l-vjolazzjonijiet multipli tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-obbligi internazzjonali; iħeġġeġ sabiex tintuża s-setgħa diplomatika tal-UE biex tagħmel pressjoni fuq ir-RDPK ħalli tikkonvinċi lill-mexxejja tagħha biex jabbandunaw l-armi tal-qerda massiva; jappella għall-mobbilizzazzjoni tal-għodod diplomatiċi kollha, inkluż sanzjonijiet, biex jiġi evitat l-eskalazzjoni ta' din il-kriżi; jappella għad-denuklearizzazzjoni irriversibbli tal-Peniżola Koreana permezz ta' mezzi paċifiċi u għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet kollha rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

31.

Jenfasizza li l-ħarsien tal-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun Asja-Paċifiku hija ta' interess sostanzjali għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; jistieden lill-partijiet kkonċernati kollha biex isolvu d-differenzi permezz ta' mezzi paċifiċi u jżommu lura milli jieħdu azzjoni unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, inkluż fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina u l-Istrett tat-Tajwan sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà reġjonali; itenni l-impenn tiegħu li jappoġġa l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet internazzjonali;

32.

Ifakkar li l-Amerika Latina tikkondivi mal-UE valuri u prinċipji komuni, u fiduċja f'multilateraliżmu effettiv, u jemmen li s-sħubija bejn l-UE u l-Amerika Latina hija importanti u għandha tissaħħaħ sabiex jiġu indirizzati b'mod konġunt l-isfidi globali ewlenin; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-attakki li twettqu kontra membri tal-ġudikatura u l-oppożizzjoni eletta demokratikament u mexxejja tas-soċjetà ċivili fil-Venezwela; jenfasizza li r-rispett għall-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-progress lejn id-demokrazija, u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem huma s-sisien għal integrazzjoni u kooperazzjoni aktar profonda mal-Amerika Latina u l-Karibew;

33.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja, li huwa kruċjali għall-futur tal-Kolumbjani u għall-istabbilizzazzjoni fir-reġjun; jitlob li l-assi kollha tal-FARC, inkluż il-kapital akkwistat mill-kuntrabandu tad-droga, jiġu użati biex jingħata kumpens lill-vittmi tal-kunflitt;

Il-konsolidazzjoni u l-approfondiment tal-proġett Ewropew permezz ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE

34.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ komprensiv tal-UE f'kull opportunità rilevanti, u jemmen li azzjoni koerenti u kkoordinata fil-politiki tal-UE, filwaqt li jitqiesu u jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja, l-agrikoltura, l-iżvilupp, il-kummerċ, l-enerġija, il-klima, ix-xjenza u d-difiża ċibernetika u s-sigurtà, jenħtieġ li tiġi applikata fl-azzjoni esterna tal-UE b'mod konsistenti u strutturat, sabiex tiġi sfruttata l-forza kollettiva tal-UE; jemmen li s-sigurtà tal-enerġija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bneidem u d-diplomazija dwar il-klima jibqgħu aspetti importanti u komplementarji tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE li għandhom jiġu indirizzati bħala parti minn approċċ komprensiv, u li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tkompli tavvanza;

35.

Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima jista' jkollu effett serju fuq l-istabbiltà reġjonali u globali, billi t-tisħin globali jnibbet tilwim marbut mat-territorju, l-ikel, l-ilma u riżorsi oħra, idgħajjef l-ekonomiji, jhedded is-sigurtà reġjonali, u huwa sors ta' flussi migratorji; iħeġġeġ ulterjorment lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu kif l-ippjanar militari nazzjonali u tal-UE jista' jinkludi strateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima u x'jista' jitqies bħala kapaċità, prijorità u reazzjoni adegwati;

36.

Jenfasizza li l-futur tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża hija affettwata b'mod sinifikanti bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE, u jappella għall-involviment kontinwu bejn l-UE u r-Renju Unit bħala sħab internazzjonali ewlenin sabiex tinżamm is-sigurtà Ewropea; jenfasizza li l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti introduċew inċertezza fis-sħubija transatlantika, u jenfasizza l-ħtieġa ta' kontrapiż għad-difiża tal-UE u għall-istabbiliment ta' awtonomija strateġika;

37.

Huwa tal-fehma li, sabiex il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tkun aktar assertiva, effettiva u bbażata fuq il-valuri, jenħtieġ li l-UE ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tagħha, billi tnaqqas minnufih id-dipendenza tagħha, fil-preżent, fuq iż-żejt u l-gass forniti minn reġimi awtoritarji, u billi twaqqafha għalkollox fuq it-terminu medju;

38.

Jenfasizza li l-proċess preżenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-PESK, ibbażat fuq l-unanimità fil-Kunsill tal-UE, huwa ostaklu ewlieni għall-azzjoni esterna tal-UE effettiva u f'waqtha; huwa tal-fehma li votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għandha tiġi applikata wkoll għall-PESK; huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jtejbu l-kapaċità tagħhom li jantiċipaw kunflitti u kriżijiet, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki tal-UE fuq it-terminu qasir u twil, biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-problemi; jemmen li l-UE jeħtieġ li tkun kapaċi tirreaġixxi aktar malajr u b'mod effettiv għall-kriżijiet li qed jiżviluppaw u għandha tqiegħed enfasi akbar fuq il-prevenzjoni ta' kunflitti billi primarjament tuża għodod ċivili fi stadju bikri; jistieden lill-Istati Membri biex ipoġġu fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u jħaddnu l-prinċipju tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u jissottolinja l-importanza ta' skambju ta' informazzjoni effettiv u koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' prevenzjoni;

39.

Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-kapaċità tal-UE li taffronta theddid ibridu u ċibernetiku, biex ikomplu jsaħħu l-kapaċità tal-UE u tal-pajjiżi sħab tagħha biex jiġġieldu l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni, biex ifasslu kriterji ċari biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' aħbarijiet foloz, biex jallokaw aktar riżorsi u jbidlu t-Task Force East StratCom f'unità vera u proprja tas-SEAE; jappella, f'dan ir-rigward, għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet u metodi ta' analiżi tar-riskji u tal-vulnerabilità konġunti u komprensivi, u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-komunikazzjoni strateġika tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni – kemm online kif ukoll offline – tad-diversità kulturali u l-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment fl-UE u fil-viċinat tagħha, u jissottolinja li l-istazzjonijiet televiżivi u tar-radju komuni tal-UE għandhom jissaħħu aktar; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar mas-SEAE u mal-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet;

40.

Huwa tal-fehma li l-poter tal-Ewropa jinsab fil-kapaċità tagħha li ssaħħaħ komunità ta' valuri u r-rispett għad-diversità tal-kultura, li jgħaqqad flimkien l-Ewropej kollha; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-UE għandha rwol importanti bħala promotur tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-opportunitajiet indaqs, u għandha tkompli tippromwovi l-valuri tagħha barra mill-UE; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma parti integrali tal-PESK, u għandhom ikunu kundizzjonalità ċentrali tal-politiki esteri, u barra minn hekk, li dawn il-politiki jridu jkunu konsistenti u sodi; jenfasizza li d-diplomazija kulturali għandha ssir parti sostanzjali tal-azzjoni esterna tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tespandi l-programm Erasmus+ u tippromwovi l-iżvilupp ta' diplomazija tax-xjenza ambizzjuża; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib mal-UNESCO u mal-Kumitat tal-Wirt Dinji u ma' atturi mhux statali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala sħab ewlenin tal-UE;

41.

Jirrimarka li kien osservat fir-Riżoluzzjoni 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-19 ta' Ġunju 2008, li l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali jistgħu jikkostitwixxu delitt tal-gwerra, delitt kontra l-umanità, jew att kostituttiv fir-rigward tal-ġenoċidju, u li n-nisa jridu jingħataw protezzjoni umanitarja f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat;

42.

Iqis li l-iżvilupp ta' industrija tad-difiża b'saħħitha qiegħed isaħħaħ l-indipendenza teknoloġika tal-UE; jappella biex jiġu żviluppati r-riżorsi industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tittejjeb is-sigurtà ċibernetika, anke permezz tal-promozzjoni ta' suq uniku għall-prodotti tas-sigurtà ċibernetika; jappella biex issir disponibbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE żieda sinifikanti ta' riżorsi finanzjarji u umani biex tiżdied il-kapaċitá taċ-ċibersigurtà u tad-difiża ċibernetika tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi integrata d-difiża ċibernetika fl-azzjonijiet esterni u l-politika estera u ta' sigurtà komuni, kif ukoll il-ħtieġa li titjieb il-kapaċitá li tiġi identifikata ċ-ċiberkrimnalità;

43.

Jinnota li l-gwerra tal-informazzjoni u dik ċibernetika, li tpoġġi fil-mira Stati Membri tal-UE u pajjiżi oħra tal-Punent, tirrappreżenta tentattiv biex jiġu destabbilizzati u diskreditati l-istrutturi politiċi, ekonomiċi u soċjali; ifakkar li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO hija garantita skont l-Artikolu 5 tal-Alleanza; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar id-difiża ċibernetika bejn l-Istati Membri tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE, in-NATO, l-Istati Uniti u sħab oħra kredibbli;

44.

Jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment fl-UE u fil-viċinat tagħha, u biex issaħħaħ iktar il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tiġi żviluppata reżiljenza aktar b'saħħitha fuq il-livell tal-UE kontra tali informazzjoni mifruxa fuq l-Internet; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar mas-SEAE dwar dawk il-kwistjonijiet;

45.

Jemmen li l-Ewropa għandha ssaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni dwar id-difiża komuni, sabiex tiddefendi l-valuri u l-prinċipji komuni tagħha u l-awtonomija strateġika; jenfasizza l-importanza tar-rabta bejn is-sigurtà esterna u interna, l-użu aħjar tar-riżorsi u l-kontroll tar-riskju fil-periferija tal-Ewropa; ifakkar li r-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija prinċipju essenzjali li tirfed l-approċċ tal-Unjoni lejn il-kriżijiet u l-kunflitti esterni; jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), u jilqa' f'dan il-kuntest l-Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża; jinkoraġġixxi rieżami tal-approċċ tal-UE fir-rigward tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu mfassla, implimentati u appoġġati b'mod xieraq; iqis li l-kapaċitajiet tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u l-Gruppi Tattiċi tal-UE jenħtieġ li jintużaw fil-potenzjal sħiħ tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu finanzjament addizzjonali għal dan il-għan;

46.

Jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jridu jiżviluppaw politika estera u ta' sigurtà effettiva, u jridu jaħdmu flimkien man-NATO u sħab internazzjonali oħra, man-NU, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u oħrajn dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni sabiex jiġu promossi l-paċi, l-prosperità u l-istabbiltà madwar id-dinja; jenfasizza l-importanza ta' sensibilizzazzjoni u impenn politiku għall-implimentazzjoni urġenti ta' PSDK ambizzjuża, effettiva u strutturata; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-problemi ta' komunikazzjoni tal-UE billi jagħmlu l-azzjoni esterna tal-UE aktar responsabbli u viżibbli; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex juru riżultati fil-qasam tad-difiża billi jsegwu l-Istrateġija Globali tal-UE u l-pjanijiet tal-Kummissjoni għat-titjib tar-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti bis-sħiħ l-isfidi dejjem akbar għas-sigurtà fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; iqis li kemm id-daqs kif ukoll il-flessibbiltà tal-baġit tal-PESK iridu jilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rwol tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà; jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni globali għall-politika u l-istrumenti tal-UE fil-qasam tas-sigurtà, inkluża koordinazzjoni siewja mal-Fond Ewropew għad-Difiża propost; jistieden lill-Istati Membri biex jimmiraw lejn il-mira ta' 2 % tal-PDG fin-nefqa fuq id-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġits tad-difiża tagħhom f'tagħmir identifikat mill-EDA bħala meħtieġ; jindika, barra minn hekk, li kull politika ġdida għandha tiġi appoġġata minn sorsi ta' finanzjament ġodda; jinnota li bosta Stati Membri għandhom diffikultà biex iżommu firxa wiesgħa ħafna ta' kapaċitajiet difensivi kompletament operazzjonali, l-aktar minħabba diffikultajiet finanzjarji; jappella, għalhekk, għal aktar kooperazzjoni u koordinament dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet u jonfqu r-riżorsi tagħhom b'mod aktar effiċjenti; jemmen li l-interoperabbiltà hija kruċjali jekk il-forzi tal-Istati Membri għandhom isiru aktar kompatibbli u integrati; ifakkar li l-approprjazzjonijiet tal-PESK kienu jirrappreżentaw 3,6 % tal-impenji tal-Intestatura 4 fl-2016 u 0,2 % tal-baġit kollu tal-UE; jiddispjaċih li d-daqs u s-sottoimplimentazzjoni tal-kapitolu tal-PESK, kif ukoll it-trasferimenti sistematiċi li saru minnu jiżvelaw nuqqas persistenti ta' ambizzjoni li l-UE taġixxi bħala protagonista globali;

48.

Jinnota li l-istaġnar fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qiegħed jimpedixxi azzjoni mill-komunità internazzjonali u jimpedixxi r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jistieden għal darb' oħra lill-Istati Membri biex jappoġġaw riformi fil-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà;

Il-kooperazzjoni fi ħdan koalizzjonijiet u ma' istituzzjonijiet li jipprovdu s-sigurtà

49.

Jissottoinja li huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tippreserva u tapprofondixxi r-relazzjonijiet transatlantiċi tagħha bbażati fuq ir-rispett għall-valuri komuni, id-dritt internazzjonali u l-multilateraliżmu; jistieden lill-UE biex tkompli ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha, u toħloq il-kapaċitajiet proprji biex tindirizza aħjar il-kunflitti reġjonali u internazzjonali li għandhom impatt fuq l-UE; jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jiffukaw fuq l-adattament tal-istrutturi transatlantiċi għall-isfidi tal-lum, bħalma huma d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-prevenzjoni tar-radikaliżmu, il-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, u l-ġlieda kontra l-isforzi tal-pajjiżi terzi biex jiddestabilizzaw l-UE u n-NATO; jenfasizza wkoll l-importanza li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq livell bilaterali u permezz tan-NATO dwar kwistjonijiet komuni; ifakkar li l-UE u l-Istati Uniti huma s-sħab l-aktar importanti ta' xulxin u li passi unilaterali iservu biss biex idgħajfu s-sħubija transatlantika; jemmen li l-Ewropa għandha ssaħħaħ alleanza virtuża bejn is-setturi privati u pubbliċi, u jenħtieġ li tirrinforza r-relazzjoni strateġika mal-Istati Uniti; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE biex b'mod konsistenti iqajmu l-kwistjoni tas-sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti fid-djalogu tagħhom mal-Gvern tal-Istati Uniti;

50.

Jappoġġa bis-sħiħ id-Dikjarazzjoni tas-Summit ta' Varsavja tal-2016, b'mod partikolari dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, u jilqa' d-deċiżjonijiet dwar kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-NATO u l-UE f'diversi oqsma kif ukoll fl-iskjerament tal-forzi Amerikani, Kanadiżi u forzi multinazzjonali oħra fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-UE;

51.

Jappella għal żieda fil-kondiviżjoni tal-intelligence bejn l-Istati Membri, żieda fil-kondiviżjoni interistituzzjonali tal-intelligence, u tal-koordinazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u n-NATO, u jinsisti li dawn iridu jkomplu jikkooperaw mill-qrib kemm jista' jkun b'mod komplementari filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri u normi fundamentali Ewropej; jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni ta' informazzjoni u azzjoni kkoordinata bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u n-NATO ser jipproduċu riżultati f'oqsma bħalma huma rispons ta' terroriżmu għat-theddid ibridu, l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-bini tar-reżiljenza, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, iċ-ċibersigurtà u l-bini tal-kapaċità fir-rigward tas-sħab tal-UE; jemmen li aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni eqreb ma' entitajiet multilaterali eżistenti oħra bħall-Eurocorps huma meħtieġa sabiex tiżdied is-sigurtà tal-UE; itenni li t-tiġdid tas-sħubijiet strateġiċi jenħtieġ li tkun ta' prijorità għall-UE;

52.

Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fit-tfassil ta' politika estera ġenwina skont l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kunsill jaġixxi flimkien mal-Parlament matul l-istadji ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-politika barranija;

53.

Jirrikonoxxi l-ħidma tal-VP/RGĦ, u jistedinha tkompli tiżgura li r-rapporti annwali futuri jkunu aktar konċiżi u li jħarsu 'l quddiem, billi tiffoka fuq l-iktar prijoritajiet importanti għas-sena li jmiss u evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena preċedenti, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, sabiex tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-prestazzjoni tal-UE;

o

o o

54.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin ul-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

Top