This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IP0485
European Parliament non-legislative resolution of 12 December 2017 on the draft Council decision on the conclusion, on behalf of the Union, of the Enhanced Partnership and Cooperation Agreement between the European Union and its Member States, of the one part, and the Republic of Kazakhstan, of the other part (12409/2016 — C8-0469/2016 — 2016/0166(NLE) — 2017/2035(INI))
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (12409/2016 – C8-0469/2016 – 2016/0166(NLE) – 2017/2035(INI))
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (12409/2016 – C8-0469/2016 – 2016/0166(NLE) – 2017/2035(INI))
ĠU C 369, 11.10.2018, pp. 2–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
11.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 369/2 |
P8_TA(2017)0485
Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan (Riżoluzzjoni)
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (12409/2016 – C8-0469/2016 – 2016/0166(NLE) – 2017/2035(INI))
(2018/C 369/01)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12409/2016), |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (09452/2015), |
|
— |
wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 31(1) u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 91, 100(2), 207 u 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(6)(a) tagħha, (C8-0469/2016), |
|
— |
wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni fil-21 ta' Diċembru 2015 f'Astana, fil-preżenza tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, |
|
— |
wara li kkunsidra l-applikazzjoni provviżorja tal-partijiet tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE mill-1 ta' Mejju 2016, |
|
— |
wara li kkunsidra l-implimentazzjoni kontinwa tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Każakistan, iffirmat fit-23 ta' Jannar 1995, mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Lulju 1999, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, fosthom dawk tal-10 ta' Marzu 2016 (2), tat-18 ta' April 2013 (3), tal-15 ta' Marzu 2012 (4) u tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Każakistan (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (6) u tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' kontinwazzjoni taċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (8), stabbilit f'Astana fil-Każakistan, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar abbozz ta' deċiżjoni (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 u tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-istrateġija għall-Asja Ċentrali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-raba' rapport ta' progress tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali, adottat fl-2007, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Djalogi annwali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Każakistan, |
|
— |
wara li kkunsidra d-diversi laqgħat UE-Asja Ċentrali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0335/2017), |
|
A. |
billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni għandu jwassal għall-approfondiment u t-tisħiħ perċettibbli tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ partijiet, filwaqt li jirrispettaw u jitqiesu d-differenzi eżistenti u ċ-ċirkustanzi politiċi, ekonomiċi u soċjali speċifiċi tal-partijiet, għall-benefiċċju tan-nies kemm tal-Każakistan kif ukoll tal-UE; |
|
B. |
billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (Artikolu 1) jista' jsaħħaħ il-qafas għat-twettiq ta' elementi essenzjali, bħar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji ta' ekonomija tas-suq, li diġà huwa previst fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, sakemm l-implimentazzjoni tal-klawsoli kollha hija soġġetta għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ strett u effikaċi bbażat fuq parametri referenzjarji u skadenzi ċari; billi l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva ġiet miżjuda bħala element essenzjali ġdid (Artikolu 11); |
|
C. |
billi l-Każakistan huwa l-ewwel pajjiż tal-Asja Ċentrali li ffirma Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni mal-UE; billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, ladarba ratifikat mill-Istati Membri kollha u mill-Parlament Ewropew, se jissostitwixxi l-FSK tal-1999 u billi t-test tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni sar pubbliku fil-15 ta' Lulju 2015; |
|
D. |
billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jistabbilixxi firxa wiesgħa ta' oqsma ġodda ta' kooperazzjoni, li huma mhux biss fl-interess politiku u ekonomiku tal-UE, iżda huma adattati wkoll sabiex jappoġġaw lill-Każakistan fl-istadju li jmiss ta' modernizzazzjoni li jaspira għalih, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-kooperazzjoni fl-indirizzar ta' sfidi globali, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli għaċ-ċittadini kollha, il-preservazzjoni tad-diversità kulturali, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima f'konformità mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll iż-żamma tal-paċi u l-kooperazzjoni reġjonali; |
|
E. |
billi, minn Mejju 2016, żewġ terzi tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġew applikati b'mod provviżorju; |
|
F. |
billi l-Parlament Ewropew huwa lest li, fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu, jinvolvi ruħu attivament fl-iżvilupp u li jsir xogħol konkret fl-oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni mal-Każakistan, inklużi r-relazzjonijiet parlamentari; |
|
G. |
billi l-Każakistan ingħaqad mad-WTO fl-1 ta' Jannar 2016; |
|
H. |
billi l-Każakistan ingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (Il-Kummissjoni ta' Venezja), f'Marzu 2012; |
Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Każakistan u dwar il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni
|
1. |
Jenfasizza li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali bejn l-UE u l-Każakistan irid ikun ibbażat fuq impenn komuni għall-valuri universali, b'mod partikolari, tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u ggwidat minn interessi reċiproċi; |
|
2. |
Josserva l-istrateġija konsistenti ta' riavviċinament tal-Każakistan mal-UE; jissottolinja l-kontribut fundamentali tal-pajjiż għall-implimentazzjoni tal-istrateġija UE-Asja Ċentrali li sejra tkun suġġetta għal rieżami sostanzjali fl-2019; |
|
3. |
Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jistabbilixxi bażi soda għall-approfondiment tar-relazzjonijiet; josserva l-fatt li l-Każakistan huwa l-ewwel pajjiż sieħeb tal-Asja Ċentrali li miegħu l-UE nnegozjat u ffirmat Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni; iqis li dan il-ftehim ta' ġenerazzjoni ġdida huwa mudell tajjeb li fil-ġejjieni jista' jiġi applikat ukoll għal pajjiżi oħra fir-reġjun; |
|
4. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-ambizzjoni espressa fil-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni biex tittejjeb il-kooperazzjoni u sabiex jittejbu b'mod sinifikanti r-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Każakistan f'diversi oqsma ta' tħassib u ta' interess komuni, bħalma huma d-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-iżvilupp sostenibbli, il-politika barranija u ta' sigurtà, il-kummerċj, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà kif ukoll f'29 qasam ta' politika settorjali ewlieni ieħor, bħalma huma l-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-kultura, l-edukazzjoni u r-riċerka; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex b'mod attiv jissodisfaw l-impenji tagħhom; |
|
5. |
Jistenna li l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ser jippromwovi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini kollha, xena politika aktar varjata, ġudikatura li tiffunzjona aħjar, indipendenti u imparzjali, żieda fit-trasparenza u l-akkontabilità tal-gvern, titjib tal-liġijiet tax-xogħol f'konformità mar-rekwiżiti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), aktar opportunitajiet ta' negozju għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent, il-ġestjoni tal-ilma u ta' riżorsi oħrajn, bħal użu effiċjenti tal-enerġija u l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; |
|
6. |
Jissottolinja l-importanza u l-validità kontinwa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar in-negozjati għal Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Każakistan; |
|
7. |
Ifakkar li l-Parlament enfasizza li l-progress fin-negozjati dwar il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jrid ikun marbut mal-progress fir-riforma politika u progress reali fil-qasam tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt, governanza tajba u demokratizzazzjoni, fejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja jista' jkollha rwol pożittiv; jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni, għadhom limitati; iħeġġeġ lill-pajjiż jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet formulati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni fir-rapport dwar il-missjoni tiegħu fil-Każakistan f'Jannar 2015; |
|
8. |
Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn jittieħdu aktar passi bbażati fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju “aktar għal aktar”; |
|
9. |
Jilqa' l-fatt li l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni introduċa l-possibbiltà li jiġi nnegozjat ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u l-Każakistan b'mod parallel man-negozjati possibbli ta' ftehim li jirregola l-obbligi speċifiċi f'dak li jirrigwarda r-riammissjonijiet; jirrimarka dwar l-importanza li jiġu intensifikati l-iskambji, b'mod partikolari fil-livell taż-żgħażagħ u dak akkademiku, u jitlob, f'dan ir-rigward, għal espansjoni sostanzjali tal-programm Erasmus + għall-Każakistan; |
|
10. |
Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex:
|
|
11. |
Ifakkar fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-aċċess immedjat u sħiħ, min-naħa tal-Parlament, għad-dokumenti kollha tan-negozjati u għall-informazzjoni relatata u li għadhom biss parzjalment rispettati mill-VP/RGħ, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni; |
|
12. |
Jitlob lill-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni UE-Każakistan jaġġorna r-Regoli ta' Proċedura tiegħu bil-għan li jipprevedu skrutinju demokratiku tal-applikazzjoni provviżorja f'dawn l-oqsma li diġà daħlu fis-seħħ u tuża l-prerogattivi tagħha biex tadotta rakkomandazzjonijiet u tipprepara għall-iskrutinju tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni sħiħ ladarba jidħol totalment fis-seħħ; |
Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, governanza tajba u l-libertajiet fundamentali
|
13. |
Jistieden lill-UE tipprijoratizza, b'mod konsistenti, fid-djalogu politiku tagħha mal-Każakistan il-kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt u mad-demokrazija, mal-libertajiet fundamentali u mad-drittijiet tal-bniedem; |
|
14. |
Jinkoraġġixxi lill-Każakistan, fid-dawl tal-protesti soċjali, uħud minnhom vjolenti, jieħu passi proattivi u konkreti, fl-implimentazzjoni tal-programm 'Każakistan 2050' dwar riformi politiċi, demokratiċi u soċjali, inkluża separazzjoni ċara tal-poteri bejn il-poter eżekuttiv u dak leġiżlattiv, kif ukoll l-introduzzjoni ta' aktar kontrolli u kontrokontrolli fi ħdan is-sistema kostituzzjonali, f'konformità mal-impennji internazzjonali li assuma l-pajjiż fl-ambitu tad-diversi strumenti tan-NU, tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa; itenni l-konvinzjoni tiegħu li t-tranżizzjoni li l-Każakistan qed ifittex, lejn tip ġdid ta' tkabbir b'iffukar xjentifiku intensiv, ma tidhirx li tkun possibbli mingħajr edukazzjoni ta' kwalità għolja, aċċess għal parti kbira tal-popolazzjoni għal servizzi moderni essenzjali, politika soċjali inklussiva u sistema ta' relazzjonijiet soċjali regolati, partikolarment fl-ekonomija; jilqa' l-programm fuq '100 pass' bħala tentattiv biex tiġi indirizzata l-ħtieġa għal riformi urġenti fil-pajjiż; |
|
15. |
Jilqa' ċerti żviluppi pożittivi li kien hemm dan l-aħħar fil-qasam tar-riformi kostituzzjonali u amministrattivi kif ukoll il-ħolqien ta' pjattaforma ta' konsultazzjoni għas-soċjetà ċivili; huwa, madankollu, serjament imħasseb dwar l-effetti restrittivi fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tagħhom tal-Kodiċijiet Kriminali u Amministrattiv li daħlu fis-seħħ fl-2015; |
|
16. |
Jistieden lill-Każakistan jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet formulati mill-missjoni ta' osservazzjoni elettorali OSKE/ODIHR għall-elezzjonijiet tal-20 ta' Marzu 2016 skont liema l-pajjiż għad fadallu ħafna biex jissodisfa l-impenji mal-OSKE għal elezzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex jevitaw li jirrestrinġu l-attività ta' kandidati indipendenti; iħeġġeġ, barra minn hekk, li d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini jiġu rispettati; |
|
17. |
Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni min-naħa tal-Każakistan mal-Kummissjoni ta' Venezja u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti magħmula minnha b'mod partikolari fil-qasam tar-riformi demokratiċi u ġudizzjarji; |
|
18. |
Jilqa' r-riformi amministrattivi attwali u jirrakkomanda aktar riformi li jiggarantixxu ġudikatura tassew indipendenti u imparzjali u sforzi aktar effiċjenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha; jappella, madankollu, għal governanza msaħħa u riformi, b'ġudikatura verament indipendenti, ħielsa mill-korruzzjoni u li tiżgura d-dritt għal proċess ġust u d-dritt għal difiża, u għal sforzi ikbar u iktar effiċjenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-drogi; jitlob it-titjib u l-modernizzazzjoni u l-investimenti f'setturi soċjali bażiċi; jenfasizza li aktar attenzjoni għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali f'reġjuni periferiċi u lil hinn mill-ibliet prinċipali ser tkun importanti għall-istabbiltà fit-tul tal-pajjiż; |
|
19. |
Josserva l-eżistenza ta' pjattaformi ta' djalogu mas-soċjetà ċivili; itenni t-tħassib tiegħu rigward il-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li timmina l-indipendenza tagħhom u l-kapaċità li joperaw; ifakkar fl-importanza ta' soċjetà ċivili attiva u indipendenti għall-futur sostenibbli tal-Każakistan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jiggarantixxu, f'kull ċirkostanza, li l-attivisti u l-NGOs kollha li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom ta' drittijiet tal-bniedem mingħajr il-biża' ta' rappreżalji, u ħielsa minn kwalunkwe restrizzjoni u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà u t-tisħiħ tad-demokrazija; huwa tal-fehma li l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jimplika wkoll appoġġ imsaħħaħ għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex jaġixxu kif xieraq, u lill-Kummissjoni biex iżżid programmi bl-għan li tissaħħaħ u tiġi kkonsolidata l-azzjoni ta' NGOs indipendenti; |
|
20. |
Jitlob għat-tmiem tal-persekuzzjoni ġudizzjarja, tal-fastidju u tal-priġunerija ta' ġurnalisti indipendenti, tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, tal-mexxejja ta' trejdjunjins, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ta' figuri politiċi fl-oppożizzjoni u ta' individwi oħra skjetti b'ritaljazzjoni għall-eżerċizzju tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u ta' libertajiet fundamentali oħra, fenomenu li intensifika ruħu matul dawn l-aħħar ftit snin; jitlob għar-riabilitazzjoni sħiħa u għall-ħelsien immedjata tal-attivisti u l-priġunieri politiċi kollha li bħalissa jinsabu l-ħabs, kif ukoll għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-oħrajn; jitlob tmiem tal-abbuż tal-proċeduri tiegħu ta' estradizzjoni tal-Interpol u l-waqfien tal-fastidju lill-oppożizzjoni politika barra mill-pajjiż; |
|
21. |
Jilqa' favorevolment il-libertà kondizzjonali mill-ħabs tal-attivist tal-Każakistan u kap tal-partit tal-oppożizzjoni Alga! Vladimir Kozlov f'Awwissu 2016; |
|
22. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjoni tal-libertà tal-midja, tal-libertà tal-espressjoni, u tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u l-libertà tar-reliġjon, inkluż permezz ta' leġiżlazzjoni restrittiva, pressjoni, ċensura u l-prosekuzzjoni kriminali ta' attivisti; josserva li l-libertà tal-espressjoni għall-mezzi tax-xandir indipendenti, il-bloggers u ċ-ċittadini individwali hija valur universali li jrid jiġi rispettat; jirrakkomanda lill-Każakistan japplika l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa fis-sistema leġali tiegħu; jieħu nota tal-isforzi tal-Każakstan biex itejjeb l-immaġni internazzjonali tal-pajjiż, kif muri mill-ftuħ reċenti tal-Expo-2017 f'Astana; jirrimarka, madankollu, li dawn l-isforzi huma kontradetti mit-trażżin ta' vuċijiet ta' kritika u pressjoni fuq is-soċjetà ċivili matul l-aħħar ftit xhur; |
|
23. |
Jinsab imħasseb li wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali u tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, riformati dan l-aħħar, jillimitaw il-libertà ta' espressjoni; jinkoraġġixxi lill-Każakistan jerġa' jdurhom partikolarment fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-malafama; |
|
24. |
Jenfasizza li l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni huma essenzjali fil-ħolqien u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih li l-ambjent għal mezzi tax-xandir indipendenti sar aktar ostili; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni dwar il-midja mmirata lejn l-implimentazzjoni ta' regoli għall-ġurnalisti li jinvolvihom fil-verifika tal-informazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet tal-istat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex ineħħu tali emendi mill-abbozzi leġiżlattivi tagħhom u biex tiġi żgurata indipendenza sħiħa ta' investigazzjoni u rappurtar għall-ġurnalisti; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex jibqgħu lura milli jirrestrinġu l-aċċess għall-mezzi tal-informazzjoni, onlajn u offlajn, li huma kritiċi tal-istat, fil-pajjiż u barra mill-pajjiż; jiddispjaċih li l-malafama tibqa' kriminalizzata fil-Każakistan, u jenfasizza li dan sar problematiku fid-dawl tal-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż; jinsab imħasseb dwar in-numru kbir ta' każijiet ta' malafama, fosthom kawżi kontra xi xandara tal-aħbarijiet u websajts oħra li jirrappurtaw b'mod sfavorevoli fuq il-politiki tal-gvern u li huma wkoll ta' spiss imblukkati, li jinfetħu minn uffiċjali pubbliċi u persuni pubbliċi oħra li jgawdu minn protezzjoni speċjali u li jeżiġu ammonti kbar ta' kumpens morali bħala riżultat ta' artikli li jkun fihom allegazzjonijiet ta' korruzzjoni, imġiba ħażina jew kwistjonijiet oħra li ma jogħġbuhomx; |
|
25. |
Iħeġġeġ li jitreġġgħu lura t-tendenzi negattivi f'termini ta' libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, libertà ta' espressjoni u tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, u libertà ta' reliġjon; jirrakkomanda li l-Każakistan japplika l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa fil-liġijiet tiegħu; jieħu nota, f'dan il-kuntest, li, mill-2016, l-NGOs kollha tal-Każakistan kienu obbligati bil-liġi li jirreġistraw mal-awtoritajiet u biex jipprovdu annwalment informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom għal inklużjoni f'bażi tad-data tal-gvern dwar l-NGOs; jenfasizza li dan il-pass jista' jiġi dirett lejn it-tisħiħ tat-trasparenza fis-settur; jinsab imħasseb, madankollu, li r-rekwiżiti l-ġodda jżidu mal-obbligi ta' rappurtar lill-istat li huma diġà estensivi ferm għas-settur non-governattiv, filwaqt li l-politika ta' trasparenza hija applikata b'mod sproporzjonat għas-setturi non-governattivi, mingħajr skop ta' qligħ, peress li ma tapplikax għal entitajiet legali oħra; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-involviment f'assoċjazzjonijiet mhux reġistrati jiġi kkriminalizzat u li wieħed jonqos milli jipprovdi informazzjoni għall-bażi tad-data l-ġdida jew li wieħed jipprovdi informazzjoni “żbaljata” jistgħu jirriżultaw f'sanzjonijiet għall-organizzazzjonijiet; jiddispjaċih li l-attivitajiet ta' assoċjazzjonijiet pubbliċi rreġistrati jistgħu jiġu sospiżi jew itterminati mill-qrati għal kwalunkwe ksur tal-liġi nazzjonali, żgħira kemm hi żgħira; |
|
26. |
Josserva bi tħassib li l-adozzjoni tal-liġijiet reċenti kontra t-terroriżmu, fosthom abbozz ta' liġi li jipproponi li ċ-ċittadinanza tiġi rtirata għal dawk suspettati ta' terroriżmu jista' jwassal għas-soppressjoni tal-oppożizzjoni politika paċifika u leġittima; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan jevitaw li jużaw din il-leġiżlazzjoni minħabba l-effetti possibbli ta' limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, l-indipendenza tal-ġudikatura jew il-projbizzjoni tal-attività tal-oppożizzjoni; |
|
27. |
Jieħu nota li, fl-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tiegħu dwar il-Każakistan adottati fis-sajf tal-2016, il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem esprima tħassib dwar id-dispożizzjonijiet ifformulati b'mod ġenerali tal-Artikolu 174 tal-Kodiċi Kriminali, li jipprojbixxi “l-inċitament” soċjali, nazzjonali jew ta' kunflitt ieħor, u l-Artikolu 274 li jipprojbixxi t-“tixrid ta' informazzjoni li hija magħrufa li hija falza”, u l-użu ta' dawn l-artikoli sabiex tiġi ristretta bla bżonn il-libertà tal-espressjoni u drittijiet oħra mħarsa mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); jiddispjaċih li għadd ta' attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti ġew akkużati u mibgħuta l-ħabs fuq il-bażi tal-artikoli msemmija hawn fuq tal-Kodiċi Kriminali; jinnota li l-lista tinkludi Maks Bokayev u Talgat Ayan li qed jiskontaw sentenzi ta' ħabs ta' ħames snin għar-rwol tagħhom fi protesti paċifiċi, li seħħew fil-Każakistan fir-rebbiegħa tal-2016; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan biex jeħlishom kollha u biex jiġu rtirati l-akkużi kontrihom; |
|
28. |
Jistieden lill-Każakistan jirrevedi l-Liġi dwar it-Trade Unions tiegħu tal-2014 u l-Kodiċi tax-Xogħol tal-2015 biex iġibhom konformi mal-istandards tal-ILO; ifakkar lill-Każakistan fl-obbligi tiegħu li jikkonforma bis-sħiħ mal-konklużjonijiet adottati mill-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards (fl-2017, fl-2016 u fl-2015); |
|
29. |
Jikkundanna l-għeluq tal-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Indipendenti tal-Każakistan (CITUK) permezz ta' digriet tal-qorti f'Jannar 2017 talli allegatament naqset milli tikkonferma l-istejtus tagħha skont il-liġi restrittiva tal-pajjiż dwar it-Trejdjunjins tal-2014; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Każakistan dwar il-ħtieġa li jiggarantixxu ġudikatura indipendenti u imparzjali u li jippermettu djalogu soċjali reali billi trawwem ukoll l-eżistenza u l-funzjonament ta' trejdjunjins indipendenti, bħall-CITUK u l-affiljati tagħha; jirreferi għall-Konklużjonijiet tal-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards dwar is-sitwazzjoni fil-Każakistan f'Ġunju 2017; jiddispjaċih li Larisa Kharkova, President tal-CITUK, instabet ħatja minn qorti fil-25 ta' Lulju 2017 ta' akkużi ta' approprjazzjoni indebita u frodi relatati mal-użu ta' fondi tat-trejdjunjins, li huma meqjusa li huma motivati politikament; jiddeplora l-fatt li ġiet arbitrarjament ikkundannata għal erba' snin ta' restrizzjonijiet imposti mill-qorti fuq il-moviment liberu tagħha, flimkien ma' 100 siegħa ta' xogħol fil-komunità u projbizzjoni għal ħames snin fuq iż-żamma ta' pożizzjonijiet ta' tmexxija f'assoċjazzjonijiet pubbliċi; jistieden lill-Każakistan biex jannulla l-kundanna u jitwaqqu l-akkużi li nġiebu kontriha; |
|
30. |
Jiddispjaċih li, f'April u f'Mejju 2017, żewġ mexxejja oħra ta' trejdjunjins, Nurbek Kushakbayev u Amin Yeleusinov, kienu ikkundannati għal sentejn u nofs u sentejn ħabs, rispettivament, fuq akkużi kriminali wkoll ikkunsidrati bħala motivati politikament; jinnota li s-sentenzi kontra t-tliet mexxejja tat-trejdjunjins huma daqqa ta' ħarta lill-attività indipendenti tat-trejdjunjins fil-pajjiż; |
|
31. |
Josserva n-natura multietnika u multireliġjuża tal-Każakistan u jisħaq fuq il-bżonn tal-protezzjoni tal-minoranzi u ta' drittijiethom, partikolarment fir-rigward tal-użu tal-lingwi, tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, tan-nondiskriminazzjoni u tal-opportunitajiet indaqs; jilqa' l-koeżistenza paċifika ta' komunitajiet differenti fil-Każakistan; |
|
32. |
Jitlob għal reviżjoni sostanzjali tad-Djalogu annwali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Każakistan, sabiex dan issir aktar effettiv u orjentat lejn ir-riżultati; jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ f'dan, kif ukoll fil-fora l-oħra kollha, sabiex jinkiseb progress tanġibbli dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-pajjiż filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-każijiet individwali; ifakkar li l-involviment tas-soċjetà ċivili f'dawn id-djalogi u l-konsultazzjonijiet għandhom ikunu garantiti; |
|
33. |
Jissottolinja l-bżonn ta' impenn kontinwu fi ħdan iċ-ċiklu tal-mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC), b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni effikaċi tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; |
|
34. |
Jinsisti li l-Każakistan jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura u r-rakkomandazzjonijiet tal-2009 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura; |
|
35. |
Jiddispjaċih li l-Każakistan sal-lum irrifjuta investigazzjoni internazzjonali indipendenti f'dak li ġara f'Zhanaozen fl-2011 minkejja l-appelli tal-UNHRC; |
|
36. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-applikazzjoni tal-pajjiż biex isir parti minn bosta konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa; |
|
37. |
Jiddispjaċih li l-Każakistan ma huwa la parti, u lanqas stat firmatarju tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u jappella lill-Każakistan sabiex jiffirma u jaderixxi miegħu; |
Relazzjonijiet internazzjonali, kooperazzjoni reġjonali, u sfidi globali
|
38. |
Jilqa' l-kooperazzjoni kostruttiva tal-Każakistan fir-relazzjonijiet internazzjonali bħala fattur importanti li jikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak globali, pereżempju, permezz tal-iffaċilitar tat-taħdidiet dwar il-ftehim nukleari Iranjan, in-negozjati bejn il-partijiet f'Astana għal soluzzjoni komprensiva sabiex tintemm il-gwerra fis-Sirja, l-isforzi diplomatiċi tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunflitt fl-Ukrajna u l-inizjattiva tiegħu dwar il-Konferenza dwar l-Interazzjoni u l-Miżuri għall-Bini tal-Fiduċja fl-Asja; iħeġġeġ lill-Każakistan ikomplu jimpenja ruħu u jieħu rwol kostruttiv fix-xena internazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu għal qerda gradwali tal-kunflitti armati permezz tan-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm, u l-inizjazzjoni tiegħu tad-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Kisba ta' Dinja Ħielsa mill-Armi Nukleari; jilqa', b'mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Każakistan li ma jisseħibx fil-projbizzjoni Russa tal-prodotti agrikoli tal-UE, u jqis li dan huwa sinjal inkoraġġanti u konkret ta' rieda ta' dan il-pajjiż biex jintensifika d-djalogu u l-kooperazzjoni tiegħu mal-UE; |
|
39. |
Jinnota l-importanza ġeostrateġika tal-Każakistan u jirrikonoxxi politika barranija multidimensjonali tal-pajjiż, bil-għan tagħha li trawwem relazzjonijiet amikevoli u prevedibbli, inkluż, bħala prijorità, il-bini u l-ibbilanċjar ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat mar-Russja, iċ-Ċina, l-istati tal-Asja Ċentrali li magħhom jaqsam il-fruntieri, u msieħba oħrajn, inkluż l-Istati Uniti u l-UE; |
|
40. |
Jirrikonoxxi l-fatt li l-Każakistan huwa attur importanti fil-politika estera u ta' sigurtà mhux inqas minħabba r-rwol konsistenti li żvolġa fid-diżarm nukleari u fis-sigurtà globali, kif ukoll bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2017-2018; |
|
41. |
Jirrikonoxxi l-isfida tas-sigurtà fil-konfront tal-Każakistan mid-Daesh u minn organizzazzjonijiet oħra indikati bħala terroristiċi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinnota n-numru kbir ta' ċittadini tal-Każakistan fost il-ġellieda barranin fil-Lvant Nofsani; jirrikonoxxi l-potenzjal għal destabbilizzazzjoni ulterjuri tal-Każakistan li tirriżulta mill-konflitt li għaddej fl-Afganistan, inkluż permezz ta' estremiżmu reliġjuż, it-traffikar tad-drogi u t-terroriżmu; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jirrimarka li l-prijorità għandha tkun li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni; jinnota li l-Artikolu 13 tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija jiffoka fuq il-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u jaqdi rwol kruċjali, speċjalment fl-ambjent internazzjonali preżenti; |
|
42. |
Jinnota li l-Każakistan jappartjeni għall-organizzazzjonijiet reġjonali ewlenin kollha; iqis il-profil internazzjonali li l-Każakistan kiseb reċentement, permezz tal-presidenza ta' organizzazzjonijiet internazzjonali varji bħalma huma l-OSKE, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), il-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS), l-Organizzazzjoni ta' Kooperazzjoni ta' Shanghai u l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva, bħala punt ta' tluq tajjeb għal attivitajiet konġunti biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun tal-Asja Ċentrali u sabiex jinstabu soluzzjonijiet multilaterali għal sfidi globali; jilqa', f'dan il-kuntest, id-dikjarazzjonijiet ċari tal-Każakistan li s-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika (EAEU) mhux se taffettwa t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-UE; |
|
43. |
Jirrakkomanda li l-UE tkompli s-sostenn tagħha favur il-kooperazzjoni reġjonali fl-Asja Ċentrali, partikolarment għall-Istat tad-dritt, il-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, il-ġestjoni tal-ilma u tar-riżorsi, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-istabilità u s-sigurtà; isostni, f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-Każakistan fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet ta' bon viċinat u li jsir garanti ta' stabilità fir-reġjun; jitlob li jkun hemm soluzzjoni sostenibbli tal-Asja Ċentrali fir-rigward il-kwistjonijiet marbuta mal-ġestjoni tal-ilma, l-enerġija u tas-sigurtà li tissodisfa l-interessi kollha; |
|
44. |
Jirrikonoxxi li l-Każakistan huwa setgħa ewlenija fir-reġjun tal-Asja Ċentrali; iħeġġeġ lill-Każakistan biex din il-pożizzjoni tintuża bħala bażi għal impenn pożittiv mal-ġirien reġjonali tiegħu u li jieħu passi biex jimxi 'l quddiem fil-kooperazzjoni reġjonali; |
L-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija u l-ambjent
|
45. |
Jilqa' t-tielet strateġija ta' modernizzazzjoni tal-Kazakistan, imħabbra f'Jannar 2017, bil-għan li jsir wieħed mit-30 l-iktar pajjiżi żviluppati fid-dinja; |
|
46. |
Jilqa' pożittivament il-kapitolu msaħħaħ dwar il-materja prima u l-kooperazzjoni fil-qasam enerġetiku, li għandu potenzjal kbir biex jikkontribwixxi għas-sigurtà enerġetika tal-UE; ifakkar li l-Każakistan għandu rwol importanti bħala fornitur tal-enerġija lill-UE; jistieden lill-UE biex timpenja ruħha b'mod iktar attiv fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u biex issaħħaħ id-djalogu tagħha mal-Każakistan u ma' pajjiżi oħra tal-Asja Ċentrali biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE; |
|
47. |
Jilqa' l-inklużjoni fil-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-kapitolu dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jitlob lill-UE biex tkompli tikkoopera mal-gvern tal-Każakistan, u tassistih fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp innovattiv u sostenibbli tal-politiki ambjentali u ekoloġiċi; ifakkar li l-Każakistan huwa partikolarment milqut mill-konsegwenzi ta' tnejn mill-akbar diżastri ambjentali fid-dinja kkawżati mill-bniedem, jiġifieri n-nixfa tal-Baħar Aral u tat-testijiet nukleari fl-era Sovjetika fis-sit ta' Semey/Semipalatinsk; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna tagħha lill-awtoritajiet tal-Każakistan, kemm fuq bażi teknika u kemm fuq livell finanzjarju, sabiex jitjiebu b'mod sostanzjali l-ġestjoni tal-ilma u l-konservazzjoni tal-ilma f'baċir tal-baħar Aral fil-qafas tal-programm ta' azzjoni tal-Fond Internazzjonali għas-Salvataġġ tal-Baħar Aral, u biex jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni effettiv għat-tindif ta' dik li kienet iż-żona nukleari “Polygon”; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Każakistan fil-Programm ta' Sħubija volontarja magħruf bħala “Green Bridge”; jemmen li dan ser jipprovdi bażi stabbli u fit-tul għall-investiment ekoloġiku, għat-trasferiment ta' teknoloġiji u innovazzjonijiet ġodda, u sabiex tinkiseb soċjetà ħielsa mill-emissjonijiet tal-karbonju; |
|
48. |
Jissottolinja l-bżonn ta' applikazzjoni tal-prinċipji ta' żvilupp sostenibbli mil-lat ambjentali fil-Każakistan fir-rigward tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tar-riżorsi naturali vasti tiegħu; japprezza, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-pajjiż jikkonforma mal-istandards tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI); |
Kummerċ u ekonomija
|
49. |
Ifakkar li l-UE hija l-ewwel sieħba kummerċjali u ta' investiment tiegħu u li l-Każakistan huwa s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-UE fl-Asja Ċentrali; jittama li dawn ir-relazzjonijiet se jkunu msaħħa iktar; jinnota li 80 % tal-esportazzjonijiet tal-Każakistan lejn l-UE tikkonsisti f'żejt u gass; itenni l-importanza ta' diversifikazzjoni ikbar tal-kummerċ tiegħu mal-UE; jenfasizza li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin b'mod pożittiv meta joperaw f'ambjent tal-istat tad-dritt; ifakkar li l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti biex jiġu offruti inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, u tar-responsabilità korporattiva; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-katini ta' valur globali jikkontribwixxu għat-titjib internazzjonali fundamentali tax-xogħol, l-istandards ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-istabbiliment u l-infurzar ta' miżuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-opportunitajiet edukattivi, istituzzjonijiet imparzjali, u t-tnaqqis tal-korruzzjoni; |
|
50. |
Jilqa' l-adeżjoni tal-Każakistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fl-1 ta' Jannar 2016, li rawmet il-modernizzazzjoni ekonomika u amministrattiva tal-pajjiż; jinnota li l-ekonomija tal-Każakistan hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, ibbażata fuq l-isfruttament u l-esportazzjoni tal-materja prima u tal-idrokarburi; jittama li l-programm ambizzjuż għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija, li fiha l-UE tista' taqdi rwol importanti, kif ukoll għar-riforma tal-pajjiż, li tinkludi, inter alia, il-professjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u l-introduzzjoni ta' miżuri kontra l-korruzzjoni, fil-prattika jiġu eżegwiti bis-sħiħ; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tkompli tassisti lill-Każakistan biex l-ekonomija tiegħu jiffavorixxi l-ambjent u jkun sostenibbli; |
|
51. |
Jieħu nota tal-impenn tal-Każakistan biex jilliberalizza kompletament il-moviment tal-kapital fil-forma ta' investiment dirett, u jiddispjaċih li t-titolu tal-Kummerċ u n-Negozju tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ma jinkludix dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ta' governanza korporattiva u ta' korruzzjoni waqt li tkun qed tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-ftehim, sabiex jiġi evitat li jiżdied ir-riskju tal-ħasil tal-flus; |
|
52. |
Jilqa' d-determinazzjoni tal-Każakistan, kif jidher matul l-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li jonora u jissodisfa l-impenji tiegħu tal-Ftehim Imsaħħaħ u tad-WTO; jistieden lill-Każakistan jonora l-impenji tiegħu skont il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni rigward id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, abbażi ta' reġim ta' eżawriment reġjonali; |
|
53. |
Jistieden lill-Każakistan jallinja kompletament it-tariffi tiegħu għall-importazzjonijiet mal-impenji tad-WTO u tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, irrispettivament mill-parteċipazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ekonomika Ewroasjatika (EAEU), sabiex jevita ħlas kumpensatorju għali lis-sħab kummerċjali tad-WTO; |
|
54. |
Jistieden lill-Każakistan jissieħeb mas-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (TRACES), biex jippermetti l-kontrolli sanitarji u fitosanitarji (SPS) effikaċi, u sabiex jintużaw iċ-ċertifikati bilaterali tal-SPS bejn l-UE u l-Każakistan; |
|
55. |
Jieħu nota tal-perjodu tranżitorju ta' ħames snin għall-akkwist pubbliku u l-perjodu tranżitorju ta' tmien snin għall-kostruzzjoni stabbiliti fil-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, u jistenna b'interess għaż-żieda tal-kummerċ ladarba dawn il-perjodi jkunu għaddew; jinnota li l-akkwist pubbliku huwa strument ta' politika pubblika sinifikanti għall-Każakistan; |
o
o o
|
56. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-Każakistan. |
(1) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 159.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0083.
(4) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 93.
(5) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.
(6) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0121.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0007.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0484.