EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0086

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar iż-Żimbabwe, il-każ ta' Pastor Evan Mawarire u każijiet oħra ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni (2017/2608(RSP))

ĠU C 263, 25.7.2018, p. 106–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/106


P8_TA(2017)0086

Żimbabwe, il-każ ta' Pastor Evan Mawarire

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar iż-Żimbabwe, il-każ ta' Pastor Evan Mawarire u każijiet oħra ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni (2017/2608(RSP))

(2018/C 263/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE dwar il-Gvernanza Lokali tat-30 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE dwar il-vjolenza tat-12 ta' Lulju 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE dwar il-ħtif ta' Itai Dzamara tad-9 ta' Marzu 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe dwar il-protesti pubbliċi u l-imġiba tal-pulizija,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/220 tal-15 ta’ Frar 2016 (1) li testendi l-miżuri restrittivi tal-UE kontra ż-Żimbabwe sal-20 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE tad-19 ta’ Frar 2014 dwar ir-rieżami tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-Żimbabwe,

wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Globali ffirmat fl-2008 mit-tliet partiti politiċi ewlenin, jiġifieri ZANU PF, MDC-T u MDC,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Lulju 2012 dwar iż-Żimbabwe u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK tas-27 ta' Frar 2012 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (2),

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981, li ż-Żimbabwe rratifikat,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Diċembru tal-1948,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taż-Żimbabwe,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-poplu taż-Żimbabwe ilu jbati għal ħafna snin taħt reġim awtoritarju mmexxi mill-President Mugabe li jsostni is-setgħa tiegħu permezz tal-korruzzjoni, il-vjolenza, elezzjonijiet mimlija irregolaritajiet u apparat ta' sigurtà brutali; billi l-poplu taż-Żimbabwe ma esperjenzax il-libertà vera f'għexieren ta' snin u ħafna persuni ta' taħt l-età ta' tletin sena, għalhekk, jafu biss ħajja ta' faqar u ripressjoni vjolenti;

B.

billi l-moviment tal-midja soċjali indipendenti #ThisFlag stabbilit mill-fundatur Evan Mawarire, li huwa pastor u difensur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat f’Harare, ikkatalizza l-frustrazzjoni li ċ-ċittadini kellhom bir-reġim ta’ Mugabe waqt il-protesti tas-sena l-oħra kontra n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-gvern kontra l-korruzzjoni, l-impunità u l-faqar; billi Pastor Mawarire stieden lill-gvern jindirizza l-ekonomija li qegħda tfalli u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem; billi l-moviment #ThisFlag ġibed l-appoġġ tal-knejjes u tal-klassi tan-nofs, li sa issa kellhom it-tendenza li jżommu 'l bogħod mill-politika tat-toroq;

C.

billi Pastor Evan Mawarire kien diġà ġie arrestat fuq akkużi ta’ inċitament biex titwettaq vjolenza pubblika u meħlus f’Lulju 2016, u sussegwentement telaq miż-Żimbabwe fl-istess xahar minħabba l-biża’ dwar is-sikurezza tiegħu u tal-familja tiegħu;

D.

billi fl-1 ta’ Frar 2017 Pastor Evan Mawarire ġie arrestat fl-ajruport ta' Harare meta rritorna fiż-Żimbabwe; filwaqt li oriġinarjament kien akkużat bis-“sovversjoni ta' gvern kostituzzjonali” skont it-Taqsima 22 tal-Att dwar il-Proċedura Kriminali, reat li huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija sa 20 sena; billi fit-2 ta’ Frar 2017 żdiedet akkuża oħra, dik li insulta l-bandiera skont it-Taqsima 6 tal-Att dwar il-Bandiera taż-Żimbabwe; billi Pastor Mawarire nħeles biss fuq pleġġ wara li kien qatta' disat ijiem fil-kustodja;

E.

billi, f’dikjarazzjoni pubblika, il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe esprimiet tħassib serju dwar il-brutalità u l-imġiba vjolenti tal-pulizija, filwaqt li tgħid li d-drittijiet fundamentali tad-dimostranti ġew miksura, u appellat lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jinvestigaw u jressqu lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja;

F.

billi Itai Dzamara, ġurnalist u attivist politiku, inħataf fid-9 ta’ Marzu 2015 minn ħamest irġiel mhux identifikati f’ħanut ta' barbier f’Harare; billi l-Qorti Suprema ordnat lill-Gvern ifittex lil Dzamara u jirrapporta dwar il-progress lill-Qorti ta' kull ħmistax sakemm ikun ġie determinat fejn kien jinsab; billi għadu mhux magħruf id-destin tas-Sur Dzamara;

G.

billi Promise Mkwananzi, il-mexxej ta’ #Tajamuka, moviment soċjali marbut mal-istay-away ta’ Lulju, ġie arrestat u akkużat b'inċitament għall-vjolenza pubblika qabel is-sejħa għax-“shutdown 3.0” skedata għall-31 ta’ Awwissu 2016 u ġie meħlus bi pleġġ; billi attivista oħra ta’ #Tajamuka, is-Sinjura Linda Masarira, li qabel kienet ġiet arrestata f’Mejju 2015 u rimandata mill-kustodja fuq pleġġ mingħajr ħlas, reġgħet ġiet arrestata waqt il-protesti f’Lulju 2016;

H.

billi l- miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim taż-Żimbabwe ġew imġedda fi Frar 2017 sal-20 ta' Frar 2018; billi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar se jkomplu japplikaw għall-President Mugabe, għal Grace Mugabe, u għall-Industriji tad-Difiża taż-Żimbabwe; billi l-embargo fuq l-armi se jibqa' fis-seħħ; billi l-UE neħħiet ir-restrizzjonijiet minn fuq 78 persuna u tmien entitajiet;

I.

billi ż-Żimbabwe hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 9 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-kooperazzjoni AKP-UE;

J.

billi l-EUR 234 miljun allokati lill-Programm Indikattiv Nazzjonali (NIP) għaż-Żimbabwe għall-perjodu 2014-2020 taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għandhom jiġu ffukati fuq tliet setturi ewlenin, jiġifieri s-saħħa, l-iżvilupp ekonomiku bbażat fuq l-agrikultura, u l-governanza u l-bini ta' istituzzjonijiet;

1.

Jikkundanna l-arrest ta’ Pastor Evan Mawarire; jenfasizza li l-ħelsien tieħgu fuq pleġġ mhuwiex biżżejjed u li l-akkużi politikament motivati miġjuba kontrih irid jiġi rtirati għalkollox;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jiżguraw li s-sistema tal-ġustizzja kriminali ma tiġix abbużata sabiex titfa' fil-mira, tagħti fastidju jew tintimida lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħalma hu Pastor Evan Mawarire;

3.

Jemmen li l-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni huma komponenti essenzjali ta’ kwalunkwe demokrazija; jenfasizza li l-espressjoni ta' opinjoni b'mod nonvjolenti huwa dritt kostituzzjonali għaċ-ċittadini kollha taż-Żimbabwe u jfakkar lill-awtoritajiet fl-obbligu tagħhom li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini kollha;

4.

Jinsab profondament imħasseb dwar rapporti minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ta’ vjolenza politika, kif ukoll ta' restrizzjonijiet fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-intimidazzjoni tagħhom; jiddispjaċih li mill-aħħar elezzjonijiet 'il hawn, u mill-adozzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida fl-2013, ftit sar progress fir-rigward tal-istat tad-dritt u b'mod partikolari lejn ir-riforma tal-ambjent tad-drittijiet tal-bniedem;

5.

Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jaċċertaw ruħhom dwar fejn jinsab is-Sur Dzamara u jiżguraw li dawk li huma responsabbli għall-ħtif tiegħu jitressqu quddiem il-ġustizzja; jinnota li l-espressjoni ta' opinjoni b'mod nonvjolenti huwa dritt kostituzzjonali għaċ-ċittadini kollha taż-Żimbabwe u li huwa l-obbligu tal-awtoritajiet li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini kollha;

6.

Jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu dwar il-każ tas-Sinjura Linda Masarira, li ġiet ikkundannat fuq akkużi ta’ vjolenza pubblika li rriżultaw mill-istrajk nazzjonali li sar fis-6 ta’ Lulju 2016; jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe juru trażżin tiegħu innifsu u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini kollha taż-Żimbabwe, inkluż id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-għaqda; ifakkar lill-Gvern fir-responsabilità tiegħu rigward li jirrispetta, li jobdi, u li ma jwaqqax il-Kostituzzjoni, u li jservi lill-poplu kollu taż-Żimbabwe b’mod imparzjali mingħajr eċċezzjoni;

7.

Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f’Harare tkompli toffri l-assistenza tagħha liż-Żimbabwe bl-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiġu esplorati l-possibilitajiet ta’ ffaċilitar ta’ missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE;

8.

Jenfasizza għal darba oħra kemm huwa importanti għall-UE li tibda djalogu politiku mal-awtoritajiet taż-Żimbabwe fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, u b'hekk tikkonferma l-impenn tal-UE li tappoġġja lill-popolazzjoni lokali;

9.

Jinsisti li l-UE għandha tiżgura li l-finanzjament allokat liż-Żimbabwe għall-Programm Indikattiv Nazzjonali tagħha jindirizza b'mod effikaċi s-setturi kkonċernati, u jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe jippermetti lill-Kummissjoni aċċess mingħajr xkiel għall-proġetti ffinanzjati mill-UE u jsaħħaħ id-disponibilità tiegħu għall-assistenza teknika għall-proġetti u l-programmi miftiehma b'mod konġunt;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, lill-Gvern u lill-Parlament taż-Żimbabwe, lill-gvernijiet tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-Unjoni Afrikana.

(1)  ĠU L 40, 17.2.2016, p. 11.

(2)  ĠU L 54, 28.2.2012, p. 20.


Top