Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0500

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Semestru Ewropew 2017: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

COM/2017/0500 final

Brussell, 22.5.2017

COM(2017) 500 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Semestru Ewropew 2017: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi


1.Introduzzjoni

L-ekonomija Ewropea tat prova tar-reżiljenza tagħha quddiem sfidi sinifikanti. Fl-2016, kemm l-ekonomija tal-UE kif ukoll dik taż-żona tal-euro kibru bi kważi 2%. L-impjieg fl-UE laħaq it-232,9 miljun persuna, l-ogħla numru li qatt ġie rreġistrat. It-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni Ewropea 1 juri li l-finanzi pubbliċi qed ikomplu jitjiebu: id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fiż-żona tal-euro, li kien aktar minn 6% ftit snin ilu, huwa mistenni li jkun ta’ 1,4% din is-sena, u l-proporzjon tad-dejn mal-PDG, wara snin ta’ żieda qawwija, huwa mistenni li jonqos bil-mod u jkun kemm kemm taħt id-90% s-sena d-dieħla. It-tkabbir ekonomiku qed jibbenefika mir-reżiljenza tal-ixprunijiet domestiċi tat-tkabbir, minn politiki ekonomiċi ta’ appoġġ, inkluża politika monetarja akkomodanti u politiki fiskali mhux restrittivi, titjib gradwali fil-kummerċ dinji u r-rata tal-kambju relattivament favorevoli tal-euro. Madankollu, l-iżviluppi ekonomiċi jibqgħu mxekkla minn produttività sottostanti dgħajfa u mill-konsegwenzi tal-kriżi, inklużi inugwaljanzi u disparitajiet persistenti madwar il-pajjiżi. L-inċertezza li ġejja l-aktar minn fatturi esterni tibqa’ għolja u t-tkabbir potenzjali jenħtieġ li jissaħħaħ.

Sabiex isaħħu x-xejriet pożittivi u l-konverġenza fl-UE, l-ekonomiji jeħtieġu li jkunu aktar kompetittivi, reżiljenti, inklussivi u innovattivi. Dan huwa l-objettiv tar-rakkomandazzjonijiet magħmula bħala parti mis-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ir-riformi jsiru eħfef meta jkun hemm ambjent li joffri appoġġ u huma neċessarji ħafna sabiex jiġu sostnuti x-xejriet pożittivi ekonomiċi u soċjali kurrenti, u wkoll sabiex jappoġġaw l-immodernizzar tal-ekonomiji tagħna. Riformi mfassla tajjeb u b’sekwenza xierqa, li jqisu wkoll l-impatti distributtivi, għandhom iservu biex jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE sabiex jikkontribwixxu għat-tkabbir u jibbenefikaw minnu, irawmu l-konverġenza u jimminimizzaw l-effetti negattivi tat-tibdil. L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi se tgħin ukoll biex iżżid il-konverġenza fl-UE u fiż-żona tal-euro, ukoll billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom.

Ir-riformi jeħtieġ li jqisu kif xieraq is-sitwazzjoni soċjoekonomika u l-isfidi speċifiċi f’kull Stat Membru. Riformi sinifikanti tas-suq tax-xogħol ġew adottati mill-2010 ‘il quddiem, b’mod partikolari f’xi wħud mill-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi. Dawn ir-riformi għenu biex tiżdied il-kapaċità tal-aġġustament tal-ekonomiji tagħhom, biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kompetittività tagħhom u jiżdied l-impjieg. Riformi oħra fittxew li jtejbu l-ambjent tan-negozju u l-mod kif jaħdmu s-swieq finanzjarji u tal-prodotti. Riċentement, ingħatat dejjem aktar attenzjoni lejn li t-taxxi jitneħħew minn fuq il-ħaddiema u lejn l-immodernizzar tal-politiki soċjali u l-parametri tas-suq tax-xogħol sabiex jittejjeb it-tħaddim tagħhom u jkun hemm distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji tat-tkabbir fis-soċjetà. Madankollu, jenħtieġ li jsiru aktar sforzi, b’mod partikolari biex jiġu rriformati s-swieq tal-prodotti u tas-servizzi u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika, li huma oqsma importanti biex jiġi ffaċilitat l-investiment u biex jiżdiedu l-integrazzjoni tal-kummerċ u l-kompetittività.

Ir-riformi jeħtieġu wkoll li jiżguraw is-sostenibilità aktar fit-tul tal-irkupru ekonomiku u jtejbu r-reżiljenza għall-isfidi futuri għall-ekonomija u għas-soċjetà. Dan jitlob li niffukaw aktar fuq riformi li jiffaċilitaw l-investiment fl-infrastruttura soċjali, fl-edukazzjoni, fl-edukazzjoni u l-kura tal-bidu tat-tfulija u fit-tagħlim matul il-ħajja. Hemm ukoll ħtieġa għal aktar riformi li jippromwovu l-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni u t-titjib tal-produttività. Dawn ir-riformi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal Stati Membri li qegħdin jippruvaw jilħqu lill-oħrajn, u li jinsabu taħt pressjoni dejjem akbar biex jispeċjalizzaw f’industriji intensivi fl-għarfien. Jistgħu jgħinu wkoll pajjiżi bi tkabbir tal-produttività kronikament baxx. Minbarra dan, għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-effiċjenza globali tas-sistemi tas-servizzi soċjali u tal-benefiċċji tat-taxxa. F’pajjiżi b’eċċess ta’ tfaddil u nuqqas ta’ investiment, huwa meħtieġ investiment addizzjonali sabiex jiġi żgurat is-suċċess ekonomiku futur, b’mod partikolari fid-dawl tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

Għad hemm bosta restrizzjonijiet li jxekklu l-attivitajiet tan-negozju. L-influssi ta’ investimenti diretti barranin għadhom baxxi u l-integrazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ f’xi partijiet tal-ekonomija tal-UE għadhom dgħajfa. Għad hemm restrizzjonijiet fis-servizzi professjonali u rekwiżiti regolatorji sproporzjonati u proċeduri amministrattivi onerużi f’xi setturi tas-servizzi. Il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenzi tas-swieq tal-akkwist pubbliku għadhom qed jippersistu. Dawn il-fatturi qed ikomplu jfixklu l-integrazzjoni tal-kummerċ fis-suq intern u jnaqqsu l-pass tal-integrazzjoni tal-katina tal-valur tan-negozji billi jimponu spejjeż addizzjonali jew jirrestrinġu l-aċċess tagħhom għas-swieq. It-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-produttività u t-tnaqqis tad-disparitajiet fil-prestazzjoni ekonomika madwar in-negozji, is-setturi u r-reġjuni joħloq spazju għal żviluppi dinamiċi fil-pagi u għal titjib fl-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi.

Il-prijoritajiet soċjali għandhom ikunu parti ewlenija mill-isforzi ta’ riforma. Kif indikat fil-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa u fid-dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa sal-2025, l-irkupru għadu mhuwiex imqassam b’mod ugwali madwar is-soċjetà u r-reġjuni. Li nindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi, mill-qgħad fit-tul sal-livelli għolja tad-dejn pubbliku u privat, għadha prijorità urġenti. Huma meħtieġa riformi strutturali sabiex tiġi msaħħa l-ġustizzja soċjali, jitnaqqsu l-inugwaljanzi fid-dħul u tiġi appoġġata l-konverġenza lejn eżiti aħjar. Il-prijoritajiet u l-konsegwenzi soċjali għandhom jitqiesu meta titfassal u tiġi implimentata l-aġenda tar-riforma.

Sabiex tgħin fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet u toffri gwida lejn aktar konverġenza, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-għan tal-pilastru huwa li jistabbilixxi l-prinċipji essenzjali biex jiġu appoġġati swieq tax-xogħol u sistemi tal-protezzjoni soċjali li jiffunzjonaw tajjeb u ġusti. Il-pilastru huwa mfassal bħala kumpass għal proċess imġedded ta’ konverġenza. L-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew se jirriflettu u jippromwovu l-prinċipji mnaqqxa fil-pilastru billi jivvalutaw, jimmonitorjaw u jqabblu l-progress li jsir lejn l-implimentazzjoni tagħhom. Se jkun hemm parametraġġ referenzjarju u skambju tal-aħjar prattiki f’numru ta’ oqsma. Tabella ta’ valutazzjoni soċjali se tgħin biex jinżamm kont tal-progress.

Is-Semestru Ewropew u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jipprovdu gwida annwali għar-riformi tal-Istati Membri. Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri huma aġġustati kull sena biex jirriflettu l-progress li jkun sar u t-tibdil fl-ambjent, huma ankrati bis-sod mal-prijoritajiet usa’ ppreżentati fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni tal-President tal-Kummissjoni u l-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir. Għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, jirriflettu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet għall-politika ekonomika fiż-żona tal-euro. Il-koerenza u l-konsistenza bejn ir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li tinkiseb l-aħjar taħlita ta’ politiki fil-livell taż-żona tal-euro u li l-effetti kollaterali fiż-żona tal-euro jkunu riflessi b’mod xieraq fil-proċess tat-tiswir tal-politika. Il-viżjoni usa’ u aktar fit-tul tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 huma importanti biex jiggwidaw l-azzjoni fuq bażi annwali u huma ta’ importanza ewlenija sabiex jiggwidaw l-azzjoni fuq bażi annwali u huma integrati b’mod sħiħ fis-Semestru Ewropew.

Il-Kummissjoni ħadet passi konkreti biex ittejjeb u tappoġġa l-implimentazzjoni u s-sjieda tar-riformi mill-Istati Membri. Bħal ma ġara fis-snin preċedenti, ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq djalogu komprensiv f’livelli differenti mal-Parlament Ewropew, mal-parlamenti nazzjonali, mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar l-abbozzi tar-rapporti tal-pajjiżi ppubblikati fi Frar, 2 u b’hekk saħħet il-fehim komuni dwar il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali ewlenin. Il-Kummissjoni twettaq ukoll konsultazzjonijiet regolari mal-partijiet soċjali fil-livelli tal-UE u nazzjonali u stiednet lill-Istati Membri sabiex jagħtu aktar attenzjoni għall-kontribuzzjoni tas-sħab soċjali nazzjonali. Dan jinkludi li jiġu involuti aktar mill-qrib fl-elaborazzjoni ta’ Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-konsultazzjoni tagħhom dwar l-istadji importanti tas-Semestru. Fil-proposti tagħha għar-rakkkomdazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ta’ din is-sena, il-Kummissjoni qed tiffoka wkoll fuq il-kwistjonijiet li jitolbu l-aktar attenzjoni urġenti.

2.Il-progress globali fir-riformi u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi

L-esperjenza tal-aħħar ftit snin tikkonferma li l-Istati Membri huma impenjati li jaħdmu b’mod attiv favur ir-riformi strutturali. L-evoluzzjoni tal-progress lejn l-implimentazzjoni ta’ kull rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi tista’ tidher bl-aktar mod ċar billi wieħed iħares lejn il-perjodu kollu sa mill-adozzjoni tagħha. Il-maġġoranza l-kbira tar-riformi raw progress sostantiv, filwaqt li l-pass u l-profondità li bihom ġew implimentati mill-Istati Membri jvarjaw. Sabiex tiffaċilita s-sjieda tal-Istati Membri tar-riformi u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni mtejba tagħhom, il-Kummissjoni bidlet l-enfasi lejn kwistjonijiet ta’ prijorità ewlenija ta’ rilevanza makroekonomika u soċjali. Matul ċikli riċenti tas-Semestru Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet saru aktar iffukati fuq il-passi tar-riforma li jistgħu jiġu implimentati fi żmien 12-18-il xahar. Filwaqt li dan huwa importanti biex jinħoloq momentum u jinbdew l-ewwel passi, din il-perspettiva ta’ żmien tippreżenta limiti għal valutazzjoni vera. L-esperjenza turi li r-riformi ħafna drabi jseħħu b’mod inkrimentali fuq perjodu itwal ta’ żmien u li l-impatt tagħhom jeħtieġ li jitkejjel fuq bosta snin.

Madwar żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa sal-2016 ġew implimentati b’mill-anqas “xi progress”. Sa mill-2011, il-Kunsill kull sena ħareġ ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet għal kull Stat Membru. Ir-riformi mmirati huma sikwit wiesgħa u jeħtieġu ż-żmien biex jiġu ppreparati u implimentati f’konformità mal-prattiki nazzjonali. Il-gvernijiet, il-parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali, partijiet ikkonċernati oħra u ċittadini individwali jeħtieġu li jinvestu ż-żmien, iwettqu diskussjonijiet u analiżijiet sabiex jaslu għall-aħjar eżiti għall-kwistjonijiet indirizzati mir-rakkomandazzjonijiet. Dawn ġeneralment jirrikjedu soluzzjonijiet ta’ kompromess li jilħqu bilanċ bejn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, istituzzjonali u politiċi differenti.

Il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mis-snin preċedenti huwa konsiderevolment akbar milli għal dawk li saru anqas minn sena ilu. Dan jikkonferma li l-implimentazzjoni tar-riformi tieħu ż-żmien u li huwa importanti li l-proċess jiġi vvalutat fuq terminu medju u mhux biss f’perspettiva fuq terminu qasir. Minn perspettiva pluriennali, il-progress tar-riforma kien l-akbar fl-oqsma ta’ politika li jirrigwardaw il-politika fiskali u l-governanza fiskali u fis-servizzi finanzjarji. Dan fil-biċċa l-kbira jirrifletti l-isforzi li saru biex tiġi megħluba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, billi l-livelli għolja ta’ dejn u defiċit kellhom jiġu indirizzati u s-settur finanzjarju kellu jiġi stabbilizzat. Ittieħdu miżuri sinifikanti f’bosta pajjiżi sabiex tittejjeb is-sostenibilità tas-sistema tal-pensjonijiet. Oqsma li fihom il-progress kien anqas mgħaġġel huma s-saħħa u l-kura fit-tul, it-twessigħ tal-bażi tat-taxxa, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, l-aċċess għall-finanzi u l-kompetizzjoni fis-servizzi. Xi wħud minn dawn huma prijoritajiet aktar fit-tul li se jsiru aktar pressanti minħabba l-isfidi demografiċi li qed jiżdiedu u jistgħu jiġu aggravati jekk it-tkabbir jibqa’ moderat. Sa mill-bidu tas-Semestru Ewropew fl-2011, il-pass tal-progress - kif ivvalutat sena wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet - qed jonqos bi ftit. Dan jista’ jkun minħabba li r-riformi li huma politikament l-aktar faċli saru l-ewwel u minħabba s-sens ta’ urġenza akbar matul il-kriżi. Madankollu, din ix-xejra waqfet bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2016.

Figura 1: Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż: valutazzjoni annwali f’kull sena konsekuttiva sa mill-2011

Figura 2: L-implimentazzjoni globali tas-CRS tal-2011-2016 sa issa (valutazzjoni pluriennali)

Sa mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-sena li għaddiet, l-Istati Membri għamlu l-aktar progress sinifikanti fl-oqsma tal-politika fiskali u l-governanza fiskali, kif ukoll fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Ittieħdu passi fil-politiki tat-taxxa (tnaqqis fil-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol), is-suq tax-xogħol u l-politiki soċjali (b’mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar, l-inklużjoni soċjali u l-kura tat-tfal) u s-servizzi finanzjarji. L-oqsma li qed juru l-anqas progress jinkludu s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi, il-kompetizzjoni fis-servizzi u l-ambjent tan-negozju. L-istampa globali li tirriżulta hi li l-Istati Membri qed ikomplu jagħmlu sforzi biex jimplimentaw ir-riformi, iżda l-livell ta’ progress ivarja bejn “limitat” u “ftit” għall-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2016. Dan ifisser li għad hemm xogħol xi jsir biex ir-riformi jiġu implimentati b’mod sħiħ u jagħtu r-riżultati għaċ-ċittadini u l-kumpaniji.

Figura 3: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2016

Indirizzata lil 1-5 Stati Membri

 

 

 

Indirizzata lil 6-10 Stati Membri

 

 

 

Indirizzata lil 11+ Stati Membri

Il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi qed tkompli, li jirrifletti l-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti, iżda tibqa’ wkoll fil-biċċa l-kbira asimmetrika madwar l-UE, fis-sens li huma l-pajjiżi b’defiċits jew dejn esterni li għamlu progress ulterjuri. Fl-istess ħin, surpluses kbar tal-kont kurrenti jippersistu f’xi pajjiżi oħra. Is-surplus persistenti tal-kont kurrenti li jirriżulta taż-żona tal-euro jirrifletti dinamiki tad-domanda aggregata li għadhom mhumiex qed iżommu l-pass mal-attività ekonomika. Minbarra dan, l-inflazzjoni sottostanti kienet f’livelli storikament baxxi. Dan jipprovdi ambjent ta’ sfida għal pajjiżi li jeħtieġu li jnaqqsu d-dejn domestiku u barrani. B’riżultat ta’ dan, id-diżingranaġġ tad-dejn privat u pubbliku jinsab miexi ‘l quddiem bil-mod u b’pass irregolari, ostakolat minn tkabbir nominali baxx. Tisħiħ tal-kompetittività, kemm dik konnessa mal-prezzijiet kif ukoll dik li mhijiex, jgħin fir-ribilanċjar estern taż-żona tal-euro. L-Istati Membri b’defiċits tal-kont kurrenti jew dejn estern għoli jistgħu jikkontribwixxu għar-ribilanċjar taż-żona tal-euro billi jintroduċu miżuri li jgħinu biex tiżdied il-produttività. Dawk b’surplus kbir tal-kont kurrenti jistgħu jikkontribwixxu għar-ribilanċjar taż-żona tal-euro permezz ta’ riformi strutturali u miżuri oħra li jagħmluha aktar faċli biex tfaddil eċċessiv jiġi dirett lejn id-domanda domestika. Dan jista’ jsir, b’mod partikolari, billi jissaħħaħ l-investiment u jiġi promoss tkabbir akbar fil-pagi. L-ambjent preżenti ta’ rati tal-imgħax baxxi wkoll jipprovdi opportunitajiet addizzjonali biex isir dan, b’mod partikolari f’pajjiżi bi spazju fiskali sinifikanti.

Numru ta’ żbilanċi għadhom iridu jiġu indirizzati Il-livelli tad-dejn privat, pubbliku u estern għadhom għoljin ħafna f’xi pajjiżi. Li dawn id-djun jinżammu fuq perkors sod ta’ tnaqqis huwa essenzjali biex jitnaqqsu l-vulnerabilitajiet, ukoll fid-dawl ta’ rkupru previst fl-inflazzjoni u fir-rati tal-imgħax. Il-bafers kapitali fis-settur finanzjarju ssaħħu, iżda jirriżultaw sfidi mil-livell baxx ta’ profitabilità, flimkien mal-livelli għolja ta’ self improduttiv. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol qed jitjiebu b’mod ġenerali, għalkemm qgħad u inugwaljanza persistentement għolja jibqgħu sorsi ta’ tħassib soċjali u huma piż fuq il-prestazzjoni ekonomika f’xi Stati Membri. F’numru li qed jikber ta’ Stati Membri, hemm sfidi marbuta ma’ ċaqliq b’saħħtu fil-prezzijiet tad-djar.

Fi Frar 2017, il-Kummissjoni identifikat żbilanċi fi 12-il Stat Membru; segwitu xieraq jifforma parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, fejn jissemmew sfidi identifikati fil-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku. Rieżamijiet fil-fond twettqu għal 13-il Stat Membru. Ġie konkluż li l-Finlandja ma għadhiex qed tesperjenza żbilanċi, filwaqt li sitt pajjiżi qegħdin jesperjenzaw żbilanċi (il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, in-Netherlands, is-Slovenja u l-Iżvezja) u sitta qegħdin jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi (il-Bulgarija, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru u l-Portugall). Għal Ċipru, l-Italja u l-Portugall, il-Kummissjoni ħabbret fi Frar li kienet se tirrieżamina l-valutazzjoni tagħha, filwaqt li tqis il-livell ta’ ambizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

Kaxxa 1. Valutazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja, Ċipru u l-Portugall

Fi Frar 2017, il-Kummissjoni ħabbret li l-Italja, Ċipru u l-Portugall kienu qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi u li, fid-dawl tad-dgħufijiet strutturali persistenti li qed jirriżultaw mill-analiżi fir-rieżamijiet fil-fond, kienet se tirrieżamina din il-valutazzjoni f’Mejju. Il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-iżviluppi f’dawn it-tliet pajjiżi, b’mod partikolari l-impenji tal-politika indikati fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, li ppreżentaw f’April.

Il-programm ta’ Ċipru jiddeskrivi l-inizjattivi ta’politika previsti f’terminu qasir u medju sabiex jindirizzaw sfidi ekonomiċi u strutturali oħra. Dawn se jiġu indirizzati b’mod partikolari billi s-settur pubbliku jsir aktar effiċjenti, billi l-funzjonament tal-qafas tal-insolvenza jibda jaħdem aħjar, jiġi ssimplifikat il-ħruġ u t-trasferiment ta’ titoli ta’ proprjetà u tiġi mmodernizzata s-sistema tal-ġustizzja. Il-programm jippreżenta wkoll miżuri ta’ politika sabiex tittejjeb il-kompetittività u jitneħħew l-ostakli għall-investiment, b’mod partikolari billi jkompli jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni għat-tkabbir. Minkejja li bosta impenji ta’ riforma jidhru li huma ambizzjużi biżżejjed sabiex jindirizzaw l-isfidi ta’ Ċipru, id-dettalji ta’ meta se jiġu adottati u implimentati huma ġeneralment nieqsa.

Il-programm ta’ riforma tal-Italja tal-2017 jippreżenta impenji fuq terminu qasir u medju, f’kontinwità ma’ programmi preċedenti bħal dan. Il-miżuri li għandhom jittieħdu sa nofs l-2017 jinkludu l-adozzjoni finali tal-liġijiet pendenti dwar il-kompetizzjoni, ir-riforma tal-proċess kriminali u l-istatuti ta’ limitazzjoni, u l-implimentazzjoni tal-liġi kontra l-faqar. Huma ppjanati wkoll miżuri li jirrigwardaw in-negozjar fil-livell tal-kumpaniji, it-trasferiment fiskali u l-privatizzazzjoni. Fuq terminu medju, il-programm jimmira b’mod partikolari lejn il-finanzi pubbliċi, it-taxxi, is-suq tax-xogħol, il-qasam bankarju u s-sistema tal-kreditu, il-kompetizzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u s-sistema tal-ġustizzja, u l-investiment. Għalkemm bosta impenji ta’ riforma jidhru li huma ambizzjużi biżżejjed sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-Italja b’mod xieraq, il-kredibilità tagħhom tiddependi fuq l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika.

Il-programm ta’ riforma tal-2017 għall-Portugall jippreżenta strateġija ekonomika u soċjali fuq terminu medju f’kontinwità mal-programm tal-2016. Il-miżuri proposti għandhom il-mira li jżidu l-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol; jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, itejbu l-ambjent tax-xogħol u jżidu l-kompetittività tal-impriżi Portugiżi; jindirizzaw id-dejn korporattiv u l-impjiegi; jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika u jtejbu l-protezzjoni soċjali. Minkejja li bosta impenji ta’ riforma jidhru li huma ambizzjużi biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi tal-Portugall b’mod xieraq, id-dokument huwa nieqes mid-dettalji u minn pjanijiet konkreti ta’ implimentazzjoni f’xi oqsma ewlenin bħat-tnaqqis tad-dejn privat u pubbliku. L-awtoritajiet Portugiżi pprovdew aktar dettalji dwar il-miżuri u dwar l-iskeda taż-żmien f’ittra fl-14 ta’ Mejju 2017.

B’riżultat ta’ dawn il-valutazzjonijiet, u filwaqt li titqies l-informazzjoni disponibbli kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li bħalissa ma hemmx raġunijiet analitiċi biex tiġi intensifikata l-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku, sakemm dawn l-Istati Membri jimplimentaw malajr u b’mod sħiħ ir-riformi preżentati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja dawn it-tliet pajjiżi, kif tagħmel mal-pajjiżi kollha bi żbilanċi eċċessivi, b’mod partikolari permezz ta’ “monitoraġġ speċifiku”.

Il-Kummissjoni saħħet il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika skont il-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku. F’konformità mad-deċiżjoni meħuda s-sena li għaddiet li jiġu ssimplifikati l-kategoriji tal-Istati Membri skont il-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku, il-proċess tal-“monitoraġġ speċifiku” ġie applikat għall-pajjiżi kollha bi żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi. L-intensità tal-proċess ta’ monitoraġġ tirrifletti l-iskala tal-isfidi u s-severità tal-iżbilanċi. L-għan huwa li jingħata kontribut għal rispons ta’ politika aktar rapidu u aktar komprensiv għall-iżbilanċi identifikati billi jiġi intensifikat id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.

3.    Objettivi ewlenin tar-rakkomandazzjonijiet tal-2017-2018

L-objettiv globali tar-rakkomandazzjonijiet huwa li jipprovdu aktar impjiegi u tkabbir aktar rapidu, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tal-ekwità soċjali. Ir-rakkomandazzjonijiet jintgħażlu wara analiżi wiesgħa tal-politika u ħidma flimkien mal-partijiet ikkonċernati ewlenin. Huma bbażati fuq il-kwistjonijiet identifikati fl-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir, il-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku, is-sorveljanza skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, iż-żjajjar fil-pajjiżi, il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, is-Summit Soċjali Tripartitiku, il-konvenzjoni annwali għat-tkabbir inklużiv mas-soċjetà ċivili, u r-rakkomandazzjonijiet taż-żona tal-euro.

L-isfidi jvarjaw b’mod konsiderevoli madwar l-Istati Membri. F’xi Stati Membri, pereżempju dawk li qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi, l-isfidi identifikati jitolbu azzjoni ta’ politika komprensiva u xi kultant urġenti. F’oħrajn fejn il-prestazzjoni ekonomika hija fil-biċċa l-kbira sodisfaċenti u l-isfidi huma aktar speċifiċi, hija rrakkomandata azzjoni ta’ politika aktar immirata. Dawn id-differenzi huma riflessi fin-numru ta’ rakkomandazzjonijiet indirizzati lil kull Stat Membru u fl-ambitu u l-formulazzjoni tagħhom. L-Istati Membri huma mistennija li jieħdu azzjoni biex jindirizzaw l-isfidi kollha identifikati mill-analiżi komprensiva fir-rapporti tal-pajjiżi ppubblikati fi Frar, ukoll jekk dawn mhumiex riflessi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Attenzjoni partikolari għandha tingħata biex ir-riformi jiġu sekwenzjati tajjeb u biex jittieħdu miżuri ta’ akkumpanjament fejn rilevanti, abbażi tal-valutazzjoni tal-impatti distributtivi tar-riformi.

Is-suq tax-xogħol

Bosta Stati Membri implimentaw riformi biex isaħħu l-prestazzjoni tas-swieq tax-xogħol, iżda huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex jiġu indirizzati livelli għolja ta’ qgħad. Ir-riformi tal-passat qegħdin jagħtu r-riżultati f'termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi u titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Madankollu, il-qgħad taż-żgħażagħ u dak fit-tul jibqgħu prijoritajiet urġenti u huma meħtieġa aktar sforzi fil-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol reżiljenti u inklużivi. Dawn jinkludu li tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u li tiġi miżjuda l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (pereżempju fil-Belġju, fil-Bulgarija, fl-Irlanda, fl-Italja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fil-Portugall u fir-Rumanija) u politiki soċjali (pereżempju fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fi Spanja). Bl-istess mod, hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi ta’ negozjar kollettiv li jiffavorixxu aktar il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żieda fit-tkabbir tal-produttività. F’xi pajjiżi li għandhom impjieg sħiħ, jew li huma qrib ta’ dan, iż-żidiet fil-pagi reali jistgħu jaċċelleraw, b’effetti pożittivi relatati fuq il-konsum aggregat. Dan jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tas-surpluses kbar tal-kont kurrenti fil-Ġermanja u fin-Netherlands.

Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol qiegħda tfixkel il-produttività u l-iżvilupp tal-kapital uman. Bidliet strutturali fl-impjieg irriżultaw f’żieda f’forom temporanji ta’ impjieg. Forom ġodda ta’ impjieg jistgħu jżidu l-opportunitajiet tax-xogħol u jsaħħu l-iżvilupp tan-negozju. Madankollu, jistgħu wkoll jillimitaw l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u għas-servizzi tat-taħriġ u l-impjieg, idgħajfu s-sigurtà tal-impjieg u jimminaw l-objettiv li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità.

Jeħtieġ li jsir aktar biex titjieb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Minkejja żidiet kontinwi fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u xi miżuri sabiex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, id-differenzi fir-rata tal-impjieg u fil-pagi bejn il-ġeneri għadhom sinifikanti. Il-Kummissjoni għalhekk qed tkompli tipproponi li l-Istati Membri jieħdu azzjoni f’dan il-qasam. Sforzi addizzjonali huma meħtieġa wkoll sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tal-migranti u ta’ nies bi sfond ta’ migrazzjoni fis-suq tax-xogħol (pereżempju fil-Belġju, fi Franza, fin-Netherlands, fl-Awstrija u fil-Finlandja).

Taħlita ta’ riformi tal-pensjonijiet, politiki tas-suq tax-xogħol, politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tas-saħħa huma meħtieġa sabiex tiġi appoġġata popolazzjoni anzjana aktar attiva. Ħaddiema anzjani raw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol tiżdied iżda f’bosta pajjiżi r-rata tal-impjieg tagħhom għadha baxxa. Fid-dawl tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u ta’ proporzjonijiet ogħla ta’ dipendenza, l-involviment ta’ persuni aktar anzjani fis-suq tax-xogħol huwa kruċjali sabiex jiġi żgurat li s-sistemi tal-protezzjoni soċjali jkunu sostenibbli u adegwati. Li wieħed jibqa’ attiv u b’saħħtu huwa wkoll importanti għall-benesseri ta’ persuni anzjani. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni pproponiet numru ta’ rakkomandazzjonijiet f’dawn l-oqsma fejn l-azzjoni kienet aktar limitata u fejn l-isfidi huma aktar pressanti (pereżempju fil-Ġermanja, fil-Kroazja, fil-Lussemburgu, fl-Awstrija, fil-Polonja u fis-Slovenja). L-Istati Membri wettqu b’suċċess riformi rilevanti tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom. Madankollu, hemm Stati Membri fejn il-prestazzjoni, is-sostenibilità u l-aċċessibilità tal-kura tas-saħħa huma mxekkla minn finanzjament persistentement baxx, allokazzjoni mhux effiċjenti tar-riżorsi, dipendenza eċċessiva fuq il-kura fl-isptarijiet, ħlasijiet kbar mill-pazjent stess u nuqqasijiet ta’ persunal. Numru ta’ rakkomandazzjonijiet jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet (pereżempju fil-Latvja, fl-Awstrija u fir-Rumanija).

Il-kontribuzzjoni tad-djalogu soċjali hija importanti. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li s-sħab soċjali jkollhom is-setgħa li jwettqu r-rwol tagħhom b’mod sħiħ fin-negozjar kollettiv skont il-prattiki nazzjonali. Minbarra djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb, l-involviment u l-interazzjoni kostruttiva mal-partijiet soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki u r-riformi rilevanti huma essenzjali sabiex tiżdied is-sjieda u l-effikaċja tagħhom.

Sistemi tal-protezzjoni soċjali u l-inugwaljanza

Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali jridu jipprovdu servizzi li jagħtu kapaċità lil kulħadd u appoġġ adegwat għad-dħul għal dawk fil-bżonn, filwaqt li jappoġġaw l-impjiegi u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk li jistgħu. Huwa meħtieġ bilanċ xieraq bejn l-adattabilità u s-sigurtà, inkluż livell, kopertura u tul adegwati tal-protezzjoni soċjali. Ir-riformi li jagħmlu x-xogħol aktar attraenti huma wkoll meħtieġa biex jinkoraġġixxu t-tranżizzjonijiet lejn l-impjieg.

L-inugwaljanza fid-dħul u l-faqar jeħtieġ li jiġu indirizzati meta jitfasslu r-riformi tal-politika u meta tkun qed tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tagħhom. Kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir u appoġġat ulterjorment mill-analiżi fir-rapporti tal-pajjiżi, żviluppi soċjoekonomiċi ġodda kritiċi ġew identifikati f’xi Stati Membri. Dawn jirrigwardaw l-inugwaljanzi fid-dħul jew l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fl-eżiti fl-edukazzjoni u s-saħħa. Dawn jeħtieġ li jiġu kkunsidrati meta jitfasslu l-politiki ekonomiċi. Minbarra dan, l-Istati Membri bl-ogħla livelli ta’ inugwaljanza għandhom it-tendenza li jkollhom rati ta’ faqar ogħla. L-indirizzar tal-inugwaljanza fl-introjtu u tal-faqar jitlob ġabra komprensiva ta’ politiki preventivi u ta’ mitigazzjoni. Dawn jinkludu aċċess ugwali għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, titjib fl-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u fil-prospetti ta’ introjtu, servizzi affordabbli ta’ kwalità u sistemi mfassla tajjeb tat-taxxa u tal-benefiċċji.

Is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji flimkien, permezz tal-progressività tas-sistemi tat-taxxa, il-ġbir tajjeb tat-taxxa u l-forniment ta’ benefiċċji soċjali adegwati, jistgħu jikkontribwixxu sabiex l-impjieg jiġi mmaniġġat u jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-faqar. Filwaqt li t-tfassil tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali huwa prerogattiva tal-Istati Membri, l-esperjenza turi li progressività baxxa tat-taxxa, flimkien ma’ ġbir dgħajjef tat-taxxa u xibka tas-sikurezza soċjali dgħajfa, huma ta’ ħsara għas-soċjetà u għat-tkabbir ekonomiku. F’dan il-kuntest, saru numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex jittejbu l-adegwatezza u l-kopertura tax-xbieki tas-sikurezza (pereżempju fir-rigward tad-dħul minimu) u t-trasparenza u l-koordinazzjoni tal-benefiċċji soċjali.

Edukazzjoni

Ħiliet aħjar huma essenzjali għat-titjib tal-prospetti tan-nies fis-suq tax-xogħol u biex jiġu sostnuti l-innovazzjoni u t-tkabbir fil-produttività. Il-ħaddiema li għandhom livell baxx ta’ ħiliet għandhom rati tal-impjieg aktar baxxi u jiffurmaw proporzjon kbir mill-persuni qiegħda fit-tul. L-investiment fil-ħiliet u l-appoġġ għat-tranżizzjonijiet minn impjieg b’ħiliet baxxi għal impjieg b’ħiliet ogħla u l-opportunitajiet tal-karriera huwa wkoll kruċjali sabiex jiġi mmaniġġat il-progress teknoloġiku, jiġi sostnut it-tkabbir tal-produttività u jiġi indirizzat it-tixjiħ. Ir-riformi jeħtieġ li jinkludu passi sabiex il-popolazzjoni tingħata ħiliet bażiċi aħjar jew differenti sabiex tittejjeb ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni terzjarja u t-tagħlim tul il-ħajja. L-isforzi għandhom jiffukaw ukoll fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità, b’mod partikolari għal gruppi żvantaġġati bħar-Roma u studenti bi sfond ta’ migrazzjoni. Dawn il-miżuri kollha jenfasizzaw ukoll ir-rwol importanti tas-sħab soċjali biex jiġu pprovduti impjiegi b’ħiliet għoljin u ta’ produttività għolja u opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. Rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni huma proposti din is-sena għall-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Spanja, Franza, il-Litwanja, Ċipru, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Awstrija, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

Is-settur finanzjarju

It-tiswija tal-vulnerabilitajiet li baqa’ fis-settur bankarju tgħin fl-appoġġ tal-irkupru u ssaħħaħ il-finanzjament tan-negozju Ewropew. Filwaqt li l-proċess tat-tiswija tal-karti tal-bilanċ tal-banek għamel progress fl-Istati Membri matul is-snin riċenti, livelli għolja ta’ self improduttiv, ineffiċjenzi fil-mudelli tan-negozju u kapaċità żejda huma ta’ piż fuq il-profitabbiltà tal-banek u jillimitaw l-abbiltà tagħhom li jisilfu lill-ekonomija reali. Il-Kummissjoni ppreżentat pakkett leġiżlattiv komprensiv sabiex tnaqqas aktar ir-riskji u ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE b’mod partikolari. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll rieżami ta’ nofs it-terminu tal-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali f’Ġunju 2017.

Livelli għolja ta’ self improduttiv huma l-konsegwenza ta’ self eċċessiv qabel il-kriżi u r-riżultat tal-perjodu mtawwal ta’ tkabbir baxx sa minn dak iż-żmien. Iż-żieda fit-tkabbir ekonomiku u fl-azzjonijiet tal-politika domestika għenu biex il-livell ta’ dan is-self jitqiegħed fuq perkors ta’ tnaqqis f’xi Stati Membri (l-Irlanda, il-Kroazja u s-Slovenja). Madankollu, f’numru ta’ pajjiżi oħra, l-irkupru nnifsu qed ikompli jkun imxekkel mit-tnaqqis fis-self li rriżulta mil-livell għoli ta’ self ħażin. Azzjonijiet deċiżivi ta’ politika f’dawn il-pajjiżi għall-promozzjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ dan is-self jistgħu jgħinu sabiex jitkissru dawn iċ-ċirki vizzjużi.

Hemm ħtieġa ta’ azzjoni kemm dwar il-livell għoli tas-self improduttiv eżistenti kif ukoll sabiex jiġi evitat li dan jerġa’ jakkumula fil-futur. B’livell għoli ta’ interkonnessjoni tas-sistemi ekonomiċi u finanzjarji fl-UE, proporzjonijiet għolja ta’ selfiet improduttivi f’bosta Stati Membri għandhom effetti sekondarji aktar wiesgħa. Minkejja li l-għodod tal-politika jinsabu l-aktar f’idejn l-Istati Membri, strateġija fil-livell tal-UE tista’ tippromwovi approċċ aktar komprensiv u azzjoni kkoordinata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Ir-rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro ssejjaħ għal strateġija effettiva għaż-żona kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji tal-vijabilità fis-settur bankarju.

Oqfsa effettivi tal-insolvenza, b’mod partikolari inkluż ristrutturar effettiv barra mill-qorti, huma essenzjali sabiex tiġi appoġġata r-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv u żieda fir-rati ta’ rkupru. Dawn il-miżuri jinkludu żieda fit-trasparenza u fl-iżvelar, tisħiħ tal-infrastrutturi tad-dejta sabiex jitħaffu t-tranżazzjonijiet, u s-servizz minn istituzzjonijiet speċjalizzati mhux bankarji u bejgħ lilhom. Sabiex jiġu indirizzati l-ammonti kbar eżistenti ta’ selfiet improduttivi, għandhom jitqiesu għażliet għall-iffaċilitar ta’ tiswija mħaffa tal-karta tal-bilanċ. Dawn għandhom jinkludu użu aktar proattiv ta’ poteri ta’ superviżjoni, u tħaffif tal-bejgħ ta’ assi bħal dawn. Il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Bulgarija, lill-Irlanda, lill-Italja, lil Ċipru, lill-Portugall u lis-Slovenja biex jieħdu miżuri.

Ambjent tal-investiment u tan-negozju

L-istabbiltà ekonomika u l-implimentazzjoni tar-riformi kkontribwew għall-irkupru fl-investiment, li qabeż il-livelli ta’ qabel il-kriżi f’xi Stati Membri. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiżdiedu l-ħażniet ta’ tagħmir kapitali, kapital intanġibbli u infrastrutturi u biex jiġi kkumpensat id-distakk tal-investiment akkumulat sa minn meta faqqgħet il-kriżi. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-indirizzar tal-barrieri nazzjonali għall-investiment u r-riformi prijoritarji li qed isiru jikkonfermaw li proporzjon sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi f’dawn l-oqsma mhumiex implimentati b’mod sħiħ. L-Istati Membri għandhom jieħdu vantaġġ mill-kundizzjonijiet makroekonomiċi favorevoli ta’ bħalissa sabiex iżidu l-investiment pubbliku sabiex jaċċelleraw il-pass tar-riformi u joħolqu opportunitajiet għall-investiment privat. Fl-istess żmien, l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk bi spazju fiskali, għandhom isostnu x-xejra ta’ żieda fl-investiment pubbliku.

Ir-rata ta’ investimenti pubbliċi fl-edukazzjoni, l-infrastruttura u r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiżdiedu f’dawk il-pajjiżi fejn hemm spazju għal żieda fin-nefqa pubblika. Titjib fl-infrastruttura pubblika b’impatt fuq il-produttività, bħal netwerks tal-broadband, komunikazzjonijiet jew innovazzjoni, huma meħtieġa f’numru ta’ Stati Membri. Investimenti fi djar pubbliċi, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fis-servizzi soċjali huma meħtieġa f’bosta oħrajn. Fil-każijiet kollha, li jiġu applikati l-proċeduri tal-akkwist b’mod trasparenti u xieraq għandu jgħin biex tiġi mmassimizzata l-effiċjenza fl-użu ta’ riżorsi tal-baġit tas-settur pubbliku.

Madankollu, ir-rapidità u s-saħħa tal-irkupru jiddependu fuq titjib aktar determinat fl-investiment privat. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa qed tgħin sabiex jiġi żgurat użu ottimali tal-investiment pubbliku u qed taġixxi bħala xprun tal-investiment privat. Dan isaħħaħ l-impatt tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej f’bosta partijiet tal-Ewropa. Ir-riformi strutturali qegħdin jgħinu biex jinħoloq ambjent tan-negozju li jinkoraġġixxi l-investimenti fis-settur privat fl-Istati Membri. Ir-riformi amministrattivi ġew aċċellerati f’pajjiżi fejn kienu l-aktar meħtieġa. Madankollu, għad hemm ħafna xogħol xi jsir. Provvista stabbli ta’ proġetti f’setturi ewlenin għadha qiegħda tiġi żviluppata.

Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex tittejjeb l-effikaċja tas-sistemi tal-ġustizzja u tiġi impedita u miġġielda l-korruzzjoni. Dawn huma kwistjonijiet ewlenin f’numru ta’ Stati Membri, u dan qed ifixkel l-investiment, l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, il-prestazzjoni ekonomika u t-tkabbir. Li nindirizzaw dawn l-isfidi huwa essenzjali għat-titjib tal-kunfidenza tan-negozju u tal-klima tal-investiment, għaż-żieda fl-effiċjenza tal-infiq pubbliku, għall-promozzjoni tal-ekwità u għall-appoġġ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Is-sitwazzjoni titlob azzjoni konsistenti, persistenti u koerenti, b’mod partikolari fis-setturi li għadhom l-aktar vulnerabbli għall-korruzzjoni: l-akkwisti pubbliċi, l-amministrazzjoni pubblika, l-ambjent pubbliku, il-kura tas-saħħa. L-isfidi li baqa’ jinkludu: oqfsa frammentati tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni u mekkaniżmi inadegwati ta’ kontroll; nuqqasijiet fil-qafas legali ta’ kontra l-korruzzjoni jew fl-infurzar tar-regoli eżistenti ta’ kontra l-korruzzjoni; inizjattivi insuffiċjenti dwar il-whistleblowing u l-kumpaniji tal-isem; prosekuzzjoni insuffiċjenti ta’ korruzzjoni f’livell għoli; ħlasijiet informali fil-kura tas-saħħa; nuqqas ta’ kompetizzjoni u trasparenza fl-operazzjonijiet tal-akkwisti pubbliċi.

Swieq tal-prodotti u s-servizzi

Riformi fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi għadhom qed mhumiex qed jagħmlu biżżejjed progress fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Għandhom isiru riformi mill-Istati Membri li għadhom ma indirizzawhomx. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-riformi ġew ippreżentati jew imħabbra iżda għadhom iridu jiżdiedu, jitwettqu u jiġu implimentati b’determinazzjoni. Fejn ir-riformi ġew adottati u huma fil-proċess li jiġu implimentati, għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tkun determinata u, aktar importanti minn hekk, li r-riformi jiġu kkonsolidati sabiex jiġi evitat it-treġġigħ lura potenzjali tagħhom.

Ir-riformi huma partikolarment importanti fis-servizzi tan-negozju u fid-distribuzzjoni bl-imnut, fid-dawl tal-impatt li dawn is-setturi għandhom fuq il-produttività ta’ setturi oħra tas-servizzi u l-manifattura. Inizjattivi settorjali speċifiċi tnedew f’dawn l-oqsma u f’ċikli ta’ Semestri tal-passat ġie rrakkomandat li l-Istati Membri jintroduċu riformi f’dawn is-setturi. Li jinstabu modi kumplimentari sabiex jiġu implimentati dawn il-miżuri u riformi flimkien ma’ sforzi oħra biex tiżdied il-kompetizzjoni f’dawn is-swieq se tkun essenzjali sabiex jitrawwem it-tkabbir fil-produttività fis-setturi tas-servizzi kif ukoll f’setturi oħra li jużaw dawn is-servizzi bħala inputs. Dan jgħin biex itejjeb il-kompetittività madwar is-settur primarju u dak tal-utenti. Żieda fil-kompetizzjoni u tnaqqis fil-prezzijiet tas-servizzi professjonali jkunu ta’ benefiċċju partikolari għall-SMEs. Dawn ir-riformi għandhom ukoll jippermettu l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda tan-negozju u l-innovazzjoni.

Finanzi pubbliċi

Il-finanzi pubbliċi huma mistennija li jkomplu jitjiebu kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fl-UE kollha kemm hi. B’riżultat tal-espansjoni ekonomika moderata li tinsab għaddejja, u r-rati tal-imgħax eċċezzjonalment baxxi, id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika komplew jonqsu fl-2016 fiż-żona tal-euro u fl-UE (defiċit ta’ 1,5 % u ta’ 1,7 % tal-PDG rispettivament, u dejn ta’ 91,3 % u 85,1 % tal-PDG rispettivament). Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jkompli jonqos fiż-żewġ oqsma fl-2017 u fl-2018, u li jilħaq fl-2018 1,3 % tal-PDG fiż-żona tal-euro u 1,5 % fl-UE, taħt preżunzjoni tal-ebda tibdil fil-politika. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa wkoll projettat li jkompli jonqos fl-2017 u fl-2018 fiż-żona tal-euro u l-UE. Huwa mbassar li jilħaq, fiż-żona tal-euro, 90,3 % fl-2017 (84,7 % fl-UE) u 88,8 % fl-2018 (83,6 % fl-UE). Dawn huma l-aktar livelli baxxi sa mill-2012. It-tnaqqis tad-dejn jista’ jiġi attribwit l-aktar għas-surpluses primarji, għal tnaqqis fl-infiq fuq l-imgħax, it-tkabbir reali tal-PDG (għalkemm modest) u ż-żieda mistennija fl-inflazzjoni.

Wara bosta snin ta’ konsolidament baġitarju, il-pożizzjoni tal-politika fiskali fiż-żona tal-euro u fl-UE baqgħet fil-biċċa l-kbira newtrali fl-2016 u hija mistennija li tibqa’ hekk fl-2017. Bir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż proposti, l-aġġustament fiskali rikjest mill-Istati Membri li huma fil-fergħa preventiva u li għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħhom huwa konsistenti mal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir. Għall-Istati Membri fil-fergħa korrettiva, ir-rakkomandazzjonijiet proposti jtennu l-ħtieġa ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv. Li l-proporzjonijiet tad-dejn jiġu stabbiliti fuq perkors sod ta’ tnaqqis huwa partikolarment importanti f’dawk il-pajjiżi li għandhom dejn għoli u fejn il-vulnerabilità għat-taqlib fis-swieq finanzjarji tista’ tkun aktar aċċentwata. B’mod ġenerali, dawn l-aġġustamenti biex tintlaħaq konformità sħiħa mal-Patt ikunu jimplikaw pożizzjoni fiskali aggregata xi ftit restrittiva għaż-żona tal-euro kollha kemm hi fl-2018.

Fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, l-Istati Membri taż-żona tal-euro li għandhom l-ispazju fiskali huma għalhekk irrakkomandati li jużawh sabiex jappoġġaw id-domanda domestika, b’mod partikolari l-investiment fl-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan isaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir tagħhom u jwassal għal distribuzzjoni aħjar tal-aġġustament fiskali madwar iż-żona tal-euro. Jikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ pożizzjoni fiskali li tkun b’mod ġenerali aktar xierqa għaż-żona kollha kemm hi fl-2018. Dan ikun importanti sabiex jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn il-kisba tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u l-protezzjoni tal-irkupru kurrenti fl-attività ekonomika u fl-impjiegi. Minbarra dan, meta jkunu qed jieħdu miżuri ta’ politika biex jiksbu l-aġġustamenti baġitarji rakkomandati skont il-fergħa preventiva tal-Patt, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa li jappoġġaw l-irkupru u l-impatt potenzjali fuq l-impjieg. Meta tkun qed twettaq il-valutazzjonijiet futuri tagħha, il-Kummissjoni tinsab lesta li tuża l-marġini tal-apprezzament f’każijiet fejn l-impatt ta’ aġġustament fiskali kbir fuq it-tkabbir u l-impjieg ikun partikolarment sinifikanti. F’dak il-kuntest, hija se tagħmel użu minn kull informazzjoni aġġornata dwar il-pożizzjoni projettata fiċ-ċiklu ekonomiku ta’ kull Stat Membru u taħdem mill-qrib mal-Kunsill għal dak l-għan. Dan huwa konsistenti mal-approċċ diġà ppreżentat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Jannar 2015 dwar li jsir l-aħjar użu mill-flessibilità fir-regoli tal-Patt ta’ StabilItà u Tkabbir u fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Novembru 2016 dwar pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro.

Sabiex isibu r-riżorsi għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ investiment fuq terminu medju sa dak twil, l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq it-titjib tal-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni mill-qrib għal allokazzjoni xierqa tad-dħul u l-infiq pubbliku madwar l-oqsma ta’ politika differenti, li jirriżulta f’kombinazzjoni li tista’ tiffaċilita aktar it-tkabbir. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tat-tassazzjoni u tan-nefqa pubblika fil-livelli kollha tal-gvern. Dan jista’ jkun strumentali biex tkompli tiġi limitata aktar l-ispiża globali tas-settur pubbliku, u jista’ jipprovdi spazju għall-appoġġ ta’ politiki li jgħinu biex jixprunaw it-tkabbir u l-produttività u l-inklużjoni soċjali, pereżempju permezz ta’ investiment fl-infrastruttura soċjali u l-aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema. L-attività tan-negozju u l-ekwità soċjali t-tnejn jibbenefikaw jekk jiġu pprovduti amministrazzjoni pubblika effettiva u li tiffunzjona tajjeb u livell adegwat ta’ servizzi soċjali u beni pubbliċi.

Kaxxa 2. Aġġornament dwar is-sorveljanza skont il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabilità u Konverġenza tal-2016, il-Kummissjoni ħadet ukoll numru ta’ passi skont il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tingħalaq għall-Kroazja u l-Portugall. Dan iħalli biss erba’ Stati Membri fil-fergħa korrettiva tal-Patt.

Il-Kummissjoni adottat rapporti għall-Belġju u l-Finlandja skont l-Artikolu 126(3) TFUE, li fih teżamina l-konformità tagħhom mal-kriterju tad-dejn tat-Trattat. Fiż-żewġ każijiet, il-konklużjoni hi li l-kriterju tad-dejn għandu jitqies bħala li qed jiġi rrispettat fil-preżent. Fil-każ tal-Belġju, miżuri fiskali addizzjonali għandhom jittieħdu fl-2017 sabiex tiġi żgurata konformità ġenerali mal-perkors ta’ aġġustament lejn l-MTO fl-2016 u fl-2017 flimkien. Fil-każ tal-Finlandja, huwa nnutat li l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tar-riformi strutturali li jżidu l-produttività u l-provvista tal-ħaddiema huma essenzjali għat-tisħiħ tal-prospetti tat-tkabbir fuq terminu medju u għat-titjib tas-sostenibilità fiskali.

Minbarra dan, il-Kummissjoni tindirizza twissija lir-Rumanija dwar l-eżistenza ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2016 u tirrakkomanda lill-Kunsill biex jadotta rakkomandazzjoni li r-Rumanija tieħu miżuri xierqa fl-2017 bil-għan li tikkoreġi din id-devjazzjoni sinifikanti. Hija l-ewwel darba li qiegħda tiġi applikata din il-proċedura għall-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE. Hija tipprovdi lill-awtoritajiet l-opportunità li jieħdu azzjoni korrettiva sabiex jevitaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabilità tal-2017, il-Kummissjoni għandha fehma pożittiva dwar it-talbiet ta’ flessibilità tal-Litwanja u l-Finlandja. Fil-każ tal-Finlandja, il-flessibilità qed tingħata fid-dawl tal-implimentazzjoni ppjanata ta’ riformi strutturali importanti, b’mod partikolari l-Patt tal-Kompetittività u r-riforma tal-pensjonijiet, u l-investiment. Fil-każ tal-Litwanja, il-flessibilità qed tingħata fid-dawl tal-implimentazzjoni ppjanata ta’ riformi li jtejbu s-sostenibilità tas-sistema tal-pensjonijiet permezz ta’ indiċjar imsaħħaħ u żieda gradwali tas-servizz pensjonabbli.

4.    Konklużjoni

Ir-riformi strutturali, flimkien ma’ użu aħjar tal-baġits pubbliċi, huma indispensabbli sabiex l-ekonomija tal-EU tittejjeb sal-potenzjal sħiħ tagħha. Is-sett ta’ rakkomandazzjonijiet ippreżentat mill-Kummissjoni jagħmel użu kemm mill-perspettiva Ewropea kif ukoll minn dik nazzjonali. Ir-rakkomandazzjonijiet isegwu fuq il-prijoritajiet taż-żona tal-UE u taż-żona tal-euro ppreżentati fl-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Jibnu wkoll fuq djalogu sħiħ mal-Istati Membri, permezz tar-rapporti tal-pajjiżi, diskussjonijiet u żjajjar bilaterali, u l-aġenda ta’ riforma, kif deskritt fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programmi ta’ Stabilità jew Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet jindirizzaw l-aktar sfidi pressanti li jxekklu l-ħolqien ta’ aktar impjiegi jew ta’ tkabbir aktar mgħaġġel.

Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Kunsill biex japprova l-approċċ propost tagħha għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2017-2018 u deċiżjonijiet relatati skond il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir. Issejjaħ ukoll lill-Istati Membri sabiex jimplimentawhom b’mod sħiħ u mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha sabiex tiżgura sjieda wiesgħa u segwitu u implimentazzjoni effettivi. Il-Kummissjoni hija wkoll disponibbli biex tipprovdi appoġġ fuq talba għar-riformi lill-Istati Membri permezz tas-Servizz tal-Appoġġ għar-Riformi Strutturali li għadu kif twaqqaf u permezz tal-aħjar użu mill-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej.

Tabella 1 - Politiki koperti fir-rakkomandazzjiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2017

Tabella 2 - Progress lejn il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020

Il-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-UE

Dejta tal-2010

L-aħħar dejta disponibbli

Fl-2020, abbażi tax-xejriet kurrenti

1. Żieda fir-rata tal-impjieg tal-popolazzjoni fl-età ta’ 20-64 għal mill-anqas 75 %

68,6 %


71,1 % (2016)

Huwa probabbli li l-mira tintlaħaq

2. Żieda fl-investiment pubbliku u privat ikkombinat fir-R&Ż għal 3 % tal-PDG

1,93 %

2,03 % (2015)

Mhuwiex probabbli li l-mira tintlaħaq

3a. Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra, b’mill-anqas 20 % mqabbla mal-livelli tal-1990

tnaqqis ta’ 14 %

tnaqqis ta’ 22 % (2015)

Huwa probabbli li l-mira tintlaħaq

3b. Żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija għal 20 %.

12,9 %

16,7 % (2015)

Huwa probabbli li l-mira tintlaħaq

3c. Progress lejn tnaqqis ta’ 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija (jiġifieri mira tal-konsum tal-enerġija primarja ta’ 1483 Mtoe)

11,7 % ‘l fuq mill-mira tal-konsum tal-enerġija primarja ta’ 1483 Mtoe

3,1 % ‘l fuq mill-mira tal-konsum tal-enerġija primarja ta’ 1483 Mtoe

Huwa probabbli li l-mira tintlaħaq

4 a. Tnaqqis tar-rati tat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien għal anqas minn 10 %

13,9 %

10,7 % (2016)

Huwa probabbli li l-mira tintlaħaq

4b. Żieda fis-sehem tal-popolazzjoni fl-età ta’ 30-34 li temmew l-edukazzjoni terzjarja għal mill-anqas 40 %

33,8 %

39,1 % (2016)

Huwa probabbli li l-mira tintlaħaq

5. Tneħħija ta’ mill-anqas 20 miljun persuna mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali

żieda ta’ 0,45 miljun (imqabbla mas-sena bażi 2008)

żieda ta’ 1,7 miljun (imqabbla mas-sena bażi 2008, 2015)

Mhuwiex probabbli li l-mira tintlaħaq

Sorsi: Il-Kummissjoni Ewropea; L-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent.

Top