Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0453

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2018

COM/2017/0453 final

Brussell, 25.8.2017

COM(2017) 453 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2018

{SWD(2017) 284 final}


1.Daħla

Il-Kummissjoni tappoġġa l-applikazzjoni volontarja tal-istandards u r-rwol ewlieni tal-industrija fl-iżvilupp tagħhom. Fl-istess ħin, hija tqis li sabiex l-istandards jiġu aċċettati b’mod wiesa’, huwa essenzjali li l-proċess tal-istandardizzazzjoni jibbenefika mill-għarfien tekniku tar-rappreżentanti tal-industrija, tal-gvern u tal-oqsma xjentifiċi u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn. Ir-regolatur jista’ jistabbilixxi r-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni u jistaqsi lis-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni tiżviluppa standards volontarji Ewropej (li għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea), li jistgħu jintużaw bħala referenza indiretta u bħala bażi biex wieħed jassumi li hemm konformità jew sikurezza. Għalhekk, sistema effiċjenti tal-istandardizzazzjoni trid tissejjes fuq sħubija mill-qrib bejn ir-regolatur, il-korpi tal-istandardizzazzjoni u l-industrija 1 .

Fil-Komunikazzjoni tal-2011 tagħha msejħa “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja ’l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020” 2 , il-Kummissjoni stabbiliet viżjoni strateġika għall-istandardizzazzjoni Ewropea. Din ingħatat forma legali permezz tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li ilu fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar tal-2013.

Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea. Dawn il-prijoritajiet, li jirriflettu l-objettivi politiċi tal-Kummissjoni, jiġu ppubblikati fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea. Il-programmi ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea jindikaw liema standards u strumenti tal-istandardizzazzjoni l-Kummissjoni beħsiebha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jipprovdu 3 , jiġifieri kif beħsiebha tuża l-istandardizzazzjoni biex tappoġġa l-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti jew ġodda u liema talbiet formali għall-istandardizzazzjoni (mandati) dan jaf jinkludi.

It-talbiet għall-istandardizzazzjoni huma essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku għaliex l-atti leġiżlattivi jkunu jistgħu jiġu implimentati permezz tal-istandards. Dan jagħti lill-manifatturi ċ-ċertezza legali u jiffaċilita l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi.

L-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni li ngħataw prijorità fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2018 jirriflettu diversi prijoritajiet attwali tal-politika tal-Kummissjoni u jappoġġaw ċerta leġiżlazzjoni ewlenija u ċerti dokumenti tal-politika ewlenin li ġew approvati dan l-aħħar. Aspetti importanti oħrajn jinkludu azzjonijiet biex l-istandardizzazzjoni Ewropea tingħata iktar viżibbiltà f’pajjiżi oħrajn u f’organizzazzjonijiet internazzjonali u azzjonijiet biex jitjiebu l-funzjonament, il-prestazzjoni u r-riżultati tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni.

Il-Kummissjoni tilqa’ bil-ferħ ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar l-istandards Ewropej għas-seklu 21 4 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istandardizzazzjoni”), u tirrikonoxxi u tisħaq fuq “l-opinjoni li l-istandards huma għodda importanti għall-funzjonament tas-Suq Uniku, biex itejbu l-kompetittività, it-tkabbir u l-innovazzjoni Ewropea, biex jappoġġjaw il-kwalità, il-prestazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi, in-negozju, il-ħaddiema u l-ambjent u biex jiżviluppaw l-interoperabbiltà tan-netwerks u tas-sistemi”. B’mod partikulari, il-programmi ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea jittrattaw u jtennu l-isfidi u l-kunsiderazzjonijiet marbutin mal-privattivi essenzjali standard, mal-istandardizzazzjoni tal-ICT, mal-lat internazzjonali tal-istandardizzazzjoni u mal-vetturi awtonomi. Barra minn hekk, rwol importanti tar-rapport kien l-appoġġ li ta lir-rappurtar u lid-djalogu interistituzzjonali, u huwa kien ta’ referenza importanti għal dan il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea.

Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea jirrifletti wkoll l-inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni li l-Kummissjoni kienet ipproponiet fl-2015 (bħala parti mill-istrateġija għal suq uniku 5 ) u li ġiet iffirmata f’Ġunju tal-2016. L-inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni tistabbilixxi viżjoni komuni li tappoġġa l-għaxar prijoritajiet tal-politika tal-Kummissjoni, u azzjonijiet speċifiċi li għandhom jitwettqu sal-2019 biex titjieb is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni billi jimmobilizzaw lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-komunità Ewropea tal-istandardizzazzjoni. Din ġiet irrikonoxxuta b’mod wiesa’ bħala l-mod kif l-istandards Ewropej għandhom jiġu stabbiliti fil-ġejjieni fil-kuntest tal-iżviluppi teknoloġiċi, tal-prijoritajiet tal-politika u taxxejriet dinjin. S’issa 109 parteċipant iffirmaha u approvaha, fosthom l-UE u l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-EFTA, li flimkien jirrappreżentaw impenn kbir fis-Sistema Ewropea kollha tal-Istandardizzazzjoni.

Dan il-programm ta’ ħidma:

·huwa indirizzat lill-Istati Membri kollha, lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, lill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III (SBS, ANEC, KETU u ECOS) 6 li jirrappreżentaw lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, lill-konsumaturi, lill-ħaddiema u lill-interessi ambjentali marbutin mal-istandardizzazzjoni rispettivament, lill-industrija u lil partijiet ikkonċernati oħrajn involuti fil-proċess tal-istandardizzazzjoni, u jitlobhom jieħdu sehem attiv fl-azzjonijiet ta’ prijorità;

·ifittex li jżid l-effettività tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni billi jiffoka r-riżorsi disponibbli fuq is-setturi li jippermettulha tagħti riżultati b’rabta mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni; u

·jitlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jsejsu l-programmi ta’ ħidma tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġiji, tal-azzjonijiet u tal-politiki ewlenin li huwa jisħaq fuqhom.

Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea ma għandu l-ebda impatt baġitarju minbarra dak li kien diġà ġie previst fil-previżjonijiet finanzjarji għall-2018.

2.Il-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea li jappoġġaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni

Il-proċess tal-istandardizzazzjoni Ewropea huwa wieħed mill-pedamenti li fuqhom jistrieħ is-suq intern. Ir-rwol tiegħu mhuwiex biss li jiżviluppa standards armonizzati: fil-fatt, huwa jikkontribwixxi direttament għall-integrazzjoni tas-suq uniku u jappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ġenerali tal-ekonomija tal-UE, il-kompetittività, l-innovazzjoni u t-tmexxija industrijali. Għalhekk huwa parti integrali mill-istrateġija għal suq uniku u element importanti tal-prijoritajiet tal-politika tal-Kummissjoni u ta’ diversi inizjattivi tal-politika ewlenin tagħha, bħall-istrateġija għal suq uniku diġitali 7 . Billi tappoġġa l-iżvilupp ta’ standards Ewropej f’oqsma strateġiċi ta’ prijorità li jirrappreżentaw swieq li qegħdin jikbru, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħti vantaġġ kompetittiv lill-impriżi Ewropej, b’mod speċjali lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

Din it-taqsima tiffoka fuq l-azzjonijiet li jappoġġaw l-inizjattivi rilevanti fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 u l-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni li ħarġu minnhom għall-2018. Il-proposti ma jirrappreżentawx lista eżawrjenti tal-azzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha twettaq fl-oqsma tal-politika kkonċernati. Huma jirriflettu l-ħtiġijiet li ġew identifikati waqt li kienu qed jitħejjew jew jiġu implimentati l-atti leġiżlattivi u l-politiki rilevanti u huma skont l-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni li twettaq bil-fatti Ewropa “li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi”.

Qasam tal-iżvilupp tal-istandards diġitali li huwa partikularment rilevanti għall-industrija Ewropea huwa marbut mal-manifattura u l-produzzjoni. Jeżisti qafas ta’ referenza li ġie żviluppat mill-industrija li jintuża u li jiġi żviluppat b’mod attiv għas-sistemi tal-IT li jappoġġaw l-ambjent tal-manifattura (imsejjaħ “RAMI – Reference Architecture for Manufacturing in Industry” (qafas ta’ referenza għall-manifattura fl-industrija)). Hemm bżonn urġenti li jkompli jiġi żviluppat dan il-qafas sabiex ikun jinkludi s-servizzi u l-kunsinna permezz tal-pjattaformi.

2.1.Azzjonijiet li jappoġġaw l-istrateġija għal suq uniku diġitali

Sena wara li ġew ippubblikati l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni tal-ICT 8 , b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, mal-organizzazzjonijiet dinjin tal-istandardizzazzjoni u mal-komunità tal-istandardizzazzjoni, qed isir progress fl-azzjonijiet deskritti bħala oqsma ta’ prijorità fin-netwerks ta’ komunikazzjoni tal-ħames ġenerazzjoni, fl-internet tal-oġġetti, fil-cloud computing, fiċ-ċibersigurtà u fit-teknoloġiji tad-dejta (jew tal-big data), kif ukoll fl-oqsma settorjali tas-saħħa elettronika, tas-sistemi intelliġenti tat-trasport u tal-vetturi konnessi u awtomatizzati, tal-enerġija intelliġenti, tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u tad-djar, tal-bliet u tal-agrikultura intelliġenti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni bdiet azzjonijiet biex ittejjeb l-ekosistema tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, fosthom ħidma mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u mal-partijiet ikkonċernati dwar miżuri possibbli biex tittejjeb l-ekosistema tal-privattivi essenzjali standard, biex jiġu promossi s-sorsi miftuħin u l-interazzjoni tagħhom mal-istandardizzazzjoni u biex tissaħħaħ il-preżenza tal-UE fl-istandardizzazzjoni tal-ICT f’livell internazzjonali. Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija għal suq uniku diġitali ppreżentat l-implimentazzjoni ġenerali tal-azzjonijiet ta’ standardizzazzjoni.

Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta’ standards globali inizjali għall-ħames ġenerazzjoni sa tmiem l-2019 hija waħda mill-azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-ħames ġenerazzjoni 9 . L-interoperabbiltà u l-istandards huma parti mill-ħolqien ta’ ekonomija Ewropea xprunata mid-dejta li għandha l-għan li trawwem l-aħjar użu tal-potenzjal tad-dejta diġitali biex minnha jibbenefikaw l-ekonomija u s-soċjetà 10 . Il-proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika 11 titlob għal ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali faċilment viżibbli u intelliġibbli tal-ġabra ta’ informazzjoni maħruġa b’tagħmir terminali, il-finijiet tagħha, il-persuna responsabbli minnha u ta’ kwalunkwe miżura li l-utent aħħari tat-tagħmir terminali jista’ jieħu biex jimminimizza l-ġabra. F’Lulju tal-2016, bħala parti mill-Komunikazzjoni msejħa “Insaħħu r-Reżiljenza tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u Nrawmu Industrija taċ-Ċibersigurtà Kompetittiva u Innovattiva” 12 , tħabbar il-pjan ta’ azzjoni dwar il-kooperazzjoni biex l-inċidenti ċibernetiċi mifruxa jiġu ttrattati fil-livell tal-UE, u f’din il-Komunikazzjoni n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet interoperabbli (standards tekniċi), prattiki (standards tal-proċess) u mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni għall-UE kollha ġew identifikati bħala nuqqasijiet li qed jolqtu lis-suq uniku fiċ-ċibersigurtà. Fil-Ħarifa mistennija tinħareġ Komunikazzjoni dwar il-privattivi essenzjali standard li tipprovdi kjarifika sabiex ikun hemm qafas ibbilanċjat u sostenibbli.

Ċerti azzjonijiet huma implimentati permezz tas-sħubiji pubbliċi-privati 13 , bħalma huma l-Alleanza għall-innovazzjoni b’rabta mal-internet tal-oġġetti 14 , is-sħubija pubblika-privata dwar l-infrastruttura tal-ħames ġenerazzjoni, l-Assoċjazzjoni dwar il-valur tal-big data, is-sħubija pubblika-privata tal-Fabbriki tal-Futur u l-Organizzazzjoni Ewropea dwar iċ-ċibersigurtà, u permezz tal-proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-programm Orizzont 2020 15 . 

Barra minn hekk, il-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT li jappoġġaw il-politiki tal-UE huma deskritti fil-verżjoni tal-2017 tal-“Pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT” 16 li s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea stabbilixxew b’kollaborazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea ta’ bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT, u dawn il-ħtiġijiet ġew allinjati mal-prijoritajiet identifikati fil-Komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni tal-ICT.

Dan ix-xogħol huwa utli wkoll biex il-prodotti u s-servizzi jkunu aċċessibbli fl-UE. Barra minn hekk, għandu jiżdied l-isforz biex l-aċċessibbiltà tkun integrata billi wieħed isegwi approċċ ta’ “disinn għal kulħadd” sabiex il-kwistjonijiet marbutin mad-diżabilità jkunu integrati fil-proċessi rilevanti tal-istandardizzazzjoni.

L-Anness jidentifika wkoll xi talbiet possibbli għall-istandardizzazzjoni li jista’ jkun hemm b’rabta mal-istandardizzazzjoni tal-ICT.

2.2.Azzjonijiet li jappoġġaw l-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija

Id-daqs tat-trasformazzjoni diġitali u r-rata li biha din qed isseħħ qed ikollhom impatt fuq ħafna industriji, fosthom fis-settur tal-enerġija. Hija ta’ prijorità li nesploraw kif id-diġitalizzazzjoni u l-unjoni tal-enerġija qed jaffettwaw lil xulxin. L-istandardizzazzjoni mistennija tgħin biex ikun hemm bidla ta’ malajr lejn suq intern dekarbonizzat u integrat, u għalhekk hija ta’ prijorità għall-unjoni tal-enerġija. Għal dan il-għan, fil-Komunikazzjoni msejħa “Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa” 17 , l-istandardizzazzjoni ġiet identifikata wkoll bħala fattur importanti li jwassal biex is-suq jadotta t-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Għandu jkun hemm azzjonijiet speċifiċi li jkollhom fil-mira l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-elettriku, li jappoġġaw il-provvista tal-gass minn sorsi differenti u li jintegraw l-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija għall-konsum. L-istandardizzazzjoni diġà qed tgħin lill-effiċjenza enerġetika u qed tgħin biex tonqos id-domanda billi tpoġġi fil-mira l-bini permezz ta’ sett ġdid ta’ standards dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, iżda issa l-isforzi li jmiss għandhom jiffukaw fuq il-kejl tal-konsum tal-enerġija tal-apparat u fuq l-għoti ta’ appoġġ lill-ibliet intelliġenti permezz tal-akkwist pubbliku ekoloġiku għall-prodotti innovattivi.

Dawn l-objettivi wasslu, fost l-oħrajn, għall-iżvilupp li qed isir bħalissa ta’ standard għall-monitoraġġ lokali u reġjonali tal-kwalità tal-arja permezz ta’ apparat ta’ monitoraġġ mobbli u portabbli li jissodisfa l-objettivi tal-kwalità tad-dejta mogħtija fid-Direttivi dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent (idDirettiva 2008/50/KE u d-Direttiva 2004/107/KE).

Fil-kuntest tal-miri ambizzjużi tal-UE biex jiġu dekarbonizzati l-ħtiġijiet tat-trasport, l-istandardizzazzjoni għandha tipprovdi lill-manifatturi tal-vetturi bl-opportunità biex jibdew jużaw mezzi iktar nodfa tat-trasport li jippermettu li jintuża inqas fjuwil u li jkomplu jnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u ta’ sustanzi li jniġġsu oħrajn.

Sabiex jitnaqqas in-nuqqas ta’ effiċjenza enerġetika tal-bini hemm bżonn ta’ iktar appoġġ permezz tal-istandardizzazzjoni billi l-konsumaturi aħħarin jingħataw biżżejjed informazzjoni dwar ir-rendiment tas-sistemi ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali. Dan jikkontribwixxi għall-isforzi ġenerali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-konsum tal-fjuwil, filwaqt li jimmira wkoll li jżid il-kooperazzjoni ma’ reġjuni u ma’ pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-UE.

Fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Infrastruttura Ekoloġika 18 hemm ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni marbutin mal-blokok tal-bini fiżiċi biex l-istandards ikunu armonizzati, biex il-kunċett u l-prinċipji tal-infrastruttura ekoloġika jiddaħħlu fil-kategoriji differenti tal-istandards (ir-rendiment, il-proċedura u l-metodoloġija) jew biex dawn jissaħħu f’dawn il-kategoriji, u biex ikun hemm l-interoperabbiltà bejn l-istandards tekniċi li jiġu applikati fl-istadji differenti tal-proġett (l-ippjanar, id-disinn u l-bini).

2.3.Azzjonijiet li jappoġġaw l-istrateġija spazjali għall-Ewropa

Il-Kummissjoni tħaddem tliet programmi ta’ navigazzjoni bis-satellita (il-lokalizzazzjoni bis-satellita permezz tal-programm “Galileo”, in-navigazzjoni bis-sistema msejħa “EGNOS” u l-osservazzjoni permezz tal-programm “Copernicus”). Dawn il-programmi huma kruċjali għall-kompetittività tal-UE minħabba l-potenzjal ekonomiku tas-servizzi u tad-dejta li joffru lin-negozji u lill-pubbliku. Il-Kummissjoni tħeġġeġ l-użu tas-soluzzjonijiet spazjali permezz ta’ miżuri ta’ standardizzazzjoni u pjanijiet direzzjonali għall-istandardizzazzjoni u billi tintegra l-ispazju fl-istrateġiji tal-ġejjieni, pereżempju f’dawk dwar il-karozzi awtonomi u konnessi, dwar il-ferroviji, dwar l-avjazzjoni u dwar il-vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord.

2.4.Azzjonijiet li jappoġġaw il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari

Fir-Rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari 19 , il-Kummissjoni talbet lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jiżviluppaw standards ġeneriċi dwar id-durabbiltà, il-kapaċità għall-użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà ta’ ċerti prodotti u dokumentazzjoni dwar aspetti tal-effiċjenza materjali ta’ ċerti prodotti (fosthom dwar l-użu tal-materja prima kritika).

L-istandards armonizzati se jgħinu biex jittejbu s-sikurezza u l-effettività tal-fertilizzanti li jkollhom ittikketta “CE” fuqhom. Il-produtturi se jkunu jistgħu jattiraw grupp ikbar ta’ klijenti, u possibilment jibbenefikaw minn prezzijiet ogħla bis-saħħa tal-marka “CE” fuq il-prodotti li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom u li hija rrikonoxxuta b’mod wiesa’. Skont l-istimi 20 , jistgħu jinħolqu madwar 120 000 impjieg fil-qasam tar-riċiklaġġ tal-bijoskart f’fertilizzanti organiċi. Se jitħeġġu r-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment fl-ekonomija ċirkolari u b’hekk ir-riżorsi sekondarji li ġejjin mid-djar li kieku kienu jintremew fiż-żibel se jsiru riżorsi ta’ valur.

2.5.Azzjonijiet li jappoġġaw il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża

Is-suq Ewropew tad-difiża huwa fframmentat u m’hemmx biżżejjed kollaborazzjoni industrijali fih. Skont il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża 21 , il-Kummissjoni ntrabtet li tappoġġa l-iżvilupp ta’ standards fil-qasam tad-difiża li l-Istati Membri identifikaw bħala meħtieġa għall-proġetti ta’ kooperazzjoni f’oqsma ta’ prijorità.

2.6.Azzjonijiet li jappoġġaw l-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà

Għandna bżonn għodod teknoloġiċi innovattivi sabiex iħarsuna mit-theddid terroristiku 22 . Jeħtieġ li jsiru iktar sforzi kemm fl-użu tat-teknoloġiji ta’ skoperta kif ukoll fl-istandardizzazzjoni tal-użu tagħhom. L-industrija Ewropea qiegħda f’qagħda tajba biex tifhem il-bżonnijiet tal-awtoritajiet u l-kapaċità tagħhom li jużaw is-soluzzjonijiet li toffrilhom. Il-ħolqien ta’ pjattaformi li jorbtu flimkien id-diversi soluzzjonijiet, li jevitaw ix-xogħol doppju u li jkomplu jiżviluppaw l-ideat innovattivi jista’ jappoġġa lil dan. L-istandardizzazzjoni Ewropea għandha tgħaqqad flimkien is-sistemi, il-metodi u l-prodotti billi toffri standards li jappoġġaw il-kwalità tad-dejta u l-interoperabbiltà tas-sistemi tad-dejta li jirreġistraw l-istatistika dwar il-kriminalità u billi tistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tagħmir ta’ detezzjoni f’oqsma oħrajn minbarra l-avjazzjoni.

2.7.Azzjonijiet li jappoġġaw suq intern aktar ġust u aktar profond b’bażi industrijali msaħħa

Ġew identifikati ħtiġijiet oħrajn tal-istandardizzazzjoni b’rabta mal-prijorità tal-Kummissjoni ta’ Ewropa li tiddefendi lill-industrija tagħha.

Is-suq għandu bżonn standards armonizzati ġodda għal tipi ta’ magni speċifiċi għall-istampaturi tridimensjonali, għar-robots, għall-vetturi awtonomi 23 , għat-turbini eoliċi u għall-magni awtomatizzati. Bi tweġiba għad-domanda għalihom, it-tali prodotti innovattivi qed jiġu żviluppati malajr u qed jinfirxu malajr fis-suq Ewropew. Sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni attwali ta’ proċeduri tal-konformità awtoċertifikati, huwa importanti ħafna li jkun hemm standards Ewropej li jiżguraw is-sikurezza u l-aċċess għas-suq. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-attivitajiet internazzjonali rilevanti tal-istandardizzazzjoni.

Id-Direttiva (UE) 2016/1629 24 ikkonfermat ir-rwol tal-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna bħala l-korp ta’ referenza għall-iżvilupp ta’ standards tekniċi fis-settur tan-navigazzjoni interna tal-UE. Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna huwa magħmul minn rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE u ta’ pajjiżi terzi u huwa wkoll il-korp ta’ referenza għall-istandards tekniċi tal-bastimenti skont il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu 25 . Minħabba l-oqfsa legali differenti u l-iskadenzi differenti tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, huwa importanti li jissaħħaħ il-funzjonament ta’ dan il-Kumitat sabiex ikun jista’ jappoġġa suq intern aktar profond fil-qasam tan-navigazzjoni interna. L-istandards li dan il-Kumitat jistabbilixxi huma importanti ħafna biex il-flotta tkun kompetittiva u biex ikunu żgurati s-sikurezza u r-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali. Għalhekk se jiġu żviluppati standards Ewropej li jkopru r-rekwiżiti tekniċi tal-bastimenti użati għan-navigazzjoni interna.

Barra minn hekk, sabiex tittejjeb is-sikurezza u jitneħħew l-ostakli tekniċi, se tingħata attenzjoni lill-istabbiliment ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda għall-interoperabbiltà tal-infrastruttura tas-sistema ferrovjarja u tas-subsistemi talvetturi ferrovjarji.

L-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni huma importanti ħafna biex jitneħħew l-ostakli tekniċi u l-ispejjeż żejda fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Idealment dawk li jagħmlu l-offerti, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw u jieħdu sehem faċilment f’iktar minn suq wieħed. Għalhekk l-oqsma li jistgħu jkunu ta’ interess mil-lat tal-istandardizzazzjoni huma r-reġistri tad-dejta jew tal-kuntratti, id-dokument Ewropew uniku elettroniku għall-akkwist u l-akkreditazzjoni tal-pjattaformi tal-akkwist elettroniku, tal-katalgi elettroniċi u tal-formoli elettroniċi.

Sabiex jittejjeb il-moviment liberu tal-merkanzija fis-swieq tal-apparat mediku, jeħtieġ li tkun żgurata applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti legali biex l-apparat mediku dijanjostiku in vitro jitqiegħed fis-suq sabiex jittejbu s-sikurezza u l-prestazzjoni tiegħu. Se tingħata attenzjoni lir-reviżjoni tal-istandards eżistenti kollha u/jew lill-aġġornament tagħhom, u lill-iżvilupp possibbli ta’ standards ġodda. L-appoġġ tal-programm Orizzont 2020 għat-teknoloġiji mediċi u għall-apparat mediku, maħsub biex jiġi ppreservat l-aċċess f’waqtu għas-soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-kura tas-saħħa u biex jappoġġa l-kompetittività tal-industrija Ewropea, se jagħti lill-industrija u lill-utenti wkoll il-faċilitajiet tal-ittestjar meħtieġa biex jiġi żviluppat u ttestjat apparat mediku li jkun skont dawn ir-regoli l-ġodda u skont l-istandards marbutin magħhom.

Jeħtieġ li l-istandards armonizzati attwali għall-isplussivi ċivili jiġu aġġornati sabiex ikunu jirriflettu l-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u sabiex jittejbu s-sikurezza u l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-konformità tat-tali prodotti. L-istandards armonizzati se jappoġġaw l-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi sabiex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema li jistgħu jkunu f’riskju minħabba atmosfera splussiva.

3.Il-kooperazzjoni internazzjonali 26

Biex jinħolqu l-impjiegi fl-Ewropa u jkun hemm tkabbir fiha, huwa importanti li l-industrija tal-UE tibqa’ preżenti fis-swieq internazzjonali u li l-preżenza tagħha f’dawn is-swieq tittejjeb. L-istandards jiffaċilitaw l-aċċess tal-kumpaniji għas-swieq mad-dinja kollha u hemm żewġ objettivi ewlenin li huma importanti ħafna f’dan ir-rigward:

·it-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Ewropea u tal-firxa globali tagħha billi jitnaqqsu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ; u

·it-tisħiħ tal-interoperabbiltà dinjija bl-użu ta’ standards komuni allinjati ma’ xulxin mil-lat tekniku li jappoġġaw il-kummerċ fil-prodotti u fis-servizzi.

L-ewwel nett, dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu billi wieħed jimmira li jilħaq l-ogħla livell ta’ koerenza possibbli bejn l-istandards Ewropej u dawk internazzjonali u billi jiġi ffaċilitat l-użu tal-istandards Ewropej u/jew tal-istandards internazzjonali ’l barra mill-UE, filwaqt li jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn id-dimensjonijiet Ewropej, nazzjonali u internazzjonali 27 . Fl-2018, il-Kummissjoni se żżid id-djalogu politiku tagħha mal-atturi internazzjonali fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. Barra minn hekk, hija se tkompli bl-attivitajiet tagħha biex tqajjem iktar għarfien dwar is-sistema internazzjonali u Ewropea tal-istandardizzazzjoni fil-fora multilaterali (pereżempju fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u fil-kumitati rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti) u biex tippromwovi l-vantaġġi tagħha fihom, u se tkompli tikkontribwixxi għad-djalogi politiċi jew regolatorji tal-UE ma’ sħab rilevanti mil-lat ekonomiku u għan-negozjati dwar il-kapitli li jittrattaw l-ostakli tekniċi għall-kummerċ fil-ftehimiet dwar ilkummerċ ħieles.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tiffinanzja proġetti ta’ viżibbiltà f’pajjiżi rilevanti mil-lat ekonomiku, bħall-iskema attwali ta’ “esperti Ewropej dwar l-istandardizzazzjoni stazzjonati” fiċ-Ċina u fl-Indja, u l-pjattaformi ta’ standardizzazzjoni bbażati fuq l-internet maċ-Ċina. L-objettivi ġenerali ta’ azzjonijiet bħal dawn huma li s-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni tiġi ppreżentata bħala alternattiva għall-arranġamenti tal-istandardizzazzjoni ta’ reġjuni jew pajjiżi oħrajn, li tinġabar informazzjoni rilevanti marbuta mal-istandardizzazzjoni, li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bilaterali dwar kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni u li jingħata appoġġ lill-kumpaniji Ewropej li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli għall-aċċess għas-swieq li mhumiex tal-UE li jkunu marbutin malistandardizzazzjoni.

Il-Kummissjoni se tuża wkoll l-Istrument tal-Politika Barranija biex tappoġġa l-promozzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni mad-dinja kollha, b’mod partikulari fil-qasam tal-ICT. Fl-aħħar nett, sabiex tissaħħaħ il-preżenza Ewropea fl-istandardizzazzjoni internazzjonali tal-ICT, fl-2018 se jiġu stabbiliti osservatorju tal-attivitajiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni u mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju sabiex l-esperti ewlenin ikunu jistgħu jieħdu sehem f’laqgħat internazzjonali dwar l-istandardizzazzjoni u jippromwovu l-interessi Ewropej fihom.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-istandardizzazzjoni fil-kuntest tar-riċerka li ssir fil-qafas tal-programm Orizzont 2020.

4.Is-sħubija pubblika-privata

Is-sħubija pubblika-privata hija l-pedament tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni u kienet fil-qalba tal-funzjonament tajjeb tagħha matul is-snin. Hemm bżonn ta’ impenn min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha u ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejniethom biex din tkompli tiġi żviluppata.

4.1.Governanza

Sabiex l-istandards Ewropew armonizzati jiġu adottati u ppubblikati bla xkiel, jeħtieġ li l-komunità tal-istandardizzazzjoni jkollha r-riżorsi finanzjarji, organizzattivi u umani x-xierqa.

Bħalissa l-Kummissjoni qed taħdem mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni sabiex tiżviluppa pjan ta’ azzjoni b’għadd ta’ passi ta’ prijorità sabiex jiġu ttrattati l-għadd ta’ standards armonizzati mhux ippubblikati li jeżistu fit-terminu qasir, medju u twil taż-żmien. B’mod partikulari, dan ifisser li l-istandards li għandhom l-ikbar impatt fuq is-suq jingħataw prijorità, li jiġu żviluppati proċessi iktar ċari għall-ħruġ u għall-pubblikazzjoni tal-istandards u li jiġu aġġornati l-għodod ta’ appoġġ tal-IT. Fl-2018, il-Kummissjoni se tistabbilixxi netwerk ġdid ta’ konsulenti li jkollhom l-għan li jappoġġaw il-produzzjoni tal-istandards armonizzati mil-lat tekniku.

Il-Kummissjoni se tipproponi lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni li, mill-2018 ’il quddiem, għadd minimu ta’ finanzjament mill-għotjiet operattivi tal-UE jingħata għall-attivitajiet li jappoġġaw lill-kumitati tekniċi li jħejju l-istandards Ewropej. Hija se tuża t-tagħlim li joħroġ mill-ewwel sena ta’ implimentazzjoni (jiġifieri l-2018) biex ittejjeb l-eżerċizzji fil-ġejjieni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tiddiskuti l-possibbiltà li tissaħħaħ is-sħubija pubblika-privata mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni permezz tal-involviment tagħha fl-istrutturi ta’ governanza tagħhom fil-ġejjieni, pereżempju fil-Grupp tal-Presidenti Konġunti tal-CEN, tal-CENELEC u tal-ETSI, li jixtarr l-iżviluppi ekonomiċi u politiċi li x’aktarx ikunu se jaffettwaw it-tfassil talistandards.

4.2.Taħriġ

Il-Kummissjoni se torganizza taħriġ interistituzzjonali sabiex jiżdied il-fehim tal-leġiżlaturi u tal-koleġiżlaturi dwar l-użu tal-istandards fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u talpolitiki. Hija se torganizza dan it-taħriġ flimkien mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u mal-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni sabiex tiżgura li jkun ikopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti u sabiex jitjieb l-għarfien dwar l-interazzjoni tal-attivitajiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u dawk internazzjonali f’dan il-qasam.

4.3.Inklużjoni

Minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament, saru sforzi kbar biex l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-partijiet tal-qasam soċjali u tas-soċjetà kkonċernati jkunu jistgħu jieħdu sehem b’mod effettiv fl-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni. Madankollu, hekk kif kien ġie rrikonoxxut fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea ta’ qabel, għad hemm ħafna sfidi marbutin mal-fatt li tiġi żgurata parteċipazzjoni xierqa min-naħa tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III. Meta l-istandards ikollhom x’jaqsmu ma’ leġiżlazzjoni li tkun tħares l-interessi pubbliċi, bħal, pereżempju l-aċċessibbiltà, huwa essenzjali li dawk il-partijiet tas-soċjetà kkonċernati milqutin minnhom, bħal, perezempju, f’dan il-każ, il-persuni b’diżabilità, jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet. Fl-2018, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib il-progress li jkun qed isir fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-inklużjoni tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni. Hija se tkompli tikkoopera mal-komunità tal-istandardizzazzjoni fil-kuntest tal-inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni, li fil-kuntest tagħħa jsiru diversi azzjonijiet li jittrattaw il-kwistjoni tal-inklużjoni.

Il-Kummissjoni tistieden lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, lill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi li hemm b’rabta mal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u jikkooperaw iktar bejniethom. Hija tistieden lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III u tal-partijiet ikkonċernati interessati kollha u jżiduhom, u jiffukaw b’mod speċifiku fuq ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom u fuq il-ħidma fil-livell internazzjonali, b’mod speċjali fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (l-ISO) u tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (l-IEC).

5.Nagħtu riżultati fil-kuntest tal-inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni u ċ-ċiklu li jmiss

L-azzjonijiet ifformulati fil-pakkett tal-istandardizzazzjoni ta’ Ġunju tal-2016 28 u fl-inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni għandhom ikomplu jiġu żviluppati u implimentati sabiex ikompli jittejjeb iċ-ċiklu ta’ governanza annwali u jitwettaq l-impenn li jiġu mmodernizzati l-istandards, li dawn jingħataw prijorità u li jitħaffef it-twassil f’waqtu tagħhom. Dawn li ġejjin se jkunu fost il-prijoritajiet ewlenin għall-2018:

·l-għoti ta’ appoġġ għal valutazzjoni tal-impatt tal-istandards fil-livell tal-UE billi jitjieb l-għarfien tal-effetti usa’ tagħhom fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà (l-Azzjoni nru 1; ara wkoll it-Taqsima 5.2);

·it-teħid ta’ azzjonijiet biex l-istandards jitwasslu aktar fil-waqt u biex ikun hemm referenzi aħjar għalihom; u

·iktar inklużjoni u parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-istandardizzazzjoni f’livelli differenti (l-Azzjoni nru 9).

5.1.Rappurtar u djalogu interistituzzjonali

L-involviment tal-koleġiżlaturi fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tas-Sistema Ewropea talIstandardizzazzjoni huwa fattur importanti biex din tkun ta’ suċċess. Għal dan il-programm ta’ ħidma, il-Kummissjoni sejset ħidmietha fuq ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istandardizzazzjoni li ssemma hawn fuq, kif ukoll fuq l-interazzjonijiet tagħha mal-koleġiżlaturi. F’konformità mal-impenn li ħadet fil-pakkett tal-istandardizzazzjoni, qabel ma jiġi adottat il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea li jmiss, il-Kummissjoni se tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni. Abbażi ta’ dan id-dokument, li mistenni jintbagħat f’Ottubru tal-2017, il-Kummissjoni se tibda djalogu interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istandardizzazzjoni, dan il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea u d-djalogu konsekuttiv se jservu ta’ kontribut politiku ieħor meta jiġi biex jitħejja l-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2019.

5.2.Studju dwar l-impatt tal-istandardizzazzjoni fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà

L-istandards għandhom rwol essenzjali (anke jekk xi kultant dan ikun inviżibbli) li jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku billi jixprunaw il-produttività, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-benesseri soċjali. M’hemmx daqshekk fehim tal-impatti tal-istandards fuq in-negozji u fuq il-ktajjen tal-provvista tagħhom, u l-istess jgħodd għas-settur pubbliku - mhux dejjem ikun hemm għarfien u informazzjoni dwar l-impatt li l-applikazzjoni tal-istandards ikollu fuq il-politiki pubbliċi.

Fuq stedina tal-Kunsill 29 , u f’konformità mal-inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni qed tħejji studju dwar l-impatt tal-istandardizzazzjoni fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà fl-UE. Hija beħsiebha tniedi dan l-istudju fl-2018 abbażi ta’ studju tal-fattibbiltà li se jsir matul l-2017. L-istruttura tal-istudju tal-fattibbiltà se tiġi stabbilita b’konsultazzjoni mal-akkademiċi Ewropej u fiha se jitqiesu l-kummenti li dawn bagħtu f’Mejju tal-2017.

(1)

     COM(2016) 358 final.

(2)

     KUMM(2011) 311 finali.

(3)

Il-CEN — il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, il-CENELEC — il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u l-ETSI — l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni.

(4)

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0278+0+DOC+XML+V0//MT.

(5)

     COM(2015) 550 final.

(6)

  L-istandards għan-negozji ż-żgħar , il-vuċi tal-konsumaturi Ewropej fil-qasam tal-istandardizzazzjoni , il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins u l-Organizzazzjoni Ambjentali taċ-Ċittadini Ewropej fil-qasam tal-Istandardizzazzjoni .

(7)

     COM(2015) 192 final.

(8)

     COM(2016) 176 final.

(9)

COM(2016) 588 final.

(10)

COM(2017) 9 final.

(11)

COM(2017) 10 final.

(12)

COM(2016) 410 final.

(13)

Il-ħames ġenerazzjoni: https://5g-ppp.eu/ , l-Organizzazzjoni Ewropea dwar iċ-ċibersigurtà: https://www.ecs-org.eu/cppp u l-Assoċjazzjoni dwar il-valur tal-big data: http://www.bdva.eu/ .  

(14)

  https://www.aioti.eu/.  

(15)

  https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/.  

(16)

  https://ec.europa.eu/growth/content/2017-rolling-plan-ict-standardisation-released_mt.  

(17)

COM(2016) 763 final.

(18)

COM(2013) 249 final.

(19)

     COM(2017) 33 final.

(20)

      http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-826_fr.htm.  

(21)

     COM(2016) 950 final.

(22)

COM(2015) 624 final.

(23)

      Ara wkoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istandardizzazzjoni.

(24)

Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE.

(25)

      http://www.ccr-zkr.org/files/conventions/convrev_e.pdf.  

(26)

     Ara wkoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istandardizzazzjoni.

(27)

Ara wkoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istandardizzazzjoni.

(28)

     Il-Komunikazzjoni msejħa “Standards Ewropej għas-seklu 21” (COM(2016) 358 final);    
id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni msejjaħ “Nilħqu l-potenzjal tal-istandards Ewropej dwar is-servizzi sabiex ngħinu lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej” (SWD(2016) 186 final), li jservi ta’ gwida speċifika dwar l-istandards dwar is-servizzi;    
ir-rapport tal-Artikolu 24 (COM(2016) 212 final); u    
l-Komunikazzjoni msejħa “Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2017” (COM(2016) 357 final (SWD(2016) 185 final)).

(29)

     Il-Kunsill tal-Kompetittività tat-2 ta’ Marzu 2015 stieden “lill-Kummissjoni tiffinalizza r-rieżami indipendenti u tanalizza l-impatt tal-istandardizzazzjoni fuq l-ekonomija filwaqt li tqis l-interessi tal-partijiet kollha”.

Top

Brussell, 25.8.2017

COM(2017) 453 final

ANNESS

Standards li jappoġġaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2018

{SWD(2017) 284 final}


Il-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni tal-Unjoni għall-2018 ġejjin mill-objettivi tal-Kummissjoni li twettaq bil-fatti Ewropa “li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi” u se jiġu ttrattati fil-kuntest tal-prijoritajiet tal-politika tagħha, b’mod partikulari dawn li ġejjin:

1.    spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment;

2.    suq uniku diġitali konness;

3.    unjoni tal-enerġija reżiljenti li jkollha politika progressiva dwar it-tibdil tal-klima;

4.    suq intern aktar ġust u aktar profond b’bażi industrijali msaħħa;

7.    żona ta’ ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażata fuq il-fiduċja reċiproka; u

9.    attur globali aktar b’saħħtu.

Il-proposti f’dan il-programm ta’ ħidma ma jirrappreżentawx lista eżawrjenti tal-azzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha twettaq fl-oqsma tal-politika kkonċernati, iżda jirriflettu l-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni li ġew identifikati waqt li kienu qed jitħejjew jew jiġu implimentati l-atti leġiżlattivi u l-politiki rilevanti.

L-għanijiet tal-azzjonijiet proposti huma dawn li ġejjin:

Spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment:

1.li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-fertilizzanti organiċi bbażati fuq l-iskart fis-suq uniku u b’hekk jiġi appoġġat ir-rwol tal-bijonutrijenti fl-ekonomija ċirkolari.

Suq uniku diġitali konness:

2.li titjieb il-kwalità tas-servizzi fissi u tas-servizzi bla fili/mobbli, fosthom fin-netwerks industrijali;

3.li jiġu stabbiliti standards li jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-avvanzi teknoloġiċi tal-ħames ġenerazzjoni fil-medda ta’ frekwenza ta’ 26 Ghz (24.25 sa 27.50 Ghz) u f’meded ta’ frekwenza iktar għoljin;

4.li jitjiebu s-sistemi tal-komunikazzjoni bir-radju tal-ferroviji, l-iskambju tad-dejta dwar il-passiġġieri u l-iskedi u s-sigurtà tal-IT;

5.li tiżdied l-interoperabbiltà u jkun hemm skambju iktar faċli tad-dejta bejn l-operaturi tul il-katina kollha tal-valur, b’mod partikulari dwar il-ġestjoni taċ-ċiklu ta’ ħajja tal-prodott u lloġistika.

Unjoni tal-enerġija reżiljenti li jkollha politika progressiva dwar it-tibdil tal-klima:

6.li jiġu stabbiliti sensuri ġodda u metodi ġodda tal-kejl sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tal-arja fl-ambjent;

7.li jiġu mmonitorjati l-emissjonijiet tal-ammonijaka, tal-kloru u tad-diossidu tal-kloru fl-arja u l-emissjonijiet tal-fluworur tal-idroġenu jew tal-fluworuri gassużi kollha mis-setturi industrijali;

8.li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-kompjuters, tal-iskrins, tas-servers u tal-apparat għall-ħżin tad-dejta, tal-apparat tat-tkessiħ kummerċjali, tal-muturi, tal-fannijiet, tal-prodotti tat-tidwil, tal-apparat tat-tkessiħ tad-djar, tal-kumpressuri tal-arja standard, tal-għodod bil-magni u tal-provvisti talelettriku esterni;

9.li jitjieb ir-rendiment enerġetiku tas-sistemi ta’ tisħin u ta’ tkessiħ billi l-konsumaturi aħħarin jingħataw biżżejjed informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika tas-sistemi ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali u dwar l-użu tal-enerġija rinnovabbli fihom;

10.li tiġi appoġġata żieda fil-proporzjon tal-etanol fil-petrol minn 10 % għal 20 jew 25 % u b’hekk il-manifatturi tal-vetturi jingħataw l-opportunità jtejbu kemm jista’ jkun il-proċess tal-kombustjoni u jkun jista’ jintuża inqas fjuwil u jkomplu jonqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u ta’ sustanzi li jniġġsu oħrajn;

11.li jiġu ffaċilitati l-azzjonijiet globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-konsum tal-fjuwil; li tiżdied il-kooperazzjoni ma’ reġjuni u pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-UE; u

12.li jiżdied l-użu tal-infrastruttura ekoloġika, b’mod speċjali b’rabta mal-blokok tal-bini fiżiċi u mal-proċeduri.

Suq intern aktar ġust u aktar profond b’bażi industrijali msaħħa:

13.li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna sabiex jiġu żviluppati standards tekniċi għall-bastimenti użati għan-navigazzjoni interna;

14.li l-prodotti tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea jitqabblu ma’ applikazzjonijiet għallutenti aħħarin;

15.li tiżdied l-interoperabbiltà bejn is-servizzi tal-programm “Galileo” u s-suq tal-avjazzjoni;

16.li jiġu standardizzati d-dejta, il-formoli, il-pjattaformi u s-sistemi tal-proċeduri tal-offerti b’rabta mal-akkwist pubbliku;

17.li jiġu armonizzati l-istandards tas-sikurezza għall-istampaturi tridimensjonali, għar-robots, għall-vetturi awtonomi, għat-turbini eoliċi, għall-magni awtomatizzati u għall-magni tal-ikel;

18.li jissaħħu r-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-prestazzjoni għall-apparat mediku u għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro;

19.li jiġu aġġornati r-rekwiżiti tal-iġjene u tas-sikurezza u l-metodi tal-ittestjar għall-prodotti tal-kostruzzjoni meta dawn ikunu f’kuntatt mal-ilma;

20.li jingħata appoġġ lix-xogħol dwar ir-rekwiżiti essenzjali għall-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord;

21.li jiġu aġġornati l-istandards tas-sikurezza għall-isplussivi ċivili skont l-aħħar żviluppi teknoloġiċi;

22.li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda għall-interoperabbiltà b’rabta mal-infrastruttura tas-sistema ferrovjarja u mas-subsistemi talvetturi ferrovjarji;

23.li l-bnedmin jitħarsu mill-kanċer u minn effetti ħżiena oħrajn tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi fuq is-saħħa billi tiġi stabbilita l-migrazzjoni tagħhom mill-plastik u mil-lasktu;

24.li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi sabiex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema li jistgħu jkunu f’riskju minħabba atmosfera splussiva; u

25.li tittejjeb is-sikurezza tal-konsumaturi.

Żona ta’ ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażata fuq il-fiduċja reċiproka:

26.li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għat-tagħmir ta’ detezzjoni f’oqsma oħrajn minbarra l-avjazzjoni sabiex iċ-ċittadini jitħarsu mill-attakki terroristiċi.

Attur globali aktar b’saħħtu:

27.li jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri li jiżviluppaw kapaċitajiet konġunti tad-difiża filwaqt li titrawwem bażi industrijali innovattiva u kompetittiva.

Top