Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0368

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar is-Sitwazzjoni Attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-Konsultazzjoni dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2018

    COM/2017/0368 final

    Brussell, 5.7.2017

    COM(2017) 368 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    dwar is-Sitwazzjoni Attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-Konsultazzjoni dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2018

    {SWD(2017) 256 final}


    1.Introduzzjoni

    Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Hija tirrapporta dwar il-progress li qed isir biex jinkiseb sajd sostenibbli, speċjalment biex jiġi żgurat li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jerġa’ jżid il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ogħla mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, li se jikkontribwixxi wkoll biex jinkiseb status ambjentali tajjeb tal-ibħra Ewropej sal-2020 1 . Din tħares lejn il-bidliet fl-istat tal-istokkijiet, l-istat tal-flotta tal-UE, l-introduzzjoni gradwali tal-obbligu tal-ħatt l-art u l-progress bid-deċentralizzazzjoni 2 . Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi wkoll il-prinċipji li jirfdu l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018. L-Istati Membri, il-Kunsilli Konsultattivi (ACs), partijiet ikkonċernati oħra u l-pubbliku huma mistiedna jipprovdu suġġerimenti dwar dawn id-direzzjonijiet politiċi.

    2.Progress biex jinkiseb sajd sostenibbli

    Matul dawn l-aħħar snin kien hemm progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-PKS tal-2013:

    -il-ksib tal-għan tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Skont l-aħħar valutazzjoni mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ibbażata fuq id-dejta tal-2015 3 , 39 mis-66 stokk ivvalutat fil-Grigal tal-Atlantiku ġew sfruttati fil-qafas tal-FMSY (ekwivalenti għal 59 %, żieda mit-52 % tas-sena preċedenti). Il-mortalità medjana mis-sajd issa stabbilizzat għal madwar 1,0. Fl-2017, l-għadd ta’ qabdiet totali permissibbli (TACs) stabbiliti skont il-parir tal-MSY żdied għal 44, li jirrappreżenta 61 % tal-qabdiet totali fil-Grigal tal-Atlantiku.

    -ir-ripopolament tal-istokkijiet. Bejn l-2003 u l-2015 il-medja tal-bijomassa tal-istokk fil-Grigal tal-Atlantiku żdiedet b’35 %.

    -it-titjib tal-prestazzjoni ekonomika ġenerali. Il-flotta tal-UE rreġistrat profitti netti ta’ EUR 770 miljun fl-2014, jiġifieri żieda ta’ 50 % fuq iċ-ċifra tal-2013 ta’ EUR 500 miljun.

    -bilanċ aħjar bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. F’dawn l-aħħar snin, tjieb il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd għall-flotta kollha tal-UE. Bejn l-2007 u l-2015 il-kapaċità tal-flotta tas-sajd tal-UE naqset gradwalment: l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd naqas b’6 %, filwaqt li s-saħħa tal-magna u t-tunnellaġġ naqsu b’14 % u b’24 % rispettivament.

    -it-tfassil ta’ pjanijiet multiannwali skont il-PKS riformata. Wara li s-sena l-oħra ġie adottat il-pjan Baltiku, il-Kummissjoni pproponiet pjanijiet multiannwali għall-istokkijiet ta’ ħut demersali fil-Baħar tat-Tramuntana 4 u għall-ispeċijiet pelaġiċi żgħar fl-Adrijatiku 5 .

    -id-deċentralizzazzjoni tal-governanza. Jidher ċar li l-governanza tal-PKS inbidlet f'waħda aktar deċentralizzata li tinkludi l-pjanijiet multiannwali u l-atti delegati adottati permezz tar-reġjonalizzazzjoni.

    -l-impenji għall-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Saru ftehimiet politiċi importanti biex tinkiseb sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali fil-Baħar Mediterran permezz tad-dikjarazzjoni Ministerjali Medfish4Ever 6 , u fil-Baħar l-Iswed permezz tad-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest 7 .

    Minkejja dan il-progress, hemm bżonn ta’ aktar sforzi b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-livelli għolja tas-sajd eċċessiv fil-Mediterran, biex jitnaqqas l-għadd ta’ stokkijiet individwali sfruttati aktar mil-livell FMSY fil-Grigal tal-Atlantiku u biex jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art.

    2.1.Progress biex jinkiseb l-FMSY 

    Kompla jsir progress biex l-istokkijiet tas-sajd jinġiebu f’livelli konsistenti mal-FMSY 8 . Ir-rata tas-sajd ta’ aktar mill-FMSY naqset b’mod konsiderevoli fir-reġjuni kollha fejn ġew definiti l-qabdiet totali permissibbli (TAC). Ir-relazzjoni bejn il-livell tas-sajd u l-FMSY kienet tammonta għal 99 % fl-2015 (tnaqqis mill-158 % fl-2003 u mill-129 % fl-2008). B’mod ġenerali, l-isfruttament żejjed naqas drastikament fiż-żoni kollha (bl-eċċezzjoni tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed).

    Hawn taħt qed tingħata analiżi iktar dettaljata.

    Għall-istokkijiet li huma soġġetti għal konsultazzjonijiet mal-Istati Kostali, it-TAC għall-kavalli żdiedu b’14 % fl-2016. L-opportunitajiet tas-sajd ta’ ftit iktar minn miljun tunnellata għall-partijiet kollha tas-sajd irriżultaw mill-applikazzjoni ta’ strateġija ta’ ġestjoni fit-tul miftiehma bejn il-partijiet (l-UE, in-Norveġja u l-Gżejjer Faeroe). Il-parametraġġ referenzjarju se jsir din is-sena. It-TAC tal-istokkafixx ġew stabbiliti f’konformità mal-FMSY u żdiedu f’daqqa għal 1,3 miljun tunnellata. L-Istati kostali kkonċernati qablu dwar strateġija ġdida għall-istokkafixx f’konformità mal-FMSY. Għall-aringa Atlantu-Skandjana l-partijiet kollha qablu dwar limitu ta’ qbid totali li huwa inqas mill-FMSY (f’konformità mal-istrateġija fis-seħħ mill-1999), biex b’hekk il-qabdiet totali permissibbli fil-Grigal tal-Atlantiku żdiedu b’mod sinifikanti għal madwar 650 000 tunnellata.

    Il-qabdiet totali permissibbli fil-Baħar Baltiku għall-2017 imxew mal-pjan multiannwali 9 . Il-qabdiet totali permissibbli tal-aringa u tal-barbun tat-tbajja’ huma konformi mal-FMSY; filwaqt li t-TACs tal-laċċa kaħla u tas-salamun huma inqas mill-FMSY. Is-sitwazzjoni tal-bakkaljaw tal-Punent hija inkwetanti b’hekk il-qabdiet totali permissibbli tnaqqsu b’56 % għall-2017. Ittieħdu miżuri komplementari oħra biex jgħinu r-ripopolazzjoni ta' dan l-istokk. Ġie adottat tnaqqis tal-qabdiet totali permissibbli għall-bakkaljaw tal-Lvant (25 %) u għas-salamun tal-Golf tal-Finlandja (20 %) skont l-approċċ prekawzjonarju, u għall-aringa tal-Golf ta’ Riga (11 %). Il-qabdiet totali permissibbli tas-salamun fil-baċir ewlieni jsegwu r-rendiment massimu sostenibbli u baqgħu l-istess f’dawn l-aħħar snin; dan, flimkien mat-tnaqqis tal-qabdiet mhux irrapportati u mal-miżuri nazzjonali speċifiċi għax-xmara, għen biex jiżdied l-għadd ta’ ħut riproduttiv li jirritorna.

    L-istokkijiet tal-Baħar tat-Tramuntana qed ikomplu jitjiebu, u 59 % tal-ħatt l-art issa ġej minn stokkijiet ġestiti b’mod sostenibbli. F’konformità mal-FMSY, it-TAC tal-lingwata żdiedu b’21 %; filwaqt li tal-awwista żdiedu b’46 %. Il-pollakkju iswed qed jiġu mistad f’livelli taħt l-FMSY; iżda t-TAC tiegħu huma 53 % ogħla. F’konformità mal-parir FMSY, it-TAC tal-merluzz tal-linja sewda tnaqqsu b’45 %. Madankollu, l-istokk huwa mistenni li jiżdied minħabba r-reklutaġġ aħjar li sar f’dawn l-aħħar ftit snin. Kemm il-bakkaljaw u kemm il-merlangu għadhom jiġu mistada f’livelli kemxejn ogħla mill-FMSY, iżda huma f’livelli konsistenti mal-MSY BTRIGGER. Il-barbun tat-tbajja’ u l-lingwata huma mistada f’livelli taħt l-FMSY.

    Fl-Ilmijiet tal-Majjistral, l-istokk tal-merluzz tat-Tramuntana qed jibqa’ jiżdied u t-TAC żdiedu b’10 % f’konformità mal-FMSY. Dan l-istokk issa jifrex aktar il-fuq fil-Baħar tat-Tramuntana. L-aringi tal-baħar Ċeltiku u tal-Baħar Irlandiż huma fil-limiti bijoloġiċi sikuri iżda t-TAC tagħhom tnaqqsulhom b'6 % u 10 % rispettivament, li jirrifletti x-xejriet tal-istokk. It-TAC tal-awwista fiż-żona VII żdiedu b’9 %, b’żieda massima ta’ 68 % għall-Porcupine Bank. It-TAC tal-lingwata fil-Kanal tal-Lvant naqsu b’16 % f’konfomità mal-approċċ ta’ ġestjoni tal-industrija u approvat mill-STECF; u ġew stabbiliti aktar miżuri ta’ konservazzjoni għal dan it-tip ta’ sajd. It-TAC għas-sawrell tal-Punent naqsu b’23 %.

    Fil-Punent tal-Iskozja 63 % tal-ħatt l-art jiġi minn stokkijiet ġestiti b’mod sostenibbli. Fil-Baħar Irlandiż iċ-ċifra hija ta’ 55 %. Għad fadal sfidi sinifikanti fil-Baħar Irlandiż għax kemm l-isokkijiet tal-bakkaljaw kif ukoll tal-merlangu naqsu drastikament. Il-mortalità mis-sajd tal-bakkaljaw hija ferm ogħla mill-FMSY. Il-merlangu issa qed jiġi mistad f’livelli ferm inqas mill-FMSY, iżda s’issa għadu ma wera l-ebda sinjal ta’ rkupru.

    Il-Baħar Ċeltiku għandu 37 % tal-ħatt l-art fil-limiti sostenibbli. Fl-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd, is-sajd imħallat tal-bakkaljaw, il-merluzz tal-linja sewda u l-merlangu għadu joħloq problemi. Il-qabdiet totali permissibbli tal-merlangu u tal-merluzz tal-linja sewda żdiedu b’21 % u 7 % rispettivament, filwaqt li tal-bakkaljaw naqsu b’38 %. Il-merlangu jiġi sfruttat f’livelli inqas mill-FMSY u l-merluzz tal-linja sewda jiġi sfruttat aktar mill-FMSY, għalkemm l-istokk huwa ogħla mill-MSY BTRIGGER. L-istokk tal-bakkaljaw fil-Baħar Ċeltiku naqas u jiġi mistad aktar mill-FMSY. Hawnhekk id-diffikultà hija li l-bakkaljaw jinqabad f’bosta tipi ta’ sajd imħallat, fejn kieku s-selettività akbar tal-bakkaljaw tirriżulta wkoll f’inqas qabdiet ta’ speċijiet oħra fil-mira.

    Fil-Baħar Iberiku u l-Bajja ta’ Biscay, 68 % tat-total tal-ħatt l-art jiġi minn stokkijiet ġestiti b’mod sostenibbli. It-TAC tal-petriċa żdiedu b’54 % f’konformità mal-parir FMSY. Għal xi snin issa, l-industrija implimentat approċċ ta’ ġestjoni għal-lingwata fil-Bajja ta’ Biscay li tqies sostenibbli mill-STECF. Bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva tal-industrija, dawn il-qabdiet totali permissibbli baqgħu l-istess għall-2017. It-TAC għall-megrim (il-Bajja ta’ Biscay u l-Ilmijiet tal-Punent), li dwarhom il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Ibħra (ICES) ipprovda parir FMSY għall-ewwel darba, tnaqqsu bi kwart. It-TAC tal-merluzz tan-Nofsinhar naqsu bi ftit, iżda l-istokk għadu mistad ogħla mill-FMSY. L-inċova fil-Bajja ta’ Biscay hija mistada b’mod sostenibbli u s-sawrell fiż-żona IX jinsab fil-limiti bijoloġiċi sikuri; filwaqt li t-TAC tiegħu żdiedu b’7 %.

    L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-baħar fond jammontaw għal inqas minn 1 % tal-ħatt l-art kollu fl-UE. Dawn huma ffissati skont ċiklu mifrux fuq sentejn u ġew stabbiliti l-qabdiet totali permissibbli għall-2017 u l-2018. It-TAC tal-grenadier imnieħru tond fl-Ilmijiet tal-Majjistral ġew stabbiliti skont il-FMSY. L-istokkijiet l-oħra kollha għandhom dejta limitata jew valutazzjoni limitata. Is-sitwazzjoni ta’ ċerti stokkijiet għadha problematika minħabba l-produttività baxxa tagħhom.

    Fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, it-twettiq tal-FMSY jibqa’ sfida għal għadd ta’ raġunijiet fosthom:

    -    l-għadd kbir ta’ bastimenti tal-flotta fuq skala żgħira, li għandhom metodi insuffiċjenti għall-kontroll, l-infurzar, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-qabdiet (il-ħatt l-art u l-qbid skartat);

    -    in-natura tas-sajd fejn inqabdu speċijiet imħallta;

    -    il-kondiviżjoni tal-istokkijiet tal-ħut bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, biex b’hekk ikun iktar diffiċli li tinkiseb il-konformità mal-għanijiet tal-PKS; kif ukoll

    -    il-fatt li l-għadd ta’ stokkijiet ta’ ħut ivvalutat kull sena (madwar 35) huwa meqjus baxx ħafna.

    Fil-Mediterran, is-sajd eċċessiv ikun ġeneralment bejn darbtejn u tliet darbiet il-FMSY 10 globali. Minkejja t-titjib li sar dan l-aħħar, għad hemm ħafna stokkijiet li l-istatus tagħhom għadu mhux magħruf. Għall-istokkijiet bħall-merluzz, it-trilja tal-ħama 11 , il-petriċa żgħira u l-istokkafixx, ir-rati attwali tal-mortalità mis-sajd kienu sa sitt darbiet ogħla mill-FMSY. Il-Kummissjoni qed taħdem biex ittejjeb il-ġbir tad-dejta għall-istokkijiet rilevanti kollha, u talbet lill-STECF għal parir dwar l-istokkijiet il-ġodda 12 .

    F’għadd żgħir ta’ postijiet tas-sajd fil-Mediterran l-istokkijiet qed jiġu sfruttati b’rati konsistenti mal-ksib tal-FMSY u l-flotot qed jagħmlu progress, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatt l-art (il-gamblu roża tal-baħar fond u t-trilja tal-ħama fil-Baħar Tirren tan-Nofsinhar u Ċentrali).

    F’dan l-isfond, il-konformità mal-għan tal-PKS li sal-2020 jinkiseb FMSY għall-istokkijiet kollha, se teħtieġ iktar sforzi sostnuti. Dawn jimplikaw ħidma mas-sħab internazzjonali tal-UE permezz tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), żieda fl-isforzi biex jiġu aġġornati l-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali f’konformità mal-għanijiet tal-PKS u garanzija ta’ livell ta’ ambizzjoni suffiċjenti fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-pjanijiet ta’ ġestjoni multiannwali. Hemm bżonn ta’ aktar ħidma biex:

    -    ikun hemm aktar kooperazzjoni fil-baċiri tal-baħar – pereżempju, fil-Golf ta’ Lion;

    -    jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni tranżizzjonali ambizzjużi fis-sajd li huwa sfruttat iżżejjed;

    -    jiġu kkonsolidati u implimentati l-għanijiet u l-miri miftiehma fid-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever dwar il-ġbir tad-dejta li saret f’Marzu 2017 f’Malta, l-evalwazzjoni xjentifika, il-ġestjoni tas-sajd ibbażata fuq l-ekosistemi, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), is-sajd sostenibbli fuq skala żgħira u l-koordinazzjoni fil-Mediterran;

    -    fil-Baħar l-Iswed, fejn jenħtieġ li tintuża d-dikjarazzjoni ta’ Bucharest ta’ Ottubru 2016 biex jiġu indirizzati problemi serji, inkluż is-sajd IUU.

    Fil-qafas tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) 13 , ġew adottati l-qabdiet totali permissibbli għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u l-Mediterran għall-2017. It-TAC irriflettew l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, abbażi ta’ reviżjoni tal-pariri dwar l-istokkijiet mill-2014. Il-livelli għolja ta’ bijomassa – possibbilment l-ogħla li qatt kien – ippermettew li jiżdiedu t-TAC b’25 % meta mqabbla mal-2016.

     

    F’Novembru 2016, l-ICCAT qablet ukoll dwar Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tal-pixxispad mill-2017, bil-għan li jinkiseb il-BMSY fl-2031, bi probabbiltà ta’ mill-inqas 60 %. Il-pjan stabbilixxa TAC ta’ 10 500 tunnellata għall-2017. Dan huwa żvilupp importanti, peress li l-pixxispad huwa wieħed mill-istokkijiet l-aktar mistada b’mod eċċessiv fil-Baħar Mediterran.

    Fir-rigward tas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed, mill-2018 il-partijiet kontraenti u l-partijiet mhux kontraenti li jikkooperaw tal-GFCM impenjaw ruħhom li ma jaqbżux il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd allokat fl-2013-2015 14 . Il-pajjiżi li ma japplikawx sistema ta’ kwoti mhux se jaqbżu l-livell tal-qabdiet jew il-livell tal-isforz tas-sajd użat fl-2013-2015.

    2.2.Evoluzzjoni tal-bijomassa

    Kemm l-ICES kif ukoll l-STECF jipprovdu informazzjoni dwar ix-xejriet tal-bijomassa ta’ stokk riproduttiv fil-Grigal tal-Atlantiku u l-STECF tipprovdi din l-informazzjoni anke għall-Mediterran. L-analiżi turi li l-medja tal-bijomassa fil-Grigal tal-Atlantiku kienet 35 % ogħla fl-2015 mill-2003. Tidher xejra ta’ żieda inqas evidenti għall-istokkijiet li għalihom hemm nuqqas ta’ dejta. B’kuntrast, fil-Baħar Mediterran il-medja tal-bijomassa naqset b’20 % mill-2003 sal-2014.

    Il-perċentwal tal-istokkijiet f’limiti bijoloġiċi sikuri qed jiżdied ukoll fil-Grigal tal-Atlantiku. Fl-2015, 68 % tal-istokkijiet kienu kklassifikati li jinsabu fil-limiti bijoloġiċi sikuri. Dan jammonta għal kważi d-doppju taċ-ċifra tal-2003, jiġifieri 35 %.

    2.3.Prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE

    L-aħħar Rapport Ekonomiku Annwali magħmul mill-STECF jikkonferma li l-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE tjiebet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. Id-dejta preliminari għall-2015 tindika titjib kostanti u li l-previżjonijiet ekonomiċi għall-2016 u l-2017 baqgħu pożittivi. Il-valur miżjud gross tal-flotta tal-UE, jiġifieri l-kontribut tas-settur tas-sajd għall-ekonomija permezz ta’ pagi u ta’ qligħ gross, ammonta għal EUR 3,7 biljun fl-2014. Din hija żieda sostanzjali mis-snin preċedenti. Is-salarji medji tal-flotta tal-UE żdiedu wkoll f’dawn l-aħħar snin, filwaqt li l-impjiegi komplew jonqsu.

    B’mod ġenerali, jidher li l-prestazzjoni pożittiva hija r-riżultat ta’ a) żieda fid-dħul u b) kostijiet tas-sajd imnaqqsa jew stabbli. Il-kostijiet ġew xprunati minn prezzijiet relattivament baxxi tal-fjuwil, u b’xejra ta’ tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil u fl-intensità tal-użu tal-fjuwil, peress li ħafna mill-flotot tal-UE issa qed joperaw b’mod aktar effiċjenti. Minkejja dan il-progress ekonomiku globali, il-prestazzjoni tvarja b’mod konsiderevoli bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri u s-sajd. Fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Grigal tal-Atlantiku l-flotot għandhom tendenza li jkollhom prestazzjoni aħjar minn dawk fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Studji u pubblikazzjonijiet xjentifiċi riċenti 15 jissuġġerixxu li l-flotta tal-UE tista’ ttejjeb sostanzjalment il-prestazzjoni ekonomika tagħha jekk il-bijomassa tal-istokkijiet sfruttati kollha tirkupra għal-livelli tal-MSY. Dawn jissuġġerixxu wkoll 16 li aktar ma r-rati ta’ mortalità mis-sajd jitnaqqsu malajr għal FMSY, aktar il-flotta tal-UE tara l-profitti tagħha jiżdiedu.

    2.4.Deċentralizzazzjoni

    Il-PKS il-ġdida tippromwovi d-deċentralizzazzjoni tal-ġestjoni tas-sajd, li tikkonsisti minn pjanijiet multiannwali reġjonali u atti delegati mfassla permezz tar-reġjonalizzazzjoni.

    2.4.1.Pjanijiet multiannwali

    Il-pjanijiet multiannwali huma wieħed mill-istrumenti prinċipali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS il-ġdida. Fost l-oħrajn dawn għandhom jinkludu l-mira tas-sajd għal rendiment massimu sostenibbli u data ta’ skadenza biex jinkiseb dan l-għan; miżuri għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u fejn meħtieġ, salvagwardji għal azzjoni ta’ rimedju.

    Pass importanti f’din id-direzzjoni kien l-adozzjoni ta’ pjan multiannwali għall-Baħar Baltiku fl-2016. Bħalissa għaddejja ħidma leġiżlattiva fuq il-pjanijiet multiannwali għall-ispeċijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u l-ispeċijiet pelaġiċi fl-Adrijatiku.

    Fit-3 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni pproponiet pjan multiannwali għall-istokkijiet tal-ħut demersali fil-Baħar tat-Tramuntana. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-istokkijiet jiġu mistada f’livelli sostenibbli u ssegwi l-istess prinċipji bażiċi tal-pjan tal-Baħar Baltiku.

     

    Fi Frar 2017, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal pjan multiannwali għall-ġestjoni tal-istokkijiet ta’ speċijiet pelaġiċi żgħar fl-Adrijatiku. L-istokkijiet tal-inċova u tas-sardin fl-Adrijatiku ġew ivvalutati kontinwament bħala sfruttati żżejjed u l-livelli ta’ bijomassa tagħhom huma stmati li laħqu livelli baxxi storiċi. Skont l-aħħar parir xjentifiku, jekk ma tittiħidx azzjoni rapida hemm riskju kbir li l-livelli tal-istokkijiet tal-inċova u tas-sardin jikkollassaw 17 . Il-pjan propost jistabbilixxi rati fil-mira ta’ mortalità mis-sajd għaż-żewġ stokkijiet. Dan jirrappreżenta bidla fil-ġestjoni tal-ispeċijiet pelaġiċi żgħar għal approċċ ibbażat fuq opportunitajiet tas-sajd fissi.

    2.4.2.Atti delegati fil-qafas tar-reġjonalizzazzjoni

    Il-PKS introduċiet ir-reġjonalizzazzjoni biex tiddefinixxi għadd ta’ miżuri adottati permezz ta’ atti delegati, b’mod partikolari l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għall-konformità mal-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u l-pjanijiet ta’ skartar. Meta tapplika r-reġjonalizzazzjoni, il-pajjiżi tal-UE b’interess ta’ ġestjoni dirett jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-adozzjoni ta’ atti delegati tal-Kummissjoni.

    Ir-reġjonalizzazzjoni kellha rwol importanti fl-introduzzjoni gradwali tal-obbligu tal-ħatt l-art. F’dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri wasslu biex ikkontribwew għal 15-il pjan ta’ skartar, li wħud minnhom għaġġlu l-introduzzjoni gradwali tal-obbligu tal-ħatt l-art meta mqabbla mal-iskadenzi leġiżlattivi. Dawn il-pjanijiet jinkludu d-dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, inklużi l-eżenzjonijiet, appoġġati minn pariri xjentifiċi.

    Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sajd fuq livell reġjonali f’konformità mal-Artikolu 11 tal-PKS kienu inqas, iżda l-Kummissjoni rċeviet seba’ għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Baħar Baltiku. Il-messaġġ ewlieni tad-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Mediterran ta’ Marzu 2017 huwa l-impenn li ssir aktar ħidma biex jiġu stabbiliti żoni protetti tal-baħar anke f’dan il-baċir tal-baħar.

    Il-Kunsilli Konsultattivi (ACs), l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati magħmula minn rappreżentanti tal-industrija u minn gruppi ta’ interess oħra fi proporzjon ta’ 60/40, kellhom rwol ċentrali fir-reġjonalizzazzjoni. Dawn għandhom il-kompitu li jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’rakkomandazzjonijiet u b’informazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd u l-aspetti soċjoekonomiċi u ta’ konservazzjoni tas-sajd u tal-akkwakultura. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-Kunsilli Konsultattivi dwar ir-rakkomandazzjonijiet konġunti li jabbozzaw fil-qafas tar-reġjonalizzazzjoni. B’kollox, l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet bejn l-2013 u l-2016 żdied b’iktar minn terz. Barra minn hekk, tlieta mill-Kunsilli Konsultativi l-ġodda stabbiliti permezz tal-PKS riformata (għall-Baħar l-Iswed, is-swieq u l-akkwakultura) bħalissa huma kompletament operattivi, fatt li għen biex aktar partijiet ikkonċernati jiġu inklużi fil-konsultazzjoni u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.

    2.5.Obbligu tal-ħatt l-art

    Illum, is-sajd kollu fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed kif ukoll is-sajd kollu għall-ispeċijiet pelaġiċi u industrijali fl-ilmijiet kollha tal-UE, jaqa’ taħt l-obbligu tal-ħatt l-art. Jekk wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni reġjonali, fil-Baħar tat-Tramuntana, 82 % tal-qabdiet totali permissibli kollha issa huma taħt l-obbligu tal-ħatt l-art. Fl-Ilmijiet tal-Majjistral, din iċ-ċifra tammonta għal 86 % filwaqt li fl-Ilmijiet tal-Lbiċ tammonta għal 77 %. Jekk wieħed iħares lejn il-volum ta’ ħut demersali skont l-obbligu tal-ħatt l-art, dan jammonta għal 28 % fil-Baħar tat-Tramuntana, 46 % fl-Ilmijiet tal-Majjistral u 27 % fl-Ilmijiet tal-Lbiċ. Jekk minn naħa, l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt ipprogressat sew fis-sajd demersali tal-Ilmijiet tal-Majjistral, min-naħa l-oħra hemm bżonn ta’ sforz aktar konċertat għas-sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Lbiċ.

    Fil-Baħar Mediterran, fejn l-obbligu tal-ħatt l-art japplika għall-ispeċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni, bħalissa 29 % tal-ħatt l-art totali huma soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art. Din iċ-ċifra tammonta għal 82 % għall-ispeċijiet pelaġiċi żgħar u għal 17 % għall-ispeċijiet demersali (inklużi l-molluski). Il-parti l-kbira tal-qbid mis-sajd ta’ speċijiet pelaġiċi żgħar hija soġġetta għall-obbligu tal-ħatt l-art, iżda hemm bżonn ta’ ħidma ulterjuri biex sal-2019 is-sajd demersali jiġi integrat aħjar fl-obbligu tal-ħatt l-art.

    Fil-Baħar l-Iswed, l-obbligu tal-ħatt l-art japplika mill-2017 għall-qabdiet kollha ta’ speċijiet soġġetti għat-TAC, jiġifieri l-laċċa kaħla u l-barbun imperjali.

    Kull sena l-Kummissjoni trid tirrapporta informazzjoni speċifika dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art 18 . L-ewwel rapport ġie adottat fl-2016 19 u kopra l-obbligu tal-ħatt l-art għall-ispeċijiet pelaġiċi u l-Baħar Baltiku fl-2015. It-tieni rapport, inkluż fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, jipprovdi aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art fl-2016, meta l-projbizzjoni fuq il-qbid skartat ġiet estiża għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Atlantiku. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni mill-Istati Membri, il-Kunsilli Konsultattivi u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA).

    B’mod ġenerali, ir-rapporti mill-Istati Membri enfasizzaw għadd ta’ sfidi li jeħtieġu sforzi konċertati mill-industrija u mill-amministrazzjonijiet. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tiddiskuti mal-Istati Membri u mas-settur dwar kif jintużaw l-għodod disponibbli biex jittaffew l-effetti tal-kwoti limitanti u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ qabdiet tal-ħut iżgħar milli suppost. Jenħtieġ ukoll li l-industrija u l-Istati Membri jaħdmu aktar biex itejbu d-dejta dwar il-qbid skartat sabiex jiġi vvalutat l-impatt prattiku tal-obbligu tal-ħatt l-art u biex jiġu stabbiliti l-għodod ta’ kontroll u ta’ infurzar meħtieġa.

    3.Proposti tal-qabdiet totali permissibbli għall-2018

    L-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 se jimxu fuq l-għanijiet tal-PKS u se jkunu bbażati fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli 20 . Meta ma jkun disponibbli l-ebda parir xjentifiku, il-Kummissjoni se tapplika l-approċċ prekawzjonarju f’konformità mal-għanijiet tal-PKS.

    3.1.Stokkijiet li għandhom valutazzjoni tal-MSY

    Biex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS, għandu jiżdied il-proporzjon tal-istokkijiet mistada fil-livelli li jikkorrispondu għal FMSY. Bħas-snin preċedenti, anke s-sena d-dieħla, jiġifieri fl-2018, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi l-qabdiet totali permissibbli f’konformità mal-kisba tal-FMSY fil-każ tal-proposti tal-opportunitajiet tas-sajd li saru din is-sena. Dan se jgħin biex iġib il-konformità gradwali mal-obbligu legali fil-qasam tal-PKS. Madakollu, dan se jirrikjedi impenn mill-Kunsill biex jallinja d-deċiżjonijiet tiegħu ma’ dan l-approċċ. Għall-istokkijiet b’valutazzjoni tal-FMSY, il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-valuri tal-punti disponibbli ħlief jekk jiġu adottati pjanijiet multiannwali b’meded FMSY.

    Għall-istokkijiet li għandhom valutazzjoni tal-MSY u li huma kondiviżi ma’ pajjiżi sħab li mhumiex parti mill-UE, il-Kummissjoni qed tkompli tfittex ftehim magħhom billi tadotta l-istess approċċ. Għall-istokkijiet li huma ġestiti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs), il-Kummissjoni timxi fuq id-direttivi ta’ negozjar stabbiliti mill-Kunsill għall-RFMOs, li japplikaw l-istess standards u prinċipji bħal dawk tal-istokkijiet fl-UE.

    3.2.Stokkijiet fil-qafas tal-pjanijiet multiannwali

    Il-pjan multiannwali tal-Baltiku, l-uniku wieħed adottat mid-dħul fis-seħħ tal-PKS il-ġdida, jispeċifika meded tal-mortalità mis-sajd fil-mira konsistenti mal-kisba tal-MSY u se jirfed il-proposti tat-TACs għall-2018 fil-Baltiku. Dawn il-meded, ipprovduti minn parir xjentifiku, ikopru r-rati ta’ mortalità mis-sajd kollha li jirriżultaw f’livelli ta’ bijomassa li jkunu kapaċi jipproduċu MSY fuq perjodu twil.

     

    Jenħtieġ li jiġu applikati l-pjanijiet multiannwali li ġew adottati qabel ma daħlet fis-seħħ il-PKS tal-2014 u li jippermettu li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont il-FMSY fl-2018. Għall-pjanijiet li ma għadhomx kompatibbli ma’ dan l-għan, ngħidu aħna għax jinkludu għan inqas ambizzjuż, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta proposti għat-TACs f’konformità mal-FMSY għall-2018.

    3.3.Stokkijiet oħra

    Għall-istokkijiet mingħajr valutazzjoni sħiħa tal-MSY, jiġu kkunsidrati parametri alternattivi. Il-proposti tat-TAC se jirriflettu kwalunkwe bidla fil-parir xjentifiku disponibbli, mingħajr ma tiġi pperikolata l-konservazzjoni tal-istokkijiet. Jistgħu jiġu identifikati diversi każijiet.

    3.3.1.Stokkijiet li għalihom hemm dejta disponibbli biex tiddetermina l-indikaturi tal-MSY

    Dawn l-istokkijiet huma vvalutati b’mudelli ta’ previżjoni tax-xejriet u l-ICES jagħti parir dwar il-qbid kwantitattiv 21 . L-approċċ se jkun simili għal dak tal-istokkijiet b’valutazzjoni sħiħa tal-MSY.

    3.3.2.Stokkijiet b’xejriet ivvalutati permezz ta’ stħarriġ jew li għalihom hemm serje taż-żmien tal-qbid

    Fin-nuqqas ta’ valutazzjoni FMSY, il-parir xjentifiku jipproponi limiti ta’ qbid. Il-Kummissjoni se tuża l-parir tal-ICES dwar dawn l-istokkijiet u se tikkunsidra s-sitwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li tapplika l-approċċ prekawzjonarju.

    3.3.3.Stokkijiet preżunti bħala stabbli

    Fl-2013 il-Kunsill iddeċieda li ma għandhomx jinbidlu t-TACs għal 26 stokk qabel l-2018, sakemm il-parir bijoloġiku ma titlobx aġġustamenti. Ġeneralment, dawn huma stokkijiet sfruttati biss bħala qabdiet inċidentali, b’livelli baxxi ta’ utilizzazzjoni tal-kwoti; l-importanza ekonomika tagħhom hija baxxa u l-informazzjoni dwar l-istatus tagħhom hija limitata. Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli b’dan l-approċċ, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet mill-ICES għal reviżjoni, u f’dan il-każ se jiġu kkunsidrati l-aġġustamenti.

    3.3.4.Stokkijiet mingħajr parir bijoloġiku

    Fin-nuqqas ta’ parir bijoloġiku, jenħtieġ li jiġu applikati l-proposti xierqa tat-TAC skont l-approċċ prekawzjonarju f’konformità mal-Artikolu 2(2) tal-PKS. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-ICES biex tkompli tiżviluppa għodod biex timla l-lakuni eżistenti u biex tkun tista’ tadotta proposti b’mod aktar sistematiku, predefinit u trasparenti.

    3.4.Aġġustamenti tat-TAC u obbligu ta’ ħatt l-art

    Skont ir-regoli tal-PKS, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art jenħtieġ li jiġu stabbiliti skont il-qabdiet, aktar milli l-ħatt l-art, abbażi tal-parir xjentifiku. L-aġġustamenti tat-TAC jiffurmaw parti mill-pakkett globali ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art. Jenħtieġ li dawn ma jipperikolawx l-għan tal-FMSY jew iżidu l-mortalità mis-sajd.

    Il-Kummissjoni qed tikkunsidra aġġustamenti tat-TAC għall-istokkijiet soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art għall-2018, kif kienet għamlet għall-2017. Fin-nuqqas ta’ dejta vvalidata jew kompluta dwar il-qbid skartat, il-Kummissjoni beħsiebha testrapola d-dejta biex tikkalkula l-aġġustamenti tat-TAC, meta dan ikun aċċettabbli mil-lat metodoloġiku, abbażi tal-parir tal-STECF.

    Ma hemmx bżonn ta’ aġġustamenti tat-TACs fl-2018 għall-istokkijiet jew il-qbid li għalihom l-obbligu tal-ħatt l-art jidħol fis-seħħ fl-2019. L-aġġustamenti tat-TAC għall-istokkijiet ġestiti b’mod konġunt ma’ sħab internazzjonali (pajjiżi terzi, RFMOs) huma soġġetti għal konsultazzjoni ma’ dawk is-sħab.

    Wara valutazzjoni xjentifika pożittiva mill-ICES 22 , u abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda li jelimina t-TAC għal-limanda u l-barbun fil-Baħar tat-Tramuntana fil-bidu tal-2017. Bosta partijiet ikkonċernati laqgħu din id-deċiżjoni li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni lesta li tiddiskuti l-eliminazzjoni ta’ TACs oħra fil-futur, jekk ma jkun hemm l-ebda riskju għall-konservazzjoni tal-istokk u dejjem jekk l-ICES jaqbel dwar dan.

    4.Konklużjoni

    Il-Kummissjoni se tkompli bl-implimentazzjoni sħiħa tal-PKS u se tipproponi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 f’konformità tal-miri tal-MSY fil-PKS. Id-dħul fis-seħħ tal-ewwel pjan multiannwali skont il-PKS witta t-triq għall-introduzzjoni gradwali ta’ dan l-istrument ta’ ġestjoni tal-prijorità f’baċiri tal-baħar oħra tal-UE, bħala mezz biex jinkisbu l-għanijiet ewlenin tal-PKS.

    Il-prestazzjoni ekonomika ta’ ħafna flotot qed tkompli titjieb u l-progress lejn l-allinjament tal-kapaċità tas-sajd mal-opportunitajiet tas-sajd sejjer tajjeb ukoll. Fir-rigward tal-isfruttament tar-riżorsi, għad fadal xi sfidi biex jinkisbu l-miri tal-MSY, b’mod partikolari fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. L-UE trid twettaq aktar fl-oqsma fejn il-progress huwa kajman. Il-kooperazzjoni reġjonali, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha, kif stabbilit fil-PKS, se jkollha rwol ewlieni biex twettaq dan.



    Skeda

    It-tabella li ġejja tinkludi l-iskeda tax-xogħol ippjanat.

    Meta

    Xiex

    bejn Lulju u Settembru

    Konsultazzjoni pubblika tal-Komunikazzjoni

    Mejju/Ġunju/Ottubru

    Parir tal-ICES dwar l-istokkijiet

    is-26 ta’ Settembru

    Seminar dwar l-istat tal-istokkijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Adozzjoni tal-proposti tat-TAC għall-Baħar Baltiku

    Ottubru

    Kunsill dwar it-TACs għall-Baħar Baltiku

    Novembru

    Adozzjoni tal-proposti tat-TAC għall-Atlantiku/il-Baħar tat-Tramuntana/il-Baħar l-Iswed

    Diċembru

    Kunsill dwar it-TACs għall-Atlantiku/il-Baħar tat-Tramuntana/il-Baħar l-Iswed

    (1) Id-Direttiva 2008/56/KE, ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
    (2) Ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd, meħtieġa skont l-Artikoli 15(14) u 22(4) rispettivament tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 354, 28.12.2013) huma inklużi fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.
    (3) 2017-04_STECF 17-04: Monitoring the performance of the Common Fisheries Policy, Ispra, l-Italja, bejn is-27 u l-31 ta’ Marzu 2017.
    (4) COM/2016/0493 final - 2016/0238 (COD).
    (5) COM/2017/097 final - 2017/043 (COD).
    (6) https://ec.europa.eu/fisheries/sites/fisheries/files/2017-03-30-declaration-malta.pdf
    (7) F’Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) organizzat laqgħa ta’ livell għoli dwar il-governanza tas-sajd fil-Baħar l-Iswed. Il-konferenza adottat id-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest li tenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċi komuni u kollaborattivi fost l-Istati mal-kosta biex jindirizzaw kwistjonijiet dwar is-sajd fil-Baħar l-Iswed.
    (8) 2017-04_STECF 17-04.
    (9) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1.
    (10) Għal aktar dettalji ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
    (11) Bl-eċċezzjoni tat-trilja tal-ħama fil-Baħar Tirren tan-Nofsinhar u Ċentrali.
    (12) (STECF) – Mediterranean assessments 2016-part 2 (STECF-17-06).
    (13)

    Ir-rakkomandazzjoni tal-ICCAT 14–04, li temenda r-Rakkomandazzjoni 13–07 li tistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, trasposta f’leġiżlazzjoni tal-UE bħala r-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009, ĠU L 252, 16.09.2016, p. 1.

    (14) Ir-rakkomandazzjoni GFCM/40/2016/6 dwar il-monitoraġġ xjentifiku, il-ġestjoni u l-kontroll tas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed (GSA 29).
    (15) “The Sunken Billions Revisited: Progress and Challenges in Global Marine Fisheries”, Bank Dinji; “Sustainability now or later? Estimating the benefits of pathways to maximum sustainable yield for EU Northeast Atlantic fisheries”, Marine Policy 72 (2016), pp. 40-47.
    (16) F’dawn is-simulazzjonijiet, il-fatturi esterni ewlenin bħall-varjazzjonijiet ambjentali jew il-fatturi ekonomiċi bħall-karburant, jinżammu kostanti.
    (17) Workshop tal-GFCM dwar l-evalwazzjoni tal-istrateġija ta’ ġestjoni, Frar 2017.
    (18) L-Artikolu 15(14) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015, ĠU L 133, 29.5.2015.
    (19) COM(2016) 396 final.
    (20) Mill-ICES u, fejn applikabbli, mill-STECF u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-GFCM.
    (21) Abbażi ta’ indikatur għall-FMSY.
    (22) ICES, EU request on a combined dab and flounder TAC and potential management measures besides catch limits, (Talba tal-UE dwar TAC mħallta għal-limanda u l-barbun u miżuri ta’ ġestjoni potenzjali minbarra l-limiti ta’ qbid), l-10 ta’ Marzu 2017.
    Top