Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0203

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-ħames rapport ta’ progress lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina

COM/2017/0203 final

Brussell, 2.3.2017

COM(2017) 203 final

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-ħames rapport ta’ progress lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina


Il-ħames rapport ta’ progress dwar Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina

I.    INTRODUZZJONI

Dan huwa l-ħames rapport ta’ kull xahar dwar il-progress li sar lejn il-bini ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina u jkopri l-iżviluppi f’żewġ pilastri ewlenin: il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u dik ċibernetika u l-mezzi li jappoġġawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini tar-reżiljenza kontra dan it-theddid.

Prerekwiżit għall-bini ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina huwa li jiġu żgurati l-adozzjoni f’waqtha u l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tat-13 ta’ Diċembru 2016 tal-Presidenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 1 qablet dwar 58 prijorità leġiżlattiva għall-2017. F’dan hemm numru ta’ proposti pendenti li huma ta’ importanza ewlenija għall-implimentazzjoni tal-Unjoni tas-Sigurtà, inklużi: id-Direttiva dwar it-Terroriżmu; id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar; is-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE (Entry Exit System, EES); is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS); id-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu; is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System, ECRIS) u r-Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Privatezza Elettronika). Huwa essenzjali li jintlaħqu ftehimiet malajr dwar dawn il-proposti u dan ir-rapport se jħares lejn is-sitwazzjoni attwali ta’ kull waħda minnhom.

L-enfasi fuq l-implimentazzjoni tapplika wkoll għal-leġiżlazzjoni eżistenti, inklużi l-istrumenti li għadhom fil-fażi tat-traspożizzjoni. Dan ir-rapport jipprovdi wkoll aġġornament dwar il-fajls ewlenin f’din il-kategorija, bħall-Prekursuri tal-Isplussivi, ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Records, PNR), id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm dwar il-qsim tad-dejta dwar il-vetturi, il-marki tas-swaba u d-DNA bejn l-Istati Membri u t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks tal-Informazzjoni (Network Information Security, NIS).

Minbarra l-progress dwar il-fajls leġiżlattivi, dan ir-rapport ikopri l-implimentazzjoni ta’ xi fajls ewlenin mhux leġiżlattivi tal-Unjoni tas-Sigurtà fil-qasam tal-bini tar-reżiljenza tal-UE bħall-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni permezz tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, dwar il-Protezzjoni ta’ Miri Faċli, u dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni f’pajjiżi terzi.

Ir-rapport li jmiss ta’ kull xahar f’April se jiffoka fuq il-kriminalità organizzata u fuq il-prijoritajiet għaċ-“Ċiklu ta’ Politika” tal-UE tal-2017 li jipprovdi qafas strateġiku għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, l-aġenziji tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam kif ukoll dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija u ġudizzjarja, inklużi t-Timijiet Konġunti tal-Investigazzjoni.

II. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PRIJORITAJIET LEĠIŻLATTIVI GĦALL-ĦARSIEN AĦJAR TAS-SIGURTÀ TAĊ-ĊITTADINI

Ix-xahar li għadda, l-UE għamlet pass importanti ‘l quddiem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu bl-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kunsill issa huwa mistenni li jadotta l-proposta fl-ewwel parti ta’ Marzu. Ladarba tkun implimentata, id-Direttiva l-ġdida se tipprovdi lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u lill-prosekuturi b’għodod ta’ importanza ewlenija biex jiġġieldu kontra t-theddida terroristika li qiegħda tevolvi, inkluża l-kriminalizzazzjoni tal-imġiba marbuta mal-ġellieda terroristi barranin, mat-taħriġ tat-terroristi u mal-finanzjament tat-terroriżmu. Id-Direttiva se ttejjeb ukoll ir-regoli eżistenti dwar l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-reati terroristiċi u se tippermetti li jitneħħa kontenut terroristiku onlajn, u dan se jgħin biex l-UE tinżamm aktar sikura, filwaqt li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Fl-aħħar nett, id-Direttiva se ttejjeb l-istatus u d-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu, u tiżgura li jkollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ, immedjatament wara attakk u għal perjodu ta’ żmien twil kemm hu meħtieġ wara dan. Wara ftehim politiku bejn il-koleġiżlaturi f’Novembru 2016, il-plenarja tal-Parlament Ewropew ivvutat favur il-proposta tas-16 ta’ Frar u l-Kunsill issa se jipproċedi bl-adozzjoni formali fil-bidu ta’ Marzu. L-Istati Membri għandhom 18-il xahar biex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni se tiffaċilita t-traspożizzjoni malajr u korretta fl-Istati Membri permezz ta’ serje ta’ workshops li jibdew qabel is-sajf tal-2017. Permezz tad-Direttiva, l-UE tittrasponi l-Protokoll Addizzjonali tal-2015 għall-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-terroriżmu. Bosta Stati Membri diġà ħadu l-passi neċessarji biex jaġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom skont il-Protokoll.

Wara ftehim politiku bejn il-koleġiżlaturi fl-20 ta’ Diċembru 2016 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar sabiex jiġu msaħħa l-kontrolli u l-projbizzjonijiet fuq l-aktar armi perikolużi, il-plenarja tal-Parlament Ewropew hija mistennija li tivvota fl-14 ta’ Marzu. Il-proposta twessa’ b’mod sinifikattiv il-firxa ta’ armi li jaqgħu taħt il-projbizzjoni l-iktar stretta tal-Kategorija A, inkluż l-armi awtomatiċi kkonvertiti għal armi semiawtomatiċi u armi semiawtomatiċi ta’ grad militari mgħammra b’kompartimenti u apparat għall-ikkargar ta’ kapaċità għolja ta’ skrataċ. Ladarba tiġi implimentata d-Direttiva, mhix se tkun iktar possibbli li dawn l-armi jinxtraw jew jiġu nnegozjati ħlief għal grupp b’definizzjoni stretta ħafna ta’ detenturi ta’ liċenzja, bħalma huma l-mużewijiet jew tiraturi sportivi li se jkunu soġġetti għal rekwiżiti strinġenti ta’ sigurtà u ta’ monitoraġġ. Il-proposta ssaħħaħ b’mod sinifikattiv il-kontrolli fuq it-traċċabilità, l-immarkar u l-armi diżattivati. B’mod parallel, il-Kummissjoni mexxiet ’il quddiem il-ħidma fil-kumitat tekniku dwar l-istandards ta’ diżattivazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri. Fit-8 ta’ Frar intlaħaq ftehim fuq kriterji riveduti iktar strinġenti li issa se jiġu ttestjati biex jiġi żgurat li jipprovdu irreversibilità effettiva ta’ diżattivazzjoni qabel ma jiġu adottati formalment. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed issaħħaħ il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-armi mal-pajjiżi terzi ewlenin bħalma huma dawk fil-Balkani tal-Punent. Il-ġlieda kontra l-armi tan-nar illegali jinħtieġ li tkun ukoll prijorità fiċ-“Ċiklu tal-Politika” li jmiss dwar il-kriminalità serja u organizzata għall-perjodu 2017-2021.

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill dwar il-proposti tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ tal-UE sabiex titjieb il-ġestjoni tal-fruntieri, tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari u tissaħħaħ is-sigurtà interna billi jiġu rrekordjati l-movimenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen, u sabiex tistabbilixxi Sistema tal-UE ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS) li se tistabbilixxi sistema li tippermetti li jsiru verifiki avvanzati għal riskji ta’ sigurtà u migrazzjoni fuq vjaġġaturi li huma eżentati mill-viża. Fis-27 ta’ Frar 2017, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) tal-Parlament Ewropew adotta l-mandat tiegħu ta’ negozjar dwar is-Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ liż-żewġ leġiżlaturi biex iħaffu l-progress fin-negozjati li ġejjin u jżommu f’moħħhom id-data fil-mira ta’ Ġunju 2017, li ġiet stipulata mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2016.

Fir-rigward tal-ETIAS, l-esperti tal-Istati Membri qed jiddiskutu l-proposta tal-Kummissjoni fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kunsill filwaqt li l-kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew ħatar ir-relatur tiegħu għall-fajl.

Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi estiża s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni qed teżamina soluzzjonijiet tekniċi għal infrastruttura ċċentralizzata biex tappoġġa l-iskambju ta’ tali informazzjoni. Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabilità li għandhom jiġu ppreżentati f’April 2017, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva modifikata f’Ġunju 2017.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal emendi mmirati għar-Raba’ Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus ġiet adottata mill-Kunsill fil-5 ta’ Lulju 2016. Wara li eżamina l-proposta, fl-20 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill laħaq mandat ta’ negozjar. Il-proposta kienet iddiżinjata biex tkopri modi ġodda ta’ finanzjament tat-terroriżmu, bħall-muniti virtwali u l-kards imħallsa minn qabel u li żżid it-trasparenza biex tgħin fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Ir-rapport tal-Parlament Ewropew ġie adottat fit-28 ta’ Frar 2017. Il-Kummissjoni qed tappella lill-koleġiżlaturi biex jiffinalizzaw in-negozjati fuq din il-proposta importanti kemm jista’ jkun malajr, liema proposta se tgħin biex jitkomplu jitnaqqsu l-modi disponibbli għat-terroristi.

Il-proċess leġiżlattiv beda kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsill fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika (il-Privatezza Elettronika). L-għan huwa li jingħataw opportunitajiet indaqs għal fornituri tal-komunikazzjoni elettronika, li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għal konsumaturi filwaqt li jippermettu lin-negozji jkunu innovattivi. Fil-Parlament Ewropew, il-Kumitat LIBE se jkun fuq quddiem nett b’relatur li dalwaqt se jiġi nnominat, u bil-Kumitati ITRE, JURI u IMCO li se jkunu assoċjati. Bdiet ukoll ħidma fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kunsill. Peress li dan huwa fajl ta’ prijorità għat-tliet istituzzjonijiet, huwa mistenni li jinkiseb progress malajr sabiex ir-Regolament jista’ japplika mill-24 ta’ Mejju 2018, fl-istess żmien tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

III. L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ INIZJATTIVI LEĠIŻLATTIVI OĦRA

Lil hinn mill-proposti pendenti msemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta, huwa importanti li wieħed jinnota li għaddejja ħidma fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill fuq il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi infurzata mill-ġdid is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) biex titjieb il-ġestjoni tal-fruniteri u biex tiġġieled aħjar kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera. L-esperti tal-Istati Membri qed jiddiskutu l-proposta fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kunsill. Il-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew bħalissa qiegħed fil-proċess li jaħtar ir-relatur tiegħu. Il-miżuri proposti se jwasslu titjib ewlieni fl-iskambju tal-informazzjoni u fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, speċjalment permezz ta’ obbligu biex jinħoloq allert tas-SIS f’każijiet relatati ma’ offiżi terroristiċi, l-introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ allerti dwar “persuna mfittxija mhux magħrufa”, l-introduzzjoni ta’ verifiki sistematiċi ta’ ċittadini tal-UE mal-SIS fil-fruntieri esterni u ż-żieda ta’ drittijiet għal aċċess sħiħ għall-Europol. Il-bidliet proposti se jikkontribwixxu wkoll għall-infurzar effettiv ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntiera esterna billi jagħmlu obbligatorja l-introduzzjoni tagħhom fl-SIS. Il-bidliet proposti se jtejbu l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż b’mod irregolari billi jintroduċu kategorija ġdida ta’ allert għal deċiżjonijiet ta’ ritorn. Il-Kummissjoni qed tappella lill-koleġiżlaturi biex iħaffu l-ħidma tagħhom fuq dan il-fajl importanti.

Fil-21 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva ġdida biex tikkriminalizza l-ħasil tal-flus, liema Direttiva tkun tista’ tipprovdi wkoll lil awtoritajiet kompetenti b'dispożizzjonijiet xierqa tal-liġi kriminali għall-prosekuzzjoni tal-kriminali u t-terroristi. Il-miżuri proposti - ladarba jkun hemm qbil - jistabbilixxu r-regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ offiżi kriminali u sanzjonijiet relatati mal-ħasil tal-flus; ixejnu n-nuqqasijiet li jeżistu fid-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali li jistgħu jisfruttaw il-kriminali; ineħħu l-ostakli għall-kooperazzjoni transfruntiera ġudizzjarja u tal-pulizija billi jistabbilixxu dispożizzjonijiet komuni biex itejbu l-investigazzjoni ta’ offiżi relatati mal-ħasil tal-flus; u jġibu n-normi tal-UE f’konformità mal-obbligi internazzjonali f’dan il-qasam, kif stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Varsavja tal-Kunsill tal-Ewropa u fir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja. Minn dakinhar 'l hawn, bdew isiru diskussjonijiet fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kunsill bil-għan li jinkiseb approċċ ġenerali qabel is-sajf. Id-diskussjonijiet huma mistennija li jibdew fil-Parlament Ewropew dalwaqt. Il-Kummissjoni tilqa’ dawn l-iżviluppi pożittivi u tinkoraġġixxi lill-koleġiżlaturi biex jagħtu prijorità lil dan il-fajl.

Fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-rekwiżiti r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni għal tagħmir ta’ skrinjar għas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti tal-UE ma tistabbilixxix skema ta’ valutazzjoni tal-konformità li hija vinkolanti madwar l-UE kollha biex ikun żgurat li jintlaħqu l-istandards meħtieġa fl-ajruporti kollha tal-UE. B’riżultat ta’ dan, tagħmir ċċertifikat fi Stat Membru partikolari ma jistax jitqiegħed fis-suq fi Stat Membri oħra. Għalhekk, f’Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tistabbilixxi sistema unika ta’ ċertifikazzjoni tal-UE abbażi ta’ metodoloġija komuni tal-ittestjar u l-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ konformità mill-manifatturi, li jkunu validi fl-Istati Membri kollha tal-UE, skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Il-ħolqien ta’ sistema bħalma hi din se jgħin biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq, tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà tal-UE, u tingħata spinta lill-impjiegi f’dan is-settur filwaqt li titjieb is-sigurtà tal-avjazzjoni madwar l-Ewropa. Bħalissa l-proposta qed tiġi diskussa minn koleġiżlaturi fil-livell ta’ ħidma.

Il-Kummissjoni kompliet taħdem biex tiżgura li r-regoli tal-UE fil-qasam tal-manifattura illegali ta’ splussivi magħmulin id-dar huma adattati għal theddid emerġenti 2 . F’Novembru 2016, ir-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi ta’ prekursuri tal-isplussivi li jistgħu jintużaw fil-manifattura illegali ta’ splussivi magħmulin id-dar ġew rinfurzati biż-żieda ta’ tliet sustanzi 3 mal-lista 4 ta’ sustanzi soġġetti għall-obbligu strett ta’ rappurtar dwar kwalunkwe tranżazzjonijiet, għajbien jew serq suspettużi. Barra minn dan, fl-2017, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tniedi evalwazzjoni tal-effettività tar-Regolament (UE) Nru 98/2013 sabiex issaħħaħ ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli eżistenti.

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni wkoll kontra dawk l-Istati Membri li għadhom ma implimentawx għalkollox id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament (UE) Nru 98/2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi. Wara l-ewwel stadji tal-proċeduri ta’ ksur f’Mejju u f’Settembru 2016, il-Kummissjoni nediet it-tieni stadju fil-15 ta’ Frar billi ttrattat l-opinjonijiet motivati lil Ċipru, Franza u r-Rumanija. Dawn l-Istati Membri għadhom ma stabbilixxewx ir-regoli rekwiżiti dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tar-restrizzjonijiet u l-kontrolli imposti fuq il-kimiċi perikolużi li jistgħu jintużaw mit-terroristi biex jimmanifatturaw splussivi magħmulin id-dar.

Il-Kummissjoni qed tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva tar-Reġistru tal-UE tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u t-twaqqif tal-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (Passenger Information Units, PIUs) f’kull Stat Membru. F’Diċembru 2016, il-Kummissjoni organizzat it-tielet laqgħa mal-esperti tal-Istati Membri biex taqsam magħhom it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattika. L-istadji indikattivi għat-twaqqif tal-PIUs, kif stipulat fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2016, qed jintużaw biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Meta mqabbla mas-sitwazzjoni msemmija fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni, sitt Stati Membri issa jistgħu jiġu nklużi fil-kategorija ta’ Stati Membri li għandhom sistemi ta’ PNR kemm funzjonali kif ukoll kważi funzjonali stabbiliti u bażi legali dedikata li tipprovdi għall-ġbir u l-ipproċessar ta’ dejta tal-PNR. Il-Kummissjoni regolarment tirċievi informazzjoni mill-Istati Membri kollha dwar il-progress fil-proċess tal-implimentazzjoni. Fl-2017 hemm ipprogrammati EUR 70 miljun permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-PNR, u l-Kummissjoni tinsab f’taħditiet mal-Istati Membri dwar ir-reviżjoni tal-programmi nazzjonali tagħhom taħt il-Fond sabiex talloka il-finanzjament addizzjonali.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm 5 tal-2008 introduċew proċeduri għal skambji ta’ dejta rapidi u effiċjenti bejn l-Istati Membri billi stipulaw regoli u billi pprovdew qafas biex jippermettu lill-Istati Membri li jagħmlu tfittxijiet fil-fajls tal-analiżi tad-DNA, fis-sistemi għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' u fil-bażijiet tad-dejta tar-reġistrazzjoni tal-vetturi ta' xulxin. Prüm kien għodda li għen lill-investigaturi Franċiżi wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi f’Novembru 2015. F’dawn l-aħħar xhur sar progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni ta’ Prüm b’volumi dejjem jiżdiedu fl-iskambju ta’ dejta. Madanakollu, kważi 10 snin wara, għadd ta’ Stati Membri għadhom fadlilhom jimplimentaw id-Deċiżjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni użat is-setgħat ta’ infurzar li kisbet taħt it-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern 6 sabiex tniedi każijiet ta’ ksur kontra l-Kroazja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall minħabba li naqsu milli jikkonformaw mad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm. 7  

Ir-Raba’ Rapport ta’ Progress dwar is-Sigurtà tal-Unjoni 8 ddiskriva l-aspetti differenti ta’ ħidma li diġà għaddejjin bħalissa biex jiġi indirizzat it-theddid ċibernetiku, u fakkar ukoll ir-rwol ewlieni tad-Direttiva tas-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (Network and Information Security, NIS) li tistabbilixxi l-bażi għal kooperazzjoni u għal reżiljenza ċibernetika mtejba fuq il-livell tal-UE. L-ewwel laqgħa formali tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni ta’ NIS maħluqa permezz tad-Direttiva saret fi Frar mal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA). Il-Grupp indirizza kwistjonijiet ewlenin dwar it-traspożizzjoni u ftehmu li jieħdu r-responsabbiltà fi gruppi ta’ esperti fuq għadd ta’ aspetti, inkluż il-kriterji li tiddefinixxi l-kritikalità ta’ operatur, il-proċess ta’ konsultazzjoni f’każijiet ta’ impatt transfruntier ta’ operatur, u l-proċedura għall-iskambju mandatorju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri affettwati. Sabiex tindirizza l-implimentazzjoni tal-acquis dwar iċ-ċiberkriminalità, f’Diċembru 2016, il-Kummissjoni indirizzat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija, lill-Belġju u lill-Irlanda li ma kkomunikawx transpożizzjoni totali tad-Direttiva 2013/40/UE dwar l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Fis-16 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni adottat ukoll żewġ rapporti 9 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, b’rapport minnhom li ffoka speċifikament fuq il-miżuri li qed jieħdu l-Istati Membri kontra siti web li fihom jew li jxerrdu l-pornografija tat-tfal.

IV. L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ AZZJONIJIET MHUX LEĠIŻLATTIVI

Il-Kummissjoni għandha rwol ewlieni fit-tmexxija, fil-faċilitar, fil-finanzjar u fil-koordinazzjoni tal-ħidma f’għadd ta’ oqsma mhux leġiżlattivi li huma ċentrali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, bħar-radikalizzazzjoni, il-protezzjoni ta’ miri faċli, is-sigurtà fit-trasport, iċ-ċibersigurtà u t-theddid ibridu. Azzjoni għat-theddid li jsir minn ġellieda terroristi barranin li jirritornaw u r-radikalizzazzjoni onlajn tirrikjedi sforz sostnut biex jiġu identifikati, appoġġati u mmonitorjati dawk li huma vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni filwaqt li fl-istess ħin, jitnaqqas il-propaganda terroristika onlajn u jiġu pprovduti kontronarrattivi kredibbli. L-attakk li sar f’Berlin f’Diċembru 2016 għal darba oħra wera l-importanza tal-protezzjoni ta’ miri faċli.

Il-Kummissjoni u ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (Radicalisation Awareness Network, RAN) qed iħaffu l-ħidma biex jipprovdu kemm lill-prattikanti u lil dawk li jfasslu l-politiki bi gwida konkreta u rakkomandazzjonijiet biex jipprevjenu u jikkumbattu b’mod iktar effettiv l-isfidi eżistenti u emerġenti tar-radikalizzazzjoni. Fi Frar 2017, il-Kummissjoni nediet netwerk ġdid ta’ persuni li jfasslu l-politiki dwar il-prevenzjoni nazzjonali. Dan in-netwerk ġdid ta’ politika għandu żewġ għanijiet ewlenin: li jsaħħaħ u jistituzzjonalizza l-iskambju ta’ ħila esperta u esperjenza dwar l-approċċi ta’ “prevenzjoni” u l-politiki ta’ prevenzjoni bejn l-Istati Membri; li jiżgura involviment iktar mill-qrib bejn l-Istati Membri f’attivitajiet ta’ RAN. Dan in-netwerk se jikkumplimenta lir-RAN eżistenti li jlaqqa’ flimkien lill-prattikanti ewlenin b’netwerk iktar orjentat lejn il-politika u li jgħin jiżgura li l-prattiki l-ġodda jiġu integrati f’inizjattivi ġodda ta’ politika.

Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN nieda wkoll ħidma fuq manwal dwar ir-rispons għal persuni rimpatrijati biex jipprovdi lill-prattikanti madwar l-Ewropa bil-ħiliet, bl-għarfien u l-fiduċja meħtieġa biex jiżguraw l-intervenzjoni l-iktar xierqa u l-iktar effettiva. Peress li wħud minn dawn l-individwi se jkunu qed jirritornaw bi tfal żgħar ħafna, il-Kummissjoni talbet lir-RAN biex jipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu protetti u appoġġati tfal li twieldu jew trabbew f’territorju tat-terroristi jew li trabbew f’ambjent irradikalizzat fl-UE.

Barra minn dan, fl-2017 ir-RAN se jiżviluppa manwal li jippreżenta linji gwida speċifiċi biex tiġi evitata l-polarizzazzjoni u tiġi ttrattata r-radikalizzazzjoni. Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN se tipproduċi żewġ settijiet ta’ għodod, dwar taħriġ ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni għall-prattikanti ewlenin u dwar strateġiji u approċċi lokali biex jiġu megħjuna dawk li qed jiġġieldu r-radikalizzazzjoni fil-livell lokali.

Azzjonijiet fir-rigward ta’ radikalizzazzjoni onlajn li ġew miftiehma mal-kumpaniji tal-internet fil-laqgħa tal-Forum tal-UE dwar l-Internet li saret f’Diċembru 2016 bħalissa qegħdin fil-fażi tal-implimentazzjoni. Il-"bażi ta’ dejta ta’ hashes", pjattaforma li tindika kontenut terroristiku onlajn bil-għan li tiżgura t-tneħħija irreversibbli tiegħu, li ġiet żviluppata mill-industrija tal-internet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mistennija li tiġi mnedija dan ix-xahar. Fil-15 ta’ Marzu 2017 il-Kummissjoni se tniedi wkoll il-Programm ta’ Għoti tas-Setgħa lis-Soċjetà Ċivili tagħha, b’allokazzjoni finanzjarja ta’ EUR 15-il miljun biex issaħħaħ il-kontromessaġġi effettivi onlajn.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tfisser ukoll li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha, inklużi s-stigatizzazzjoni ta’ komunitajiet, l-intolleranza u r-razziżmu. Il-Kummissjoni qed tippromwovi l-edukazzjoni, d-djalogu interkulturali, l-inklużjoni u l-azzjoni mhux diskriminatorja permezz tal-finanzjament mill-UE. F’Jannar 2017, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjonijiet għal proġetti taħt il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 10 li għandhom l-għan li, inter alia, jipprevjenu u jiġġieldu l-Antisemitiżmu u l-mibegħda kontra l-Musulmani u l-intolleranza, u li jkattru għarfien aħjar bejn komunitajiet differenti, inkluż permezz ta’ attivitajiet interreliġjużi u interkulturali. Qed tittieħed azzjoni wkoll biex jiġu żviluppati għodod u prattiki biex jiġi evitat u kkumbattat diskors ta’ mibegħda razzist u ksenofobiku.

Kif ġie mħabbar fir-Raba’ Rapport ta’ Progress dwar is-Sigurtà tal-Unjoni, fi Frar il-Kummissjoni organizzat l-ewwel workshop dwar il-Protezzjoni ta’ Miri Faċli b’esperti minn diversi oqsma (il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-infurzar tal-liġi, is-sigurtà fit-trasport u r-riċerka) mill-Istati Membri biex jiddiskutu modi kif tista’ titjieb il-protezzjoni tal-miri faċli (it-trasport, avvenimenti tal-isports, ċentri kummerċjali, skejjel, eċċ.). Il-workshop huwa l-ewwel pass fl-iżvilupp ta’ pjattaforma tal-UE biex l-Istati Membri jistgħu jaqsmu l-esperjenzi biex iżidu r-reżiljenza u l-protezzjoni tagħhom kontra attakki ta’ miri faċli fil-futur. Ġew identifikati l-oqsma li ġejja għal skambji ulterjuri: l-integrazzjoni ta’ metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju fl-ippjanar ta’ avvenimenti pubbliċi jew fil-protezzjoni ta’ postijiet iffullati; l-indirizzar tal-isfida minn theddid minn ġewwa permezz tar-rieżami ta’ proċeduri ta’ skrutinju; it-tisħiħ tad-detenzjoni bikrija ta’ armi u splussivi permezz tal-ittestjar u l-użu ta’ tagħmir innovattiv ta’ detenzjoni u bl-esplorazzjoni ta’ standards komuni possibbli għal skopijiet barra dawk għall-avjazzjoni; iż-żieda fl-għarfien pubbliku u tweġibiet biex jiġu attakkati sitwazzjonijiet u involviment iktar mill-qrib bejn gvernijiet u atturi pubbliċi. Qasam ta’ prijorità ieħor li ġie identifikat kien il-ħidma konġunta fuq “protezzjoni permezz tal-ippjanar urban” għall-kostruzzjoni ta’ binjiet ġodda u ta’ żoni pubbliċi.

Fil-qasam tat-theddid ibridu, f’Lulju 2017 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jirrapportaw lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tat-22 azzjoni fil-Qafas Konġunt tal-2016 kontra t-theddid ibridu, li jkopri speċifikament il-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika (pereż: fil-qasam tal-enerġija u l-infrastruttura tat-trasport u sistemi). Il-Qafas Konġunt huwa maħsub biex irawwem ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll tas-sieħba u biex iżid il-kooperazzjoni man-NATO 11 fil-ġlieda kontra theddid ta’ dan it-tip.

Fil-qasam tas-sigurtà tat-trasport, l-UE żviluppat qafas sod tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Madanakollu, titjiriet għall-UE minn pajjiżi terzi jistgħu joffru vulnerabbiltajiet. Hemm ħtieġa li tingħalaq din il-lakuna potenzjali tas-sigurtà bil-kooperazzjoni internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organisation, ICAO) kif ukoll permezz ta’ sforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet bilaterali b’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2309 12 . F’Jannar 2017, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, nediet ħidma biex tiżviluppa matriċi li tgħaqqad il-valutazzjoni tar-riskju u elementi dettaljati tal-vulnerabbiltà biex tipprovdi bażi għall-prijoritizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ sforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet esterni. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed tħaffef ħidmietha fid-definizzjoni ta’ approċċ komuni għas-sigurtà fit-trasport marittimu u t-trasport bl-art, li għandu jkun ibbażat fuq ir-riskju, proporzjonat u sostenibbli.

Wara r-riżultat tad-diskussjoni tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fit-8-9 ta’ Diċembru 2016, l-Istati Membri appellaw għal proċess ta’ riflessjoni dwar kif għandhom jittrattaw il-kwistjoni tal-kriptaġġ fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali. Il-Kummissjoni nediet żewġ linji ta’ ħidma paralleli: Linja ta’ ħidma legali u teknika biex tiġbor l-informazzjoni u biex tesplora l-għażliet dwar kif għandha tiġi indirizzata l-ħtieġa biex jingħelbu ostakli ta’ kriptaġġ għall-iskop ta’ investigazzjonijiet serji ta’ kriminalità filwaqt li jiżviluppaw il-fiduċja u s-sigurtà fid-dinja diġitali.

Fir-rigward tad-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Frar 2015 tinsab fit-triq it-tajba b’żieda ta’ 60 % fi proġetti ma’ pajjiżi terzi relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu b’total ta’ EUR 225 miljun u li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab. Fid-19 ta’ Jannar 2017 saru diskussjonijiet mat-Tuneżija fit-tieni djalogu politiku ta' livell għoli dwar is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Id-diskussjonijiet indirizzaw pjan ta’ azzjoni dwar it-traffikar tal-armi, ħidma konġunta dwar il-finanzjament tat-terroriżmu, it-tisħiħ fil-kapaċità tal-ġestjoni tal-fruntieri u iżjed kooperazzjoni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim fuq Pjan ta’ Ħidma konġunta bejn l-UE u t-Tuneżija Kontra t-Terroriżmu għall-2017. Mill-bidu tas-sena, l-UE kellha wkoll diskussjonijiet iddedikati dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu ma’ għadd ta’ pajjiżi terzi, inklużi mal-Arabja Sawdija, mar-Russja u mal-Awstralja, u ospitat delegazzjoni mil-Lega tal-Istati Għarab.

V. KONKLUŻJONI

Il-bini ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u sostenibbli tirrekjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex jitwasslu kemm il-komponenti leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi li flimkien isaħħu is-sigurtà għaċ-ċittadini tagħna. Il-prijoritajiet leġiżlattivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta b’rilevanza mal-Unjoni tas-Sigurtà huma komponenti ewlenin, u se jkun hemm bżonn ta’ ħidma f’tim biex jiġi żgurat it-twassil rapidu u sħiħ tagħhom. Sussegwentament, għandu jkun hemm implimentazzjoni ta’ malajr u effettiva sabiex dawn l-azzjonijiet ikunu effettivi. Il-Kummissjoni se tkompli twettaq bis-sħiħ ir-rwol tagħha biex tiżgura li dan iseħħ.

(1)   https://ec.europa.eu/priorities/publications/joint-declaration-eus-legislative-priorities-2017_en  
(2)  Ara wkoll: Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u d-delegazzjoni ta’ poter skont ir-Regolament (UE) 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, 28.2.2017.
(3)  Ir-Regolamenti delegati tal-Kummissjoni (UE) 2017/214, 2017/215 u 2017/216 tat-30 ta’ Novembru 2016, ĠU L 34, 9.2.2017, p. 1-6.
(4)  L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 98/2013, ĠU L 39, 9.2.2013, p. 1.  
(5)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/JHA u 2008/616/JHA.
(6)  Mill-1 ta’ Diċembru 2014 li huwa t-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali mill-Protokoll 36 għat-Trattat ta' Lisbona.
(7)  Dawn l-Istati Membri għadhom ma żgurawx l-iskambji awtomatiċi ta’ dejta f’ta’ mill-inqas tnejn mit-tliet kategoriji ta’ dejta mid-DNA, mill-marki tas-swaba’ u mid-dejta tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi nazzjonali. Il-ħames Stati Membri kollha wieġbu għall-ittri ta’ intimazzjoni. Bħalissa r-risposti qed jiġu vvalutati mis-servizzi tal-Kummissjoni.
(8)  COM(2017) 41 final.
(9)  COM(2016) 871 final u COM(2016) 872 final.
(10)  F’Jannar 2017, għaddiet l-iskadenza għal applikazzjonijiet għas-sejħa għal proposti għall-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza b’valur ta’ EUR 4 475 000.
(11)  B’konformità mad-dikjarazzjoni Konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, tat-8 ta’ Ġunju 2016.
(12)  Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Riżoluzzjoni 2309 (2016), tat-22 ta’ Settembru 2016.
Top