Valitse kokeelliset ominaisuudet, joita haluat kokeilla

Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta

Asiakirja 52017DC0071

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (LCI)

    COM/2017/071 final

    Brussell, 14.2.2017

    COM(2017) 71 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (LCI)


    1.Introduzzjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2003 dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (LCI, labour cost index) ( 1 ) jistabbilixxi qafas komuni għall-Istati Membri sabiex jipproduċu indiċijiet komparabbli u jipprovduhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) tippubblika stqarrija għall-istampa trimestrali dwar l-indiċi tal-kost lavorattiv fis-siegħa fuq is-sit web tagħha ( 2 ) li fih sett ta' dejta sħiħ, analizzat skont l-attività ekonomika u l-komponenti tal-kostijiet lavorattivi. Is-sit web jinkludi wkoll rati ta' tkabbir trimestru bi trimestru u sena b'sena.

    F'Lulju 2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1216/2003( 3 ), li jistipula aktar fid-dettall il-proċeduri li l-Istati Membri għandhom isegwu meta jibagħtu l-indiċijiet tagħhom lill-Kummissjoni, l-aġġustamenti skont l-istaġun li għandhom isiru fl-indiċijiet, u l-kontenut tar-rapporti nazzjonali dwar il-kwalità. Imbagħad f'Marzu 2007, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 224/2007( 4 ) . Dan jemenda r-Regolament (KE) Nru 1216/2003 u jestendi l-ambitu tal-indiċi tal-kost lavorattiv biex ikopri l-attivitajiet ekonomiċi definiti fit-taqsimiet L, M, N u O tal-NACE Reviżjoni 1. Din l-estensjoni tfisser li s-servizzi mhux tas-suq huma koperti wkoll. Is-servizzi mhux tas-suq jirrappreżentaw l-ikbar sehem tal-attivitajiet ekonomiċi speċifikati f'dawn it-taqsimiet u jista' jkollhom dinamiċi differenti mis-servizzi tas-suq. F'Awwissu 2007, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 973/2007( 5 ) . Dan emenda għadd ta' regolamenti dwar oqsma statistiċi speċifiċi, inkluż l-indiċi tal-kost lavorattiv, sabiex tiġi implimentata l-klassifika statistika tal-attivitajiet ekonomiċi stabbiliti fl-NACE Reviżjoni 2.

    Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 450/2003, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn. Minħabba li serjiet preċedenti ġew analizzati f'rapporti preċedenti, dan ir-rapport jeżamina l-kwalità tad-dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv għat-trimestri ta' referenza li jvarjaw mit-tielet trimestru 2014 (2014Q3) sat-tieni trimestru 2016 (2016Q2).

    Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1216/2003, il-kwalità tal-indiċi tal-kost lavorattiv ġiet iddefinita skont il-kriterji li ġejjin: ir-rilevanza, l-eżattezza, il-puntwalità tat-trażmissjoni tad-dejta, l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza, il-komparabiltà, il-konsistenza u l-kompletezza.

    Ir-rapport preċedenti ( 6 ) indirizza l-progress dwar l-aċċessibilità u ċ-ċarezza u qieshom sodisfaċenti. Għaldaqstant, dan ir-rapport se jiffoka fuq it-titjib li sar fir-relevanza, il-kompletezza, il-puntwalità, l-eżattezza, il-komparabilità u sej jirrevedi l-konsistenza bejn id-dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv u l-kontijiet nazzjonali.

    Tingħata attenzjoni partikulari għall-problema li d-dejta ma tiġix ipprovduta mill-Istati Membri fi ħdan l-iskadenzi stipulati, u l-konsegwenzi għall-kwalità tal-aggregati Ewropej ippubblikati.

    2.Progress ġenerali sa mill-aħħar rapport

    Minn perspettiva leġiżlattiva, ma saret l-ebda bidla mill-pubblikazzjoni tal-aħħar rapport fl-2015 'l hawn.

    Tul il-perjodu ta' rappurtar attwali, l-Eurostat ħadem fuq is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-istandards li għandhom x'jaqsmu kemm mad-dejta kif ukoll mal-metadejta (rapporti ta' kwalità) li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni. L-użu tal-istandard Statistical Data and Metadata eXchange (SDMX) ( 7 ) (referenza madwar id-dinja għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni statistika) għal nomenklaturi u varjabbli użati fid-dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv ġie estiż għall-Istati Membri kollha. L-Eurostat beda jaġġorna d-definizzjoni tal-istruttura tad-dejta tal-SDMX għal verżjoni ġdida sabiex jippermetti li jkunu jistgħu jinġabru aktar varjabbli fakultattivi u biex jiġi armonizzat il-ġbir ta' dejta tal-IKL ma' oqsma statistiċi oħrajn. Saru testijiet għall-implimentazzjoni ta' standards aġġornati ma' 12-il Stat Membru u hija mbassra l-implimentazzjoni tal-aġġornament fil-produzzjoni, wara aktar ittestjar, għat-trimestru ta' referenza ta' wara (2016Q3). Ukoll min-naħa tar-riżultati, it-trażmissjoni tad-dejta tal-IKL f'format SDMX lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ġiet ittestjata b'suċċess. Iż-żewġ inizjattivi għenu fis-simplifikazzjoni tal-proċess ta' produzzjoni.

    Ir-rapporti tal-kwalità ppreżentati mill-Istati Membri ġew migrati għal verżjoni ġdida tal-"European Statistical System Metadata Handler" (v2.13), għodda tal-IT li tippermetti lil kull Stat Membru jtella' r-rapporti ta' kwalità tiegħu mill-bogħod, u li jaġġorna l-partijiet li jkunu nbidlu tul is-sena preċedenti mingħajr ma jkollu jerġa' jibgħathom kollha f'daqqa. Barra minn hekk, din l-għodda tal-IT tippermetti li r-rapporti nazzjonali ta' kwalità jitqiegħdu fil-bażi tad-dejta ta' referenza tal-Eurostat, u b'hekk isiru disponibbli għall-utenti kollha.

    Wieħed mill-oqsma li għadu jingħata attenzjoni huwa l-konsistenza tal-IKL ma' statistika oħra dwar il-kostijiet lavorattivi, b'mod partikulari d-dejta tal-kontijiet nazzjonali trimestrali (ara l-punt 3.6). Din ġiet analizzata kemm minn perspettiva teoretika kif ukoll minn dik empirika.

    F'Mejju 2015, l-Eurostat organizza workshop mal-Istati Membri sabiex tiġi diskussa l-kwalità tal-istatistika dwar il-kostijiet lavorattivi. Suġġetti bħalma huma l-ġbir ta' dejta (sorsi u tekniki ta' teħid ta' kampjuni), kwistjonijiet metodoloġiċi, plawsabilità u konsistenza, proċessi statistiċi (aġġustament skont il-jum tax-xogħol), ħtiġijiet tal-utenti u żviluppi futuri ġew evalwati u sar qbil fuq proposti għal titjib.

    Waqt il-grupp ta' ħidma tal-Istatistika dwar is-Suq tax-Xogħol (LAMAS) f'Jannar 2016, l-Eurostat ippreżenta r-riżultati tal-kontrolli tal-plawsibbiltà l-ġodda għal dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv. Il-LAMAS appoġġa bis-sħiħ dawn il-kontrolli tal-kwalità l-ġodda u qabel li jiġu implimentati kemm jista' jkun fil-livell nazzjonali. Pajjiżi li ma jużawx il-metodu indirett għal aġġustament skont l-istaġun (pagi / mhux pagi u aggregati tal-NACE) ftehmu, waqt il-grupp ta' ħidma ta' LAMAS f'Ottubru 2016 li jimplimentaw din il-proċedura fi ħdan iż-żewġ trimestri li jmiss.

    L-Eurostat beda wkoll jippubblika stimi annwali tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa b'analiżi tal-NACE fi stqarrija għall-istampa li ħarġet għall-ewwel darba f'April 2016. Dawn l-istimi huma bbażati fuq il-livelli tal-kostijiet lavorattivi u fuq it-tendenzi tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi u huma diġà prodotti 3 xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza. Il-kopertura tinkludi analiżi tal-NACE bl-eċċezzjoni tat-taqsima "L" tal-NACE (attivitajiet tal-proprjetà immobbli).

    Filwaqt li l-Istati Membri implimentaw u żammew l-infrastruttura meħtieġa għall-produzzjoni tal-indiċi tal-kost lavorattiv, l-Eurostat qiegħed itejjeb kontinwament is-sistema tiegħu għar-riċeviment, il-verifika, l-ipproċessar, il-ħżin u t-tixrid tad-dejta. Dawn il-proċessi, li saru operattivi għal kollox fl-2005, jiġu riveduti u aġġornati kontinwament.

    3.Evalwazzjoni tal-kwalità tad-dejta u l-effett tagħha fuq l-aggregati Ewropej

    3.1Rilevanza

    L-indikatur "bidliet fil-kostijiet lavorattivi għal kull siegħa maħduma" huwa importanti għall-analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi fuq perjodu ta' żmien qasir u medju. Il-Kummissjoni u l-BĊE jużaw indiċi tal-kostijiet lavorattivi għal kull siegħa maħduma, u dan juri l-evoluzzjoni fuq żmien qasir tal-kostijiet lavorattivi, sabiex tiġi evalwata l-pressjoni inflazzjonarja possibbli kkawżata mill-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. L-indiċi jrid jiġi kkalkulat kemm jista' jkun malajr wara li d-dejta ssir disponibbli, għal kull Stat Membru, għall-Unjoni Ewropea (UE) kollha u għaż-żona tal-euro (EA, euro area). L-indiċi tal-kost lavorattiv huwa importanti wkoll għall-imsieħba soċjali involuti f'negozjati dwar il-pagi, kif ukoll għall-Kummissjoni nnifisha għall-monitoraġġ tal-iżviluppi fuq żmien qasir fil-kostijiet lavorattivi. L-indiċi tal-kost lavorattiv huwa wieħed mill-Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Prinċipali ( 8 ).

    Hemm domanda mhux biss għal informazzjoni dwar it-tibdil perċentwali trimestrali fil-kostijiet lavorattivi, kif imkejla bl-indiċi tal-kost lavorattiv, iżda wkoll, dejjem iktar, għal informazzjoni dwar il-kostijiet lavorattivi f'termini assoluti (l-ammont ta' euro għal kull siegħa). F'April 2012, l-Eurostat ippubblika għall-ewwel darba stimi bikrin tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa f'euro u f'muniti nazzjonali. L-Eurostat żied analiżi tal-NACE għall-istimi annwali tiegħu mħabbra fi stqarrija għall-istampa f'April 2016 u permezz tal-bażi ta' dejta online.

    Il-pubblikazzjoni ta' stimi tal-kostijiet lavorattivi annwali b'analiżi tal-NACE bbażata fuq l-indiċi tal-kost lavorattiv żiedet id-domanda tal-utenti, li diġà kienet qawwija, għal informazzjoni komprensiva u f'waqtha dwar il-livell tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa. Il-Kummissjoni rċeviet rispons pożittiv dwar il-pubblikazzjoni ta' dawn l-istimi u se tkompli tipproduċi l-kostijiet lavorattivi annwali skont l-analiżi tal-NACE.

    3.2Kompletezza

    B'mod ġenerali, id-disponibbiltà u l-kwalità tal-indiċi tal-kost lavorattiv komplew jitjiebu meta mqabbla mal-perjodu ta' rapportar preċedenti. L-Eurostat irċieva dejta aġġustata għall-jum ta' xogħol u skont l-istaġun u dejta aġġustata għall-jum ta' xogħol mill-Istati Membri kollha. L-Istati Membri bagħtu wkoll dejta aġġustata mhux skont l-istaġun, għajr id-Danimarka u l-Iżvezja - pajjiżi li ngħataw deroga milli jibagħtu dejta aġġustata mhux skont l-istaġun ( 9 ).

    Fir-rigward tal-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ( 10 ), l-Iżlanda ma bagħtet ebda dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv għall-perjodu ta' referenza filwaqt li n-Norveġja bagħtet dejta għat-trimestri kollha kkonċernati.

    Minkejja l-kopertura mtejba ta' dejta aġġustata skont l-istaġun, ġie deċiż, wara analiżi bir-reqqa tal-kwalità tad-dejta u tal-bżonnijiet tal-utenti, li d-dejta aġġustata skont il-jum tax-xogħol tibqa' tiġi ppubblikata bħala ċifri ewlenin. Dan jiżgura b'mod partikolari wkoll iċ-ċarezza u l-konsistenza ma' statistika oħra dwar il-prezzijiet (eż. l-indiċi tal-prezz tal-konsumatur). Madankollu, id-dejta kollha, inklużi l-istimi aġġustati skont l-istaġun, huma disponibbli online fil-bażi ta' dejta tal-Eurostat.

    Ir-rapporti nazzjonali ta' kwalità għas-sena ta' referenza 2015 tressqu mill-Istati Membri kollha u qegħdin jiġu vvalidati qabel ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    3.3 Puntwalità

    Il-puntwalità tal-Istati Membri fit-trażmissjoni tad-dejta lill-Kummissjoni tjiebet mir-rapport preċedenti ppubblikat fl-2015. Bl-eċċezzjoni tal-Greċja u tal-Kroazja, kien hemm biss xi dewmien minuri. It-trażmissjoni tad-dejta fil-ħin hija tal-ogħla importanza għall-produzzjoni tal-IKL, minħabba li dewmien fil-kunsinna tad-dejta jkun ifisser li jkollhom jintużaw stimi għall-aggregati tal-UE u taż-żona tal-euro. Dan jista’ jirriżulta f’reviżjonijiet kbar bla bżonn iktar 'il quddiem. Il-Figura 1 turi l-proporzjon tal-kostijiet lavorattivi totali tal-UE f'euro li għalihom kien hemm dejta disponibbli għal kull trimestru fil-mument tal-ħruġ tal-istqarrija għall-istampa.

    Figura 1: Dejta disponibbli dwar l-indiċi tal-kost lavorattiv fil-mument tal-pubblikazzjoni, perċentwal tal-kostijiet lavorattivi totali tal-UE f'euro

    Il-kopertura tal-IKL kienet kompleta għajr matul erba' trimestri li fihom il-Greċja (2015 Q1 u Q4, 2016 Q1 u Q2) jew il-Kroazja (2016 Q1) ma bagħtux id-dejta tagħhom fil-ħin.

    Bħala medja, it-tempestività tjiebet meta mqabbla mal-aħħar perjodu ta' rapportar, u dan żgura kopertura tal-Unjoni Ewropea ta' 99 % jew aktar għat-trimestri kollha għajr wieħed (2016Q1).

    Fir-rigward tat-tempesitività, minħabba li mill-aħħar perjodu ta' rapportar il-Greċja darbtejn kellha dewmien ta' aktar minn jumejn għad-dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv. Minkejja dewmien bħal dan, xorta kien għadu possibbli li tiġi inkluża dejta għall-Greċja fl-istqarrija għall-istampa. Sa minn 2016Q1, il-Kroazja kompliet bit-trażmissjoni tempestiva tagħha tad-dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv.

    Fir-rigward tal-Istati taż-ŻEE, l-Iżlanda ma bagħtet ebda dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv għall-perjodu ta' referenza kkonċernat filwaqt li n-Norveġja bagħtet dejta fil-ħin b'eċċezzjoni waħda biss (2015Q4).

    3.4 Preċiżjoni

    L-indiċi tal-kost lavorattiv huwa magħmul minn għadd ta' varjabbli differenti (eż. il-kostijiet lavorattivi u s-sigħat maħduma), li jistgħu jittieħdu minn diversi sorsi. Dan ifisser li r-reviżjonijiet jistgħu jseħħu f'kull ħin, u jaffettwaw id-dejta tal-aħħar trimestru, ta' diversi trimestri jew ta' snin sħaħ. Jekk l-aġġustamenti tad-dejta jkollhom x'jaqsmu mas-sena ta' referenza, is-serje kollha jkollha tiġi riveduta. Ir-reviżjonijiet taċ-ċifra nominali tal-UE ( 11 ) (ir-rata ta' tkabbir sena b'sena) qabżu ż-0.2 punti perċentwali tliet darbiet mill-ewwel trimestru tas-sena 2014. Fil-biċċa l-kbira tat-trimestri, l-istimi ġew reveduti 'l fuq. Kontrarju għall-perjodu ta' rapportar preċedenti, ir-reviżjonijiet tal-aggregati tal-UE ma qabżux iż-0.3 punti perċentwali.

    Figura 2: Bidliet fid-dejta bejn l-ewwel ċifra ppubblikata u r-rapport tal-2016Q2

    - L-UE28, it-taqsimiet B sa S tal-NACE Reviżjoni 2, aggregat f'punti perċentwali

    Matul il-perjodu ta' referenza, id-dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv mill-Greċja biss kellha kwistjonijiet ta' kwalità. Il-Eurostat attenda laqgħa bilaterali mal-uffiċċju tal-istatistika tal-Greċja f'Mejju 2016, li fiha ġie miftiehem pjan direzzjonali għall-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet strutturali. Minn dak iż-żmien sar xi progress lejn it-titjib tal-kwalità u t-tempestività tad-dejta fi żmien iż-żewġ rawnds ta' produzzjoni li jmiss.

    3.5Komparabbiltà

    Sabiex tiġi ppubblikata dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv komparabbli madwar il-pajjiżi kollha, huwa importanti li ssir korrezzjoni għall-effetti kalendarji u staġjonali.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2003 jistipula li ċ-ċifri tal-indiċi tal-kost lavorattiv għandhom jingħataw fil-forma mhux aġġustata skont l-istaġun, fil-forma aġġustata skont il-jum tax-xogħol, u fil-forma aġġustata skont l-istaġun u skont il-jum tax-xogħol. Hemm ċerti eċċezzjonijiet għal din ir-regola: għadd ta' Stati Membri għandhom derogi għat-trażmissjoni tad-dejta aġġustata mhux skont l-istaġun ( 12 ). Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 ma jispeċifikax espliċitament jekk l-aġġustamenti skont il-jum tax-xogħol u dawk skont l-istaġun għandhomx isiru permezz tal-approċċ dirett jew dak indirett. Filwaqt li għal aġġustament dirett, is-serjiet bażiċi huma aġġustati u mbagħad użati għall-bini ta' aggregati ta' livell ogħla, aġġustament dirett ifisser li kull serje waħdanija, inklużi l-aggregati ta' livell ogħla, tiġi aġġustata individwalment. Iż-żewġ approċċi għandhom il-vantaġġi u l-inkonvenjenti tagħhom, u t-tnejn huma appoġġati mil-Linji Gwida tas-Sistema Statistika Ewropea dwar l-aġġustament staġjonali( 13 ) . F'numru limitat ta' każijiet, l-indiċi aġġustat tal-komponent tal-kost totali kien jew ogħla jew iktar baxx mill-indiċi aġġustat taż-żewġ subkomponenti tiegħu (spejjeż fuq pagi u fuq salarji; kostijiet lavorattivi għajr pagi u salarji). Għalhekk, l-Eurostat ivverifika sistematikament id-dejta li waslitlu mill-Istati Membri kollha, biex jiżgura li l-indiċi totali huwa konsistenti maż-żewġ subkomponenti tiegħu għal kull taqsima tal-NACE. L-Eurostat kompla bil-politika li jippubblika biss l-indiċi totali, filwaqt li ħeba l-komponenti jekk bejnhom u bejn it-total ikun hemm differenza ta' iktar minn 0.1 %.

    Matul l-aħħar sentejn sar xi progress meta l-prattika matul il-produzzjoni wriet li l-metodu indirett ta' aġġustament jipproduċi dejta ta' kwalità aħjar. Din l-analiżi bdiet fil-workshop ta' Mejju 2015 u ġiet konkluża matul il-grupp ta' ħidma tal-LAMAS f'Ottubru 2016 fejn l-Istati Membri qablu li jaqilbu għall-metodu ta' aġġustament indirett.

    3.6Il-konsistenza maċ-ċifri tal-kontijiet nazzjonali

    Fir-rapport annwali dwar il-kwalità, l-Istati Membri jintalbu jqabblu r-rata tat-tkabbir tal-indiċi tal-kost lavorattiv ma’ dik tar-remunerazzjoni fis-siegħa tal-impjegati li hemm fil-kontijiet nazzjonali (id-definizzjoni ESA2010) ( 14 ). Mhuwiex realistiku li wieħed jistenna li ċ-ċifri jkunu eżattament l-istess. Anki jekk jintużaw definizzjonijiet tal-kost lavorattiv li jkunu kważi identiċi, it-trattamenti u s-sorsi tal-istatistika jistgħu jvarjaw. Barra minn hekk, il-ġbir ta' dejta dwar is-sigħat maħduma huwa partikolarment diffiċli kemm għall-indiċi tal-kost lavorattiv kif ukoll għall-kontijiet nazzjonali. Minkejja dawn id-differenzi fil-metodoloġija, ikun utli li jiġi analizzat il-livell ta' diskrepanzi bejn iż-żewġ settijiet ta' dejta. Meta l-livelli huma ogħla minn livell limitu relattiv, dan jista' jindika kwistjonijiet fil-kwalità f'sett ta' dejta jew f'ieħor.

    L-Eurostat wettaq eżerċizzju tal-kwalità għal aggregati tat-taqsimiet B sa S tal-NACE Reviżjoni 2 ta' kull Stat għajr il-Greċja u l-Kroazja li d-dejta tal-IKL tagħhom ma kinitx disponibbli. Għal dan it-tqabbil, intużat dejta tal-IKL aġġustata mhux skont l-istaġun għajr għad-Danimarka u għall-Iżvezja li għalihom kien hemm disponibbli dejta aġġustata għall-jum ta' ħidma. Id-diskrepanza medja assoluta bejn ir-rata ta' tkabbir tal-indiċi tal-kost lavorattiv u dik tar-remunerazzjoni fis-siegħa tal-impjegati, fuq 10 trimestri ġiet analizzata u varjazzjonijiet ta' aktar minn żewġ punti perċentwali fuq bażi annwali ġew ikkunsidrati li jeħtieġu analiżi ulterjuri. Dan kien il-każ għall-Bulgarija, id-Danimarka, il-Latvja, il-Polonja u r-Rumanija (ara figura 3).

    Ir-riżultati tal-analiżi ta' hawn fuq se jiġu segwiti mal-Istat Membru kkonċernat, b'mod partikolari fir-rigward ta' dejta dwar is-sigħat maħduma. L-għan huwa li titjieb il-konsistenza fl-oqsma statistiċi differenti.

    Figura 3: Ir-rata ta' tkabbir tar-remunerazzjoni fis-siegħa tal-impjegati meta mqabbla mal-indiċi tal-kost lavorattiv

    - Differenza fil-punti perċentwali

    Nota: Id-dejta għall-Greċja u l-Kroazja mhijiex disponibbli

    4.Konklużjonijiet

    Kollox ma' kollox, il-kwalità tal-indiċijiet tal-kost lavorattiv tal-Istati Membri u tal-UE kompliet titjieb sa mir-rapport preċedenti, ippubblikat fl-2014. Mil-lat ta' puntwalità, l-Istati Membri baqgħu tajjeb għajr għall-Greċja li l-preżentazzjoni tad-dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv tagħha kienet għadha lura meta mqabbla mad-dati ta' skadenza stabbiliti.

    L-użu tal-istandard tal-SDMX ġie estiż u l-aktar titjib reċenti fil-format SDMX qiegħed jiġi implimentat.

    Ir-rapporti ta' kwalità ppreżentati mill-Istati Membri ġew migrati għal verżjoni ġdida tal-"European Statistical System Metadata Handler" u saru disponibbli għall-utenti kollha.

    Il-kwalità ġenerali tal-istatistika dwar l-indiċi tal-kost lavorattiv u ċerti aspetti tekniċi ġew evalwati u sar qbil fuq proposti dwar titjib. Il-konsistenza tad-dejta tal-indiċi tal-kost lavorattiv hija mistennija li titjieb aktar, fost l-oħrajn bħala riżultat tal-azzjonijiet ta' segwitu implimentati wara workshop iddedikat u laqgħat ta' LAMAS sussegwenti. B'mod partikolari, il-pajjiżi li ma jużawx il-metodu indirett għal aġġustament staġjonali (pagi / mhux pagi u aggregati tal-NACE) u li d-dejta tagħhom ippreżentat inkonsistenzi mdaqqsa bejn il-komponenti u t-total, ftehmu li jimplimentaw il-metodu indirett sa nofs l-2017.

    Il-Kummissjoni (l-Eurostat) bdiet ukoll tippubblika stimi annwali tal-livelli tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa minn taqsimiet tal-NACE, li jibdew mill-2012 'il quddiem, abbażi kemm tal-livelli tal-istħarriġ tal-kost lavorattiv kif ukoll tat-tendenzi tal-indiċi tal-kost lavorattiv.

    Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja b'mod regolari l-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu man-nuqqas ta' konformità u l-kwalità tad-dejta, bl-użu tad-dejta mogħtija u ta' dokumentazzjoni nazzjonali oħra, inkluż rapporti tal-kwalità. Fejn ma jiġi osservat l-ebda titjib jew fejn it-titjib ma jkunx biżżejjed, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib il-kwistjoni flimkien mal-awtoritajiet statistiċi nazzjonali kompetenti.

    (1) ĠU L 69, 13.3.2003, p. 1.
    (2) L-istqarrija għall-istampa trimestrali tiġi ppubblikata fid-dati stipulati fil-kalendarju tal-pubblikazzjoni; it-tnejn li huma jinsabu fuq is-sit web tal-Eurostat ( http://ec.europa.eu/eurostat - disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).
    (3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2003 tas-7 ta' Lulju 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (ĠU L 169, 8.7.2003, p. 37).
    (4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 224/2007 tal-1 ta' Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1216/2003 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi koperti mill-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 23).
    (5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 973/2007 tal-20 ta’ Awwissu 2007 dwar l-emendar ta’ ċerti Regolamenti tal-KE dwar oqsma speċifiċi tal-istatistika li jimplimentaw il-klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi tal-NACE Reviżjoni 2 (ĠU L 216, 21.8.2007, p. 10).
    (6)  COM(2015) 42 ( http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2015/EN/1-2015-42-EN-F1-1.PDF ).
    (7)  http://sdmx.org/(disponibbli biss bl-Ingliż).
    (8) COM(2002) 661, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Towards improved methodologies for eurozone statistics and indicators (Lejn metodoloġiji mtejba għal statistiċi u indikaturi taż-żona tal-euro).
    (9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1216/2003 - Id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza u l-Iżvezja mhumiex marbuta li jibagħtu dejta aġġustata mhux skont l-istaġun.
    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 134/2003 - Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 ma japplikax għal-Liechtenstein.
    (11) L-UE-27 sa u inkluż l-2013Q2, u minn hemm 'il quddiem l-UE-28.
    (12) Ir-Regolament (KE) Nru 1216/2003 - id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza u l-Iżvezja mhumiex marbuta li jibagħtu dejta aġġustata mhux skont l-istaġun.
    (13) Il-verżjoni aġġornata tal-linji gwida se tinkludi taqsima speċifika dwar l-aġġustament tal-indiċijiet marbutin f'katina http://ec.europa.eu/eurostat/documents/3859598/6830795/KS-GQ-15-001-EN-N.pdf (disponibbli biss bl-Ingliż) .
    (14) Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013.
    Alkuun