EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1621

Riżoluzzjoni (UE) 2017/1621 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima X — Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

ĠU L 252, 29.9.2017, p. 125–128 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1621/oj

29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/125


RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1621 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-27 ta' April 2017

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima X — Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima X — Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0122/2017),

A.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza speċjali li nkomplu nsaħħu l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabbiltà, bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.

Jilqa' l-fatt li, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-“Qorti”), il-livell ġenerali ta' żbalji fl-Intestatura 5 (Amministrazzjoni), inkluż il-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għadu relattivament baxx bi stima ta' 0,6 % fl-2015;

2.

Jinnota l-fatt li l-Qorti ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tar-rapport annwali tal-attività u tas-sistema ta' kontroll intern tas-SEAE;

3.

Jitlob li s-SEAE jirrimedja ċerti dgħufijiet li nstabu mill-Qorti fil-proċeduri ta' reklutaġġ ta' aġenti lokali fid-delegazzjonijiet (jiġifieri nuqqas ta' trasparenza fir-rigward ta' ċerti passi tal-proċedura) u fil-proċeduri ta' akkwist (b'mod partikolari valutazzjonijiet żbaljati ta' offerti meta mqabbla ma' speċifikazzjonijiet tekniċi jew l-użu ta' proċedura ta' akkwist inkorretta) organizzati mid-delegazzjonijiet;

4.

Jaqbel mal-Qorti li t-titjib tal-gwida, id-disinn, il-koordinazzjoni u t-twettiq tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku għal kuntratti ta' valur baxx huwa importanti peress li dawn il-kuntratti rrappreżentaw 4,5 % tal-valur totali ta' kuntratti konklużi fl-2015; jappoġġja l-intenzjoni tas-SEAE li jorganizza seminars reġjonali u jipprovdi appoġġ amministrattiv rigward l-akkwist għan-netwerk kollu tad-delegazzjonijiet;

5.

Jitlob li s-SEAE jtejjeb il-kwalità tal-proċeduri tal-għażla tiegħu billi jintegra d-dokumentazzjoni ta' sostenn kollha meħtieġa; jitlob li s-SEAE jarmonizza aħjar il-proċeduri ta' akkwist imwettqa fid-delegazzjonijiet; itenni t-talba tiegħu li d-dgħufijiet rikorrenti f'dan il-qasam jiġu rrimedjati billi jitkompla l-appoġġ amministrattiv għad-delegazzjonijiet fejn is-sitwazzjoni hi l-aktar kritika;

6.

Jilqa' l-fatt li, fil-qafas tal-eżerċizzju tar-Rapport dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna (RĠAE) li jkopri s-sena 2015, inħarġu linji gwida mtejba u aktar komprensivi li jsaħħu s-superviżjoni tal-kapijiet tad-delegazzjoni u li jkopru r-rekwiżiti kemm tar-responsabbiltà kif ukoll tar-rappurtaġġ;

7.

Jiddispjaċih għaż-żieda fir-rata medja ta' anomaliji fl-impenji għal 22,4 % fl-2015 (meta mqabbla ma' 18,3 % fl-2014) fil-livell ta' kontrolli ex ante;

8.

Jinnota li l-baġit totali tas-SEAE għall-2015 kien ta' EUR 602,8 miljun, li jirrappreżenta żieda totali ta' 16,2 % meta mqabbel mal-2014, u li rriżulta mit-trasferiment ta' EUR 71,5 miljun fil-baġit tiegħu mill-baġit amministrattiv tal-Kummissjoni (EUR 25,2 miljun) u minn linji baġitarji oħra (sa EUR 46,3 miljun) għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, bħal kirjiet, sigurtà tal-uffiċċji u IT; josserva li l-fondi tal-FEŻ ma kinux inklużi;

9.

Jirrimarka li l-eżekuzzjoni tal-baġit amministrattiv tas-SEAE għadha punt ta' tħassib peress li ċerti delegazzjonijiet jirċievu kontribuzzjonijiet baġitarji mill-Kummissjoni minn 33 linja baġitarja differenti, minbarra l-baġit proprju tas-SEAE; jistieden lill-partijiet interessati kollha jkomplu jirfinaw u jissemplifikaw is-sorsi u l-arranġamenti baġitarji sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni baġitarja; jilqa' l-arranġament baġitarju li nstab dan l-aħħar rigward l-ispejjeż amministrattivi tal-FEŻ, li se jiġu imposti fuq il-baġit tas-SEAE mill-2016 fuq il-bażi ta' kalkolu ta' ammont standard għal kull persuna;

10.

Jinnota l-fatt li l-baġit tal-kwartieri ġenerali ammonta għal EUR 218,9 miljun, li minnhom EUR 140,5 miljun (jew 64,7 %) kienu jirrigwardaw il-ħlas tas-salarji u d-drittijiet l-oħra tal-persunal statutorju u dak estern, EUR 30 miljun (jew 13,7 %) għall-bini u EUR 30,7 miljun bi rbit ma' sistemi tal-IT, tagħmir u għamara;

11.

Jinnota li l-baġit ta' EUR 383,9 miljun tad-delegazzjonijiet kien imqassam f'EUR 155,8 miljun (jiġifieri 40,6 %) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati, EUR 105,5 miljun (27,5 %) għar-remunerazzjoni tal-persunal statutorju, EUR 60,1 miljun (jew 15,7 %) għal persunal estern u servizzi esterni, EUR 20,6 miljun (5,4 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal u EUR 41,9 miljun (10.9 %) għal infiq amministrattiv ieħor; jinnota wkoll li l-Kummissjoni allokat EUR 204,7 miljun għall-ispejjeż amministrattivi tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni stazzjonati fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

12.

Itenni t-talba tiegħu li l-“kontinwità tal-operazzjonijiet” u l-“ġestjoni tad-dokumenti” jingħataw attenzjoni, speċjalment fid-delegazzjonijiet, bħala standards ta' kontroll intern prinċipali, iżda wkoll bħala komponenti sinifikanti tal-ġestjoni, b'mod partikolari għad-disponibbiltà u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li tintuża għal diversi skopijiet ta' ġestjoni, jiġifieri l-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar ta' attivitajiet u proġetti;

13.

Josserva li żewġ delegazzjonijiet biss esprimew riservi relatati man-nuqqas ta' proċedura xierqa ta' sejħiet għall-offerti u informazzjoni ewlenija nieqsa dwar il-ġestjoni li għandha jintużaw għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni;

14.

Jappoġġja l-kuntatti regolari bejn is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni li jittrattaw kwistjonijiet esterni dwar il-prevenzjoni u l-kxif ta' frodi;

15.

Jappoġġja t-twaqqif taċ-Ċentru Reġjonali tal-Ewropa, li huwa inizjattiva maħsuba biex tipprovdi għajnuna amministrattiva mtejba lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja, l-akkwist u r-riżorsi umani; jistenna bil-ħerqa li jirċievi l-evalwazzjoni tal-proġett pilota fl-2017; iħeġġeġ lis-SEAE jkompli din il-prattika li jiġmal-għarfien b'mod adattat f'reġjuni oħra bil-ħsieb li jkompli jnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż amministrattivi fid-delegazzjonijiet;

16.

Iqis li huwa essenzjali li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet ikomplu jiġu sensibilizzati regolarment rigward ir-rwol fundamentali tagħhom fit-tisħiħ kumplessiv tal-assigurazzjoni, il-ġestjoni u r-responsabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-ponderazzjoni tad-diversi komponenti li x'aktarx jattivaw il-ħruġ ta' riserva, apparti d-dmirijiet politiċi tagħhom; iħeġġeġ lis-SEAE joffri lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet, speċjalment lid-diplomatiċi mill-Istati Membri taħriġ u għarfien espert;

17.

Josserva l-bidliet u r-razzjonalizzazzjoni li saru fl-organizzazzjoni tas-SEAE biex jissemplifikaw il-linji ta' rappurtar u l-flussi tal-informazzjoni li jiffaċilitaw il-formulazzjoni, min-naħa tas-SEAE, ta' reazzjonijiet għall-kriżijiet jew għall-isfidi politiċi, u biex inaqqsu l-għadd ta' sfuf ta' ġerarkija b'anqas direttorati;

18.

Jirrikonoxxi l-aspett kritiku tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fil-kuntest tas-SEAE bi “tliet sorsi” ta' reklutaġġ, il-ġestjoni tal-istazzjonar f'delegazzjonijiet, u l-ilħiq tat-tnaqqis annwali fil-persunal, li fl-2015 kien jirrappreżenta 17-il kariga fil-kwartieri ġenerali;

19.

Jinnota li l-parti tad-diplomatiċi tal-Istati Membri tirrappreżenta 32,9 % tal-persunal AD kollu tas-SEAE (jiġifieri 307 persuni) meta mqabbla ma' 33,8 % fl-2014; jirrimarka li din il-proporzjon hija ogħla fid-delegazzjonijiet bi 43,1 % jew 166 diplomatiku mill-Istati Membri u 25,7 % fil-kwartieri ġenerali; jappella għal distribuzzjoni aktar bilanċjata ta' persunal u jfakkar lis-SEAE li huwa importanti li jiġmal-għarfien espert tal-persunal tal-Istati Membri u tas-SEAE f'kull livell;

20.

Jenfasizza li l-għadd ta' diplomatiċi tal-Istati Membri stazzjonati bħala kapijiet ta' delegazzjonijiet kien ta' 63 minn 134 kariga ta' kap ta' delegazzjonijiet, li jirrappreżentaw 47 % tat-total; jirrimarka li dawk it-63 kariga kineu mqassma b'bilanċ inugwali tas-sessi ta' 16 %/84 %, u li biss 16 minn dawn it-63 kienu ċittadini ta' Stati Membri li daħlu fl-Unjoni fl-2004 jew wara; jinnota wkoll li, fi ħdan id-29 viċi kapijiet ta' delegazzjoni, is-sessi kienu rrappreżentati bi żbilanċ ta' 24 %/76 %, u li 6 mill-viċi kapijiet ta' delegazzjoni kienu diplomatiċi tal-Istati Membri;

21.

Josserva li l-għadd ta' esperti nazzjonali sekondati mill-Istati Membri kompla jiżdied fl-2015 (8 % aktar meta mqabbel mal-2014) biex laħaq 434 (bi 376 stazzjonati fil-kwartieri ġenerali u 58 fid-delegazzjonijiet); jinnota li 40 % tat-376 espert nazzjonali sekondat (jew 151) li jinsabu fi Brussell tħallsu mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom;

22.

Ifakkar lis-SEAE fil-ħtieġa li jiżgura rispett sħiħ tal-formula tal-persunal rigward il-proporzjon bejn il-persunal mill-Istati Membri u dak mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi s-SEAE;

23.

Jinnota li t-tqassim ġenerali skont is-sess kważi laħaq il-parità, b'bilanċ ta' 47 % / 53 % fil-persunal kumplessiv, filwaqt li fil-livell tal-persunal AD d-differenza hija 31,7 % / 68,3 % (mqabbla ma' 31 % / 69 % fl-2014); josserva li din il-proporzjon ta' 30 % ilha stabbli mill-2011;

24.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċi bejn is-sessi f'pożizzjonijiet maniġerjali, peress li l-livell bħalissa huwa 21,4 % / 78,6 %; jiddispjaċih li l-proporzjon ta' nisa li japplikaw għal karigi maniġerjali għadha fil-livell baxx ta' 16 %; iqis li huwa importanti li jsir progress f'dan ir-rigward u għalhekk jitlob li s-SEAE jagħti sura ġdida lill-kundizzjonijiet u l-politiki ta' reklutaġġ tiegħu sabiex iħajjar liż-żewġ sessi ndaqs għal karigi maniġerjali;

25.

Itenni li l-bilanċ ġeografiku, prinċipalment r-relazzjoni bejn in-nazzjonalità tal-persunal u d-daqs tal-Istati Membri, għandu jkun element importanti fil-ġestjoni tar-riżorsi umani tas-SEAE, partikolarment fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni mill-2004 'l hawn; huwa mħasseb serjament dwar is-sottorappreżentanza kontinwa ta' dawk l-Istati Membri kemm fil-livell tal-persunal kif ukoll f'dak maniġerjali; jitlob, għaldaqstant, li s-SEAE jagħmel ħiltu biex jikkoreġi din is-sitwazzjoni b'mod sinifikanti; jenfasizza li dawk l-Istati Membri huma sottorappreżentati b'mod speċjali fil-livell ogħla tal-amministrazzjoni u fil-karigi maniġerjali, li fihom għadna nistennew li jsir progress;

26.

Jilqa' l-impenn mogħti lill-Parlament mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli li tindirizza l-iżbilanċ eżistenti b'sovrarappreżentanza ta' diplomatiċi nazzjonali fil-karigi ta' kapijiet ta' delegazzjonijiet, u jitlob li s-SEAE jippreżenta rieżami tal-politika tar-riżorsi umani tiegħu matul l-2017, b'tali mod li jindirizza kwistjonijiet bħalma huma l-bilanċ bejn is-sessi u l-mobilità tal-persunal bejn l-istituzzjonijiet, filwaqt li jqis ukoll l-impatt tagħha f'termini ta' riżorsi umani biex isaħħu “l-azzjoni esterna u l-viżibbiltà tal-Unjoni permezz tal-istrateġija globali tagħha”;

27.

Iħeġġeġ lis-SEAE jkompli jiżviluppa r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari għall-faċilitazzjoni u l-appoġġ tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fl-għoti ta' għajnuna konsulari;

28.

Ifakkar lis-SEAE li hemm differenza sottili bejn id-diplomazija ekonomika u l-lobbying; jitlob għalhekk li s-SEAE jissieħeb fil-Ftehim Interistituzzjonali futur dwar Reġistru tat-Trasparenza Mandatorju, inkluż għad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, safejn dan ikun possibbli mil-lat legali;

29.

Jinnota l-infiq annwali ta' EUR 160 miljun iddedikati għan-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jirrappreżenta żieda ta' aktar minn 50 % meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta' qabel; jinnota li 80 % tad-delegazzjonijiet għadhom f'binjiet mikrija, hekk li l-kirjiet fl-2015 ammontaw għal EUR 53,04 miljun; jilqa' l-faċilità ta' self ta' EUR 200 miljun għal ġestjoni aħjar tal-politika immobiljari u t-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xiri tad-delegazzjonijiet; jiddispjaċih li, minkejja l-faċilità ta' self u ż-żieda fl-infiq, huma biss ftit il-binjiet tad-delegazzjonijiet li huma proprjetà tas-SEAE; jitlob li s-SEAE fir-rapport annwali tal-attività tiegħu jippreżenta mhux biss il-kuntratti tal-binjiet tas-sena kurrenti imma wkoll stampa ġenerali tas-sitwazzjoni tal-binjiet kollha tad-delegazzjonijiet;

30.

Jitlob li s-SEAE jġedded il-politiki immobiljari tiegħu mill-qiegħ f' konformita' mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri fir-Rappot Speċjali Nru 7/2016 tagħha, b'mod partikolari rigward:

il-ħtieġa ta' konsistenza u tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż kollha għall-imposti mħallsa mill-Istati Membri jew minn istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni ospitati f'binjiet ta' uffiċini tad-delegazzjonijiet;

it-titjib tal-għażla ta' binjiet tad-delegazjonijiet;

l-involviment dirett tal-kwartieri ġenerali qabel ma jinkrew (jew jiġġeddu ftehimiet ta' kera) jew jinxtraw binjiet ta' uffiċini;

it-titjib tas-sistema ta' informazzjoni tiegħu għall-ġestjoni tal-proprjetà immobbli, ħalli s-SEAE jikseb informazzjoni aktar affidabbli u rilevanti għall-proċess ta' ppjanar tiegħu;

31.

Jitlob li s-SEAE jiżviluppa aktar l-użu tal-ispazji mmobiljari, b'mod partikolari billi jindirizza bħala kwistjoni ta' prijorità s-sitwazzjonijiet individwali ta' binjiet mhux okkupat jew li huma kbar bla bżonn u l-ispejjeż żejda assoċjati identifikati mill-Qorti (EUR 7,8 miljun), waqt li jirrikonoxxi l-isfidi tal-ġestjoni tal-immobbli f'ambjenti li spiss huma kumplessi;

32.

Jenfasizza li s-SEAE u l-Istati Membri għandhom interess komuni li jiffatturaw l-użu tal-binjiet u jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni lokali fil-qasam tal-ġestjoni immobiljari, b'attenzjoni speċifika u kontinwa għall-ksib tal-aqwa valur mill-infiq, għall-kwistjonijiet ta' sigurtà u għall-immaġni tal-Unjoni;

33.

Jilqa' ż-żieda fi proġetti ta' kolokazzjoni ta' delegazzjonijiet tal-Unjoni ma' Stati Membri, bl-iffirmar ta' sitt memoranda ta' qbil ta' kolokazzjoni fl-2015, li wasslu għal total ta' 86 proġett ta' kolokazzjoni sa tmiem l-2015; jinkoraġġixxi lis-SEAE jkompli jfittex modi oħra biex iwessa' din il-prattika tajba; iqis li din il-politika għandha tinkludi approċċi innovattivi bl-għan li jiġu definiti kemm strateġija koordinata ta' kolokazzjoni ma' Stati Membri ħerqana li jagħmlu dan, kif ukoll arranġamenti xierqa ta' qsim tal-ispejjeż relatati mal-binjiet u l-loġistika; josserva li arranġamenti ta' kolokazzjoni jikkonċernaw ukoll entitajiet oħra li jikkontribwixxu għall-ġestjoni tal-politiki barranin, bħalma huma l-Bank Ewropew tal-Investiment, is-servizzi ta' ECHO, il-missjonjiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u r-rappreżentanti speċjali tal-Unjoni;

34.

Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' reġistrazzjoni u n-nuqqas ta' preċiżjoni fis-sistema ta' informazzjoni għall-ġestjoni tal-binjiet ta' uffiċini u r-residenzi tad-delegazzjonijiet; jitlob li jsir rieżami regolari tal-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data pprovduta mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jissaħħaħ l-ippjanar ġenerali tal-ispazji immobiljari, il-postijiet u l-irkupru tal-ispejjeż;

35.

Iħeġġeġ lis-SEAE jsaħħaħ l-istrumenti ta' ġestjoni ta' kontroll u ta' monitoraġġ tal-ispejjeż kollha mġarrba fir-rigward tal-politika immobiljari sabiex jiżgura stampa ġenerlai korretta u segwitu għall-infiq kollu f'dan il-qasam; iqis li għandu jsir enfasi fuq il-monitoraġġ tal-limiti stabbiliti fil-politika immobiljari sabiex jitnaqqas it-total tal-kera annwali tal-uffiċini tad-delegazzjonijiet u l-ispejjeż rikorrenti relatati, u sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-entitajiet kolokati, il-kopertura tal-ispejjeż operazzjonali involuti f'sitwazzjonijiet ta' kolokazzjoni u l-korrettezza tal-ispejjeż b'kundizzjonijiet tas-suq lokali;

36.

Jemmen li għarfien espert legali u tekniku fil-ġestjoni tal-proprjetà immobbli għandu jiġi żviluppat mill-aktar fis, filwaqt li titqies kwalunkwe għażla alternattiva kosteffikaċi, bħal li jiġu mqabbda esperti esterni (pereżempju, sensara lokali) li jfittxu fis-suq jew possibbilment jinnegozjaw mas-sidien tal-proprjetà;

37.

Jitlob mis-SEAE lista annwali ta' spezzjonijiet imwettqa fid-delegazzjonijiet;

38.

Jitlob li s-SEAE jara li l-ispettorat tad-delegazzjonijiet jwettaq kontrolli fuq l-aħħar ħames ftehimiet ta' kiri jew xiri ta' residenzi għal ambaxxaturi tal-Unjoni, inkluża r-residenza f'Tirana, l-Albanija, u li jirrapporta lill-Parlament dwar dan;

39.

Jappoġġja l-implimentazzjoni ta' strateġija fuq żmien medju u fit-tul li tidentifika l-għażliet possibbli kollha f'dan il-qasam mill-prijoritajiet ta' investiment jew possibbiltajiet ta' xiri għat-tiġdid ta' kirjiet jew għall-kondiviżjoni ta' binjiet ma' Stati Membri, b'kont meħud għat-tbassir dwar il-persunal u għall-ippjanar u l-iżvilupp tal-politiki;

40.

Iħeġġeġ lis-SEAE jkompli japplika l-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) u l-prinċipju ta' akkwist pubbliku ekoloġiku fil-politika immobiljari tiegħu, filwaqt li jifhem li l-kundizzjonijiet lokali tal-139 delegazzjoni jirrikjedu ċertu grad ta' flessibbiltà;

41.

Huwa tal-fehma li s-sigurtà tas-SEAE u tad-delegazzjonijiet tiegħu trid tissaħħaħ aktar u jistieden lis-SEAE jagħti prijorità lis-sigurtà meta jagħżel il-binjiet u l-ispazji għad-delegazzjonijiet tiegħu; iqis li s-sigurtà tal-binjiet għandha tkun parti integrali mill-politika immobiljari tas-SEAE u li l-iskema ta' evakwazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar l-evakwazzjoni tiegħu, jekk meħtieġa, għandhom ikunu kkoordinati mar-Rappreżentanzi tal-Istati Membri kkonċernati.

42.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-SEAE tipprevedi proġett ta' viżjoni komuni u azzjoni konġunta bl-objettiv li jkollna Ewropa aktar b'saħħitha li jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun u fid-dinja kollha kemm hi;

43.

Jitlob li s-SEAE jtejjeb il-politika ta' komunikazzjoni tiegħu fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni.


Top