Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AR0137

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli — Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà”

    ĠU C 342, 12.10.2017, p. 20–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/20


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli — Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà”

    (2017/C 342/03)

    Relatur:

    Is-Sur Franco Iacop (PSE/IT), President tal-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun Awtonomu tal-Friuli-Venezia Giulia

    Dokument ta’ referenza:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà

    COM(2016) 739 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

    Introduzzjoni

    1.

    Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tikkontribwixxi b’mod attiv u kostruttiv għall-għanijiet strateġiċi tal-Aġenda 2030, billi tistabbilixxi bażi biex tindirizza għadd ta’ sfidi fundamentali u integrati fuq livell dinji;

    2.

    josserva li d-dokument ta’ politika, adottat mill-KE fit-22 ta’ Novembru 2016 fil-forma ta’ Komunikazzjoni, jipproponi strateġija ambizzjuża ħafna u mifruxa li tiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli;

    3.

    jagħraf l-impenn tal-KE li tixtieq tintegra l-Aġenda mal-Istrateġija Ewropa 2020 u b’hekk mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej; minħabba l-kumplessità u l-multitudni ta’ oqfsa ta’ referenza differenti, jenfasizza l-ħtieġa għall-koerenza fil-politiki, is-semplifikazzjoni u qafas ta’ governanza konsistenti;

    4.

    jisħaq li biex jinkisbu r-riżultati huwa essenzjali li fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet jiġu involuti l-livelli kollha tal-gvern, b’mod partikolari dawk reġjonali u lokali;

    Kummenti ġenerali

    5.

    josserva li, peress li l-politiki tal-Unjoni Ewropea (UE) jikkonformaw mal-principju tas-sussidjarjetà, l-għanijiet tas-sostenibbiltà huma marbuta direttament mar-responsabbiltà, il-ħiliet u l-funzjonijiet tal-livelli sottonazzjonali ta’ gvern;

    6.

    itenni li l-awtoritajiet lokali — reġjuni, provinċji, kontej u distretti, bliet metropolitani, bliet żgħar, lokalitajiet — ifasslu l-politika fil-veru sens tal-kelma, hekk kif inhuma mitluba jiddefinixxu l-livelli u l-metodi ta’ gvern l-aktar xierqa biex l-għanijiet tal-UE u tan-Nazzjonijiet Uniti jintrabtu ma’ dawk tal-komunitajiet lokali;

    7.

    ifakkar li fost is-17-il għan hemm tnejn, li għat-twettiq tagħhom il-gvernijiet lokali jużaw funzjonijiet fundamentali: l-SDGs 10 u 11. L-ewwel wieħed għandu l-għan li jnaqqas id-differenzi bejn it-territorji, filwaqt li t-tieni weħed iwettaq funzjonijiet fundamentali fl-ippjanar urban, fit-trasport, fil-benesseri soċjali u fil-modi ta’ għajxien ibbażati fuq il-mudell tas-sostenibbiltà;

    8.

    f’dan il-kuntest, jirrimarka li l-Komunikazzjoni ma tqisx il-ħtieġa li jitkejjel il-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-SDGs, kemm fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, dak Ewropew u dak nazzjonali, kif ukoll fil-livell sottonazzjonali, u għalhekk jistieden lill-KE biex tqis din id-dimensjoni fl-iżvilupp ulterjuri ta’ indikaturi biex jintużaw għall-kejl ta’ progress bħal dan u biex tinvolvi lill-kompetenzi speċifiċi u lin-netwerks fil-livell lokali;

    9.

    itenni li ma’ dawn jiżdiedu l-prijoritajiet li jirriżultaw mit-twettiq integrat tal-ħiliet li jkopru b’mod trażversali għanijiet strateġiċi oħra, fosthom l-Aġenda Urbana, l-inklużjoni soċjali, il-politiki tal-Unjoni għall-enerġija u l-klima, it-tnaqqis tal-emissjonijiet, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, il-politiki ambjentali u l-ekonomija ċirkolari, il-mobbiltà, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, il-bliet intelliġenti (l-art intelliġenti) li huma t-tema tas-summit ta’ Bratislava u l-Patt tas-Sindki dwar il-klima u l-enerġija;

    10.

    jissuġġerixxi li għandha tiġi sfruttata l-opportunità tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) biex l-istrateġija tal-Aġenda 2030 tirkeb fuq dik tal-Ewropa 2020, filwaqt li jiġu riveduti l-linji gwida ewlenin biex jiġu finalizzati immedjatament għall-SDGs il-ġodda;

    11.

    japprezza l-isforz li sar mid-dokument ta’ ħidma, li jakkumpanja l-Komunikazzjoni, Key European action supporting the 2030 Agenda and the Sustainable Development Goals (Azzjoni Ewropea ewlenija li tappoġġja l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli) (SWD (2016) 390 final) li permezz tiegħu huwa propost li l-Istrateġija “Ewropa 2020” tiġi integrata mal-għanijiet tal-Aġenda 2030, filwaqt li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn it-tliet pilastri, is-7 inizjattivi ewlenin u l-5 għanijiet marbuta mal-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 u dawk li jirrelataw mal-11-il għan tematiku proposti għall-Fondi ta’ Koeżjoni (FK);

    12.

    ifakkar li fi kwalunkwe każ l-għanijiet kollha proposti fil-Komunikazzjoni dwar futur sostenibbli jirrikjedu, li biex jitwettqu, dawn iridu jitnaqqsu għal-livell territorjali; jirrakkomanda f’dan ir-rigward il-lokalizzazzjoni tal-għanijiet tal-Aġenda 2030, li tirrappreżenta l-uniku mod biex ikun hemm impatt konkret u permanenti fuq il-ħajja tal-persuni;

    13.

    jaqbel dwar il-fatt li l-kumplessità tal-livelli differenti ta’ gvern għandha bżonn azzjoni ta’ kmand u kontroll, li jkollha l-kapaċità ssaħħaħ il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet permezz tal-valutazzjoni tal-politiki u l-innovazzjonijiet tal-istrutturi istituzzjonali (kejl tal-effetti);

    14.

    iqis li wħud mir-rabtiet bejn il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker u l-SDGs jingħaqdu f’oqsma sinifikanti għas-sistema tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan japplika l-ewwel nett għall-prijorità tal-impjieg, sa fejn din taffettwa lill-ħiliet imsemmija fl-SDG 4 (taħriġ u edukazzjoni), li għalihom is-sistema ta’ awtonomija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tuża ħiliet importanti, l-aktar fir-rigward tal-ispejjeż ta’ tranżizzjoni għal Ewropa sostenibbli;

    15.

    jesprimi t-tama li l-“Pjan ta’ Investiment” tal-KE jinvolvi anke infrastrutturi materjali u mhux materjali tal-prerogattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (il-protezzjoni soċjali, in-netwerks ta’ informazzjoni, in-netwerks tal-mobbiltà, in-netwerks tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni, ir-rimi tal-iskart, il-ġestjoni integrata tal-ilma, eċċ.) u li f’ħafna każijiet jikkonverġu ma’ diversi SDGs (fosthom l-SDGs 8, 9, 12 u 13).

    16.

    ifakkar li anke l-prijorità 3 tal-KE Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politiki li jħarsu ’l quddiem dwar it-tibdil fil-klima għandha x’taqsam ma’ diversi SDGs fuq livell ta’ interess tas-sistema tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-istess jgħodd għall-SDGs 5, 7 u 13, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kemm destinatarji kif ukoll atturi tal-politiki li għandhom l-għan li jiġġieldu t-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-provvista tal-enerġija sostenibbli u miftuħa għal kulħadd u l-ħarsien tad-drittijiet soċjali li biex ikunu possibbli huma essenzjali s-servizzi pprovduti fil-livell lokali;

    17.

    jinnota li l-prijorità 7, li għandha l-għan li toħloq spazju ta’ ġustizzja u ta’ ħarsien tad-drittijiet fundamentali bbażat fuq il-fiduċja reċiproka, tinkludi politiki għall-ugwaljanza tas-sessi li għalihom l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiżvolġu rwol importanti, f’konverġenza sħiħa mal-SDG 5 u f’konformità mal-bżonn li terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet Ewropej;

    18.

    itenni mill-ġdid li r-reżiljenza għad-diżastri hija waħda mill-aspetti ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex jiżguraw li dan il-prinċipju jkun wieħed mill-pilastri ċentrali tal-miżuri futuri tal-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa (1);

    19.

    jinnota li l-prijorità 8 għandha l-għan li twieġeb għall-fenomenu rilevanti għal dawn iż-żminijiet u għad-dinja tal-migrazzjoni u tikkonforma kompletament mal-SDGs 1 u 10, li jinvolvu b’mod trażversali l-ħiliet tas-sistema tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li spiss ikunu taħt pressjoni qawwija biex jimmaniġġjaw flussi fi kwantitajiet kbar ħafna;

    Kummenti speċifiċi

    20.

    josserva li l-azzjonijiet li ttieħdu biex jinkisbu l-SDGs jirriskjaw li mhux dejjem ikunu jistgħu jitqiegħdu f’qafas ta’ politiki integrati, b’kuntrast ma’ dak li jseħħ għall-politiki ta’ koeżjoni; għaldaqstant huwa essenzjali li jiġu stabbiliti prijoritajiet li jqisu l-bżonnijiet l-aktar urġenti f’perspettiva dinamika li għandha l-għan li fuq terminu twil tilħaq l-SDGs kollha: għalhekk huwa indispensabbli li wieħed iqis il-proposta tal-KtR dwar il-bżonn li jiġi approvat “kodiċi ta’ kondotta” għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    21.

    jenfasizza li l-għanijiet jirrikjedu bilanċ bejn il-bżonnijiet attwali u dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri, kif ukoll bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-livelli differenti ta’ gvern. Dan huwa essenzjali biex jitnaqqsu l-“ispejjeż ta’ tranżizzjoni” għaljin għal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jekk l-ispejjeż ma jkunux sostenibbli dan jista’ jqiegħed f’riskju l-aċċettazzjoni pubblika u l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari jitqiegħdu f’riskju l-kapaċitajiet taż-żoni l-aktar remoti (żoni interni) biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà globali u b’mod aktar ġenerali għat-terminu tal-SDGs;

    22.

    josserva l-asimmetrija taż-żmien bejn l-azzjonijiet Ewropej (2020), li l-Komunikazzjoni tagħmel referenza għaliha, u l-Aġenda 2030, u jitlob li jitħejjew għodod ta’ appoġġ ekonomiku u finanzjarju kif ukoll id-definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet matul il-perjodu kollu ta’ żmien ta’ referenza kompatibbli ma’ dawk tal-Aġenda;

    23.

    jiddispjaċih li fil-Komunikazzjoni ma hemmx post għal analiżi tar-riskji possibbli fil-fażi ta’ implimentazzjoni tas-17-il SDG, u li din tista’ tkun ta’ appoġġ kbir biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu mgħammra b’għodod xierqa biex jingħelbu l-problemi ta’ implimentazzjoni tal-politiki relatati mal-għanijiet. Għodda indispensabbli huwa li jiġu lokalizzati l-indikaturi kollha sabiex jiġi permess monitoraġġ kontinwu tal-evoluzzjoni tad-disparitajiet, u dan permezz tal-indikaturi alternattivi għall-PDG, fosthom dawk kwalitattivi li kapaċi jkejlu kemm il-ġustizzja tal-iżvilupp kif ukoll il-progress soċjali tat-territorji;

    24.

    jisħaq li l-kisba ta’ subsett ta’ objettivi li għandu jiġi fdat f’idejn is-sistema tal-entitajiet awtonomi reġjonali u lokali għandha tkun akkumpanjata mill-allokazzjoni ta’ riżorsi xierqa. Dawn ir-riżorsi jistgħu jingħataw permezz ta’ trasferimenti nazzjonali speċifiċi, iżda wkoll permezz ta’ responsabbiltà finanzjarja akbar fil-livell lokali;

    25.

    jemmen li hemm bżonn li jiġu promossi pjattaformi u inizjattivi li jippermettu l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll li jintużaw dawk diġà mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNDP Live — Sustainable Development Knowledge Platform (Pjattaforma tal-Għarfien dwar l-Iżvilupp Sostenibbli), filwaqt li jiġi evitat l-użu tal-Aġenda biex terġa’ tingħata attenzjoni speċjali lill-politiki. Għal dan il-għan hija mistennija bil-ħerqa t-tnedija tal-Pjattaforma b’bosta partijiet ikkonċernati mħabbra mill-KE biex jiġi ffaċilitat it-tnaqqis fil-livell territorjali tal-elementi universali li jidhru fl-Aġenda, iżda fuq kollox biex jitrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki u biex jiġi kondiviż il-progress li sar mill-aktar territorji Ewropej dinamiċi; jistenna li jkun assoċjat ma’ din il-pjattaforma b’mod adatt fir-rwol istituzzjonali tiegħu bħala assemblea li tirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    26.

    jirrikonoxxi li t-titjib fil-prospetti tal-ħajja fl-UE jiddependi mhux biss fuq il-kapaċità li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, iżda wkoll fuq il-benesseri u s-sigurtà fiż-żoni mhux fl-UE. F’dan ir-rigward, f’konformità mal-linji gwida l-ġodda stabbiliti mill-Komunikazzjoni dwar it-tema “Il-Kunsens Ġdid dwar l-Iżvilupp”, jitlob li jkun hemm tisħiħ tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni deċentralizzata kif ukoll l-iżvilupp fil-pajjiżi terzi, billi jiġi promoss l-użu tal-pjattaformi ta’ informazzjoni u diskussjoni għall-iżvilupp disponibbli għal-awtoritajiet lokali u reġjonali: ARLEM, CORLEAP, il-konferenzi biennali dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata u l-atlas tal-kooperazzjoni deċentralizzata li jippermettu lill-pajjiżi msieħba biex jiltaqgħu, jitkellmu u jpartu l-aħjar prattiki;

    27.

    jaqbel mal-pożizzjoni tal-KE li tiġi promossa l-Aġenda urbana għall-UE adottata fl-2016 bil-Patt ta’ Amsterdam, li se tiġi implimentata flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex tkopri l-aspetti kollha tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-aġenda urbana globali l-ġdida;

    28.

    jappoġġja l-bżonn li l-istrateġiji għall-iżvilupp urban sostenibbli u għall-kooperazzjoni orizzontali u vertikali f’sistema ta’ governanza parteċipatorja jqisu d-diversità tal-ibliet, l-importanza tal-innovazzjoni soċjali u l-ippjanar orjentat lejn il-futur, permezz ta’ approċċ integrat u kkoordinat, b’mod partikolari fid-dawl tal-isfidi importanti bl-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja fl-ibliet;

    29.

    huwa rrakkomandat li l-analiżi tal-Aġenda 2030 u tal-għanijiet li jinsabu fiha jkunu wkoll konsistenti mal-mudell ta’ żvilupp Ewropew li huwa strutturat madwar is-sistemi lokali ta’ produzzjoni (raggruppament) li huma ffurmati b’mod prevalenti minn SMEs. Jittama, f’dan il-kuntest, li l-mudelli ta’ żvilupp jagħtu attenzjoni partikolari anke lill-ibliet urbani iżgħar, peress li l-iżvilupp territorjali wisq ikkonċentrat jista’ jkun kawża tas-sottożvilupp li, min-naħa tiegħu, jista’ jikkawża aktar proċessi ta’ emarġinazzjoni u tnaqqis fil-popolazzjoni;

    30.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-dokument jidentifika d-dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli (soċjali, ambjentali u ekonomiku) bħala l-pilastri li fuqhom il-linji gwida politiċi tal-KE għandhom jikkonverġu biex tinstab soluzzjoni għall-SDGs u t-13-il politika settorjali adottati bil-qafas finanzjarju 2014-2020; iqis madankollu li quddiem sfidi globali ġodda huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-iżvilupp lokali billi tiżdied id-dimensjoni territorjali;

    31.

    jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu attribwiti r-rwol ta’ atturi tal-politiki minħabba l-qrubija tagħhom lejn iċ-ċittadini u l-kapaċità li jikkontribwixxu biex jitħeġġeġ mill-ġdid il-kunsens fil-konfront tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-proġett ta’ integrazzjoni. Il-governanza f’diversi livelli tirrappreżenta l-aħjar soluzzjoni għall-politiki indirizzati biex jibnu futur sostenibbli u ffukati fuq l-integrazzjoni tal-10 prijoritajiet tal-KE, il-11-il għan tematiku tal-Fondi ta’ Koeżjoni u s-17-il SDG tal-Aġenda 2030.

    Intejbu l-impatt tal-politiki fuq il-pilastru tad-dimensjoni soċjali

    32.

    itenni li biex tiġi indirizzata l-kumplessità tal-iżvilupp sostenibbli u jiġi miġġieled il-faqar, l-aqwa metodi mhumiex il-politiki u l-programmi vertikali li huma mmaniġġjati fil-livell ċentrali, huwa meħtieġ ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw ir-responsabbiltà u l-awtonomija meħtieġa biex iwieġbu tajjeb għall-kwistjonijiet soċjali l-kbar;

    33.

    jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-politiki minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea permezz tal-ippjanar tal-politika soċjali sostenibbli li tinvolvi l-livelli kollha ta’ governanza, peress li dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat l-aċċess għal kulħadd għal servizzi bażiċi u biex tinstab soluzzjoni għall-pressjonijiet ġodda kkawżati mit-tibdil demografiku b’politiki lokali mmirati biex jiffaċilitaw tixjiħ attiv u b’saħħtu;

    34.

    jiġbed l-attenzjoni tal-KE sabiex timpenja ruħha fil-politiki li għandhom l-għan jippromwovu s-saħħa tal-persuni, bħala prijorità għall-inklużjoni soċjali, biex b’hekk jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja fiż-żoni urbani u dawk li jinsabu fil-periferiji, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni u l-isport anke għall-persuni b’diżabilità u tiġi promossa l-kura preventiva għall-popolazzjoni kollha, inklużi l-anzjani u l-migranti u gruppi oħrajn fir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, filwaqt li jħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri u ’l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jagħmlu l-istess;

    35.

    iqis li l-potenzjal tal-ekonomija soċjali jinsab fil-ħolqien tal-impjiegi u fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa u minħabba dan iqis assolutament essenzjali li l-Aġenda tfittex li tingħata attenzjoni lir-responsabbiltà soċjali korporattiva u lill-bżonn li tinħoloq empatija bejn iż-żgħażagħ u l-intraprenditorija. Barra minn hekk, l-istrateġija l-ġdida għandha tinkludi, billi tindirizza b’approċċ trażversali, id-dimensjonijiet differenti tas-sostenibbiltà u l-perspettivi l-ġodda offruti mill-kreattività;

    36.

    iqis essenzjali li l-kultura tiġi integrata fl-Aġenda 2030, billi jiġi indikat biċ-ċar ir-rwol li għandha fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda filwaqt li tiġi segwita l-kostruzzjoni ta’ lokalitajiet ideali Ewropej biex fuq livell globali jinxterdu l-aspirazzjonijiet u l-prinċipji tad-demokrazija, tal-ġustizzja soċjali u tas-solidarjetà. Il-kultura tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-istrateġiji ta’ żvilupp inklużiv, billi tħalli l-effett qawwi tagħha fuq l-SDGs, ittejjeb is-sistemi edukattivi, tiġġieled il-fenomeni ta’ esklużjoni soċjali u l-faqar, telimina l-kawżi tal-inugwaljanza, tiffaċilita l-opportunitajiet ugwali, telimina d-differenzi relatati mal-ġenerazzjonijiet u dawk demografiċi;

    Intejbu l-impatt tal-politiki fuq il-pilastru tad-dimensjoni ambjentali

    37.

    jinnota li l-kwistjonijiet apparentement globali bħat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tas-CO2, il-konservazzjoni tal-enerġija, il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, il-ħarsien tal-bijodiversità, it-tnaqqis tal-esplojtazzjoni tar-riżorsi, it-trasport integrat u l-ekonomija ċirkolari fir-realtà huma influwenzati minn politiki u azzjonijiet lokali. Jirrakkomanda minħabba f’hekk attenzjoni partikolari lill-produzzjonijiet kompatibbli mal-ambjent;

    38.

    iqis essenzjali, minħabba l-għadd ta’ setturi involuti, li jiġi adottat approċċ integrat u kooperattiv bejn il-governanza fuq bosta livelli u l-partijiet ikkonċernati mill-ambjent li huma involuti. F’dan ir-rigward il-kunċett ta’ koeżjoni joħloq rabta bejn l-effiċjenza ekonomika, il-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp kulturali u l-bilanċ ambjentali, billi jqiegħed l-iżvilupp sostenibbli fil-qalba tat-tfassil tal-politika;

    39.

    jaqsam il-fehma li l-attivitajiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima qegħdin aktar ma jmur ipoġġu għadd ta’ pressjonijiet fuq l-ekosistemi tal-baħar. Għal dan il-għan għandha tinġibed l-attenzjoni tal-KE biex twettaq azzjonijiet relatati mal-kisba ta’ oċeani siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli u biex tkompli tappoġġja l-implimentazzjoni tal-aġenda għat-Tkabbir Blu li għandha l-għan li tisfrutta l-potenzjal tal-oċeani u tal-ibħra Ewropej għall-ħolqien tax-xogħol, il-valur ekonomiku u s-sostenibbiltà. Barra minn hekk, itenni li l-innovazzjoni fl-ekonomija blu tista’ tgħin biex jiġi żgurat użu effiċjenti u sostenibbli ta’ riżorsi marini prezzjużi (2);

    40.

    jirrakkomanda li jkun hemm impenn min-naħa tal-istituzzjonijiet kollha biex titnaqqas il-ħela tal-ikel u biex jinġabar l-iskart filwaqt li tingħata spinta lill-investimenti u x-xogħol fil-kuntest aktar wiesa’ tal-ekonomija ekoloġika. L-UE jenħtieġ li timpenja ruħha biex tappoġġja b’determinazzjoni x-xewqa li tabbanduna l-mudell ekonomiku lineari biex issaħħaħ dak tal-ekonomija ċirkolari, kif diġà indikat mill-Kumitat tar-Reġjuni fl-opinjonijiet tiegħu Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta’ skart żero għall-Ewropa, Proposti leġislattivi li jemendaw id-Direttivi dwar l-iskartPjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari.

    Intejbu l-impatt tal-politiki fuq il-pilastru tad-dimensjoni ekonomika

    41.

    iqis li l-mudelli ta’ żvilupp, influwenzati minn fatturi kompetittivi ġodda, fosthom in-netwerks li jippermettu l-interkonnessjoni ta’ kwantità illimitata ta’ data ma’ numru illimitat ta’ utenti, jindikaw differenza ċara bejn il-ħtieġa tal-impriżi biex iqassru ż-żmien tat-“time to market” u ż-żminijiet ta’ bini tal-kunsens u tal-proċeduri burokratiċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jirrappreżentaw id-dimensjoni xierqa biex jitħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-politika biż-żminijiet li jirrikjedu s-swieq;

    42.

    jitlob appoġġ ġenwin għall-mudelli tal-iżvilupp u, b’mod partikolari, appoġġ għal netwerks intanġibbli li jinfluwenzaw fatturi ġodda lokali ta’ kompetittività u t-tranżizzjoni għal mudelli ġodda ta’ produzzjoni billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal kwantità mingħajr limiti ta’ data;

    43.

    iqis li huwa urġenti li jiġu żviluppati strateġiji li jattivaw il-politiki strutturali sabiex fost il-pilastri tal-iżvilupp tiddaħħal bidla radikali fil-mudelli ta’ produzzjoni, inkluż permezz tal-użu ta’ inċentivi għal produzzjoni sostenibbli, fil-każi fejn l-innovazzjonijiet għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari ma jagħmluhiex possibbli li tkun ekonomikament vijabbli. Jidher ċar li politiki bħal dawn, minbarra li jikkontribwixxu biex jingħelbu l-isfidi ġodda li jġibu magħhom il-proċessi ta’ globalizzazzjoni, jirrappreżentaw reazzjoni ċara għall-kompromessi fil-ħtiġijiet soċjali li jkunu f’kunflitt ml-impjiegi;

    44.

    jirrikonoxxi li l-globalizzazzjoni, xprunata primarjament minn mobbiltà aħjar tal-persuni, il-prodotti u d-data, taġixxi billi ssaħħaħ il-kompetizzjoni internazzjonali mhux biss bejn l-impriżi, iżda wkoll bejn it-territorji. Għalhekk huwa neċessarju li wieħed jaġixxi b’mod effettiv b’rabta mal-fatturi li huma bbażati fuq il-kompetittività territorjali, fosthom il-kapital soċjali u dak istituzzjonali, l-infrastrutturi, l-innovazzjoni, u dan sabiex jingħata impetu ġdid lill-ekonomiji Ewropej;

    45.

    itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni fir-rapport bejn is-sħubijiet pubbliċi-privati, peress li huma kapaċi jirrikonoxxu n-natura eteroġena tal-forom ta’ żvilupp li jistgħu jippromwovu investimenti mmirati biex itejbu r-riżorsi endoġeniċi li kull territorju għandu.

    Intejbu l-impatt tal-politiki fuq il-pilastru tad-dimensjoni territorjali

    46.

    jiddispjaċih li fil-Komunikazzjoni adottata mill-KE huwa totalment nieqes il-kunċett ta’ “kapital territorjali” kif imfassal mill-OECD fl-2001 u mtenni mill-Kummissjoni Ewropea fl-2005. F’dan ir-rigward infakkru li l-kunċett jinkludi sett ta’ assi lokalizzati: naturali, uman, artifiċjali, organizzattiv, relazzjonali u konjittiv li huma potenzjal kompetittiv ta’ territorju;

    47.

    josserva li l-kriżi u l-effetti tal-globalizzazzjoni affettwaw ħafna r-relazzjonijiet li kienu jiżguraw il-koeżjoni fi ħdan it-territorji, u dan billi kkawża qsim (belt u żona rurali; ċentru u periferija) u bidliet fid-dinamika tal-kostruzzjoni soċjali. F’dan il-kuntest wieħed għandu jassumi l-obbligu li jmexxi l-mudelli antiki ta’ politika territorjali, li huma magħmula minn approċċi funzjonali li jqisu t-territorju bħala sempliċi spazju għal dawk ta’ matriċi neo-istituzzjonali li minflok jagħtu lit-territorju r-rwol ta’ attur kollettiv;

    48.

    jirrikonoxxi li l-“Patt ta’ Amsterdam” iqiegħed fil-qalba tal-interessi dejjem jikbru r-rwol tal-politiki “urbani”, imfassla biex jimplimentaw azzjonijiet orjentati biex jippromwovu l-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku, bil-konvinzjoni li l-ibliet jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-proċessi innovattivi.

    RAKKOMANDAZZJONIJIET LILL-AWTORITAJIET REĠJONALI U LOKALI

    49.

    jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol fundamentali fil-protezzjoni u fl-iżvilupp tan-nisġa urbana, tat-territorji rurali u tal-wirt komuni u jistgħu jikkontribwixxu għal dik li fl-Aġenda 2030 hija definita bħala “dinja trasformata” permezz ta’ attitudni proattiva u impenn biex:

    a.

    itejbu l-kapaċità ta’ ġestjoni strateġika tagħhom;

    b.

    jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ soċjetà ċivili eżiġenti u konxja;

    c.

    jiżviluppaw ippjanar urban u territorjali integrat;

    d.

    jippromwovu l-opportunitajiet ekonomiċi fuq livell lokali għall-ħolqien ta’ impjiegi diċenti u l-koeżjoni soċjali;

    e.

    jippromwovu l-“Pjani/Strateġiji” reġjonali ta’ żvilupp sostenibbli, billi l-SDGs jingħaqdu mal-għanijiet politiċi, iżda wkoll billi jiġi rivedut u mibdul l-ipprogrammar, biex jitwieġbu l-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli billi permezz ta’ dan ikunu jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR);

    f.

    jiggwidaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u lejn bliet u reġjuni reżiljenti;

    g.

    jippromwovu d-definizzjoni ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli;

    h.

    jagħrfu u jippromwovu r-rwol tal-kultura fl-iżvilupp sostenibbli u jenfasizzaw il-valur tal-wirt lokali, il-kreattività u d-diversità;

    i.

    iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-entitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, tal-universitajiet u taċ-Ċentri ta’ riċerka xjentifika u taċ-ċittadini individwali għall-iżvilupp ta’ pjani u inizjattivi orjentati lejn l-ilħuq tal-SDGs b’kollaborazzjoni wkoll mal-JRC fl-azzjoni "Science meet Regions (Ix-Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni);

    j.

    jippromwovu programmi ta’ edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli fl-iskejjel u l-attivitajiet kulturali suxxettibbli għall-problema tas-sostenibbiltà;

    k.

    jinkoraġġixxu l-inklużjoni ta’ “indikaturi ta’ benesseri ġust u sostenibbli” fiċ-ċiklu tat-tħejjija tal-liġijiet u tad-dokumenti tal-baġit reġjonali;

    l.

    jiġu stabbiliti sħubijiet fil-kuntest ta’ kooperazzjoni deċentralizzata għall-iżvilupp;

    50.

    itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma istituzzjonijiet li għandhom il-kapaċità li jiżviluppaw forom ta’ demokrazija relatati mal-inklużjoni b’mod partikolari tan-nisa, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-minoranzi, bħala bażi għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati għall-iżvilupp ekonomiku fil-livell lokali.

    RAKKOMANDAZZJONIJIET LIL-LIVELLI NAZZJONALI

    51.

    jirrakkomanda li jiġi adottat approċċ minn isfel għal fuq u d-definizzjoni ta’ qafas legali xieraq bl-appoġġ ta’ biżżejjed riżorsi. Sistema ġdida bħal din tista’ tinħoloq b’suċċess biss jekk tkompli sseħħ deċentralizzazzjoni dejjem akbar fid-diversi pajjiż tal-UE. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom:

    a.

    jippromwovu governanza kondiviża u deċentralizzazzjoni reali li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha involuti, mhux biss fil-fażi axxendenti iżda anke f’dik dixxendenti;

    b.

    jibnu politiki territorjali konsistenti u integrati bil-konsultazzjoni mal-gvernijiet sottonazzjonali b’mod partikolari fil-bini tal-PNR;

    c.

    jirrevedu s-sistemi finanzjarji sottonazzjonali biex jirrikonċiljaw il-finanzjament mas-sostenibbiltà;

    d.

    jinvolvu lil-livelli reġjonali u lokali fis-segwitu tal-SDGs, appoġġjati minn data preċiża dwar it-territorji;

    52.

    itenni l-bżonn li l-livelli nazzjonali tal-gvern iridu jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, anke permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq, fit-tħejjija tal-pjani ta’ azzjoni territorjali li għandhom l-għan li jilħqu l-SDGs, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-punti pożittivi u n-nuqqasijiet, abbażi tal-prinċipju li “ħadd ma jitħalla barra” u tal-effiċjenza tal-infiq.

    RAKKOMANDAZZJONIJIET LIL-LIVELLI TAL-UE U INTERNAZZJONALI

    53.

    huwa jemmen li, sakemm il-politiki u l-ftehimiet globali ma jisfruttawx bis-sħiħ l-impenji u l-esperjenzi fil-livell lokali, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jrid ikun komponent tad-djalogu strutturat u parti integrali mill-governanza u mhux sempliċement parti kkonċernata. L-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jorganizzaw u jipproduċu kontributi informati għandhom ikunu rikonoxxuti bħala parti mill-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, anke permezz ta’ azzjonijiet bħal pereżempju:

    a.

    l-inklużjoni ta’ netwerks organizzati tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-korpi governattivi tal-istituzzjonijiet internazzjonali għall-iżvilupp;

    b.

    it-tisħiħ tal-istrumenti ta’ finanzjament u r-reviżjoni tal-politiki ta’ żvilupp lokali sostenibbli;

    c.

    l-appoġġ lill-kooperazzjoni deċentralizzata, anke ma’ pajjiżi barra l-UE u l-kondiviżjoni tat-tagħlim u tal-għarfien biex jippromwovu l-innovazzjoni;

    54.

    jitlob li l-livell Ewropew u nazzjonali jipprovdu r-riżorsi għall-valutazzjoni ex ante u ex post tal-impatt tal-politiki marbuta mal-iżvilupp sostenibbli. Dan jimplika sforz sabiex titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki kollha implimentati kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    55.

    jitlob lill-KE biex tuża b’mod aktar strateġiku u funzjonali l-PNR, li diġà ġie inkluż b’mod formali fl-ipprogrammar tal-Fondi ta’ Koeżjoni, u dan permezz tal-użu b’mod funzjonali tal-għodod diġà adottati fl-azzjoni għall-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli. Dan jippermetti biex fil-kuntest tas-Semestru Ewropew ma jiġux identifikati biss il-miżuri ta’ riforma ppjanati u identifikati fil-livell nazzjonali favur l-SDGs, iżda anke dawk li għandhom x’jaqsmu mad-dimensjoni reġjonali u lokali;

    56.

    jirrakkomanda li l-livelli Ewropej u internazzjonali ta’ gvern ikunu jafu jassumu tmexxija tas-sistema kumplessa tar-relazzjonijiet globali, billi jikkontrollaw it-tifqigħat reġjonali ta’ tensjoni, jakkumpanjaw it-trasformazzjonijiet u r-ristrutturar tal-istrutturi istituzzjonali u produttivi li ntirtu mis-seklu ta’ qabel, u l-atturi lokali jingħataw il-ħiliet neċessarji biex jittrasformaw id-dgħufijiet tal-bilanċi ġeoekonomiċi f’opportunitajiet ta’ żvilupp li jħeġġu l-kompetittività tas-sistemi lokali ta’ produzzjoni fis-suq globali.

    Brussell, it-12 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  COR 5035/2016; COM(2016) 739 final

    (2)  COR 2203/2012


    Top