Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XX1224(02)

    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Disk Drives Ottiċi (AT.39639)

    ĠU C 484, 24.12.2016, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 484/23


    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

    Disk Drives Ottiċi

    (AT.39639)

    (2016/C 484/09)

    Introduzzjoni

    (1)

    L-abbozz ta’ deċiżjoni jikkonċerna kartell li jinvolvi ċerti fornituri globali ta’ disk drives ottiċi (“DDO”). Skont l-abbozz ta’ deċiżjoni, dawn il-fornituri ikkoordinaw l-aġir tagħhom fir-rigward tal-offerti għad-DDO organizzati minn żewġ manifatturi ta’ kompjuters personali, Dell Inc. (“Dell”) u Hewlett Packard (“HP”).

    (2)

    L-impriżi jew impriżi konġunti li fl-abbozz ta’ deċiżjoni nstab li ħadu sehem fil-kartell huma: Philips (2), Lite-On (3), Philips-Lite-On (4), Hitachi-LG (5), Toshiba-Samsung (6), Sony (7), Sony Optiarc (8) u Quanta Storage Inc.

    Il-fażi tal-investigazzjoni

    (3)

    Il-każ jirriżulta minn applikazzjoni għal immunità minn multi mressqa b’mod konġunt minn Philips, Lite-On u Philips & Lite-On. Il-Kummissjoni sussegwentement irċiviet talba għall-klemenza minn Hitachi-LG. Ħadd mill-partijiet l-oħra interessati ma applika għall-klemenza.

    (4)

    Il-Kummissjoni ma wettqitx spezzjonijiet. F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni mmirati lil diversi impriżi implikati fis-settur tad-DDO.

    Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni

    (5)

    Il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet fit-18 ta’ Lulju 2012 (“id-DO”) Din ġiet innotifikata lil ċerti entitajiet tal-impriżi li huma s-suġġett tal-abbozz ta’ deċiżjoni, kif ukoll lil impriża waħda oħra.

    (6)

    Fit-18 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat żewġ dikjarazzjonijiet supplimentari ta’ oġġezzjonijiet (id-“DSO ta’ Frar 2014”): waħda indirizzata lil Koninklijke Philips N.V., Lite-On IT Corporation u Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation, u l-oħra lil impriża differenti. L-iskop tad-DSO ta’ Frar 2014 kien li jiċċaraw, jemendaw u jissupplimentaw l-oġġezzjonijiet magħmula kontra d-destinatarji tagħhom fid-DO rigward ir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur allegat.

    (7)

    Fl-1 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni supplimentari ta’ oġġezzjonijiet oħra (9). L-uniku għan ta’ din (id-“DSO ta’ Ġunju 2015”) kien li tissupplimenta d-DO u d-DSO ta’ Frar 2014 billi tindirizza l-istess oġġezzjonijiet lil entitajiet legali addizzjonali li l-kumpanniji prinċipali tagħhom (jew il-predeċessuri tagħhom) kienu diġà destinatarji tad-DO. Id-DSO ta’ Ġunju 2015 kienet indirizzata wkoll lill-kumpanniji prinċipali ta’ dawn l-entitajiet legali addizzjonali. Id-destinatarji oħrajn tad-DO ma kinux ikkonċernati mid-DSO ta’ Ġunju 2015, li ma emendatx jew ma estendietx dawn l-oġġezzjonijiet imqajma kontrihom fid-DO.

    (8)

    Fir-risposti bil-miktub tagħhom għad-DO, żewġ partijiet ikkonċernati kkritikaw ir-referenzi ġenerali għal anness għad-DO li fih kien hemm każijiet konkreti ta’ kuntatti kollużivi suspettati mniżżla f’tabella. Jien eżaminajt id-DO u l-anness inkwistjoni. Kuntrarjament għal dak li dawk il-partijiet sostnew, dak l-anness jippermetti lid-destinatarji tad-DO li jidentifikaw avvenimenti speċifiċi u provi miżmuma kontrihom u jisiltu minnhom il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kienet biħsiebha tiġbed minn kull kuntatt elenkat fl-anness. Din il-valutazzjoni hija kkorroborata mill-partijiet ikkonċernati li kienu kapaċi li jagħmlu argumenti ta’ difiża fir-rigward tal-allegazzjonijiet kollha fid-DO. Peress li d-DO u d-DSO ta’ Ġunju 2015 huma, apparti mil-lista ta’ destinatarji, kważi identiċi, inkluż fir-rigward tal-anness inkwistjoni, valutazzjoni simili tissuġġerixxi lilha nfisha fir-rigward tad-DSO ta’ Ġunju 2015.

    Il-perjodi ta’ żmien għal tweġibiet bil-miktub għad-DO u għal dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet supplimentari sussegwenti

    (9)

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“DĠ Kompetizzjoni”) ta lil diversi destinatarji tad-DO estensjonijiet tal-perijodu ta’ tmien (8) ġimgħat li inizjalment stabbilixxa biex jirrispondu bil-miktub għad-DO. Irċivejt talbiet motivati mingħand żewġ destinatarji oħra tad-DO għal estensjonijiet ta’ dan il-perjodu, billi d-DĠ Kompetizzjoni kien irrifjuta dawn it-talbiet qabel. Approvajt estensjonijiet ta’ ġimgħa u ġurnata waħda tax-xogħol.

    (10)

    Id-destinatarji tad-DSOs ta’ Frar 2014 wieġbu fil-perjodu (erba’ ġimgħat mill-wasla) stabbilit għas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

    (11)

    Id-DĠ Kompetizzjoni stabilixxa perjodu ta’ żmien biex fih iwieġeb għad-DSO ta’ Ġunju 2015 li kien ta’ kważi ħames ġimgħat mill-wasla ta’ dik id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari. Id-destinatarji kollha wieġbu f’dak il-perjodu.

    L-aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni

    (12)

    Wara li rċevew id-DO, id-destinatarji tad-DO għamlu użu mill-opportunità tagħhom ta’ aċċess għal dawk il-partijiet tal-fajl tal-Kummissjoni li kienu disponibbli biss fil-bini tal-Kummissjoni. Id-DĠ Kompetizzjoni pprovda l-bqija tal-fajl aċċessibbli lil dawk id-destinatarji fuq mezz ta’ ħażna elettroniku.

    (13)

    Id-DĠ Kompetizzjoni indirizza xi talbiet għal aktar aċċess.

    (14)

    F’ittra li takkumpanja d-DSO ta’ Frar 2014, id-DĠ Kompetizzjoni spjega li l-provi invokati kontra d-destinatarji rispettivi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet supplimentari kienu ġew ipprovduti minn dawn destinatarji jew kienu disponibbli għalihom bħala parti mill-aċċess għall-fajl wara l-adozzjoni tad-DO. Għalhekk, id-DĠ Kompetizzjoni ma qiesx li kien meħtieġ iktar aċċess għall-fajl wara l-adozzjoni tad-DSO ta’ Frar 2014.

    (15)

    Id-destinatarji tad-DSO ta’ Ġunju 2015 għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni.

    Ittra ta’ fatti ta’ Ġunju 2015

    (16)

    Fit-13 ta’ Marzu 2015, id-DĠ Kompetizzjoni bagħat ittra lill-partijiet ikkonċernati, b’dokumenti addizzjonali mehmuża li waslu minn Dell u HP. Permezz ta’ ittra tal-fatti tat-3 ta’ Ġunju 2015, id-DĠ Kompetizzjoni pprovda lil dawn il-partijiet informazzjoni dwar l-użu previst tal-Kummissjoni ta’ dawn id-dokumenti fil-każ preżenti.

    (17)

    Id-DĠ Kompetizzjoni stabilixxa perjodu ta’ żmien għal kull sottomissjoni bil-miktub b’rispons għal din l-ittra tal-fatti ta’ ġimagħtejn minn meta tasal bil-posta elettronika. Il-partijiet ikkonċernati kollha minbarra waħda wieġbu f’dan il-perjodu. Fil-fatt, id-DĠ Kompetizzjoni ta lil din il-parti estensjoni ta’ ġimgħa tal-perjodu għar-risposta.

    Persuna terza interessata: Dell

    (18)

    Fil-31 ta’ Ottubru 2012, irċevejt talba motivata ta’ Dell sabiex tinstema’ bħala persuna terza interessata skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (10) u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (11). Skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, sibt li Dell kienet uriet “interess suffiċjenti” fit-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant aċċettajt lil Dell bħala persuna terza interessata.

    (19)

    Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, id-DĠ Kompetizzjoni informa lil Dell bil-miktub bin-natura u s-suġġett tal-proċedura u Dell sussegwentement ressaq l-opinjoni tiegħu bil-miktub.

    Seduta orali

    (20)

    Is-seduta orali damet jum u nofs fid-29 u t-30 ta’ Novembru 2012. L-impriżi kollha minbarra waħda li għalihom kienet indirizzata id-DO ħadu sehem. Ma kienx hemm sessjonijiet magħluqa.

    (21)

    Irrifjutajt it-talba ta’ Dell li tieħu sehem fis-seduta orali. Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien ma qisitx li dan ikun “xieraq” (12). L-ewwel nett, il-preżenza ta’ Dell kienet x’aktarx tiddiswadi lill-applikanti għal immunità jew klemenza milli jipparteċipaw bis-sħiħ u b’mod attiv fis-seduta orali. It-tieni, u b’mod aktar ġenerali, jekk ilmentatur għal danni potenzjali jitħalla jipparteċipa f’seduta orali jista’ jkollu effett dannuż fuq il-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni. It-tielet, il-preżenza ta’ Dell setgħet naqqset l-iskambji miftuħa bejn il-Kummissjoni u d-destinatarji tad-DO, u għaldaqstant kienet tirriskja li ddgħajjef l-abilità tal-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw difiża effettiva. Ir-raba’, inqis li huwa improbabbli li Dell, li l-akkordju ssuspettat kien ġie moħbi minnha, kienet tkun f’pożizzjoni li tagħti kontribut sinifikanti għall-kjarifikazzjoni tal-fatti tal-kawża matul is-seduta orali (13). Il-ħames, Dell ma kinitx irċeviet aċċess għad-DO jew għall-fajl tal-investigazzjoni, filwaqt li d-diskussjonijiet waqt is-seduta dehru li x’aktarx jiffokaw fuq l-interpretazzjoni tad-DO u tal-provi f’dak il-fajl. Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar, anki jekk din ma kinitx raġuni determinanti għad-deċiżjoni tiegħi — li l-applikazzjonijiet minn persuni terzi bħal Dell fi stadju avvanzat ta’ preparazzjoni għas-seduta orali x’aktarx kienu jfixklu l-organizzazzjoni tas-seduta orali (14).

    (22)

    Matul is-seduta, id-DĠ Kompetizzjoni għamel mistoqsija lil impriża konġunta fuq dikjarazzjoni li saret fin-notifika ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni (il-formola ta’ notifika CO) ippreżentata mill-impriżi prinċipali tagħha skont ir-regoli dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-UE fis-seħħ fil-mument tal-formazzjoni ta’ din l-impriża konġunta. Jien avżajt lill-parti rilevanti li din il-mistoqsija kienet, fil-fehma tiegħi, irregolarità proċedurali u li din il-parti tista’ tagħżel li ma tweġibiex. Skont ir-regoli dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-UE, il-Kummissjoni ma tistax tuża l-informazzjoni kollha miġbura fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni fi proċedimenti separati (ta’ kartell) (15). Peress li l-parti rilevanti iddeċidiet li tirrispondi l-mistoqsija, ikkonkludejt li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha ma ġiex kompromess.

    (23)

    Fir-risposti bil-miktub tagħhom għad-DSO ta’ Frar 2014 u għad-DSO ta’ Ġunju 2015, id-destinatarji kkonċernati ma talbux biex jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f’seduta orali (16).

    L-abbozz ta’ deċiżjoni

    (24)

    Wara li semgħet lill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni waqqgħet il-każ tagħha fir-rigward ta’ impriża waħda. Rigward iż-żewġ impriżi u impriża konġunta, id-deċiżjoni ma ssostnix l-oġġezzjonijiet stabbiliti fid-DO, id-DSO ta’ Frar 2014 u d-DSO ta’ Ġunju 2015 (flimkien, id-“Dikjarazzjonijiet ta’ Oġġezzjonijiet”) sa fejn dawn l-oġġezzjonijiet kienu jirrigwardaw il-kondotta relatata ma’ wieħed miż-żewġ klijenti ta’ DDO inkwistjoni.

    (25)

    B’kuntrast għad-Dikjarazzjonijiet ta’ Oġġezzjonijiet, l-ebda ċirkustanza aggravanti ma tinżamm kontra d-destinatarji tal-abbozz ta’ deċiżjoni.

    (26)

    L-abbozz ta’ deċiżjoni jindika li d-destinatarji ta’ dik id-deċiżjoni kienu involuti f’kartell li dam mit-23 ta’ Ġunju 2004 sal-25 ta’ Novembru 2008. Dan il-perjodu kumplessiv huwa iqsar minn dak allegat fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Oġġezzjonijiet. Il-perjodi li għalihom id-destinatarji individwali tal-abbozz ta’ deċiżjoni huma responsabbli huma kollha iqsar mill-perjodi korrispondenti stabbiliti fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Oġġezzjonijiet. Tnaqqis fid-dewmien tar-responsabbiltà għall-entitajiet meqjusa responsabbli jvarjaw minn madwar seba’ xhur għal ftit aktar minn erba’ snin u tmien xhur.

    (27)

    Barra minn hekk, id-Dikjarazzjonijiet ta’ Oġġezzjonijiet ipprovdew lill-partijiet ikkonċernati, skont il-paragrafu 85 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (17), bl-opportunità li jikkummentaw dwar il-metodu previst biex jiġu stabbiliti l-multi. Fid-dawl tal-kummenti li waslu għand il-Kummissjoni f’dan ir-rigward, l-abbozz ta’ deċiżjoni juża approċċ modifikat għall-istima tal-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi.

    Kummenti finali

    (28)

    Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jiena eżaminajt jekk l-abbozz ta’ deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjoniet tagħhom. Jiena nikkonkludi li dan hu minnu.

    (29)

    Bħala konklużjoni ġenerali, nikkonsidra li f’dan il-każ, l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rispettat.

    Brussel, id-9 ta’ Ottubru 2015.

    Wouter WILS


    (1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

    (2)  L-entitajiet Philips li lilhom huwa indirizzat l-abbozz ta’ deċiżjoni huma Koninklijke Philips N.V. u Philips Electronics North America Corporation.

    (3)  L-entitajiet Lite-On li lilhom huwa indirizzat l-abbozz ta’ deċiżjoni huma Lite-On Technology Corporation u Lite-On Sales & Distribution, Inc.

    (4)  L-entitajiet Philips-Lite-On li lilhom huwa indirizzat l-abbozz ta’ deċiżjoni huma Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation u Philips & Lite-On Digital Solutions USA, Inc.

    (5)  L-entitajiet Hitachi-LG li lilhom huwa indirizzat l-abbozz ta’ deċiżjoni huma Hitachi-LG Data Storage, Inc., Hitachi-LG Data Storage Korea, Inc.

    (6)  L-entitajiet Toshiba-Samsung li lilhom huwa indirizzat l-abbozz ta’ deċiżjoni huma Toshiba Samsung Storage Technology Corporation u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corporation.

    (7)  L-entitajiet Sony li lilhom huwa indirizzat l-abbozz ta’ deċiżjoni huma Sony Corporation u Sony Electronics Inc.

    (8)  L-entitajiet Sony Optiarc li lilhom huwa indirizzat l-abbozz ta’ deċiżjoni huma Sony Optiarc Inc. u Sony Optiarc America Inc.

    (9)  Din kienet indirizzata lil Koninklijke Philips N.V., Philips Electronics North America Corporation, Philips Taiwan Ltd., Lite-On Technology Corporation, Lite-On Sales & Distribution, Inc., Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation u Philips & Lite-On Digital Solutions USA, Inc.

    (10)  Skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1) u l-Artikolu 13.

    (11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

    (12)  Ara l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004.

    (13)  Ara l-Premessa 13 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.

    (14)  Dell kienet ilha konxja minn dawn il-proċedimenti u xorta applikat għall-istatus ta’ persuna terza interessata biss xahar qabel is-seduta orali. It-talba formali tagħha biex tattendi s-seduta orali waslet inqas minn ġimgħa qabel is-seduta orali.

    (15)  Ara l-Artikou 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1). Dispożizzjoni identika tinsab fir-regoli dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li kienu japplikaw qabel.

    (16)  Ara l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004.

    (17)  ĠU C 308, 20.10.2011, p. 6.


    Top