IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.2.2016
COM(2016) 43 final
2016/0027(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni
{SWD(2016) 19 final}
{SWD(2016) 20 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016PC0043
Proposal for a DECISION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on the use of the 470-790 MHz frequency band in the Union
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni
COM/2016/043 final - 2016/027 (COD)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.2.2016
COM(2016) 43 final
2016/0027(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni
{SWD(2016) 19 final}
{SWD(2016) 20 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa għandha viżjoni ta’ konnettività universali, ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. L-istrateġija tinkludi proposti speċifiċi mill-Kummissjoni dwar "ir-rilaxx koordinat tal-banda ta' frekwenzi 694-790 MHz ("700 MHz"), li hija partikolarment adattata biex tkun żgurata l-provvista tas-servizzi tal-broadband fiż-żoni rurali, filwaqt li taqdi l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ distribuzzjoni tal-midja awdjoviżiva".
Il-konnettività mingħajr fili teħtieġ l-aċċess għall-ispettru tar-radju fil-baned ta' frekwenza taħt il-1 GHz, peress li dawn huma ottimali kemm għall-veloċitajiet għolja kif ukoll għall-kopertura wiesgħa. Wara li seħħ il-qlib għal teknoloġiji aktar effiċjenti mil-lat tal-ispettru tat-televiżjoni diġitali, il-banda ta' frekwenzi ta' 800 MHz (790-862 MHz, jew “id-dividend diġitali”) kienet l-ewwel porzjon tal-banda tax-xandir tal-UHF (470-862 MHz) li ngħatalha skop ġdid għas-servizzi tal-broadband mingħajr fili fl-Unjoni. Fil-preżent il-banda tax-xandir tal-UHF tinkludi l-firxa ta’ frekwenzi minn 470 sa 790 MHz (minn hawn’ il quddiem “il-banda UHF”). Din il-banda tintuża għat-televiżjoni diġitali terrestri (DTT) u l-ħolqien ta’ programmi awdjo u għal tagħmir għal avvenimenti speċjali ("PMSE awdjo"), l-iktar mikrofoni mingħajr fili.
Il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2012 (WRC- 12), il-Konferenza tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (ITU) li tirrevedi r-Regolamenti vinkolanti tar-Radju, iddeċiedew li l-banda ta’ 700 MHz għandha tiġi allokata kemm għas-servizz mobbli kif ukoll dak tax-xandir fir-Reġjun 1 (l-Ewropa u l-Afrika) mill-2015.
Id-WRC-15, li saret f’Novembru 2015, iffinalizzat negozjati internazzjonali dwar parametri tekniċi u regolatorji għall-użu tal-banda ta' frekwenzi ta’ 700 MHz għall-broadband mingħajr fili. Is-sitwazzjoni koerenti fil-banda ta' frekwenzi ta' 700 MHz fir-reġjuni kollha 1 tal-ITU toffri opportunità rari għall-armonizzazzjoni kważi globali ta’ din il-banda ta’ frekwenzi għall-użu tal-broadband mingħajr fili. Id-WRC-15 żamm ukoll l-allokazzjoni esklużiva tal-banda ta' frekwenzi 470-694 MHz ("taħt 700 MHz") għas-servizz ta’ xandir fir-Reġjun 1.
Fl-2013, il-Viċi President tal-Kummissjoni Neelie Kroes talbet lill-ex Kummissarju Pascal Lamy biex jippresiedi grupp ta’ livell għoli ta’ rappreżentanti tas-setturi tal-mowbajls, tax-xandir u tal-midja biex tinstab pożizzjoni komuni dwar l-użu tal-frekwenza UHF fil-ġejjieni. Ir-rapport tal-President fil-kapaċità tiegħu stess (“ir-Rapport Lamy”) irrakkomanda li l-banda ta' 700 MHz għall-broadband mingħajr fili tingħata skop ġdid filwaqt li jissaħħaħ il-mudell awdjoviżiv Ewropew billi jiġu pprovduti salvagwardji li x-xandir terrestri jkollu aċċess għall-ispettru tal-banda ta' frekwenzi taħt 700 MHz.
Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport Lamy sabet li kien hemm appoġġ għal azzjoni koordinata tal-Unjoni. B’mod parallel, il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) adotta Opinjoni 2 li wkoll tappoġġa approċċ ikkoordinat tal-Unjoni biex tiġi pprovduta banda wiesgħa mingħajr fili fil-banda ta’ frekwenza ta' 700 MHz. L-Opinjoni tal-RSPG irrakkomandat kundizzjonijiet tekniċi armonizzati u data ta’ skadenza komuni għall-użu effikaċi tal-banda ta’ 700 MHz u użu fit-tul tal-frekwenzi ta' taħt 700 MHz għad-distribuzzjoni awdjoviżiva, inkluż id-disponibbiltà tagħha għad-DTT.
Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżiti tal-proċess Ewropew tal-partijiet ikkonċernati u tal-ftehimiet internazzjonali taħt l-awspiċi tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) kienet li tiżviluppa strateġija għall-Unjoni dwar l-użu fit-tul tal-banda UHF. L-istrateġija se tippromwovi s-suq diġitali uniku u tiżgura ġestjoni effiċjenti tal-ispettru tar-radju fil-banda tal-UHF, biex jiġi rifless il-valur soċjali, kulturali u ekonomiku tiegħu. L-istrateġija tal-banda tal-UHF għandha tliet aspetti ewlenin:
kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fil-banda tal-frekwenzi ta’ 700 MHz abbażi tal-prinċipju tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizzi;
data ta’ skadenza komuni biex il-banda 700 MHz issir disponibbli għall-użu effettiv għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili, f’konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati ta' hawn fuq, u l-miżuri ta’ koordinazzjoni bħala appoġġ għal din it-tranżizzjoni;
prijorità għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (AVMS) fil-banda ta' frekwenzi ta’ taħt 700 MHz flimkien ma’ approċċ flessibbli dwar kif tintuża l-banda ta' frekwenzi; dan huwa meħtieġ biex titqies id-diversità rigward is-sinifikat tas-suq tad-DTT fl-Istati Membri.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta tikkontribwixxi lejn il-mira ta’ 1200 MHz għall-broadband mingħajr fili, li huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Deċiżjoni 2012/243/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP). Il-proposta tippromwovi wkoll l-iżvilupp addizzjonali tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva innovattiva skont l-għanijiet tal-RSPP u hija konsistenti mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni 3 u d-Direttiva Qafas 4 , b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 9a ta’ din tal-aħħar.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Din il-miżura leġiżlattiva hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern.
•Sussidjarjetà u proporzjonalità
Kif spjegat ukoll fil-valutazzjoni tal-impatt, is-soluzzjoni skont din il-proposta ta' deċiżjoni hija l-aħjar għażla f’termini ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rispettat peress li l-objettivi tal-inizjattiva ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri individwalment, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi nazzjonali (kemm fil-banda ta' taħt 700 MHz kif ukoll dik ta' 700 MHz).
L-UE għandha tiddeċiedi kif għandha l-intenzjoni li tuża l-banda ta' frekwenzi 700 MHz fil-ġejjieni jekk tixtieq tevita li jkun hemm approċċi nazzjonali diverġenti u jekk trid tillimita l-interferenza transfruntiera. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni komuni mal-Unjoni kollha għall-banda UHF tinħoloq frammentazzjoni li tagħmel ħsara fl-użu tal-banda tal-UHF fi ħdan l-Unjoni. Il-frammentazzjoni twassal għal interferenza transfruntiera, u dan jista’ jaffettwa sa 13% tal-popolazzjoni tal-UE.
Għalhekk, hemm bżonn ta’ deżinjazzjoni kkoordinata u awtorizzazzjoni tal-banda ta’ 700 MHz għall-broadband mingħajr fili sal-2020 u deżinjazzjoni kkoordinata tal-banda ta' taħt 700 MHz għall-flessibbilà fl-użu li tissalvgwardja l-provvista tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva lill-udjenzi tal-massa, kif ukoll l-investimenti f’teknoloġiji iktar effiċjenti, meħtieġa sabiex jitneħħa l-użu attwali tal-banda ta’ 700 MHz mid-DTT.
L-użu flessibbli tal-banda taħt 700 MHz huwa wkoll skont il-prinċipju tal-proporzjonalità peress li jindirizza l-problema u jikseb l-għanijiet bl-aktar mod effiċjenti. It-tneħħija tal-banda kollha ta' taħt 700 MHz għall-broadband mingħajr fili, pereżempju, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ bħalissa biex tiġi sodisfatta d-domanda għall-ispettru ta' taħt 1 GHz sabiex tintlaħaq id-domanda tat-traffiku mingħajr fili. Fl-istess ħin, l-użu flessibbli jipprovdi ċertezza regolatorja għad-DTT fil-banda ta' taħt 700 MHz għal dawk l-Istati Membri li jixtiequ jżommu l-kapaċità tad-DTT attwali tagħhom. Barra minn hekk, jistgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-ispettru bi ftehim ma’ esperti tekniċi nazzjonali fil-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju skont id-Deċiżjoni 676/2002/KE.
•Għażla tal-istrument
L-istrateġija tal-banda tal-UHF tal-Kummissjoni għall-Unjoni se tiġi implimentata abbażi ta’ żewġ strumenti legali. Miżura mhux vinkolanti bħal rakkomandazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill la tagħmel il-koordinazzjoni tal-UE obbligatorja u lanqas teżiġi azzjoni min-naħa tal-Istati Membri. Saret preferenza għal deċiżjoni u mhux għal regolament minħabba li l-miżura toħloq obbligi għall-Istati Membri, iżda mhux intiża li jkollha effetti applikabbli direttament fl-Istati Membri għall-partijiet privati. Deċiżjoni hija wkoll aktar xierqa minn direttiva billi l-abbozz tal-miżura ma jistabbilixxix sett sħiħ ta’ regoli ġenerali li jridu jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali, iżda jinkludi biss għadd limitat ta’ azzjonijiet speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri. Id-Deċiżjoni 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi RSPP pereżempju kienet tinkludi obbligi u azzjonijiet simili għall-Istati Membri fl-Artikolu 6(4) tagħha, u d-Deċiżjonijiet 128/1999/KE, 626/2008/KE u 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ukoll ġew adottati fl-imgħoddi biex jimponu fuq l-Istati Membri obbligi u azzjonijiet ta’ natura simili.
Din il-miżura, skont l-Artikolu 114 tat-TFUE, se tkun akkumpanjata minn deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, adottata permezz ta’ proċedura ta’ komitoloġija skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE 5 , biex tiġi ddeżinjata u tkun disponibbli l-banda ta’ frekwenza 700 MHz għall-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi broadband mingħajr fili f’kundizzjonijiet tekniċi armonizzati żviluppati bl-għajnuna tas-CEPT 6 . Dan l-approċċ intuża wkoll biex tiġi armonizzata l-banda ta' frekwenzi ta’ 800 MHz għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili bis-saħħa tal-RSPP u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/267/UE 7 .
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta ħadet kont tal-kontributi tal-partijiet interessati li ġejjin:
(a)Ir-rapport Lamy 8 , imfassal minn Pascal Lamy innifsu fuq il-bażi tal-ħidma tal-grupp ta’ livell għoli ppresedut minnu;
(b)kontributi għall-konsultazzjoni pubblika 9 dwar ir-rapport Lamy;
(c)ir-rapport RSPG dwar ‘Proposed spectrum coordination approach for broadcasting in the case of a reallocation of the 700 MHz band’ 10 ;
(d)l-Opinjoni tal-RSPG dwar "Long-term strategy on the future use of UHF band (470-790 MHz) in the European Union".
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Saru żewġ studji indipendenti apposta għall-Kummissjoni, li taw kontribut għal din il-proposta. Dawn kienu:
‘Economic and Social Impact of Repurposing the 700 MHz frequency band for Wireless Broadband Services in the European Union’;
‘Challenges and opportunities of broadcast-broadband convergence and its impact on spectrum and network use’.
L-ewwel studju minn dawn it-tnejn janalizza l-ispejjeż tat-tranżizzjonijiet, l-impatt tal-kopertura tal-broadband mingħajr fili li tagħmel użu mill-banda ta' frekwenzi ta' 700 MHz u l-aspetti soċjo-kulturali tar-rikonfigurazzjoni tal-użu tal-ispettru tat-televiżjoni diġitali terrestri (DTT) fil-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz.
It-tieni studju jipprovdi valutazzjoni komprensiva dwar l-opportunitajiet ta' konverġenza bejn id-DTT u l-broadband mingħajr fili wara l-2020.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt li ħejjiet il-Kummissjoni rċeviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju 11 fis-27 ta’ Novembru 2015.
Il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat erba’ alternattivi ta’ politika:
(1)Ebda azzjoni fil-livell tal-Unjoni.
(2)Deżinjazzjoni kkoordinata u awtorizzazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz għall-broadband mingħajr fili sal-2020 u prenotazzjoni tal-banda ta' frekwenzi ta’ 700 MHz għad-DTT u l-PMSE awdjo.
(3)Deżinjazzjoni kkoordinata u awtorizzazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz għall-broadband mingħajr fili sal-2020. Deżinjazzjoni kkoordinata tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz għal użu flessibbli, skont id-domanda nazzjonali b'garanzija tal-provvista kontinwa ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva lill-udjenza tal-massa (b’mod teknoloġikament newtrali), inkluż distribuzzjoni free-to-view, kif ukoll id-disponibbiltà tal-ispettru għall-użu tal-PMSE awdjo. Biex tiġi evitata l-interferenza, l-użu tal-ispettru taħt 700 MHz għandu jkun limitat teknikament għall-mowd ‘downlink-only’ 12 . Din l-għażla tipprovdi wkoll għal żvilupp ta’ strateġija tal-ispettru għal PMSE awdjo li toffri soluzzjoni għat-telf tal-ispettru għal PMSE awdjo fil-banda tal-UHF.
(4)Deżinjazzjoni kkoordinata u awtorizzazzjoni tal-banda tal-UHF kollha għall-broadband mingħajr fili sal-2020.
Il-Kummissjoni għażlet l-għażla nru 3, u għamlitha “l-għażla preferuta” biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika. L-għażla preferuta se tikkontribwixxi għall-miri tal-ispettru fil-livell tal-Unjoni u tal-konnettività. L-użu tal-frekwenza 700 MHz għall-broadband mingħajr fili flimkien mal-ispettru fil-baned ta’ frekwenza ta' 800 MHz u 900 MHz isaħħu l-kapaċità tan-netwerk mobbli. B’dan il-mod, ikun hemm kopertura universali b’veloċitajiet ta’ trażmissjoni għoljin ta’ mill-inqas 30 Mb/s għal kull utent fi ħdan suq rappreżentattiv u kompetittiv ta' 3-4 operaturi. L-2020 bħala l-iskadenza komuni għall-għoti ta' skop ġdid lill-banda ta’ frekwenza ta’ 700 MHz hija xierqa wkoll għax taqbel mal-varar 5G inizjali. L-għażla 3 tipprovdi wkoll ċertezza għal aċċess għall-ispettru fil-banda ta' taħt 700 MHz lil xandara u fornituri ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva lill-pubbliku ġenerali, b’mod partikolari x-xandir diġitali terrestri. Il-flessibbiltà tal-użu għall-ispettru ta' taħt 700 MHz tagħmilha eħfef biex titnaqqas l-interferenza u b'hekk ikun possibbli li tinħoloq “ekosistema” innovattiva li żżid l-investiment u twassal għal mudelli ġodda ta’ negozju.
L-għażla 3 hija appoġġjata mir-riżultat imsemmi iktar ’il fuq tad-WRC-15 kemm għall-banda ta' frekwenzi ta' 700 MHz kif ukoll tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz. Il-banda ta' taħt 700 MHz tibqa’ esklussivament allokata għas-servizzi tax-xandir fl-Ewropa u fl-Afrika, u fil-biċċa l-kbira tal-bqija tad-dinja.
L-ewwel studju msemmi hawn fuq ikkummissjonat mill-Kummissjoni żvela li t-tneħħija tal-banda ta' 700 MHz fl-2020 u l-aġġornament tat-teknoloġija tax-xandir terrestri tal-ġenerazzjoni li jmiss se jiswew bejn EUR 1.2 u 4.4 biljuni. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-ispejjeż se jiġu sostnuti mill-utenti finali meta jkunu qed jaġġornaw it-tagħmir ta’ riċeviment qabel it-tmiem taċ-ċiklu ta’ tiġdid tat-tagħmir normali. L-ispejjeż tal-PMSE awdjo għal tranżizzjoni fl-2020 jammontaw għal EUR 200 miljun, abbażi ta' ċifra fejn 30% tal-utenti tal-PMSE awdjo attwali joperaw fil-banda ta' frekwenzi ta’ 700 MHz. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE jistgħu joffru miżuri ta' appoġġ pubbliku teknoloġikament newtrali li jillimitaw dawn l-ispejjeż, jekk ikunu konsistenti mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat 13 . Barra minn hekk, l-adattament tan-netwerks tad-DTT biex iġorru l-istess ammont ta’ kontenut ipprogrammat b’inqas kapaċità spettrali huwa stmat li jiswa massimu ta’ madwar EUR 890 miljun. B’mod partikolari, dan jista’ jinkludi l-ispejjeż sostnuti mid-detenturi tad-drittijiet li drittijiet tagħhom tal-użu ikunu jeħtieġu li jiġu emendati qabel ma jiskadi l-perjodu li għalih ingħataw. Jekk l-Istati Membri jikkunsidraw miżuri biex jitnaqqsu dawn l-ispejjeż, dawn għandhom jikkonformaw mal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika u mal-prattika ta’ deċiżjoni rilevanti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat 14 kif ukoll il-każistika relatata tal-Qrati tal-UE 15 . F’xi każijiet, fejn tali kumpens ma jaqbiżx il-ħsara ġġenerata mill-irtirar, il-miżuri adottati sabiex jiġi kkumpensat l-irtirar tad-drittijiet jistgħu jkunu f’ċerti ċirkostanzi konsistenti mal-liġi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-istat. Skont l-RSPG, id-drittijiet ta’ użu ngħataw f’14-il Stat Membru jew għal perjodu indefinit jew għal perjodu li jestendi lil hinn mill-2020.
Filwaqt li tqis ir-riżultati tal-irkantijiet tal-ispettru reċenti għall-baned ta' frekwenzi ta’ 800 MHz u ta’ 900 MHz, stima konservattiva tad-dħul ġenerali mill-assenjazzjoni tal-banda ta' frekwenzi ta' 700 MHz fl-UE-28 sal-2020 tkun ta’ madwar EUR 11 biljun, meta l-fatturi l-oħra kollha jibqgħu l-istess.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ebda implikazzjonijiet baġitarji speċifiċi ma huma mistennija għall-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjega dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
B'konformità mal-istrateġija dwar il-banda UHF, din il-proposta tistabbilixxi:
skadenzi għall-għoti ta' skop ġdid lill-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili skont il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati fil-livell tal-Unjoni;
miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-użu tal-ispettru fil-banda tal-UHF;
miżuri għal użu fit-tul tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz, għalkemm dawn se jinkludu analiżi mill-ġdid.
L-Artikolu 1 jistabbilixxi żewġ skadenzi komuni vinkolanti għall-Istati Membri għall-għoti ta' skop ġdid lill-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz għall-broadband mingħajr fili:
il-ftehimiet dwar il-koordinazzjoni transfruntiera jridu jitlestew sa tmiem l-2017;
il-banda ta' frekwenzi ta’ 700 MHz trid tkun disponibbli għal użu effettiv għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili sa nofs l-2020, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-banda ta' frekwenzi 16 .
L-Artikolu 1 jistipula wkoll li l-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz għall-broadband mingħajr fili wara l-iskadenza komuni tal-Unjoni għandu jiġi protett lil hinn mill-fruntieri.
L-Artikolu 2 jeżiġi li l-Istati Membri jagħmlu kummerċjabbli d-drittijiet ta’ użu fil-frekwenza ta' 700 MHz. Dan huwa b’konformità mal-għanijiet ta’ politika u d-dispożizzjonijiet tal-RSPP 17 u d-Direttiva Qafas.
L-Artikolu 3 jeżiġi li l-Istati Membri jikkonsultaw u jikkunsidraw li jieħdu miżuri fil-livell nazzjonali biex jiġi żgurat livell ta’ kwalità għolja ta’ kopertura tal-popolazzjoni tagħhom u tat-territorju meta huma jagħtu d-drittijiet tal-użu tal-banda ta' 700 MHz għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili. L-għan huwa li jinkisbu l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-banda tal-UHF billi jikkontribwixxu biex jingħeleb id-distakk diġitali u jiġi ffaċilitat Internet tal-Oġġetti pervażiv.
L-Artikolu 4 jittratta l-użu fit-tul tal-banda ta’ frekwenzi ta' taħt 700 MHz . Huwa jeżiġi li l-Istati Membri jissalvagwardaw l-użu ta’ din il-banda fit-tul għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva lill-udjenza tal-massa (jew lill-pubbliku ġenerali). Dan għandu jinkludi użu kontinwu għal PMSE awdjo mingħajr fili, skont il-prijoritajiet nazzjonali.
Biex tiġi żgurata l-koerenza tal-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva Qafas, l-obbligu li jiġi ssalvagwardat l-użu tal-banda ta' taħt 700 MHz japplika għall-provvista tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva lill-udjenza tal-massa u mhux għat-tip ta’ teknoloġija mingħajr fili sottostanti jew għat-tip ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika. Għaldaqstant, is-salvagwardja stabbilita fl-Artikolu 4 tipprovdi ċertezza għal aċċess għall-ispettru u tippermetti aktar żvilupp tad-DTT bħala pjattaforma maġġuri għal xandir terrestri ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva lill-pubbliku ġenerali. L-artikolu jippermetti wkoll li tintuża l-banda ta' frekwenzi taħt 700 MHz għal teknoloġija oħra wkoll jew għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika limitati għal downlink-only (jiġifieri min-netwerk lejn it-terminali li jirċievu, bħal settijiet tat-televixin jew tablets).
L-Artikolu 5 jeżiġi li l-Istati Membri jadottaw u jikkomunikaw lill-Unjoni kollha l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tagħhom dwar l-għoti ta' skop ġdid lill-banda ta' frekwenzi ta’ 700 MHz għall-broadband mingħajr fili u l-proċess ta’ tranżizzjoni relatat għall-banda tal-UHF kollha. Din id-dispożizzjoni hija mmotivata mill-pjan direzzjonali ta' tranżizzjoni li dwaru ntlaħaq ftehim fost il-partijiet ikkonċernati (ara l-Anness 2 tar-rapport Lamy). Il-pjan direzzjonali jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri li għandhom jitqiesu fit-tranżizzjoni għal teknoloġiji ġodda tad-DTT flimkien mal-għoti ta' skop ġdid għall-banda ta’ frekwenza 700 MHz. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-impatti fuq iċ-ċittadini u l-intrapriżi jistgħu jkunu limitati permezz ta’ proċess trasparenti.
L-Artikolu 6 jeżiġi li sal-2025 il-Kummissjoni twettaq reviżjoni tal-użu tal-ispettru fil-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 Mhz f'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni trid tirrapporta l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ kwalunkwe proposta għal tibdil regolatorju, li jista’, pereżempju, jibdel is-sustanza jew il-format tas-salvagwardji jew it-tul ta’ żmien tagħhom. Din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni hija konformi ma’ rakkomandazzjoni fir-rapport Lamy. Ir-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-użu tal-ispettru tal-banda ta’ frekwenzi taħt 700 MHz għandha tqis ir-reviżjoni ppjanata ta’ din il-banda fil-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal-ITU tal-2023.
2016/0027 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 18 ,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 19 ,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fil-programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP) stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE 20 , il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxew l-għanijiet li jiġu identifikati tal-inqas 1 200 MHz tal-ispettru adatt għall-broadband mingħajr fili tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni sal-2015, li jingħata appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva innovattivi billi jiġi żgurat spettru suffiċjenti għall-provvista satellitari u terrestri ta’ servizzi bħal dawn, jekk il-ħtieġa tkun sostanzjata b’mod ċar, u li jiġi żgurat spettru suffiċjenti għal ħolqien ta’ programmi u avvenimenti speċjali (PMSE).
(2)Fl-istrateġija tagħha għas-suq uniku diġitali (DSM) 21 , il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ banda ta' frekwenzi ta' 694-790 MHz ("700 MHz”) biex tiżgura l-provvista ta’ servizzi tal-broadband f’żoni rurali u tenfasizza l-ħtieġa għal rilaxx ikkoordinat ta’ dik il-banda ta’ frekwenzi, filwaqt li takkomoda l-ħtiġijiet speċifiċi tad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva.
(3)Spettru fil-banda ta’ frekwenzi ta' 470-790 MHz huwa vantaġġ siewi għall-varar kosteffikaċi ta’ netwerks mingħajr fili b'kopertura universali fuq ġewwa u fuq barra. Dan l-ispettru bħalissa qed jintuża fl-Unjoni kollha għat-televiżjoni diġitali terrestri (DTT) u t-tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE. Huwa jappoġġja l-iżvilupp tas-setturi tal-midja, is-setturi kulturali u kreattivi, li jistrieħu b’mod estensiv fuq din ir-riżorsa tal-ispettru mingħajr fili fil-provvista ta’ kontenut lil udjenzi tal-massa.
(4)Għar-Reġjun 1, li jinkludi l-Unjoni, ir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni adottati mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni allokaw il-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz għas-servizz tax-xandir u tal-mowbajls (ħlief il-mowbajl aeronawtiku) fuq bażi koprimarja, u l-banda ta' frekwenzi 470-694 MHz ("taħt 700 MHz”) esklużivament għas-servizz tax-xandir, fuq bażi primarja, u għall-użu tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, fuq bażi sekondarja.
(5)Minħabba t-traffiku tal-broadband mingħajr fili li dejjem qed jikber b'mod rapidu, il-kapaċità msaħħa tan-netwerk mingħajr fili saret neċessità. Spettru fil-banda ta' frekwenzi ta’ 700 MHz jipprovdi kemm kapaċità addizzjonali u kopertura universali, b’mod partikolari għaż-żoni rurali u remoti ekonomikament diffiċli, għall-użu fuq ġewwa, kif ukoll għal komunikazzjonijiet tat-tip mekkanizzat fuq firxa wiesgħa. F’dan il-kuntest, il-miżuri koerenti għal kopertura terrestri mingħajr fili ta’ kwalità għolja madwar l-Unjoni, li jserrħu fuq l-aħjar prattika nazzjonali għall-obbligi ta' liċenzja għall-operaturi, għandhom jimmiraw li jilħqu l-objettiv tal-RSPP li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal veloċitajiet tal-broadband ta’ mhux anqas minn 30 Mb/s sal-2020. B’dan il-mod, il-miżuri se jippromwovu servizzi diġitali innovattivi u jiżguraw benefiċċji soċjoekonomiċi fit-tul.
(6)Il-qsim tal-ispettru fi ħdan banda ta’ frekwenzi komuni bejn użu tal-broadband mingħajr fili bidirezzjonali (uplink u downlink), minn naħa, u xandir televiżiv unidirezzjonali jew użu tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, min-naħa l-oħra, huwa teknikament diffiċli. Dan ifisser li l-għoti ta' skop ġdid għall-banda ta' frekwenzi ta’ 700 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili, bidirezzjonali u terrestri, iċaħħad lill-utenti tad-DTT u tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE minn parti ta’ riżorsi tal-ispettru tagħhom. Is-setturi tal-PMSE u tad-DTT għalhekk jeħtieġu prevedibbiltà regolatorja fit-tul dwar id-disponibbiltà ta’ spettru suffiċjenti, sabiex ikunu jistgħu jitħarsu l-għoti sostenibbli u l-iżvilupp ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari tat-televiżjoni free-to-view. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni biex jiżguraw riżorsi addizzjonali tal-ispettru għall-użu tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE barra l-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz.
(7)Fir-rapport tiegħu lill-Kummissjoni (“ir-rapport Lamy”) 22 , Pascal Lamy, President tal-Grupp ta’ livell għoli dwar l-użu fil-ġejjieni tal-banda ta' frekwenzi 470-790 MHz, irrakkomanda li l-frekwenza 700 MHz issir disponibbli għall-broadband mingħajr fili sal-2020 (+/- sentejn). Dan se jgħin biex jintlaħaq l-għan fit-tul ta’ prevedibbiltà regolatorja għad-DTT biex jinkiseb aċċess għal banda ta’ frekwenzi ta’ taħt 700 MHz sal-2030, għalkemm dan għandu jiġi rivedut sal-2025. Ir-rapport Lamy jirrakkomanda wkoll flessibbiltà nazzjonali fl-użu tal-ispettru tal-banda ta’ frekwenzi ta’ taħt 700 MHz, li huwa limitat għal downlink-only. Id-downlink-only hija r-restrizzjoni tat-trażmissjonijiet kollha f'sistema mingħajr fili, tkun xi tkun it-teknoloġija tagħha, għat-trażmissjoni unidirezzjonali minn stazzjonijiet ta' infrastruttura ċentrali bħal torri tax-xandir tat-TV jew stazzjon ta' bażi mobbli lejn terminali portabbli jew mobbli bħal settijiet tat-televixin jew settijiet tat-telefown ċellulari.
(8)Il-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) jirrakkomanda fl-opinjoni tiegħu dwar strateġija fit-tul għall-użu fil-ġejjieni tal-banda ta’ frekwenzi ta' 470-790 MHz fl-Unjoni (“Opinjoni tal-RSPG”) l-adozzjoni ta’ approċċ koordinat fl-Unjoni kollha biex il-banda ta' frekwenzi ta’ 700 MHz issir disponibbli għal użu effettiv għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili sa tmiem l-2020. Dan għandu jsir flimkien ma’ garanzija ta' disponibbiltà fit-tul sal-2030 tal-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz għall-forniment ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva downlink-only. L-RSPG jirrakkomanda, b’mod partikolari, l-introduzzjoni tal-flessibilità sabiex il-banda ta' frekwenzi ta' taħt 700 MHz tista’ tintuża wkoll għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għal finijiet ta’ downlink-only.
(9)Billi xi Stati Membri diġà nedew jew lestew proċess nazzjonali li jawtorizzaw l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz għal servizzi ta' komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili, terrestri u bidirezzjonali, l-Unjoni għandha tieħu azzjoni immedjata sabiex tevita l-frammentazzjoni tas-suq uniku. Dak li hemm bżonn huwa approċċ koordinat tal-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fil-ġejjieni, li għandu wkoll jipprovdi prevedibbiltà regolatorja, jibbilanċja d-diversità bejn l-Istati Membri b'għanijiet ta' suq uniku u jippromwovi pożizzjoni koerenti tal-Unjoni fix-xena internazzjonali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jintalbu li jagħtu skop ġdid lill-banda ta' frekwenzi ta' 700 MHz b’mod f’waqtu skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.
(10)L-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta' 700 MHz minn applikazzjonijiet oħra f’pajjiżi barra mill-Unjoni, kif permess minn ftehimiet internazzjonali jew f’partijiet tat-territorju nazzjonali barra l-kontroll effettiv tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, jista' jillimita l-użu tal-banda għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika terrestri tal-broadband mingħajr fili f’xi Stati Membri. Dan iżommhom lura milli jikkonformaw mal-iskeda komuni stabbilita fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimminimizzaw id-durata u l-firxa ġeografika ta’ dawn il-limitazzjonijiet u jfittxu l-għajnuna tal-Unjoni, fejn meħtieġ, skont l-Artikolu 10(2) tal-RSPP. Huma għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni dwar dawn il-limitazzjonijiet skont l-Artikoli 6(2) u 7, u l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE 23 .
(11)L-użu tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband terrestri mingħajr fili għandu jkun suġġett għal reġim flessibbli ta’ awtorizzazzjoni mill-aktar fis possibbli. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà għad-detenturi tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru li jinnegozjaw u jikru d-drittijiet eżistenti tagħhom fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 9, 9a u 9b tad-Direttiva 2002/21/KE 24 .
(12)F’konformità mal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Istati Membri għandhom japplikaw approċċ flessibbli fejn ikun possibbli u jistgħu jippermettu l-introduzzjoni ta’ użu downlink-only alternattiv bħas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika terrestri tal-broadband mingħajr fili fil-banda ta' frekwenzi ta’ taħt 700 MHz skont il-ħtiġijiet nazzjonali għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva lill-udjenza tal-massa. Meta jipermettu l-użu downlink-only fil-banda ta’ frekwenzi taħt 700 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika terrestri tal-broadband mingħajr fili, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-użu ma jaffettwax l-użu ta’ banda taħt 700 MHz għax-xandir diġitali terrestri fi Stati Membri ġirien, kif previst fil-ftehim fil-Konferenza Reġjonali dwar it-Telekomunikazzjoni tal-2006 25 .
(13)Fi kwalunkwe każ, l-użu tal-ispettru fil-banda ta’ frekwenzi 470-694 MHz għandu jkun ivvalutat mill-ġdid fil-livell tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2025. Tali valutazzjoni għandha tqis ukoll ir-rieżami ppjanat ta’ din il-banda ta’ frekwenzi fil-Konferenza tar-Radjukomunikazzjoni Dinjija fl-2023. It-tibdil fl-użu tal-banda ta' frekwenzi taħt 700 MHz għandu jqis l-iżviluppi teknoloġiċi, l-imġieba tal-konsumatur, l-importanza li jitkompla l-forniment ta’ servizz ta’ televiżjoni bla ħlas 26 u tal-objettivi soċjali, ekonomiċi u kulturali ta’ interess ġenerali. F’dan il-kuntest jinħtieġu studji dwar il-kundizzjonijiet tekniċi u regolatorji għal koeżistenza bejn użi tal-ispettru attwali u ġodda fil-banda ta’ frekwenza taħt 700 MHz. Dawn jiżguraw koerenza bejn l-approċċi meħuda minn Stati Membri differenti dwar użu flessibbli u effiċjenti tal-ispettru u jippermettu miżuri tekniċi armonizzati għall-użu u l-koeżistenza f’din il-banda. Studji u miżuri bħal dawn jistgħu jiġu żviluppati skont id-Deċiżjoni 676/2002/KE.
(14)L-Istati Membri għandhom jadottaw pjanijiet nazzjonali koerenti li jiffaċilitaw l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika terrestri tal-broadband mingħajr fili filwaqt li jiżguraw l-kontinwità tas-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni li jiżgombraw il-banda. Ladarba jiġu adottati, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-pjanijiet direzzjonali b’mod trasparenti mal-Unjoni kollha. Il-pjanijiet direzzjonali għandhom ikopru attivitajiet u perjodi ta' żmien għall-ippjanar mill-ġdid tal-frekwenzi, l-iżviluppi tekniċi għal tagħmir ta' netwerk u tal-utent aħħari, il-koeżistenza bejn tagħmir tar-radju u tagħmir mhux tar-radju, ta' reġimi eżistenti u ta' oħrajn ġodda ta’ awtorizzazzjoni u informazzjoni dwar il-possibbiltà li jingħata kumpens għal spejjeż ta’ migrazzjoni, fejn dawn jinqalgħu, sabiex jiġu evitati, inter alia, l-ispejjeż għall-utenti finali. Fejn l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni li jżommu d-DTT, il-pjanijiet direzzjonali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex jiffaċilitaw aġġornamenti ta’ tagħmir tax-xandir għal aktar teknoloġiji effiċjenti fl-ispettru bħal formati vidjo avvanzati (eż. HEVC) jew teknoloġiji ta’ trażmissjoni tas-sinjal (eż. DVB-T2).
(15)L-ambitu u l-mekkaniżmu ta’ kumpens possibbli sabiex titlesta t-tranżizzjoni fl-użu tal-ispettru fi ħdan il-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz għandhom ikunu analizzati skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti kif previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/20/KE 27 , u jridu jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE.
(16)Minħabba li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-iżgurar ta' tranżizzjoni kkoordinata fl-użu tal-ispettru tal-banda ta' frekwenzi ta' 470-790 MHz fl-Unjoni skont għanijiet komuni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
(1)Sat-30 ta’ Ġunju 2020, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 694-790 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili biss taħt kundizzjonijiet tekniċi armonizzati stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 676/2002/KE. Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-proċess ta’ awtorizzazzjoni jew jemendaw id-drittijiet eżistenti rilevanti għall-użu tal-ispettru skont id-Direttiva 2002/20/KE, sabiex jippermettu dak l-użu.
(2)Sabiex jippermettu l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 694-790 MHz skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta’ Diċembru 2017, jikkonkludu l-ftehimiet ta’ koordinazzjoni tal-frekwenza transftuntiera kollha meħtieġa fi ħdan l-Unjoni.
(3)L-Istati Membri ma għandhomx ikunu marbutin mill-obbligi li hemm fil-paragrafi 1 u 2 f’żoni ġeografiċi fejn il-koordinazzjoni tal-frekwenzi ma' pajjiżi mhux tal-Unjoni tibqa’ mhux solvuta, sakemm l-Istati Membri jagħmlu kull sforz possibbli biex jiġu mminimizzati d-durata u l-ambitu ġeografiku ta’ din il-koordinazzjoni mhux solvuta u jirrapportaw annwalment ir-riżultati lill-Kummissjoni sakemm il-kwistjonijiet tal-koordinazzjoni pendenti jkunu ġew solvuti. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għall-problemi ta' koordinazzjoni tal-ispettru fir-Repubblika ta' Ċipru li jirrizultaw mill-fatt li l-Gvern ta' Ċipru ma jistax jeżerċita kontroll effettiv f'parti mit-territorju tiegħu.
Artikolu 2
Sat-30 ta’ Ġunju 2022, l-Istati Membri għandhom jippermettu t-trasferiment jew it-twellija ta’ drittijiet tal-użu tal-ispettru għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-banda ta’ frekwenzi 694-790 MHz.
Artikolu 3
Meta l-Istati Membri jawtorizzaw l-użu tal-banda ta’ frekwenza 694-790 MHz jew jemendaw id-drittijiet eżistenti li jużaw il-banda ta’ frekwenzi 694-790 MHz, huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġi żgurat livell ta’ kwalità għolja ta’ kopertura tal-popolazzjoni tagħhom u t-territorju b’veloċità ta’ mill-inqas 30 Mb/s, kemm ġewwa kif ukoll barra, inkluż f’żoni ta’ prijorità nazzjonali stabbiliti minn qabel, fejn meħtieġ, u tul rotot ewlenin tat-trasport terrestri. Tali miżuri jistgħu jinkludu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw jew jinkoraġġixxu l-qsim tal-infrastruttura tan-netwerk jew tal-ispettru f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.
Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw u jikkonsultaw lil xulxin dwar il-ħtieġa li jintehmżu kundizzjonijiet għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi fi ħdan il-banda ta’ frekwenzi 694-790 MHz.
Artikolu 4
(1)L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-banda ta’ frekwenzi 470-694 MHz jew partijiet mill-banda għall-provvista ta’ servizzi terristri tal-midja awdjoviżiva lil udjenzi tal-massa, inkluż it-televiżjoni mingħajr ħlas, u għall-użu minn tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, abbażi tal-ħtiġijiet nazzjonali tax-xandir. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe użu ieħor tal-banda ta’ frekwenzi 470-694 MHz fit-territorju tagħhom ma jikkawżax interferenza dannuża lill-provvista terrestri ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva fi Stat Membru ġar.
(2)Jekk l-Istati Membri jawtorizzaw l-użu tal-ispettru fil-banda ta’ frekwenzi 470-694 MHz għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika minbarra netwerks ta' xandir televiżiv, użu bħal dan għandu jkun limitat għal downlink-only. Użu bħal dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali u mil-liġi tal-Unjoni.
Artikolu 5
Sat-30 ta’ Ġunju 2017, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-pjan nazzjonali tagħhom u l-iskeda (“pjan direzzjonali nazzjonali”) biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 1 u 4 ta’ din id-Deċiżjoni.
Sabiex jiġi żgurat li l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 694-790 MHz huwa f’konformità mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jinkludu fil-pjani direzzjonali nazzjonali tagħhom, fejn xieraq, informazzjoni dwar miżuri biex jillimitaw l-impatt tal-proċess ta’ tranżizzjoni li jmiss fuq il-pubbliku u fuq l-utenti ta’ tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE u biex jiffaċilitaw id-disponibbiltà f’waqtha ta’ tagħmir u ta' riċevituri interoperabbli tan-netwerk ta’ xandir televiżiv fis-suq intern.
Artikolu 6
Sal-1 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha twettaq valutazzjoni u tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament dwar l-iżviluppi fl-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-694 MHz, filwaqt li tqis l-aspetti soċjali, ekonomiċi, kulturali u teknoloġiċi li jaffettwaw l-użu tal-banda skont l-Artikoli 1 u 4. Ir-rapport għandu jivvaluta jekk ikunx meħtieġ li jinbidel l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-694 MHz, jew xi parti minnha, fl-Unjoni.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President