Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016JC0021

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku

    JOIN/2016/021 final

    Brussell, 27.4.2016

    JOIN(2016) 21 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku


    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA

    LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku

    INTRODUZZJONI

    Approċċ sikur, stabbli, sostenibbli u ta' prosperità għall-Artiku huwa importanti mhux biss għar-reġjun innifsu, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea (UE) u għad-dinja. L-UE għandha interess strateġiku li taqdi rwol ewlieni fir-reġjun tal-Artiku.

    Tmien stati għandhom territorji fl-Artiku: Il-Kanada, ir-Renju tad-Danimarka 1 , il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja, ir-Russja, l-Iżvezja u l-Istati Uniti. Tliet Stati Membri tal-UE huma għalhekk ukoll Stati tal-Artiku, filwaqt li l-Iżlanda u n-Norveġja huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea 2 . Fl-Artiku jgħixu diversi popli indiġeni 3 . Ir-reġjun Artiku jinkludi wkoll l-Oċean Arktiku u l-ibħra li jmissu miegħu. Filwaqt li l-Istati tal-Artiku għandhom responsabbiltà primarja biex jiġu ffaċċjati kwistjonijiet fit-territorji tagħhom, ħafna mill-kwistjonijiet li jaffettwaw ir-reġjun Artiku li huma diskussi f’din il-Komunikazzjoni Konġunta jistgħu jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali jew multilaterali. Din hija r-raġuni għaliex l-impenn tal-UE huwa importanti.

    Filwaqt li tibni fuq inizjattivi preċedenti 4 , din il-Komunikazzjoni Konġunta tistabbilixxi l-każ għal politika tal-UE li tiffoka fuq l-avvanz tal-kooperazzjoni internazzjonali b’reazzjoni għall-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-ambjent fraġli tal-Artiku, u tippromwovi u tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fil-parti Ewropea tal-Artiku.

    F’dawn l-aħħar snin, ir-rwol tal-Artiku fit-tibdil fil-klima sar ħafna aktar prominenti 5 . L-Artiku qed jisħon bir-rata li kważi hija d-doppju tar-rata medja globali. Filwaqt li fl-imgħoddi, l-attenzjoni ffokat kważi esklużivament fuq l-effetti tat-tibdil fil-klima fl-Artiku, aktar reċentement kien hemm kuxjenza dejjem tikber li ċ-ċirku vizzjuż qed jibdel l-Artiku f’kontributur għat-tibdil fil-klima. Fehim ta' din id-dinamika, u għajnuna biex jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Artiku, se jifformaw parti minn sforzi iktar mifruxa tal-UE biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima 6 .

    L-istrateġiji ta’ adattament huma meħtieġa biex jgħinu l-abitanti tal-Artiku jwieġbu għall-isfidi serji li jiffaċċjaw minħabba t-tibdil fil-klima. Il-politika tal-UE dwar l-Artiku se tkun element importanti fl-implimentazzjoni tal-ftehim globali milħuq waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Diċembru 2015, li tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni globali li jillimita t-tisħin globali għal ferm anqas minn 2 °C. Għall-Unjoni Ewropea, il-Ftehim ta’ Pariġi huwa ftehim ambizzjuż, bilanċjat, ġust u legalment vinkolanti u huwa punt deċiżiv fil-bidla lejn azzjoni globali komprensiva u kollettiva kontra t-tibdil fil-klima. Meta jiġi implimentat, il-Ftehim ta’ Pariġi għandu jħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija globali newtrali għall-klima u reżistenti għat-tibdil fil-klima.

    Minħabba r-rwol importanti tal-Artiku bħala regolatur tal-klima tal-pjaneta u li jaġixxi bħala reċipjent tat-tniġġis fuq distanzi twal, l-UE għandha d-dmir li tipproteġi l-ambjent Artiku u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistema.

    L-UE għandha wkoll tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli fl-Artiku, filwaqt li tqis l-għajxien tradizzjonali ta’ dawk li jgħixu fir-reġjun u l-impatt tal-iżvilupp ekonomiku fuq l-ambjent fraġli tal-Artiku. L-UE għandha tikkontribwixxi biex tiżdied ir-reżiljenza ambjentali, soċjali u ekonomika tas-soċjetajiet fl-Artiku.

    Għadd ta’ attivitajiet u deċiżjonijiet tal-UE qed ikollhom impatt fuq l-iżviluppi ekonomiċi fir-reġjun Artiku 7 . Pereżempju, l-UE hija konsumatur ewlieni tal-prodotti provenjenti minn Stati Artiċi, bħal prodotti tal-ħut u l-enerġija 8 . L-investiment minn kumpaniji Ewropej jista' jgħin biex jiġi avvanzat l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun, possibbilment bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u inizjattivi taħt il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Rapport reċenti ta estimi ta’ opportunitajiet ta’ investiment fir-reġjun ta’ Barents waħdu għal 140 biljun EUR 9 . “Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti”, flimkien ma’ finanzjament tal-UE, jistgħu jgħinu jiżviluppaw il-mudelli lokali ta’ tkabbir sostenibbli u ħolqien ta’ impjiegi fl-Artiku Ewropew b’benefiċċji potenzjali madwar l-UE. Il-Presidenza Finlandiża li jmiss tal-Kunsill tal-Artiku (2017–2019) se toffri opportunità biex tressaq ideat u inizjattivi Ewropej fil-ħidma tal-Kunsill Artiku.

    F’dawn l-aħħar snin, ir-reġjun Artiku kiseb profil ogħla fir-relazzjonijiet internazzjonali minħabba żieda fl-importanza ambjentali, soċjali, ekonomika u strateġika. L-UE diġà tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għar-riċerka dwar l-Artiku, osservazzjoni bis-satellita u l-iżvilupp reġjonali kif ukoll għall-ħidma tal-Kunsill tal-Artiku 10 , fejn pajjiżi li mhumiex fl-Artiku bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea ta’ Isfel u Singapor issa għandhom status ta’ osservaturi.

    Filwaqt li l-bidliet li jaffettwaw l-Artiku joffru opportunitajiet għall-komunitajiet lokali, għandhom ukoll il-potenzjal li jżidu t-tensjonijiet fir-reġjun, pereżempju permezz ta’ kompetizzjoni għar-riżorsi u b'żieda fl-attività ekonomika. L-oqfsa legali internazzjonali, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, tkopri wkoll l-Artiku. Issa huwa iktar importanti minn qatt qabel li jkun żgurat li l-Artiku jibqa’ żona ta’ paċi, prosperità u kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva.

    L-oċeani tad-dinja huma riżorsi importanti iżda qed tiżdidilhom il-pressjoni u hemm riskju ta' ħsara ulterjuri jekk iż-żieda fl-attività ma tiġix ġestita kif xieraq. Huwa f’dan il-kuntest li l-UE qed tfittex li tavvanza l-aġenda dwar il-governanza tal-oċeani. Il-ħtieġa għal qafas solidu għal amministrazzjoni tajba hija partikolarment għolja fl-Artiku: partijiet kbar taż-żona ta' ibħra miftuħa lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali bħalissa mhumiex koperti minn arranġamenti speċifiċi għall-ġestjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi, u lanqas m’hemm biżżejjed tagħrif xjentifiku dwar il-baċir tal-baħar. Għalhekk għandna quddiemna ħafna xogħol biex jiġu protetti l-ibħra internazzjonali tal-Artiku minħabba t-tibdil fil-klima u ż-żieda fl-attività tal-bniedem fir-reġjun.

    F’dan l-isfond, għadd ta’ Stati Membri ħarġu oqfsa ta’ politika nazzjonali dwar l-Artiku f’dawn l-aħħar snin 11 . Fl-2014, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew talbu lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tiżviluppa politika integrata dwar kwistjonijiet tal-Artiku, u biex tiżviluppa qafas aktar koerenti għal azzjoni tal-UE u programmi ta’ finanzjament. Bi tweġiba, il-politika tal-UE dwar l-Artiku hija għalhekk proposta fi tliet oqsma prijoritarji:

    1.It-Tibdil fil-Klima u l-Ħarsien tal-Ambjent Artiku;

    2.Żvilupp Sostenibbli fl-Artiku u madwaru;

    3.Kooperazzjoni Internazzjonali dwar Kwistjonijiet tal-Artiku.

    L-UE għandha tagħti importanza partikolari lir-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni li għandhom rwol ċentrali fit-tliet oqsma ta’ prijorità. Azzjoni fl-oqsma prijoritarji għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tkun konformi mal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2015.

    1.IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-ĦARSIEN TAL-AMBJENT ARTIKU

    Il-kwistjonijiet

    It-tibdil fil-klima jippreżenta riskju sinifikanti. L-effetti tiegħu huma tanġibbli fl-Artiku, fejn is-silġ tal-baħar fis-sajf naqas b’iktar minn 40 % mill-1979 'il hawn 12 . Ekosistemi tal-Artiku delikati huma mhedda u l-għajxien tal-popli indiġeni qed jiġu direttament affettwati mit-tibdil fil-klima. F’wieħed mill-ikseħ partijiet tad-dinja, il-permafrost qed jinħall u qed jikkawża l-art li tirtira, tnaqqis tal-habitats u ħsara fl-infrastruttura hekk kif isir dan, b’telf potenzjali stmat f’mijiet ta’ biljuni ta’ euro 13 . It-temperaturi dejjem jogħlew qed jikkontribwixxu għat-tidwib tas-saff tas-silġ ta’ Greenland, li jżid il-livelli dejjem jogħlew tal-baħar, u għandhom rwol fix-xejriet tax-xita fl-emisfera tat-tramuntana.

    Il-ġestjoni ta' dawn l-iżviluppi teħtieġ kooperazzjoni aktar mill-qrib u aktar integrata dwar l-adattament klimatiku fl-Artiku kif ukoll tnaqqis tal-gassijiet b’effett serra.

    Skont il-Panel Internazzjonali dwar il-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima, it-temperaturi tal-permafrost żdiedu f’bosta reġjuni sa mill-bidu tas-snin tmenin 14 . Il-gassijiet b’effett serra qed joħorġu mill-permafrost u jidħlu fl-atmosfera b’rata li kulma jmur qed tiżdied. It-tidwib tal-permafrost għandu l-potenzjal li jirrilaxxa d-dijossidu tal-karbonju u l-metan — ekwivalenti għal diversi drabi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra tal-lum minn sorsi sintetiċi bħal pereżempju l-użu tal-karburanti fossili. Dan jista’ jibdel l-Artiku kif ukoll il-klima globali.

    Fl-Artiku hemm diversi ekosistemi sensittivi li fihom jgħixu ħafna speċijiet endemiċi. Aktar minn nofs l-artijiet mistagħdra tad-dinja, kruċjali għall-purifikazzjoni tal-ilma, il-kontroll tal-għargħar u l-istabbiltà tal-kosta, huma fl-Artiku u r-reġjuni sotto-Artiċi. L-ekosistemi marittimi Artiċi huma kruċjali għas-sajd minħabba r-rwol tal-ħut li jinsab fil-qiegħ ta' katini alimentari importanti. Dawn l-ekosistemi mhumiex biss milquta mit-tibdil fil-klima, iżda wkoll mit-tniġġis u l-ispeċijiet aljeni invażivi. Il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-vijabbiltà tal-ekosistemi fl-Artiku se jibqgħu sfida globali.

    Reazzjoni politika

    1.1 Riċerka

    Fundamentali għar-rispons tagħna huwa fehim aħjar tal-iżviluppi li qed jiffaċċja r-reġjun, u għal din ir-raġuni l-UE hija kontributur ewlieni għar-riċerka fl-Artiku. L-isforzi matul l-aħħar għexieren ta’ snin kienu ffukati fuq programmi għall-osservazzjoni u l-monitoraġġ tal-Artiku kif ukoll għadd kbir ta’ proġetti ta’ riċerka, imma madankollu l-fehim tas-sistemi tal-Artiku, il-funzjoni tagħhom u r-risposti possibbli għal diversi kontributuri jibqgħu mhux magħrufa.

    L-UE mistennija li żżomm il-livelli ta’ finanzjament attwali għar-riċerka fl-Artiku (madwar EUR 200 miljun f’dawn l-aħħar għaxar snin) taħt il-programm Orizzont 2020 (2014–2020). L-UE diġà impenjat EUR 40 miljun bil-programm ta’ ħidma 2016–2017 għar-riċerka relatata mal-Artiku. Dan il-programm se jiffoka fuq is-sistema ta’ osservazzjoni integrata, l-istudju tal-impatt tal-bidliet fl-Artiku fuq it-temp u l-klima fl-emisfera tat-tramuntana, u l-effett tat-tibdil fil-klima fuq il-Permafrost fl-Artiku u l-impatt soċjoekonomiku tagħha. Barra minn hekk, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) ukoll jipprovdu finanzjament għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tat-tibdil fil-klima u tal-ambjent fl-Artiku.

    Parti ċentrali tal-isforzi ta’ riċerka tal-UE dwar l-Artiku se tkun l-inizjattiva EU-PolarNet, li tappoġġa konsorzju ta’ kompetenza u infrastrutturi madwar l-UE għar-riċerka polari biex tassimila aħjar il-kapaċitajiet operazzjonali u xjentifiċi tal-Ewropa fir-reġjuni polari. 22 istituzzjoni ta’ riċerka Ewropej se jiżviluppaw u jwettqu programm ta’ riċerka Ewropew integrat taħt EU-PolarNet. Il-proġett jinvolvi wkoll ħidma ma’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka mill-Kanada, ir-Russja u l-Istati Uniti.

    Ir-riċerka tal-UE dwar it-tibdil fil-klima fl-Artiku se tiġi appoġġata wkoll mill-programmi spazjali tal-UE. Infrastruttura u servizzi operattivi ta’ Copernicus se jipprovdu kontribut għall-attivitajiet ta' riċerka fl-Artiku, inkluż monitoraġġ tat-temp, monitoraġġ ta’ parametri klimatiċi u tal-ħxuna tas-silġ, u titjib tal-immudellar tal-oċean. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ Svalbard Integrated Arctic Earth Observing System — infrastruttura ta' riċerka multidixxiplinarji u multinazzjonali li hija ġeografikament imqassma madwar Svalbard li se tikkontribwixxi għall-monitoraġġ pan-Artiku fil-futur.

    L-UE għandha tkompli tippromwovi u tiffaċilita kooperazzjoni xjentifika internazzjonali permezz ta’ appoġġ għall-aċċess transnazzjonali għall-infrastruttura tar-riċerka u ta’ riżorsi ta’ dejta miftuħa biex itejbu r-rabtiet politiċi u ekonomiċi u biex iżommu relazzjonijiet tajba ma’ pajjiżi ewlenin fir-reġjun. Barra minn hekk, l-UE għandha tkompli tappoġġa l-ħidma tal-Grupp ta’ Uffiċjali Anzjani 15 dwar infrastrutturi tar-riċerka internazzjonali.

    Finalment, l-UE tikkontribwixxi permezz ta' Orizzont 2020 għal inizjattivi ta' osservazzjoni pan-Artiċi bħal dawk promossi mill-Kunsill Artiku mas-SAON jew 16 l-Inizjattiva ta' Reġjun Kiesaħ tal-GEO 17 , bil-għan li jitħejja permezz tar-riċerka l-istabbiliment ta' sistemi operattivi għal tul ta' żmien.

    1.2 Strateġiji ta' mitigazzjoni u ta' adattament għall-klima

    Biex twieġeb għal din l-isfida tat-tibdil fil-klima fl-Artiku, l-għan tal-UE huwa f'konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi biex jillimita ż-żidiet fit-temperatura medja globali għal inqas sew minn 2 °C u biex isir sforz biex iż-żieda fit-temperatura tkun limitata għal 1,5 °C. L-UE diġà impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet totali tagħha ta’ gassijiet serra b'40 % sal-2030 u bi 80 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-impenn tal-2030 se jinkiseb permezz ta’ implimentazzjoni tal-kontribut determinat tal-UE maħsub nazzjonalment skont il-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE impenjat ruħha wkoll li tonfoq 20 % tal-baġit tal-UE għal objettivi marbutin mal-klima.

    Billi t-tibdil fil-klima huwa sfida ċirkumpolari, l-UE hija lesta li taħdem mal-Istati tal-Artiku, mal-popli indiġeni u fora reġjonali u multilaterali tal-Artiku rilevanti biex jiskambjaw esperjenza, kompetenza u informazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, l-impatti, l-adattament u r-reżiljenza, bil-ħsieb li tiġi żviluppata aġenda ambizzjuża dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fir-reġjun tal-Artiku.

    L-UE għandha taħdem mar-reġjuni fl-Artiku biex ifasslu miżuri xierqa ta’ adattament u mitigazzjoni li jqisu ċ-ċirkostanzi lokali u n-natura speċjali tar-reġjuni tal-Artiku. Tista’ tagħmel dan parzjalment permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) 18 , li jintegraw l-azzjoni għall-klima.

    Flimkien mal-impenji tagħha tas-CO2 għall-2030 u l-2050, l-UE għandha tikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali biex jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu b’ħajja qasira bħalma huma l-karbonju iswed u l-metan li jħaffu iktar bidliet klimatiċi fl-Artiku. Il-karbonju iswed jiġi min-nugrufun u huwa sa 1 500 darba aktar b’saħħtu mis-CO2, u jżid ir-rata ta’ tidwib tas-silġ u l-borra. Il-metan huwa gass serra ieħor, 20 darba aktar qawwi mis-CO2, b’riżervi vasti proġettati li huma maħżuna taħt l-Permafrost fl-Artiku. L-UE tista’ tillimita l-emissjonijiet permezz ta’: il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transfruntiera tal-Arja fuq Distanza Twila (CLRTAP tal-UNECE); verżjoni emendata tal-Protokoll ta’ Gothenburg, li hija l-proposta tal-Kummissjoni dwar Pakkett dwar il-Kwalità tal-Arja; il-Koalizzjoni favur il-Klima u l-Arja Nadifa; u impenn f'inizjattivi tal-Kunsill tal-Artiku bħat-Task Force dwar il-Karbonju Iswed u l-Metan.

    1.3 Ħarsien tal-Ambjent

    L-UE għandha l-għan li tipproteġi, tippreserva u ttejjeb l-ambjent, inkluż fir-reġjun usa’, għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. L-UE għandha tkompli timpenja ruħha fi ftehimiet ambjentali u multilaterali li għandhom ukoll rilevanza partikolari fl-Artiku, u tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tagħhom 19 . L-UE għandha tinkoraġġixxi r-rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS, li huma meqjusa bħala dritt internazzjonali konswetudinarju, inkluż l-obbligu tal-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent marittimu.

    L-UE għandha taħdem ukoll mal-imsieħba biex tippromwovi livell għoli ta’ protezzjoni tal-bijodiversità bl-għan li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u li jintlaħqu l-miri globali għall-bijodiversità fl-2020. L-UE għandha tippromwovi l-istabbiliment ta’ żoni tal-baħar protetti fl-Artiku; dawn l-oqsma huma element importanti fl-isforz biex titħares il-bijodiversità. L-UE għandha taħdem ukoll mal-Istati tal-Artiku u sħab internazzjonali oħra sabiex jiġi żviluppat strument taħt l-UNCLOS għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marittima f’żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali.

    L-abitanti tal-Artiku qed ibatu dejjem aktar minn livelli għolja ta’ sustanzi li jniġġsu u metalli tqal li jispiċċaw fil-katina tal-ikel tal-Artiku  20 .L-UE għandha tkompli tappoġġa l-ħidma fil-livell internazzjonali li tipprojbixxi jew telimina gradwalment l-użu ta’ pollutanti organiċi persistenti fl-ambjent bejn issa u l-2020 21 . L-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma mill-Istati kollha tal-Artiku se tkun importanti f’dan ir-rigward. L-UE għandha tħeġġeġ ratifika malajr tal-Konvenzjoni ta’ Minamata bl-għan li timpedixxi u tnaqqas l-emissjonijiet tal-merkurju. Filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni komprensiva tagħha dwar l-iskart, l-UE tista’ taqsam l-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar l-ekonomija ċirkolari mal-Istati tal-Artiku.

    Fir-rigward tar-riskju ta’ speċijiet aljeni invażivi, l-azzjoni għandha tinkludi miżuri volontarji, bħal dawk proposti mil-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Biofouling tal-Bastimenti, kif ukoll miżuri obbligatorji. L-azzjoni għandha tibni fuq l-esperjenza miksuba fl-UE u fl-Istati Membri tagħha fil-ġestjoni ta’ ċerti direzzjonijiet, inklużi miżuri stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti adottati fl-2004. Għalhekk, l-UE għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex tħeġġeġ lill-firmatarji kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni.

    L-UE għandha timpenja ruħha biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ OSPAR u partijiet interessati oħra dwar attivitajiet ta’ żejt u gass biex tippromwovi l-adozzjoni tal-ogħla standards ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar u kontroll ambjentali. L-UE għandha tkun lesta biex tikkondividi l-aħjar prattiki regolatorji 22 u teknoloġiċi mas-sħab internazzjonali biex jappoġġaw is-sikurezza u l-konservazzjoni tal-ambjent fir-reġjun. L-UE għandha tilqa’ l-Ftehim tal-Kunsill tal-Artiku dwar il-Kooperazzjoni dwar Tniġġis taż-Żejt fil-Baħar, il-Kapaċità ta’ Tħejjija u Rispons fl-Artiku.

    2. ŻVILUPP SOSTENIBBLI FL-ARTIKU U MADWARU

    Il-kwistjonijiet

    L-iżvilupp ekonomiku sostenibbli qed jiffaċċja sfidi partikulari fir-reġjun Artiku. Meta mqabbla ma’ partijiet oħra tal-Ewropa, il-parti Ewropea tal-Artiku għandha popolazzjoni baxxa mifruxa fuq żona wiesgħa u hija karatterizzata minn nuqqas ta’ kollegamenti ta’ trasport, bħal bit-triq, bil-ferrovija jew titjiriet bejn il-Lvant u l-Punent. Ir-reġjun usa' tal-Artiku huwa rikk fir-riżorsi naturali bħalma huma l-ħut, minerali, żejt u gass 23 . In-nuqqas ta’ komunikazzjoni terrestri tfisser li l-infrastruttura spazjali għandha rwol dejjem aktar importanti biex tgħaqqad lin-nies u lin-negozji, u biex jintlaħqu l-ħtiġijiet edukattivi, tas-saħħa, lingwistiċi u kulturali tal-komunitajiet Artiċi.

    Il-parti Ewropea tal-Artiku għandha wkoll potenzjal sinifikanti biex tappoġġa t-tkabbir fil-bqija tal-Ewropa. Madankollu, minħabba li l-UE attwalment m’għandhiex konnessjoni kompluta bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, tista’ tesplora l-merti tat-tisħiħ tar-rabtiet għall-Artiku permezz tan-netwerks trans-Ewropej, pereżempju mill-Finlandja lejn in-Norveġja, li jipprovdu aċċess mal-Oċean Artiku.

    Permezz tal-Istati Membri tagħha u r-rabtiet tagħha mill-qrib mal-Iżlanda u n-Norveġja (bħala membri taż-Żona Ekonomika Ewropea), kif ukoll ma’ Greenland 24 , l-UE jista’ jkollha rwol influwenti fit-tiswir tal-iżvilupp futur tal-parti Ewropea tal-Artiku permezz tal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE rilevanti għaż-ŻEE 25 u l-użu ta’ strumenti finanzjarji. Il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Artiku Ewropew kienet tajba, pereżempju fil-kuntest tal-Kunsill tal-Artiku Barents-Euro u l-Qafas ta’ Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana.

    Il-politika tal-UE dwar il-koeżjoni tappoġġa l-investimenti kif ukoll il-bini tal-kapaċità fl-Artiku Ewropew, b’enfasi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kompetittività tal-SMEs u l-appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju 26 . Sorsi importanti oħra ta’ finanzjament tal-proġetti fir-reġjun huma l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali tal-UE bħal: il-Programm Interreg tat-Tramuntana; il-Programm Bothnia-Atlantica; il-Programm tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku; u l-Programm tal-Periferija tat-Tramuntana u l-Artiku. il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera Karelia u Kolarctic taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat; L-UE għandha taħdem biex issaħħaħ il-kollaborazzjoni, is-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn dawn il-programmi u sorsi oħra ta’ ffinanzjar fir-reġjun. Proġetti ta’ infrastruttura s’issa kienu diffiċli biex jiġu żviluppati, u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għamluha ċara li huma jaraw ħtieġa għal aktar koordinazzjoni u finanzjament effettiv tal-UE f’dan il-qasam 27 .

    Il-klima tar-reġjun tal-Artiku tagħmilha sit ideali għall-innovazzjoni għal teknoloġiji u servizzi ta’ klima kiesħa. Il-kundizzjonijiet klimatiċi ħorox u l-ambjent fraġli jeħtieġu teknoloġija u għarfien speċjalizzati biex jissodisfaw standards ambjentali għolja. Opportunitajiet fl-"Ekonomija Ekoloġika", bħal sistemi ta' enerġija minn sorsi differenti sostenibbli, l-ekoturiżmu u l-produzzjoni tal-ikel b'emissjonijiet baxxi, jistgħu jiġu żviluppati aktar. Il-Kummissjoni Ewropea se tgħin fil-monitoraġġ ta’ opportunitajiet potenzjali għal attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, inkluż setturi fl-“Ekonomija Blu” bħalma huma l-akkwakultura, is-sajd, l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, it-turiżmu marittimu u l-bijoteknoloġija tal-baħar. B’varjazzjonijiet wiesgħa madwar dan ir-reġjun enormi, l-enerġija hija mistennija li tkun settur ta’ tkabbir, u tista’ tinkludi turbini tar-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta, l-enerġija mill-oċeani, l-enerġija ġeotermali u l-idroelettriċità.

    Reazzjoni politika

    2.1 Appoġġ għall-innovazzjoni sostenibbli

    L-UE għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi fl-Artiku. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jiġu applikati għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet bħalma huma l-iżvilupp ta’ materjali avvanzati li kapaċi jaħdmu f’kundizzjonijiet estremi fix-xitwa tal-Artiku li jistgħu jistimulaw l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u f’soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli. Dawn it-teknoloġiji għandhom il-potenzjal li jġibu benefiċċji ekonomiċi u soċjali wiesgħa fi ħdan u lil hinn mill-Artiku. B’żieda ma’ Orizzont 2020, il-programmi ESIF jipprovdu finanzjament għal attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fil-parti Ewropea tal-Artiku.

    Il-Kummissjoni Ewropea se tesplora kif Orizzont 2020 jista' jħaffef it-tnedija ta' riżultati ta’ riċerka f’teknoloġiji u servizzi għal klima kiesħa b’potenzjal kummerċjali. Dawn ir-riżultati għandhom jinkorporaw valutazzjonijiet tas-sostenibilità ta’ proċessi u teknoloġiji li jiżguraw protezzjoni soċjali u ambjentali u jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ "standards Artiċi”. Rabtiet mill-qrib bejn ir-riċerka, ix-xjenza u t-teknoloġija, filwaqt li jitqies l-għarfien tradizzjonali, se jiżgura li l-iżvilupp jitmexxa 'l quddiem b’mod sostenibbli.

    Il-programm InnovFin 28 taħt Orizzont 2020, b’mod partikolari l-inizjattiva tiegħu Finanzjament għall-Innovaturi mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kummissjoni Ewropea, jista' jgħin biex ir-riċerka relatata mal-Artiku u proġetti ta’ innovazzjoni 29 jiksbu aċċess għas-suq. InnovFin jikkonsisti minn serje ta’ strumenti finanzjarji u servizzi ta’ konsulenza komplimentari u integrati, li jkopru l-katina sħiħa tal-valur tar-riċerka u l-innovazzjoni biex isostnu investimenti mill-iżgħar għall-ikbar l-intrapriża.

    Fl-aħħar nett, ħafna kumpaniji — speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju — li jinsabu fil-parti l-aktar fit-Tramuntana tal-UE jiddependu fuq mudelli ta’ negozju innovattivi u teknoloġiji innovattivi, jiġifieri t-teknoloġija tal-informazzjoni, l-ipproċessar tad-dejta u s-servizzi, id-disinn industrijali, l-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija ċirkolari. L-aċċess effettiv għas-Suq Uniku huwa ta’ spiss kritiku sabiex l-innovazzjonijiet jgħaddu mill-istadju tal-iżvilupp għall-istadju tas-suq. Il-Kummissjoni għalhekk se tagħmel sforz speċjali biex tippromwovi kundizzjonijiet għal opportunitajiet ta’ innovazzjoni u ta’ negozju fl-Artiku hekk kif hija timplimenta l-istrateġiji tagħha għal Suq Uniku Diġitali 30 u bl-aġġornament tas-Suq Uniku 31 . In-Netwerk Enterprise Europe kien partikolarment ta’ suċċess fil-“formazzjoni” tal-SMEs tal-Artiku fuq talba tagħhom; huwa kien xprunat minn domanda qawwija fir-reġjun. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa din l-attività.

    2.2 Forum tal-partijiet interessati tal-Artiku Ewropew

    Il-konsultazzjonijiet mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jissuġġerixxu li l-Artiku Ewropew qed ibati minn nuqqas ta’ investiment. Filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa li ssir ħidma mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Artiku Ewropew, il-Kummissjoni se twaqqaf Forum Ewropew tal-partijiet konċernati dwar l-Artiku bl-għan li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn id-diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE.

    Dan il-forum temporanju għandu jġib flimkien l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet ta’ investiment u riċerka ċentrali għall-fondi tal-UE fir-reġjun. Il-proċess se jkun miftuħ ukoll għan-Norveġja u l-Iżlanda taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll għal Greenland skont id-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u Greenland. Din il-ħidma, preseduta mill-Kummissjoni Ewropea, għandha titlesta qabel tmiem l-2017.

    Kumplimentari għal dan il-forum, il-Programm Interreg tal-Periferija tat-Tramuntana u l-Artiku se jmexxi attività pilota bl-għan li jġib flimkien netwerk ta’ awtoritajiet ta’ ġestjoni u partijiet interessati minn diversi programmi ta’ żvilupp reġjonali fil-parti Ewropea tal-Artiku. Huwa se jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, pjanar u koordinazzjoni tas-sejħiet għall-proposti u monitoraġġ tal-impatt tal-programmi fuq ir-reġjun. In-netwerks kollaborattivi ġodda se jkunu miftuħa wkoll għall-parteċipazzjoni minn strumenti finanzjarji nazzjonali u internazzjonali rilevanti. Fuq il-bażi ta' ħidma estensiva u l-esperjenza tal-programmi, in-netwerk jikkontribwixxi fil-ħidma tal-forum tal-partijiet interessati fl-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet tar-riċerka u l-investiment.

    Sabiex jinġiebu flimkien ir-riżultati tal-forum u n-netwerk wara l-2017, il-Kummissjoni se tiffinanzja u tiffaċilita konferenza annwali tal-partijiet interessati tal-Artiku fir-reġjun Artiku Ewropew sabiex jissaħħu l-kollaborazzjoni u n-netwerking bejn il-partijiet interessati sabiex titjieb il-bini tal-kapaċità, l-iżvilupp tal-proġett internazzjonali u ta’ għarfien ta' sorsi ta’ finanzjament.

    2.3 Investiment

    Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa huwa operattiv, u jista’ potenzjalment jintuża biex jappoġġa proġetti infrastrutturali fil-parti Ewropea tal-Artiku, inkluża Greenland. Permezz ta’ dan l-istrument u l-operazzjonijiet ta’ self eżistenti tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) mhux biss jista’ jgħin biex jiffinanzja proġetti biex jitjiebu l-konnessjonijiet tat-trasport fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru, imma wkoll għat-telekomunikazzjonijiet, proġetti ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ teknoloġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Skont il-mandati tiegħu, il-BEI jista' jinvesti fi proġetti transfruntiera bejn l-Iżvezja, il-Finlandja, ir-Renju tad-Danimarka, in-Norveġja u l-Iżlanda, li għandhom potenzjal ta’ żvilupp sinifikanti.

    It-tħejjija ta’ dawn il-proġetti tista’ tkun faċilitata wkoll permezz tal-involviment taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment u l-Proġett Portal. Dan jista’ jgħin biex jattira sorsi ġodda ta’ finanzjament billi jiġi massimizzat l-involviment tas-settur privat u bl-ikkumplimentar tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment. Jistgħu jiġu żviluppati pjattaformi dedikati biex ilaqqgħu flimkien investituri differenti fir-reġjun Artiku. Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp kien ukoll investitur importanti fir-reġjun Artiku.

    Il-politika integrata tal-UE dwar l-Artiku hija għalhekk konsistenti mal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li joffri għadd ta’ modi biex jitħeġġeġ l-investiment fir-reġjun Artiku għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji kemm fuq kif ukoll taħt iċ-Ċirku Artiku.

    Fid-dawl tal-konnessjonijiet tat-trasport, il-parti tat-Tramuntana tal-Finlandja, l-Iżvezja u n-Norveġja tappartjeni għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T). Dan in-netwerk jiffaċilita l-investimenti sabiex jiġu ottimizzati l-benefiċċji tan-netwerk. Huwa jiffoka fuq sezzjonijiet transfruntiera u t-tneħħija tal-punti ta’ konġestjoni, u jippromwovi modi ta’ trasport sostenibbli. Lulea, Kemi, Oulu, Narvik u Hammerfest ġew definiti bħala portijiet tat-TEN-T. Dawn jiffurmaw interkonnessjonijiet importanti bejn it-trasport marittimu u dak tal-art.

    Sabiex isaħħu t-trasferiment modali u l-kapaċità għat-trasport ferrovjarju bejn Narvik, il-Kuritur tal-Botnja u n-Nofsinhar tal-Iskandinavja, ix-xogħlijiet u l-istudji ġew kofinanzjati mill-UE.

    Il-ħolqien ta’ taħlita ottimali u sostenibbli bejn il-mezzi differenti tat-trasport — kemm għal distanzi twal kif ukoll qosra, traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija — għandu jsir b’kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-industrija. Sabiex jikseb l-aħjar użu tan-netwerk, strateġija koordinata ta’ finanzjament għandha tiġi kkunsidrata wkoll.

    2.4 Teknoloġija tal-ispazju

    Minħabba d-daqs kbir tiegħu u popolazzjoni baxxa, ir-reġjun tal-Artiku jista' jibbenefika ferm minn servizzi bbażati fl-ispazju. Ir-reġjun Artiku madankollu jeħtieġ soluzzjonijiet speċifiċi peress li mhuwiex kopert minn satelliti ġeostazzjonarji.

    Il-programm Copernicus diġà jipprovdi għal servizzi ta' sorveljanza u monitoraġġ b’satelliti f’orbiti polari, biex b’hekk jingħata kontribut fundamentali lill-ħtiġijiet ambjentali, tas-sikurezza u ta’ sigurtà. Ladarba użata, is-sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GALILEO) se toffri kopertura tar-reġjun Artiku li tipprovdi kapaċitajiet għal navigazzjoni sikura u affidabbli bl-ajru, bil-baħar u fuq l-art. Il-ħtiġijiet tat-telekomunikazzjoni madankollu ma jistgħux jiġu sodisfatti b’mod adegwat bis-satelliti preżenti li prinċipalment huma fl-orbita ekwatorjali. Il-Kummissjoni se tesplora jekk soluzzjoni xierqa għall-Artiku tistax titqies bħala parti minn proposta possibbli biex tiġi appoġġata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ komunikazzjonijiet bis-satellita Governattiva fil-kuntest tal-Istrateġija spazjali li ġejja jew il-Pjan ta' Azzjoni ta' Difiża Ewropew. L-UE se tippromwovi wkoll sistema ta' osservazzjoni pan-Artika integrata permezz tal-Inizjattiva GEO għar-Reġjun Kiesaħ bħala għodda essenzjali biex tistudja, tbassar u tivvaluta l-bidliet li jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun.

    2.5 Attivitajiet siguri marittimi

    Minħabba ż-żieda fit-traffiku tal-vapuri fl-Artiku, inkluż xi wħud li jġorru l-bandiera tal-Istati Membri tal-UE, l-UE għandha tikkontribwixxi biex ittejjeb is-sikurezza fin-navigazzjoni fl-Artiku permezz ta’ teknoloġiji innovattivi u l-iżvilupp ta’ għodod għall-monitoraġġ ta’ żviluppi spazjali u temporali ta’ attivitajiet marittimi li qed jiżdiedu fir-reġjun Artiku; dan it-tagħrif huwa essenzjali biex jiġu vvalutati r-riskji li jirriżultaw u biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli. Bħala l-ewwel rispons, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi sejħa fl-2016 taħt Orizzont 2020 li se tħejji netwerk għall-Artiku u l-Atlantiku li se tittratta t-theddidiet għas-sigurtà marittima li jirriżultaw mill-ftuħ tal-passaġġ tal-Grigal 32 . L-UE għandha tappoġġa wkoll l-isforzi internazzjonali biex timplimenta l-Kodiċi Polari Internazzjonali li jkopri kwistjonijiet relatati mat-trasport marittimu rilevanti għan-navigazzjoni fl-ilmijiet Artiċi, inkluż Tiftix u Salvataġġ imtejbin. Il-Kodiċi Polari huwa mistenni li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017.

    Filwaqt li l-AIS bis-satellita (Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika) tipprovdi kopertura għall-Artiku, hemm sfidi fl-iżgurar u d-direzzjoni ta' unitajiet tat-Tiftix u Salvataġġ f’każ ta’ vapur li jeħtieġ assistenza, minħabba d-distanza, navigazzjoni diffiċli minħabba s-silġ u traffiku marittimu inqas dens fiż-żona. Il-Forum Ewropew dwar il-Funzjonijiet tal-Gwardja Kostali (ECGFF) għandu jikkollabora mill-qrib mal-Forum tal-Gwardja Kostali tal-Artiku (ACGF) li għadu kif ġie stabbilit, li jista’ jkollu rwol importanti fit-tkattir ta' attività marittima sigura u ambjentalment responsabbli fl-Artiku.

    3.KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI DWAR KWISTJONIJIET TAL-ARTIKU

    Il-kwistjonijiet

    L-isfidi li jaffettwaw l-Artiku, u s-soluzzjonijiet meħtieġa biex jindirizzawhom, jeħtieġu reazzjoni konġunta fil-livell reġjonali u internazzjonali. Dinamika ġeopolitika usa’ tista' żżid aktar il-kumplessità li taffettwa l-bidliet fir-reġjun. L-UE għandha interess qawwi li tara li l-Artiku jibqa’ żona ta’ kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva fejn kwistjonijiet kumplessi huma indirizzati permezz ta’ soluzzjonijiet negozjati, u fejn ikunu jistgħu jitwaqqfu pjattaformi komuni minħabba riskji emerġenti. Ix-xjenza, b’mod partikolari, tista’ tintuża bħala katalist biex tappoġġa fehim komuni, li jippermetti li tintlaħaq soluzzjoni maqbula b’mod konġunt u titrawwem kooperazzjoni paċifika. Bħala mexxej dinji fix-xjenza, l-Unjoni Ewropea għandha tkun lesta li timpenja ruħha aktar f’kollaborazzjoni xjentifika kbira fuq skala globali. Il-programm għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE, Orizzont 2020, huwa miftuħ għad-dinja u jiffaċilita sħubijiet bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi biex jindirizzaw l-isfidi globali tas-soċjetà.

    L-UE hija involuta fi kwistjonijiet ta’ rilevanza diretta għall-Artiku fil-livell internazzjonali, permezz tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha (il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili) u l-korpi sussidjarji (il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent). Għadd ta’ fora ta’ kooperazzjoni dwar l-Artiku ġew stabbiliti f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-iktar importanti fosthom il-Kunsill tal-Artiku. L-Istati Artiċi ħadmu biex irawmu l-paċi u l-istabbiltà permezz tal-koperazzjoni u l-applikazzjoni tal-istat tad-dritt. Minħabba l-importanza tar-reġjun Artiku u l-bidliet sinifikanti li għaddejjin hemmhekk, huwa importanti li l-UE tkompli tikkopera ma’ sieħba Artiċi u non-Artiċi li jidentifikaw pożizzjonijiet komuni u soluzzjonijiet dwar kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali u r-riċerka xjentifika.

    Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa għal ġestjoni effettiva tal-Oċean Artiku biex tassigura l-protezzjoni tal-ambjent, il-kooperazzjoni paċifika u s-soluzzjoni tat-tilwim, ir-rispett għal-liġi internazzjonali u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Is-sigurtà marittima hija wkoll ta’ importanza li qed tiżdied. F’Ġunju 2014, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija għas-Sigurtà Marittima għall-qasam marittimu globali 33 . L-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni relatati stabbilixxew għadd ta’ sfidi li għandhom impatt fuq il-qasam marittimu, u proponew rispons fil-livell tal-UE.

    Reazzjoni politika

    3.1 Organizzazzjonijiet u fora internazzjonali

    L-UE għandha tieħu pożizzjoni ta’ negozjar attiva fil-fora rilevanti tan-NU biex tinkoraġġixxi l-pajjiżi u r-reġjuni kollha biex jassumu r-responsabilitajiet tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tat-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent, iżda wkoll fir-rigward ta’ sfidi emerġenti bħalma huma s-sikurezza fuq il-baħar u l-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi bbażati fuq l-art jew fil-baħar.

    L-UE tirrikonoxxi u tappoġġa l-istrument legali eżistenti għall-ġestjoni tal-ibħra tad-dinja. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UN Convention on the Law of the Sea, UNCLOS) tipprovdi qafas għall-ġestjoni tal-Oċean Artiku, inkluża r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim. L-UE se tappoġġa dawn l-isforzi billi tinvolvi ruħha fi djalogu strateġiku mal-partijiet interessati tal-Artiku u pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u permezz tal-promozzjoni kontinwa ta’ governanza bbażata fuq ir-regoli fuq il-baħar.

    L-UE se tkompli bil-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-Kunsill Artiku — il-forum primarju għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-reġjun billi, pereżempju, tieħu sehem u tikkontribwixxi fil-ħidma tal-gruppi ta’ ħidma rilevanti, task forces u gruppi ta’ esperti. L-UE tistenna bil-ħerqa li taħdem mal-Presidenzi attwali u futuri tal-Kunsill tal-Artiku u għall-implimentazzjoni bikrija tal-istatus tagħha ta’ osservatur f’konformità mal-linji tad-Dikjarazzjoni ta’ Kiruna f’Mejju 2013 34 . L-UE għandha wkoll timpenja ruħha mal-Kunsill tal-Artiku dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ġestjoni tal-ibħra billi tipparteċipa fit-Task Force tal-Kunsill Artiku dwar il-Kooperazzjoni tal-Baħar Artiku.

    L-UE se tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali u subreġjonali, inkluż permezz tas-sħubija tagħha fil-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents, u l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana. L-UE hija impenjata wkoll f’kooperazzjoni reġjonali fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Ewropa u b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tal-UNECE dwar it-Tniġġis Transfruntiera tal-Arja fuq Distanza Twila (Convention on Long-Range Transboundary Air Pollution , CLRTAP). Il-Kunsill Nordiku u l-Kunsill Nordiku tal-Ministri huma wkoll sħab rilevanti għall-Unjoni Ewropea, mhux l-inqas minħabba l-involviment fit-tul tagħhom mal-UE u l-programm ta’ Kooperazzjoni Artika tagħhom.

    Dawn l-oqfsa ta’ kooperazzjoni jindirizzaw ħafna kwistjonijiet importanti fil-livell reġjonali, u jista’ jkollhom impatt sostanzjali fuq il-ħajja tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali.

    3.2 Kooperazzjoni bilaterali

    L-UE għandha tikkoopera mas-sħab kollha tal-Artiku, inklużi l-Kanada, ir-Russja u l-Istati Uniti bl-għan li tidentifika aktar oqsma għall-kooperazzjoni, bħax-xjenza u l-investiment. L-UE se timpenja ruħha wkoll mal-Istati kollha li jieħdu interess dejjem jiżdied fl-Artiku bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea u Singapor dwar kwistjonijiet ta’ interess u tħassib komuni.

    L-UE tikkoopera ma’ Greenland skont il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u Greenland 35 . Is-sħubija għandha l-għan li tappoġġa lil Greenland fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin tagħha, b’mod partikolari d-diversifikazzjoni sostenibbli tal-ekonomija tagħha u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tagħha. L-UE tipprovdi appoġġ baġitarju lil Greenland bl-għan li ssaħħaħ is-settur tal-edukazzjoni b]ala xprun għall-iżvilupp sostenibbli. L-UE se tkompli timpenja ruħha fi djalogu politiku fil-livelli politiċi u tekniċi xierqa, dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni, bħalma huma kwistjonijiet globali (l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, u r-riżorsi naturali) u l-kwistjonijiet Artiċi.

    Il-Politika tal-Artiku u kwistjonijiet tal-Artiku se jibqgħu element importanti fir-relazzjonijiet mill-qrib tal-UE mal-Iżlanda u n-Norveġja.

    3.3 Djalogu mal-popli indiġeni tal-Artiku

    L-UE se tkompli timpenja ruħha ma’ popli indiġeni u komunitajiet lokali tal-Artiku biex tiżgura li l-fehmiet u d-drittijiet tagħhom huma rispettati u promossi fl-iżvilupp kontinwu tal-politiki tal-UE li jaffettwaw l-Artiku. Il-Kummissjoni Ewropea tospita laqgħa ta’ djalogu annwali mar-rappreżentanti tal-popli indiġeni tal-Artiku biex jiskambjaw opinjonijiet u jaqblu dwar l-oqsma għal kooperazzjoni ulterjuri, partikolarment b’rabta man-negozju u d-drittijiet tal-bniedem. L-UE għandha tkompli taħdem biex tavvanza l-konsistenza bejn il-politika interna u dik esterna tal-UE lejn il-popli indiġeni.

    L-UE tipprovdi appoġġ lill-komunitajiet lokali permezz ta’ diversi programmi ta’ finanzjament tagħha, inklużi l-programmi tal-ESIF nazzjonali, il-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali u l-programmi taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat 36 . Il-Programm tal-Periferija tat-Tramuntana u l-Artiku jiffoka fuq l-użu tal-innovazzjoni biex iżżomm u jiżviluppa komunitajiet b’saħħithom u kompetittivi, jippromwovi l-intraprenditorija, irawwem komunitajiet b'enerġija sikura, u jippromwovi u jiżviluppa l-wirt kulturali u naturali. Il-programm huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni minn sħab fil-Kanada u fir-Russja, flimkien ma’ disa’ pajjiżi msieħba fil-programm tal-Artiku Ewropew.

    3.4 Ġestjoni tas-sajd

    L-UE għandha tilqa’ d-dikjarazzjoni riċenti ffirmata minn ħames Stati kostali tal-Artiku dwar is-sajd fl-Artiku 37 u l-ħtieġa li tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-ekosistemi tal-Oċean Artiku, qabel il-ftuħ ta’ dan ir-reġjun għal sajd kummerċjali. Madankollu, minħabba li ż-żona inkwistjoni hija lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, se jkun meħtieġ għall-pajjiżi kollha interessati, mhux biss l-Istati kostali, biex jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu miżuri internazzjonali xierqa. Dan il-qafas għandu eventwalment jinkludi Organizzazzjoni jew Arranġament Reġjonali Ġdid għall-Ġestjoni tas-Sajd, flimkien ma’ Konvenzjoni dwar Ibħra Reġjonali ġdida, sabiex jiżguraw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi tal-ibħra miftuħa tal-Artiku. Il-Kummissjoni Ewropea temmen li qafas bħal dan jista’ jiġi stabbilit biss b’mod miftuħ u inklużiv, u tilqa’ b’sodisfazzjon it-twessigħ tan-negozjati li jinvolvu nazzjonijiet tas-sajd prinċipali.

    3.5 Kooperazzjoni xjentifika

    L-UE għandha tippromwovi u tiffaċilita kooperazzjoni xjentifika internazzjonali permezz ta’ appoġġ għall-aċċess transnazzjonali għall-infrastruttura tar-riċerka u ta’ riżorsi ta’ dejta miftuħa biex itejbu r-rabtiet politiċi u ekonomiċi u biex iżommu relazzjonijiet tajba ma’ pajjiżi ewlenin fir-reġjun. Hija diġà tippożizzjona lilha nfisha bħala sieħba għall-kooperazzjoni globali, flimkien mal-Istati Membri tagħha fil-Kunsill Artiku. L-UE għandha tmexxi 'l quddiem il-kooperazzjoni xjentifika fil-livell internazzjonali taħt l-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Transatlantiku (u Artiku) 38 , imnedija permezz tad-dikjarazzjoni ta’ Galway f’Mejju 2013, li tinvolvi l-Kanada, l-Istati Uniti u l-UE.

    Sabiex jimtlew il-lakuni tad-dejta tal-baħar disponibbli dwar qiegħ il-baħar fl-ibħra u l-oċeani madwar l-Ewropa u l-ħajja li jsostnu, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet mira biex tiġi żviluppata mappa b’multiriżoluzzjoni ta’ qiegħ il-baħar u tal-kolonna tal-ilma sovrastanti sal-2020. Dan il-proġett se jinkludi l-Baħar Barents mill-2018. Aktar minn 100 organizzazzjoni, fosthom mill-Iżlanda, in-Norveġja u r-Russja, qed jaħdmu flimkien taħt in-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Dejta tal-Baħar (European Marine Observation and Data Network, EMODnet) biex id-dejta tal-baħar tagħhom tkun aktar aċċessibbli, interoperabbli u utli għall-utenti finali. Id-dejta se tkun disponibbli permezz ta’ portal tal-internet uniku.

    Din l-inizjattiva hija importanti biex tistimola t-tkabbir sostenibbli fl-Ekonomija Blu. Huwa stmat li jekk id-dejta tal-baħar ta’ kwalità għolja miżmuma mill-korpi pubbliċi tal-UE ssir disponibbli b’mod wiesa’, il-produttività titjieb b’aktar minn EUR 1 biljun fis-sena 39 : Korpi pubbliċi u privati, kif ukoll uffiċċji idrografiċi, istituzzjonijiet tar-riċerka u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ma jkollhomx għalfejn jispezzjonaw mill-ġdid iż-żoni li diġà kienu ġew mistħarrġa, iżda li d-dejta dwarhom sa issa kienu inaċċessibbli. Ikun jiswihom inqas biex jipproċessaw id-dejta eżistenti. Ir-riċerka fi kwistjonijiet ta’ sigurtà li jkopru r-riżorsi tal-Artiku b’użu doppju u skambji tal-aħjar prattiki f’dan il-qasam għandha tissaħħaħ.

    4. KONKLUŻJONIJIET U L-PASSI LI JMISS

    1. Dan id-dokument ta’ politika għandu jiggwida l-azzjonijiet tal-UE għas-snin li ġejjin, u l-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jistiednu l-fehmiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE. L-UE se tibqa’ tirrevedi din il-politika fid-dawl tal-iżviluppi.

    2. Bħala parti mill-impenn strateġiku tal-Artiku, l-UE għandha tinvolvi ruħha mar-reġjun dwar dawn it-tliet oqsma ta’ prijorità:

    it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent Artiku;

    il-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli fir-reġjun;

    appoġġ tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tal-Artiku

    3. L-UE teħtieġ tiżgura li l-istrutturi ta’ koordinazzjoni meħtieġa huma fis-seħħ fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġejjieni. Il-Kunsill jista’ jikkunsidra li jwaqqaf Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet tal-Artiku u Kooperazzjoni tat-Tramuntana u l-Parlament Ewropew jista’ bl-istess mod jikkonsidra l-istabbiliment ta’ delegazzjoni dwar Kwistjonijiet tal-Artiku u Kooperazzjoni tat-Tramuntana.

    (1)

    Ir-Renju tad-Danimarka jikkonsisti mid-Danimarka, Greenland u l-Gżejjer Faroe.

    (2)

    L-Iżlanda u n-Norveġja huma wkoll pajjiżi assoċjati fil-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020.

    (3)

    Is-Saami u l-Inuit huma l-uniċi popli indiġeni rikonoxxuti nazzjonalment li jgħixu parzjalment fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE. Il-Groenlandja għandha relazzjoni mill-qrib mal-UE fuq il-bażi tal-istatus tagħha bħala wieħed mill-Pajjiżi u Territorji Esteri assoċjati mal-UE.

    (4)

    B’mod partikolari, (COM/2008/0763 finali), (JOIN(2012) 19 finali) u (SWD(2012) 182 finali) u (SWD(2012) 183 finali).

    (5)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima” (COM(2013) 216 finali), tirreferi b’mod speċifiku għall-vulnerabbiltà partikolari tal-Artiku għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

    (6)

    F’konformità mal-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija għall-2030, adottat mill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern fil-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, (EUCO 169/14).

    (7)

    Ir-rapport dwar “Il-Valutazzjoni tal-UE dwar l-Impronta u l-Politika tal-Artiku”, EcoLogic, Berlin, 2010 ( http://arctic-footprint.eu/sites/default/files/AFPA_Final_Report.pdf ).

    (8)

    24 % prodotti tal-ħut importati mill-UE fl-2014 oriġinaw min-Norveġja, jiġifieri 1.5 miljun tunnellata għal valur ta’ EUR 4,8 biljun. (Sors: Eurostat/EUMOFA). Terz tal-importazzjonijiet taż-żejt tal-UE u żewġ terzi tal-gass joriġinaw min-Norveġja u r-Russja (Sors: Eurostat).

    (9)

    A Strategic Vision for the North, Paavo Lipponen, Mejju 2015.

    (10)

    Tliet Stati Membri tal-UE (il-Finlandja, ir-Renju tad-Danimarka u l-Iżvezja) huma membri sħaħ tal-Kunsill tal-Artiku, seba’ Stati Membri tal-UE (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) huma osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku.

    (11)

    Ir-Renju tad-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. In-Netherlands, Franza u Spanja qegħdin joħorġu dokument ta' politika Polari jew dwar l-Artiku fl-2016. Pajjiżi mhux tal-UE li ħarġu strateġija dwar l-Artiku jew dokument ta’ politika jinkludu l-Kanada, l-Iżlanda, l-Indja, il-Ġappun, in-Norveġja, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika.

    (12)

    Pereżempju: http://climate.nasa.gov/vital-signs/arctic-sea-ice/

    (13)

    Pereżempju minħabba tnaqqis tal-ħxuna u l-firxa tas-silġ fil-baħar, temp anqas prevedibbli, maltempati qawwija, żieda fil-livell tal-baħar, bidla staġjonali fit-tidwib / friżar ta’ xmajjar u lagi, bidla fit-tip ta' borra u meta tinżel, żieda fit-tkabbir tal-arbuxxelli, tidwib tal-permafrost, u l-erożjoni kkawżata mill-maltempati, li min-naħa tagħhom qed jikkawżaw telf kbir ta’ art f’xi reġjuni, f'xi żoni kostali, komunitajiet sħaħ qed ikollhom jiġu rilokati.

    (14)

    Sa tmiem is-seklu 21, iż-żona tal-permafrost qrib il-wiċċ tista' tkun naqset b’37–81 %.

    (15)

    Il-Grupp Carnegie ta’ Konsulenti tax-Xjenza tal-G8 +5 stabbilixxa Grupp ta’ Uffiċjali Għoljin (GSO) dwar l-infrastruttura globali tar-riċerka biex jilħqu fehim komuni dwar kwistjonijiet bħalma huma l-governanza, il-finanzjament u l-ġestjoni ta’ infrastruttura tar-riċerka fuq skala kbira. Il-Kummissjoni Ewropea hija Membru tal-Grupp GSO.

    (16)

    Sostenn tan-Netwerks għall-Osservazzjoni tal-Artiku: http://www.arcticobserving.org/

    (17)

    https://www.earthobservations.org/index.php

    (18)

    Il-FSIE (2014–20) jallokaw 25 % tal-fondi biex jappoġġaw l-objettivi tat-tibdil fil-klima.

    (19)

    Dawn jinkludu l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, il-Konvenzjoni dwar l-Ispeċji Migratorji u Annimali Slavaġ, il-Ftehim dwar l-Għasafar Afrikani Ewro-Asjatiċi tal-Ilma, il-Konvenzjoni ta’ Bern, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll tal-Qbid tal-Baleni, il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Grigal tal-Atlantiku (OSPAR).

    (20)

    Ara pereżempju l-Valutazzjoni AMAP tal-2009: Is-saħħa tal-bniedem fl-Artiku, http://www.amap.no/documents/doc/amap-assessment-2009-human-health-in-the-arctic/98

    (21)

     B’mod partikolari sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu, u sustanzi persistenti ħafna u ferm bijoakkumulattivi kif ukoll sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi.

    (22)

     Bħalma hija d-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore (2013/30/UE).

    (23)

    Valutazzjoni tal-2008 tal-Istħarriġ Ġeoloġiku tal-Istati Uniti tat estimi li ż-żona tat-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku tinkludi madwar 13 % tar-riżorsi taż-żejt li teknikament jistgħu jiġu rkuprati mhux skoperti u 30 % tar-riżorsi tal-gass mhux skoperti tad-dinja.

    (24)

     Greenland mhijiex membru tal-Unjoni Ewropea. Ir-relazzjonijiet fit-tul ma’ Greenland kienu kkonfermati bl-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, fuq in-naħa l-oħra, dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Greenland fl-2015.

    (25)

    F’konformità mal-Artikolu 102(1) tal-Ftehim taż-ŻEE

    (26)

    Għall-perjodu 2014–2020, ġew allokati aktar minn EUR 1 biljun għal investimenti fit-Tramuntana tal-Finlandja u l-Iżvezja taħt l-għan ta’ Investiment għall-Impjiegi u t-Tkabbir, li se jkunu kumplimentati b’kofinanzjar nazzjonali pubbliku u privat.

    (27)

      http://ec.europa.eu/dgs/maritimeaffairs_fisheries/consultations/arctic-eu-funding/doc/results_en.pdf .

    (28)

    InnovFin jikkonsisti minn serje ta’ għodod ta’ finanzjament u servizzi ta’ konsulenza. Huwa jkopri l-katina kollha tal-valur tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jappoġġa investimenti mill-iżgħar għall-ikbar intrapriża. Għal aktar informazzjoni: http://www.eib.org/products/blending/innovfin/.

    (29)

     Pereżempju l-faċilità tal-ittestjar tal-karozzi għax-xitwa tal-proġett tal-Ark Artiku diġà huwa ffinanzjati taħt InnovFin ( http://spga.eu/ ).

    (30)

    COM (2015)192 finali.

    (31)

    COM (2015)550 finali.

    (32)

    Skont SEC-21-GM-2016-2017 ta’ Orizzont 2020: Netwerks ta’ prattikanti pan-Ewropej u atturi oħrajn fil-qasam tas-sigurtà.

    (33)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (11205/14)

    (34)

    “Il-Kunsill tal-Artiku jirċievi l-applikazzjoni tal-UE għal status ta’ osservatur fl-affermattiv, iżda jirrimetti deċiżjoni finali dwar l-implimentazzjoni sakemm it-tħassib tal-membri tal-Kunsill, indirizzati mill-President tal-Kummissjoni Ewropea fl-ittra tiegħu tat-8 ta’ Mejju jkunu riżolti, bil-fehim li l-UE tista’ tosserva proċedimenti tal-Kunsill sa dak iż-żmien meta l-Kunsill jaġixxi dwar il-proposta tal-ittra.”

    (35)

    Id- Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal-14 ta’ Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra

    (36)

    Pereżempju, Interreg IV A Tramuntana, il-programm tal-Periferija tat-Tramuntana u l-Artiku, il-programm ta' Kooperazzjoni Transfruntiera Kolarctic.

    (37)

      https://www.regjeringen.no/globalassets/departementene/ud/vedlegg/folkerett/declaration-on-arctic-fisheries-16-july-2015.pdf .

    (38)

    L-UE, il-Kanada u l-Istati Uniti jipprovaw irawwmu l-kooperazzjoni rispettivi tagħhom dwar l-infrastrutturi tar-riċerka tal-baħar u dik tal-Artiku. Madankollu, lil hinn minn dawn iż-żewġ soċji, Orizzont 2020 jippromwovi l-usa’ aċċess transnazzjonali għall-infrastrutturi tar-riċerka u jappoġġa politika ta’ dejta aċċessibbli sabiex jitjiebu r-rabtiet politiċi u ekonomiċi u biex jinżammu relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi kollha fir-reġjun u dawk interessati fir-riċerka dwar l-Artiku. Aktar tagħrif dwar l-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Transatlantiku (u Artiku)

    http://ec.europa.eu/research/iscp/index.cfm?lg=en&pg=transatlantic-alliance .

    (39)

    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Għarfien tal-Baħar 2020: Pjan Direzzjonali li jakkumpanja d-Dokument ta' Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, l-Innovazzjoni fl-Ekonomija Blu twettaq il-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir (SWD/2014/0149 Finali).

    Top