Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0361

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet, l-impatt u l-valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bejn l-2007 u l-2014 (2015/2284(INI))

    ĠU C 204, 13.6.2018, p. 195–204 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 204/195


    P8_TA(2016)0361

    L-attivitajiet, l-impatt u l-valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bejn l-2007 u l-2014

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet, l-impatt u l-valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bejn l-2007 u l-2014 (2015/2284(INI))

    (2018/C 204/22)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (3),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2013 u l-2014 (COM(2015)0355),

    wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ex post tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) – Rapport finali ta' Awwissu 2015,

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 7/2013 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wassal għal valur miżjud tal-UE bir-riintegrazzjoni ta' ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom?”

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound ERM 2012 bit-titolu “After restructuring: labour markets, working conditions and life satisfaction” (Wara r-ristrutturar: is-swieq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sodisfazzjoni tal-ħajja),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-każ tal-Eurofound bit-titolu “Added value of the European Globalisation Adjustment Fund: A comparison of experiences in Germany and Finland (2009)” (Valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Paragun tal-esperjenzi fil-Ġermanja u l-Finlandja (2009)),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound ERM 2009 “Restructuring in recession” (Ir-ristrutturar waqt reċessjoni),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Settembru 2011 dwar il-futur tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar il-finanzjament u l-funzjonament tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet li kien adotta minn Jannar 2007 dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, inklużi l-kummenti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar l-applikazzjonijiet rispettivi,

    wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-grupp ta' ħidma speċjali tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar il-FEG,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0227/2016),

    A.

    billi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex jappoġġja ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jesprimi s-solidarjetà tiegħu magħhom; billi l-objettiv tal-FEG huwa li jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u għal promozzjoni ta' impjiegi sostenibbli billi jipprepara u jappoġġja lill-ħaddiema ssensjati għal impjieg ġdid; billi l-FEG ġie stabbilit biex jindirizza sitwazzjonijiet ta' emerġenza billi jipprovdi intervent rapidu u għajnuna fuq medda qasira ta' żmien bħala rispons għal diffikultajiet tas-suq tax-xogħol kbar u mhux previsti li jinvolvu sensji fuq skala kbira, għall-kuntrarju tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) li wkoll jipprovdi appoġġ lil ħaddiema ssensjati, iżda huwa intenzjonat li jindirizza żbilanċi strutturali fuq perjodu twil, prinċipalment permezz tat-tagħlim tul il-ħajja; jemmen li l-FEG għandu jkompli jopera barra mill-QFP matul il-perjodu ta' programazzjoni li jmiss;

    B.

    billi r-ristrutturar sar aktar prevalenti f'dawn l-aħħar snin, u intensifika f'ċerti setturi u nfirex f'oħrajn; billi l-kumpaniji għandhom responsabilità għall-effetti li ta' spiss ma jkunux previsti ta' dawn id-deċiżjonijiet fuq il-komunitajiet u fuq l-istruttura ekonomika u soċjali tal-Istat Membru; billi l-FEG jgħin itaffi l-effetti negattivi ta' dawn id-deċiżjonijiet ta' ristrutturar; billi aktar u aktar każijiet tal-FEG huma relatati ma' strateġiji ta' ristrutturar ta' ditti kbar u korporazzjonijiet multinazzjonali, li normalment jiġu deċiżi mingħajr l-involviment tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom; billi l-aktar forom komuni ta' ristrutturar huma r-rilokazzjoni, id-delokalizzazzjoni, l-għeluq, il-fużjonijiet, l-akkwiżizzjonijiet, it-takeovers, ir-riorganizzazzjoni tal-produzzjoni u l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet;

    C.

    billi, l-adattabbiltà u l-proattività meta wieħed jibdel impjieg jew xogħol jistgħu madankollu jkunu mxekkla minn insigurtà minħabba li t-tranżizzjonijiet għandhom periklu potenzjali ta' qgħad, pagi aktar baxxi u insigurtà soċjali; billi r-riintegrazzjoni fl-impjieg tal-benefiċjarji ta' każijiet tal-FEG se tirnexxi aktar jekk twassal għal impjiegi ta' kwalità;

    D.

    billi l-kooperattivi jimmaniġġjaw ir-ristrutturar b'mod responsabbli mil-lat soċjali u billi l-mudell ta' governanza kooperattiva speċifiku tagħhom, li huwa msejjes fuq sjieda konġunta, parteċipazzjoni demokratika u l-kontroll tal-membri, kif ukoll il-kapaċità tal-kooperattivi li jiddependu fuq ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess u fuq netwerks ta' appoġġ, jispjegaw għalfejn il-kooperattivi huma aktar flessibbli u innovattivi fl-immaniġġjar tar-ristrutturar matul iż-żmien, kif ukoll fil-ħolqien ta' negozju ġdid;

    E.

    billi l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jesiġi li, ta' kull sentejn, il-Kummissjoni tibgħat rapport kwantitattiv u kwalitattiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-FEG fis-sentejn ta' qabel;

    F.

    billi m'hemm l-ebda qafas legali Ewropew dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema, l-antiċipazzjoni u l-immaniġġjar tar-ristrutturar bl-għan li tiġi antiċipata l-bidla u jiġi evitat it-telf ta' impjiegi; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 (6), il-Parlament talab li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tissottometti malajr kemm jista' jkun u wara li tkun ikkonsultat lis-sħab soċjali, proposta għal att legali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema, l-antiċipazzjoni u l-immaniġġjar tar-ristrutturar, (wara r-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-anness tar-riżoluzzjoni tiegħu); billi hemm differenzi sinifikanti fil-livell nazzjonali dwar ir-responsabilitajiet tal-impjegaturi lejn l-impjegati tagħhom f'dan il-proċess; billi s-sħab soċjali Ewropej ġew ikkonsultati darbtejn dwar din il-kwistjoni, u l-Kummissjoni naqset milli taġixxi; billi l-Kummissjoni tat risposti diżappuntanti għar-riżoluzzjonijiet parlamentari dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-ristrutturar, u dan jenfasizza l-ħtieġa għal passi urġenti u konkreti f'dan il-qasam; billi huwa essenzjali li jkun hemm sistemi ta' relazzjonijiet industrijali żviluppati sew li jagħtu lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom drittijiet fl-oqsma tal-konsultazzjoni u l-informazzjoni; billi Direttiva dwar l-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni msaħħa tista' tgħin tiżgura li n-negozjati għal pjan xieraq ikunu jistgħu jsiru b'kundizzjonijiet ġusti u b'mod f'waqtu;

    G.

    billi l-limitu minimu tas-sensji tnaqqas minn 1 000 sensja għal 500 sensja, bil-possibilità li, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jew fi swieq tax-xogħol żgħar, applikazzjoni tal-FEG tiġi kkunsidrata meta s-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali;

    H.

    billi, sa mill-1 ta' Jannar 2014 persuni li qabel kienu jaħdmu għal rashom jistgħu jkunu wkoll benefiċjarji eleġibbli u jingħataw assistenza; billi l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-FEG jilħaq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom peress li n-numru ta' persuni li jaħdmu għal rashom qed jiżdied b'mod kostanti; billi, sal-31 ta' Diċembru 2017, iż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) f'reġjuni eliġibbli taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-FEG f'għadd ugwali għall-għadd ta' benefiċjarji fil-mira;

    I.

    billi l-FEG attwali jimmira mhux biss biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja iżda wkoll biex juri solidarjetà lejn dawk il-ħaddiema;

    J.

    billi l-baġit oriġinali tal-FEG kien ta' EUR 500 miljun fis-sena; billi l-baġit attwali huwa ta' EUR 150 miljun fis-sena, b'medja ta' nfiq annwali ta' madwar EUR 70 miljun minn mindu nħoloq;

    K.

    billi, filwaqt li r-rata ta' kofinanzjament inizjali kienet ta' 50 %, din żdiedet għal 65 % għall-perjodu 2009-2011, imbagħad reġgħet lura għal 50 % għall-perjodu 2012-2013, u bħalissa qiegħda 60 %;

    L.

    billi bejn l-2007 u l-2014 kien hemm 134 applikazzjoni minn 20 Stat Membru, relatati mal-122 121 ħaddiem fil-mira, u billi ntalab total ta' EUR 561,1 miljun; jinnota li fil-perjodu 2007-2013 ir-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit kienet biss 55 %; billi bejn l-2007 u l-2014 is-settur tal-manifattura kien jirrappreżenta l-ikbar numru ta' applikazzjonijiet, b'mod partikolari l-industrija awtomobilistika, li kienet tikkonċerna 29 000 minn 122 121 ħaddiem (23 % tat-total kopert mill-applikazzjonijiet ippreżentati); billi sal-lum il-kriżi ekonomika laqtet l-iktar lill-kumpaniji żgħar b'inqas minn 500 ħaddiem;

    M.

    billi l-Qorti tal-Awdituri tirrakkomanda li l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkunsidraw li jillimitaw il-finanzjament tal-UE għal miżuri li x'aktarx jipprovdu valur miżjud tal-UE, pjuttost milli jiffinanzjaw skemi nazzjonali diġà eżistenti ta' appoġġ għall-introjtu tal-ħaddiema kif previst fl-Artikolu 7(1)(b); billi jidher li l-miżuri tal-FEG ikollhom l-aktar valur miżjud meta jintużaw biex jiġu kofinanzjati servizzi li normalment ma jeżistux taħt sistemi tal-benefiċċji għax-xogħol tal-Istati Membri, fejn dawn is-servizzi jkunu ffukati fuq it-taħriġ pjuttost milli fuq allowances u f'każijiet fejn dawn il-miżuri jkunu ġew personalizzati u jkunu kumplimentari għad-dispożizzjonijiet ġenerali, b'mod partikolari għall-aktar gruppi vulnerabbli ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jsir investiment fil-potenzjal ta' eks impjegati u l-importanza li ssir valutazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali u r-rekwiżiti tal-ħiliet peress li dan għandu jkun il-bażi għat-taħriġ u l-bini tal-kompetenzi sabiex tiġi ffaċilitata riintegazzjoni rapida tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol; ifakkar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jimplimentaw il-baġit tal-FEG b'mod effettiv;

    N.

    billi l-FEG ma jsolvix il-problema tal-qgħad fl-UE; billi sabiex tissolva l-kriżi tal-qgħad fl-UE hemm bżonn li l-ħolqien, il-protezzjoni u s-sostenibilità tal-impjiegi jitpoġġew fil-qalba tal-politika tal-UE; billi r-rati tal-qgħad fl-UE, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nies qiegħda għal żmien twil, juru ħtieġa urġenti ta' inizjattivi li joffru prospetti ġodda ta' karriera;

    O.

    billi l-perjodu ta' referenza għall-valutazzjoni tal-FEG għall-finijiet ta' dan ir-rapport huwa 2007-2014; billi l-evalwazzjoni ex post tal-Kummissjoni tkopri l-perjodu 2007-2013 u r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri jawditja l-perjodu 2007-2012;

    P.

    billi l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tan-nondiskriminazzjoni, li huma fost il-valuri ewlenin tal-Unjoni u li jinsabu proklamati fl-Istrateġija Ewropa 2020, għandhom jiġu żgurati u promossi meta jkun qed jiġi implimentat il-FEG;

    1.

    Jinnota l-evalwazzjoni ex post tal-FEG u l-ewwel rapport biennali; jinnota li l-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligu ta' rapportar tagħha; iqis li dawn ir-rapporti u rapporti oħra mhumiex biżżejjed biex jiġu żgurati bis-sħiħ it-trasparenza u l-effiċjenza tal-FEG; jistieden lill-Istati Membri li bbenefikaw mill-FEG biex jagħmlu d-data u l-evalwazzjonijiet tal-każijiet kollha pubblikament disponibbli u biex jinkludu valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi fir-rapportar tal-każijiet; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu pubblikament disponibbli l-applikazzjonijiet u r-rapporti finali tagħhom skont ir-regolament attwali b'mod f'waqtu; filwaqt li l-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligi ta' rapportar tagħha, jemmen li l-Kummissjoni tista' tippubblika d-dokumenti rilevanti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG, inklużi r-rapporti tal-missjoni interni tagħhom wara żjarat ta' monitoraġġ rigward applikazzjonijiet pendenti fl-Istati Membri;

    2.

    Jilqa' l-estensjoni tal-perjodu ta' finanzjament minn sena għal sentejn; ifakkar li skont ir-riċerka tal-Eurofound, 12-il xahar ma kienx perjodu twil biżżejjed biex jgħin lill-ħaddiema ssensjati kollha, speċjalment l-aktar gruppi vulnerabbli bħalma huma l-ħaddiema b'livell baxx ta' kwalifiki, il-ħaddiema akbar fl-età, in-nisa u b'mod partikolari l-ġenituri waħedhom;

    3.

    Jinnota li l-evalwazzjonijiet tal-FEG juru li r-riżultati tal-interventi minn dan il-fond huma influwenzati minn fatturi bħal-livell ta' edukazzjoni u l-kwalifiki tal-ħaddiema fil-mira, kif ukoll mill-kapaċità ta' assorbiment tas-swieq tax-xogħol rilevanti u l-PDG tal-pajjiżi riċevituri; jenfasizza li dawn il-fatturi huma l-aktar influwenzati minn miżuri fit-tul li jistgħu jiġu effettivament appoġġjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE); jirrimarka l-ħtieġa li jitqiesu dawn il-fatturi u s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol lokali meta tiġi pprovduta assistenza mill-FEG; jinnota li huwa importanti li jkun hemm aktar sinerġiji bejn il-FEG u l-Fondi SIE sabiex jinkisbu riżultati aktar malajr u aktar effettivi; jenfasizza li l-Fondi SIE jistgħu jaġixxu bħala miżuri ta' segwitu fl-oqsma ta' appoġġ tal-FEG billi jistimulaw l-investiment, it-tkabbir globali u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li l-interventi tal-FEG għandhom ikunu diretti lejn investimenti li jikkontribwixxu għat-tkabbir, l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-mobilità ġeografika tal-ħaddiema u għandhom ikunu kkoordinati ma' programmi eżistenti tal-UE bl-għan li jgħinu lin-nies isibu impjieg u jippromwovu l-intraprenditorija, speċjalment fiż-żoni u fis-setturi li diġà qed ibatu mill-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni jew tar-ristrutturar tal-ekonomija; jenfasizza li għandha tingħata preferenza lil approċċi integrati bbażati fuq programmar iffinanzjat minn fondi differenti sabiex jiġu indirizzati s-sensji u l-qgħad b'mod sostenibbli, permezz ta' allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u koordinazzjoni u sinerġiji aktar mill-qrib, b'mod partikolari bejn il-FSE u l-FEŻR; jemmen bis-sħiħ li strateġija integrata ta' programmar b'fondi multipli tnaqqas ir-riskju ta' rilokazzjoni u toħloq kundizzjonijiet favorevoli sabiex il-produzzjoni industrijali tirritorna lejn l-UE;

    4.

    Jikkunsidra li sar titjib fil-funzjonament tal-FEG permezz tar-riformi tar-regolament; jinnota li t-titjib li sar issimplifika l-proċeduri biex l-Istati Membri jkollhom aċċess għall-FEG u li dan għandu jwassal għal żieda fl-użu ta' dan il-fond mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet biex jitneħħew l-ostakli relatati mal-kapaċità amministrattiva li fixklet il-parteċipazzjoni tal-FEG; jemmen li l-FEG m'għandux jikseb funzjoni ta' stabbilizzazzjoni makroekonomika;

    5.

    Jinnota li l-approprjazzjonijiet imnaqqsa allokati għall-FEG fil-baġit annwali kienu biżżejjed biex jipprovdu l-assistenza u l-appoġġ meħtieġa li huma kemm vitali kif ukoll neċessarji għall-persuni li tilfu xogħolhom; jenfasizza madankollu li sa mill-2014, il-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG ġie estiż biex jinkludi NEETs u l-kriterju ta' kriżi, u fil-każ ta' żieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet jew iż-żieda ta' prerogattivi ġodda l-approprjazzjonijiet jistgħu ma jkunux biżżejjed u jkollhom jiġu miżjuda biex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tal-FEG;

    6.

    Jenfasizza r-rilevanza ta' djalogu soċjali sod, ibbażat fuq fiduċja reċiproka u responsabilità konġunta, bħala l-aħjar strument sabiex jinstabu soluzzjonijiet kunsenswali u metodi komuni meta jiġu previsti, evitati u mmaniġġjati proċessi ta' ristrutturar; jenfasizza li dan jgħin biex jipprevjeni t-telf ta' impjiegi u għalhekk il-każijiet tal-FEG;

    7.

    Josserva ż-żieda sinifikanti fin-numru ta' applikazzjonijiet matul il-perjodu derogattiv mill-2009 sal-2011, li ppermetta applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kriterji relatati mal-kriżi, u li dan il-kamp ta' applikazzjoni ġie estiż aktar sabiex jinkludi b'mod permanenti l-kriterju ta' kriżi u l-individwi li jaħdmu għal rashom mill-2014 sal-2020; jilqa' l-estensjoni ta' din id-deroga wara l-2013; jinnota li aktar minn nofs in-numru totali tal-proġetti bejn l-2007 u l-2014 kienu relatati mal-kriżi; jenfasizza wkoll li l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika għadhom għaddejjin f'xi Stati Membri;

    8.

    Jinnota li, bejn l-2007 u l-2014, 20 Stat Membru ressqu 131 applikazzjoni għall-finanzjament għal ammont totali ta' EUR 542,4 miljun, u kellhom fil-mira 121 380 ħaddiem;

    9.

    Jinnota li l-Kummissjoni għamlet titjib fil-bażi ta' data tal-FEG fejn tiġi rreġistrata d-data kwantitattiva dwar il-każijiet tal-FEG għal skopijiet ta' statistika, u b'hekk għamlitha aktar faċli biex l-Istati Membri jressqu l-applikazzjonijiet u biex il-Kummissjoni tanalizza u tqabbel iċ-ċifri dwar il-każijiet tal-FEG; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni inkludiet il-FEG fis-Sistema Komuni Kondiviża ta' Ġestjoni tal-Fondi, u dan għandu jirriżulta fit-tressiq ta' applikazzjonijiet aktar korretti u aktar kompluti u jnaqqas ulterjorment iż-żmien meħtieġ biex applikazzjoni titressaq minn Stat Membru; jinnota li din is-sistema tippermetti s-simplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-Istati Membri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet sabiex il-finanzjament ikun jista' jiġi pprovdut malajr sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tiegħu;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa bis-sħiħ l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-politika kummerċjali dwar is-suq tax-xogħol tal-UE, filwaqt li tikkunsidra wkoll l-informazzjoni bbażata fuq l-evidenza ta' dawn l-effetti li ġew enfasizzati mill-applikazzjonijiet tal-FEG; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ex anteex post bir-reqqa, inklużi valutazzjonijiet tal-impatt soċjali, li jinvolvu effetti potenzjali fuq l-impjiegi, il-kompetittività u l-ekonomija kif ukoll l-impatt fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju filwaqt li tiġi żgurata koordinazzjoni ex ante bejn DĠ Kummerċ u DĠ Impjiegi; jistieden lill-Parlament jorganizza seduti ta' smigħ konġunt b'mod regolari għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali sabiex jikkontribwixxu għat-titjib fil-koordinazzjoni bejn il-politika kummerċjali u l-FEG u l-monitoraġġ tagħhom; iqis li huwa neċessarju li jiżdied l-użu tal-FEG fl-indirizzar tar-rilokazzjoni u tal-kriżijiet settorjali kkawżati minn fluttwazzjonijiet globali tad-domanda; jopponi bil-qawwa kwalunkwe inizjattiva li tikkunsidra l-FEG, fil-forma attwali tiegħu u bil-baġit attwali tiegħu, bħala għodda ta' intervent għal impjiegi mitlufa fl-Unjoni Ewropea minħabba strateġiji kummerċjali żbaljati deċiżi fil-livell tal-UE, inklużi ftehimiet kummerċjali futuri jew dawk li diġà huma fis-seħħ; jenfasizza l-ħtieġa ta' koerenza b'saħħitha bejn il-politiki kummerċjali u industrijali u l-ħtieġa li jiġu mmodernizzati l-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju tal-UE;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-istatus ta' ekonomija tas-suq biss lil sħab kummerċjali ladarba dawn jissodisfaw il-ħames kriterji li hija stabbiliet, jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kumissjoni tistabbilixxi strateġija ċara u effikaċi dwar il-kwistjonijiet relatati mal-għoti tal-istatus ta' ekonomija tas-suq lil pajjiżi terzi sabiex tippreserva l-kompetittività tan-negozji tal-UE u tkompli l-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta' kompetizzjoni inġusta;

    12.

    Jenfasizza li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-FEG huwa li jgħin lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba tibdil serju fil-kummerċ tal-Unjoni fl-oġġetti jew is-servizzi kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament; huwa tal-opinjoni li l-FEG għandu l-kompitu importanti li jiżgura appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minħabba l-konsegwenzi negattivi ta' tilwim kummerċjali; konsegwentement jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika li t-telf ta' impjiegi minħabba tilwim kummerċjali li jirriżulta f'tibdil serju fil-kummerċ tal-Unjoni f'oġġetti jew servizzi jaqa' kompletament fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG;

    13.

    Jenfasizza l-fatt li l-FEG fl-ebda każ ma jista' jissostitwixxi politika serja li tipprevjeni u tevita r-ristrutturar; jenfasizza l-importanza ta' politika industrijali reali fil-livell tal-UE li ġġib magħha tkabbir sostenibbli u inklużiv;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji speċifiċi għas-settur fuq l-impatt tal-globalizzazzjoni u, abbażi tar-riżultati, tressaq proposti maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-kumpaniji jantiċipaw il-bidliet fl-industriji tagħhom u jħejju lill-ħaddiema tagħhom qabel ma jagħtuhom is-sensja;

    15.

    Jissottolinja li xi wħud mill-Istati Membri ppreferew jużaw il-FSE minflok il-FEG minħabba r-rati ogħla ta' kofinanzjament tal-FSE, implimentazzjoni aktar rapida tal-miżuri tal-FSE, in-nuqqas ta' prefinanzjament tal-FEG u l-proċedura pjuttost twila ta' approvazzjoni tal-FEG; jemmen, madankollu, li ż-żieda fir-rata ta' kofinanzjament u l-proċess ta' applikazzjoni u approvazzjoni aktar f'waqtu li jinsabu fir-regolament il-ġdid jindirizzaw xi wħud minn dawn il-punti ta' tħassib; jiddispjaċih li l-appoġġ tal-FEG għadu ma laħaqx lill-ħaddiema ssensjati fl-Istati Membri kollha u jistieden lill-Istati Membri biex jużaw dan l-appoġġ fil-każ ta' sensji bil-massa;

    16.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri, it-tul medju ta' approvazzjoni ta' applikazzjoni tal-FEG huwa 41 ġimgħa; jitlob li jsir kull sforz biex jiġu aċċellerati l-proċeduri; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tnaqqas id-dewmien u tissimplifika l-proċess ta' applikazzjoni; jissottolinja li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri huwa indispensabbli f'dan ir-rigward u jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri kollha jibdew jimplimentaw il-miżuri malajr kemm jista' jkun; jinnota li ħafna Stati Membri diġà jagħmlu dan;

    17.

    Jinnota li l-FEG ibati minn nuqqas serju ta' għarfien min-naħa ta' wħud mill-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-komunikazzjoni tagħha mal-Istati Membri, man-netwerks sindikali nazzjonali u lokali u mal-pubbliku ġenerali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu sensibilizzazzjoni tal-FEG fost il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom u biex jagħmlu dan b'mod f'waqtu sabiex jiżguraw li l-akbar numru ta' benefiċjarji potenzjali jkun jista' jintlaħaq u jibbenefika mill-miżuri tal-FEG u jippromwovu b'mod aktar effikaċi l-benefiċċji bbażati fuq ir-riżultati miksuba mill-FEG;

    18.

    Ifakkar fl-importanza ta' salvagwardji li jipprevjenu r-rilokazzjoni ta' intrapriżi li jibbenefikaw mill-finanzjament tal-UE fi żmien definit li tista' twassal għat-tnedija ta' skemi ta' appoġġ addizzjonali minħabba s-sensji;

    Il-benefiċjarji tal-FEG

    19.

    Jilqa' l-konklużjonijiet fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li kważi l-ħaddiema kollha eliġibbli għall-FEG irnexxielhom jibbenefikaw minn miżuri personalizzati u kkoordinati tajjeb imfassla skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom u li kważi 50 % tal-ħaddiema li rċevew għajnuna finanzjarja issa reġgħu sabu impjieg; jinnota li nuqqas ta' implimentazzjoni effettiva u f'waqtha tal-programmi tal-FEG f'xi Stati Membri wassal għal nuqqas ta' nfiq; jemmen li l-involviment tal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom, is-sħab soċjali, l-aġenziji tal-impjiegi lokali u partijiet interessati rilevanti oħra fil-valutazzjoni u l-applikazzjoni inizjali huwa essenzjali sabiex jiġu żgurati eżiti pożittivi għall-benefiċjarji; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' miżuri u programmi innovattivi u tivvaluta fir-rieżamijiet tagħha sa liema punt it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati antiċipa l-perspettivi futuri u l-ħiliet meħtieġa tas-suq tax-xogħol u kien kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-regolament attwali, biex jagħmlu aktar sforzi biex ifasslu l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati favur ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli; jinnota li l-innovazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi huma essenzjali għat-tiġdid industrijali u d-diversifikazzjoni ekonomika;

    20.

    Jinnota li mit-73 proġett analizzat fir-rapport ta' evalwazzjoni ex post tal-Kummissjoni, is-sehem medju tal-benefiċjarji li għandhom 55 sena jew aktar kien 15 % u tal-benefiċjarji li għandhom bejn 15 u 24 sena kien 5 %; jilqa' għalhekk l-enfasi fir-regolament il-ġdid fuq il-ħaddiema akbar fl-età u dawk iżgħar, u l-inklużjoni tan-NEETs f'ċerti applikazzjonijiet; jinnota li s-sehem medju tan-nisa benefiċjarji huwa 33 %, u tal-irġiel huwa 67 %; jinnota li dawn iċ-ċifri jirriflettu l-kompożizzjoni tas-sessi tal-impjegati, li tista' tvarja skont is-settur involut; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fl-applikazzjonijiet kollha tal-FEG l-irġiel u n-nisa jiġu ttrattati bl-istess mod u jistieden lill-Istati Membri jiġbru d-data minn perspettiva tas-sessi sabiex jaraw kif dan jaffettwa r-rati ta' impjieg mill-ġdid tal-benefiċjarji nisa; jinnota, barra minn hekk, li f'xi applikazzjonijiet tal-FEG in-numru ta' benefiċjarji fil-mira huwa baxx meta mqabbel man-numru totali ta' benefiċjarji eliġibbli u dan jista' jwassal għal impatt subottimali;

    21.

    Iqis li l-inklużjoni tan-NEETs fl-applikazzjonijiet tal-FEG spiss teħtieġ tipi differenti ta' interventi u jemmen li l-atturi kollha xierqa, inklużi s-sħab soċjali, il-gruppi komunitarji lokali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom ikunu rappreżentati matul l-istadju ta' implimentazzjoni ta' kull programm u għandhom jippromwovu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni massima tan-NEETs; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Istati Membri jkollhom aġenzija ta' tmexxija b'saħħitha biex tikkoordina l-implimentazzjoni tal-programm, tiżgura appoġġ sostnut u ddedikat biex tassisti t-tlestija tan-NEETs tal-programm kif ukoll sabiex tiżgura l-ħlas tal-fondi tal-programm; jemmen li rieżami indipendenti b'enfasi speċifika fuq il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tan-NEETs jidentifika prattiki aħjar; jemmen bis-sħiħ li d-deroga għall-inklużjoni tan-NEETs għandha titkompla sat-tmiem tal-perjodu ta' programazzjoni f'Diċembru 2020;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha ta' nofs it-terminu tal-FEG valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva speċifika tas-sostenn mill-FEG lil żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), speċjalment fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tas-sinerġiji neċessarji bejn il-baġits nazzjonali, il-FSE u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI);

    23.

    Jinnota li, skont l-evalwazzjoni ex post, ir-rata medja ta' parteċipazzjoni tal-benefiċjarji għat-73 każ eżaminat kienet 78 %. Dan jinkludi l-20 każ b'rati lħuq tal-benefiċjarji ta' 100 % jew aktar; jinsisti, madankollu, li r-rata massima ta' lħuq għal kull każ hija 100 % u għalhekk l-użu ta' ċifri akbar minn 100 % jgħawweġ id-data u jissuġġerixxi rata sinifikament ogħla minn dik attwali; jinnota li dan huwa wkoll il-każ tar-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit; jistieden lill-Kummissjoni taġġusta ċ-ċifri tagħha biex tipprovdi valutazzjoni aktar preċiża tar-rati ta' lħuq tal-benefiċjarji u r-rati ta' implimentazzjoni tal-baġit;

    24.

    Jilqa' l-fatt li qabel kollox il-benefiċjarji setgħu jsibu impjieg ġdid permezz tal-appoġġ personalizzat tal-FEG għat-tfittix ta' impjieg u aġġornaw il-ħiliet tagħhom permezz ta' programmi ta' taħriġ u allowances ta' mobilità; jilqa' wkoll il-fatt li l-FEG ppermetta lil ċerti impjegati li jsiru intraprendituri permezz tal-għoti ta' għajnuna għall-bidu ta' negozju jew takeover ta' kumpaniji; jenfasizza, għalhekk, l-effetti pożittivi sinifikanti li l-FEG jista' jkollu fuq l-awtostima u s-sens ta' setgħa u ta' motivazzjoni; jenfasizza li l-għajnuna tal-FEG żiedet il-koeżjoni soċjali, billi ppermettiet li l-persuni jerġa' jkollhom impjieg u jevitaw nases negattivi tal-qgħad;

    25.

    Jinnota li skont il-figuri mir-rapport ex post, il-benefiċjarji tal-FEG għandhom tendenza li jkollhom livell edukattiv milħuq relattivament aktar baxx minn dak medju, u għalhekk ikollhom ħiliet inqas transferibbli, u dan, f'ċirkostanzi normali jnaqqas l-opportunitajiet tal-impjieg tagħhom u jagħmilhom aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol; huwa tal-fehma li l-FEG jista' jwassal l-aħjar valur miżjud tal-UE meta jappoġġja skemi ta' taħriġ u ta' taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema li jappoġġjaw b'mod speċjali lil gruppi vulnerabbli b'inqas kwalifiki, li jagħtu prijorità lill-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol u li jiffavorixxu l-intraprenditorja;

    26.

    Jinnota li stħarriġ li sar bħala parti mill-evalwazzjoni ex post ipproduċa riżultati mħallta, fejn 35 % ddikjaraw li l-kwalità ta' impjiegi ġodda kienet aħjar jew ħafna aħjar, 24 % ddikjaraw li kienet l-istess u 41 % ddikjaraw li kienet agħar jew ħafna agħar; madankollu, peress li m'hemm l-ebda data sistematika li fuqha tista' tiġi bbażata kwalunkwe valutazzjoni, jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tiġbor informazzjoni aktar dettaljata dwar l-impatt tal-interventi tal-FEG u l-kwalità tagħhom, bl-għan li fi stadju ulterjuri tieħu azzjoni korrettiva jekk ikun neċessarju;

    Il-kosteffettività u l-valur miżjud tal-FEG

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw il-kamp ta' applikazzjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-FEG b'mod aktar flessibbli u effikaċi, b'enfasi fuq ir-riżultati, l-impatt u l-valur miżjud, u bla ma jikkompromettu l-użu xieraq u trasparenti tal-fondi u l-konformità mar-regoli; huwa tal-fehma li l-proċedura ta' applikazzjoni għandha ssir aktar rapida biex il-fond isir iktar effikaċi għall-benefiċċju ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja; huwa mħasseb dwar id-diverġenza bejn ir-riżorsi mitluba mill-FEG u l-ammonti rimborżati mill-Istati Membri, bir-rata medja ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 45 % biss; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa r-raġunijiet għar-rati baxxi ta' implimentazzjoni u tipproponi miżuri biex tindirizza l-punti ta' konġestjoni eżistenti u tiżgura l-aħjar użu tal-Fond; jinnota li r-rata ta' impjieg mill-ġdid fi tmiem l-assistenza tal-FEG tvarja b'mod konsiderevoli minn 4 % għal 86 %, u għalhekk jissottolinja l-importanza ta' miżuri tas-suq tax-xogħol attivi u inklużivi; jinnota li l-infiq tal-FEG f'ċerti Stati Membri b'mod konsistenti jirreġistra prestazzjoni aħjar milli f'xi Stati Membri oħra; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tkompli tagħti gwida u tara li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkondividu l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni għall-fondi tal-FEG u fl-użu tagħhom sabiex tiġi żgurata l-ogħla rata ta' impjieg mill-ġdid għal kull euro li jintefaq;

    28.

    Huwa tal-fehma li r-rata ta' kofinanzjament ta' 60 % m'għandhiex tiżdied;

    29.

    Jinnota l-fatt li skont il-valutazzjoni ex post tal-Kummissjoni bħala medja, 6 % biss tal-fondi tal-FEG intefqu fuq spejjeż amministrattivi u ta' ġestjoni;

    30.

    Jinnota li l-aktar aspett sinifikanti tal-kosteffettività kif identifikat fil-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kien in-numru ta' ħaddiema li reġgħu ġew impjegati li bħalissa qegħdin iħallsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minflok jieħdu l-benefiċċji tal-qgħad jew benefiċċji soċjali oħra;

    31.

    Jinnota li, f'numru ta' każijiet tal-FEG, spejjeż ogħla għall-azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG idgħajfu l-impatt globali tal-investiment tal-FEG; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni ta' dawn l-ispejjeż billi tintroduċi limiti;

    32.

    Jinnota l-proposta fl-evalwazzjoni ex post li evalwazzjoni tal-impatt kontrofattwali hija element importanti fil-fehim tal-valur miżjud tal-FEG; jiddispjaċih li tali evalwazzjoni għadha mhijiex fis-seħħ;

    33.

    Jilqa' l-konklużjoni mill-Qorti tal-Awdituri li l-FEG wassal valur miżjud reali tal-UE meta ntuża għall-kofinanzjament ta' servizzi għall-ħaddiema ssensjati jew ta' benefiċċji li normalment ma jeżistux taħt is-sistemi ta' benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri, u b'hekk ikkontribwixxa għal koeżjoni soċjali fl-Ewropa; jenfasizza li ċerti Stati Membri m'għandhomx biżżejjed dispożizzjonijiet ta' protezzjoni soċjali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema li jkunu tilfu xogħolhom;

    34.

    Jiddispjaċih dwar il-fatt li skont il-Qorti tal-Awdituri, terz tal-finanzjament tal-FEG jikkumpensa l-iskemi nazzjonali ta' appoġġ għall-introjtu tal-ħaddiema, mingħajr l-ebda valur miżjud tal-UE; jindika li r-Regolament dwar il-FEG il-ġdid jillimita l-ispejjeż ta' miżuri speċjali, bħalma huma l-allowances għal waqt it-tfittix ta' impjieg u inċentivi għar-reklutaġġ għal min iħaddem, għal 35 % tal-ispiża totali tal-pakkett ikkoordinat, u li l-azzjonijiet appoġġjati mill-FEG mhumiex sostituzzjoni għal miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali pprovduti mill-Istati Membri permezz tas-sistemi nazzjonali tagħhom; jinsisti li l-FEG ma jistax jintuża biex jissostitwixxi l-obbligi tal-intrapriżi lejn il-ħaddiema tagħhom; Barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tispeċifika fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament li l-FEG ma jistax jintuża biex jissostitwixxi l-obbligi tal-Istati Membri lejn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

    35.

    Jiddispjaċih li r-rati ta' implimentazzjoni tal-baġit ivarjaw minn 3 % għal 110 %, b'rata medja ta' implimentazzjoni ta' 55 %; iqis li din is-sitwazzjoni xi drabi tirrifletti n-nuqqasijiet fil-fażi tal-ippjanar jew f'dik tal-implimentazzjoni u għandha tittejjeb permezz ta' proġetti mfassla u implimentati aħjar;

    36.

    Jiddispjaċih fir-rigward tat-tnaqqis fil-finanzjament għall-FEG; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ukoll lill-FEG biex jiġi żgurat li l-bżonnijiet jiġu ssodisfati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm biżżejjed persunal skont l-ammont ta' xogħol u tevita dewmien bla bżonn;

    37.

    Huwa tal-opinjoni li l-miżuri tal-FEG u tal-FSE għandhom jintużaw biex jikkumplimentaw lil xulxin sabiex jipprovdu kemm soluzzjonijiet speċifiċi għal żmien qasir kif ukoll soluzzjonijiet aktar ġenerali għal żmien twil; jinnota l-konklużjoni li ġeneralment l-Istati Membri kkoordinaw b'mod effettiv il-FEG mal-FSE u l-miżuri nazzjonali tas-suq tax-xogħol u li ma nstab l-ebda każ ta' duplikazzjoni jew finanzjament doppju ta' individwi matul l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri;

    38.

    Huwa sodisfatt bir-riżultat mir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-FEG fl-2013 u fl-2014 li ma kienx hemm irregolaritajiet irrapportati lill-Kummissjoni skont ir-Regolamenti tal-FEG fl-2013 u l-2014, u lanqas ma kien hemm irregolaritajiet relatati mal-FEG magħluqa fl-2013 u fl-2014;

    L-impatt fuq l-SMEs

    39.

    Jinnota li l-SMEs jirrappreżentaw 99 % tal-intrapriżi kollha tal-UE u jimpjegaw il-maġġoranza l-kbira tal-ħaddiema tal-UE; f'dan il-kuntest, jesprimi tħassib li l-FEG kellu impatt limitat ħafna fuq l-SMEs, minkejja l-fatt li dan jipprovdi b'mod ċar kamp ta' applikazzjoni għal SMEs li għandhom jiġu mmirati b'suġġett għal ċerti kriterji; jirrikonoxxi l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li l-ħaddiema affettwati ta' fornituri f'fażijiet preċedenti tal-katina tal-provvista qatt ma ġew esklużi b'mod intenzjonali, iżda jistieden lill-Kummissjoni tkompli torjenta mill-ġdid il-FEG lejn l-SMEs, li huma atturi ewlenin fl-ekonomija Ewropea, pereżempju billi tqiegħed enfasi akbar fuq id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 8, punt d) dwar il-ħtieġa li jiġu identifikati l-fornituri, il-produtturi downstream jew is-sottokuntratturi ta' intrapriżi li jkunu taw is-sensji jew billi ssegwi każijiet preċedenti fejn il-FEG kien ta' benefiċċju għall-SMEs, l-intrapriżi soċjali u l-kooperattivi għall-promozzjoni tal-aħjar prattika; jenfasizza li għandha titqies aktar il-proporzjonalità bejn il-ħaddiema minn SMEs u l-ħaddiema minn kumpaniji kbar;

    40.

    Jemmen li għandu jkun hemm aktar użu mid-deroga mil-limitu ta' eliġibilità, partikolarment għall-benefiċċju tal-SMEs; Jenfasizza l-importanza tal-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-regolament attwali għall-SMEs peress li jippermettu li s-setturi tal-ekonomija affettwati mill-kriżi jew mill-globalizzazzjoni jiġu ristrutturati fil-livel reġjonali fuq bażi ta' każ b'każ; jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw applikazzjonijiet magħmula taħt dawn id-dispożizzjonijiet u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita lill-Istati Membri fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi sabiex il-FEG ikun soluzzjoni operattiva għal ħaddiema ssensjati; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fl-istadji tal-ippjanar u tal-applikazzjoni;

    41.

    Jinnota l-konċentrazzjoni tal-applikazzjonijiet fis-setturi tal-manifattura u tal-kostruzzjoni u b'mod partikolari fl-industrija awtomobilistika u dik tal-avjazzjoni, bl-għajnuna fil-biċċa l-kbira tagħha pprovduta għall-intrapriżi l-kbar; jistieden lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali b'setgħat esklużivi, biex jappoġġjaw b'mod proattiv lill-ħaddiema ssensjati f'SMEs, kooperattivi u intrapriżi soċjali bl-użu tal-flessibilità pprovduta fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward ta' applikazzjonijiet kollettivi li jinvolvu l-SMEs u faċilitajiet oħra li jippromwovu aċċess usa' u appoġġ akbar għall-SMEs; jistieden ukoll lill-Istati Membri jinformaw lill-SMEs dwar l-opportunitajiet disponibbli għalihom taħt il-FEG; jenfasizza li dawn il-każijiet li jassistu lill-SMEs għandhom jitqiesu bħala valur miżjud tal-FEG;

    42.

    Jinsab sodisfatt bir-riżultat tar-rapport ta' implimentazzjoni ex post tal-Kummissjoni li jidentifika xejra pożittiva bejn ir-riżorsi użati fuq il-promozzjoni tal-intraprenditorija u r-rata ta' impjieg indipendenti fi tmiem tal-miżuri; jinnota madankollu li r-rata medja ta' impjieg indipendenti fil-każijiet kollha tal-FEG tinsab fil-livell baxx ta' 5 % u li għandhom ikunu utilizzati miżuri, bħal għotjiet għal negozji ġodda u inċentivi oħra, biex jinkoraġġixxu lill-intraprendituri. jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, il-konsulenza u n-netwerks bejn il-pari f'dan il-kuntest; jemmen li hemm aktar lok għal titjib għall-użu tal-FEG, waħdu jew flimkien ma' fondi oħra bħall-fondi SIE sabiex jappoġġja l-intraprenditorija u l-attività tal-bidu tan-negozju, iżda jenfasizza li l-appoġġ għall-intraprenditorija għandu jkun ibbażat fuq pjanijiet sostennibbli għan-negozju; jistieden lill-Istati Membri jenfasizzaw l-inklużjoni tan-nisa u l-bniet fil-programmi tal-intraprenditorija;

    43.

    Jilqa' l-isforzi ta' diversi Stati Membri biex iżidu l-użu tal-miżuri li jappoġġjaw l-intraprenditorja u l-ekonomija soċjali, fil-forma ta' għotjiet biex jinbeda negozju u miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-intraprenditorja u l-kooperattivi u s-servizzi soċjali għall-intraprendituri l-ġodda;

    Ir-rekwiżiti tad-data

    44.

    Jemmen li, fil-kuntest ta' numru ta' fatturi ta' komplikazzjoni bħal nuqqasijiet potenzjali tad-data, speċifitajiet reġjonali u nazzjonali, ċirkostanzi makroekonomiċi u mikroekonomiċi differenti, daqsijiet żgħar ta' kampjuni u ċerti suppożizzjonijiet neċessarji, l-approċċ metodoloġiku tal-Kummissjoni għandu jkun rigoruż u trasparenti filwaqt li jieħu miżuri biex isib soluzzjoni għan-nuqqasijiet li jikkumplikaw dan l-approċċ;

    45.

    Jenfasizza li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri jikkonkludi li ċerti Stati Membri ma stabbilixxewx objettivi kwantitattivi ta' riintegrazzjoni u li d-data eżistenti mhijiex adegwata biex tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri fir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fl-impjieg; jirrikonoxxi l-istqarrija tal-Kummissjoni li r-Regolament dwar il-FEG ma jinkludix għanijiet kwantitattivi ta' riintegrazzjoni, u li l-bosta miżuri tal-FEG jistgħu jiġu vvalutati b'mezzi oħrajn; jirrakkomanda għalhekk li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi kwantitattivi ta' riintegrazzjoni u jiddistinwgu b'mod sistematiku bejn il-FEG, il-FSE u miżuri nazzjonali oħra mfassla speċifikament għall-ħaddiema milquta mis-sensji kollettivi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar it-tip u l-kwalità ta' impjiegi li sabu l-persuni li ġew riintegrati fis-suq tax-xogħol u dwar ix-xejra fuq perjodu ta' żmien medju fir-rigward tar-rata ta' integrazzjoni miksuba permezz ta' interventi tal-FEG; l-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiddistinwgu bejn iż-żewġ tipi prinċipali ta' miżuri tal-FEG, jiġifieri l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u l-appoġġ għall-introjtu mħallas lill-ħaddiema, kif ukoll jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar il-miżuri li kellhom aċċess għalihom parteċipanti individwali sabiex tkun tista' ssir b'mod aktar preċiż analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri differenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi data dwar it-talbiet għall-FEG li ma ġewx approvati fil-livell tal-Kummissjoni u r-raġunijiet għalfejn;

    46.

    Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom li jipprovdu data dwar ir-rati ta' riintegrazzjoni 12-il xahar wara l-implimentazzjoni tal-miżuri sabiex jiġi żgurat is-segwitu meħtieġ tal-effett u l-effiċjenza tal-FEG;

    47.

    Jenfasizza l-bżonn li jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-awditjar fil-livell nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-effiċjenza u tiġi evitata ripetizzjoni mhux meħtieġa bejn korpi li joperaw livelli differenti ta' kontroll;

    48.

    Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-flussi ta' informazzjoni u l-arranġamenti ta' appoġġ bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali;

    49.

    Jirrakkomanda li jiġu implimentati rieżamijiet aktar regolari bejn il-pari, skambji bejn nazzjon u ieħor jew sħubija ta' każijiet tal-FEG ġodda ma' każijiet preċedenti tal-FEG, sabiex isir skambju ta' prattiki tajbin u ta' esperjenzi ta' implimentazzjoni; jirrakkomanda għalhekk li tinħoloq pjattaforma tal-aħjar prattiki, li tkun faċilment aċċessibbli u li tappoġġja l-iskambju ta' soluzzjonijiet integrati;

    50.

    Jinnota t-tħassib tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew rigward il-metodoloġija għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-FEG; jissottolinja l-ħtieġa ta' rekwiżiti ulterjuri dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni;

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu d-dispożizzjonijiet fir-Regolament dwar il-FEG attwali dwar l-allowances għall-Persuni li Jindukraw; f'dan il-kuntest jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri ta' xogħol u ta' taħriġ flessibbli u fejn possibbli jallokaw dawn il-miżuri lill-komunitajiet lokali peress li ħafna ħaddiema nisa ssensjati jista' jkollhom anqas flessibilità ġeografika minħabba obbligi ta' indukrar tal-familja;

    52.

    Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti reġjonali u lokali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkoordinaw l-isforzi fost l-atturi tas-suq tax-xogħol sabiex jagħmlu possibbli aċċess aħjar għall-appoġġ tal-finanzjament mill-FEG f'każijiet ta' sensji futuri; jitlob, barra minn hekk, li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Fond, u b'mod partikolari biex iħeġġu lir-rappreżentanti ta' partijiet interessati nisa sabiex jiżguraw li tingħata aktar attenzjoni lill-aspetti tal-ġeneru.

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiddelega l-valutazzjoni tal-FEG kif mitlub skont l-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-Eurofound; jemmen li fi ħdan tali proposta, il-Kummissjoni tista' tipprovdi lill-Eurofound bir-riżorsi finanzjarji neċessarji, li jikkorrispondu għan-nefqa kurrenti tal-akkwist tal-evalwazzjoni tal-FEG u l-ispejjeż tar-riżorsi umani; barra minn hekk, peress li l-ostaklu ewlieni għal valutazzjonijiet aħjar huwa n-nuqqas ta' data xierqa, il-Kummissjoni tista' tirrikjedi lill-Istati Membri sabiex jipprovdu d-data rilevanti lill-Eurofound;

    o

    o o

    54.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

    (2)  ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.

    (3)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1

    (4)  ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 119.

    (5)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 30.

    (6)  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.


    Top