Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0357

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali (2016/2010(INI))

    ĠU C 204, 13.6.2018, p. 145–152 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 204/145


    P8_TA(2016)0357

    Applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali (2016/2010(INI))

    (2018/C 204/18)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jirrigwardaw il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni,

    wara li kunsidra l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni li japplikaw għal impriżi,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tat-TFUE,

    wara li kkunsidra l-Protokoll 26 tat-TFUE dwar servizzi ta' interess ġenerali,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (1), kif emendata bid-Direttivi 2002/39/KE u 2008/6/KE (minn hawn 'il quddiem “id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali”),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Awwissu 2010 li tistabbilixxi l-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Posta (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (3),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (4),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (6),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali (COM(2015)0568), u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah (SWD(2015)0207),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2013 bit-titolu “Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti: It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn” (COM(2013)0886)

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2012 bl-isem “Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE” (COM(2012)0698),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 bl-isem “Qafas koerenti għall-bini ta' fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (COM(2011)0942),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)0144),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali (8),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0254/2016),

    A.

    billi s-suq postali għadu qasam tal-ekonomija bi prospetti sodi għal tkabbir u żieda fil-kompetizzjoni, minkejja li bejn l-2012 u l-2013 is-servizzi tal-posta tal-ittri naqsu b'4,85 % bħala medja fl-UE skont il-Bażi tad-Data tal-Istatistiki Postali tal-Kummissjoni Ewropea, li huwa konsistenti mat-tnaqqis fil-volum tal-ittri matul l-aħħar 10 snin, fil-biċċa l-kbira minħabba l-proċess ta' sostituzzjoni elettronika;

    B.

    billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali għenet lis-swieq domestiċi jinfetħu għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-ittri, iżda l-iżvilupp mexa bil-mod u ma wassalx għat-tlestija tas-suq intern għas-servizzi postali, u s-settur f'ħafna mill-Istati Membri għadu ddominat mill-fornituri ta' servizz universali;

    C.

    billi l-użu tal-ICT kontinwament itejjeb is-servizzi postali billi jipprovdi opportunitajiet għall-innovazzjoni u lok ta' espansjoni tas-suq;

    D.

    billi kompetituri ġodda ffukaw prinċipalment fuq klijenti kummerċjali kbar u żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni;

    E.

    billi s-suq tal-konsenja tal-pakketti huwa settur kompetittiv ħafna, innovattiv u qed jikber b'rata mgħaġġla: bi tkabbir ta' 33 % bejn l-2008 u l-2011 f'dak li hu volum, u billi l-kummerċ elettroniku huwa fattur li jixpruna dan it-tkabbir;

    F.

    billi l-użu mifrux ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (drones) jipprevedi modi ta' konsenja tal-pakketti li huma ġodda, rapidi, effiċjenti u ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, speċjalment f'żoni b'densità baxxa ta' popolazzjoni, żoni iżolati u żoni distanti;

    G.

    billi l-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar jirrapportaw li l-problemi rigward il-konsenja tal-pakketti, b'mod partikolari l-prezzijiet għoljin, iżommuhom milli jbigħu u jixtru aktar minn Stati Membri oħra;

    I.    Servizz universali: it-tisħiħ tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali

    1.

    Jinnota li filwaqt li l-istandards minimi assoċjati mal-obbligu ta' servizz universali (oġġetti postali sa 2 kg, pakketti postali sa bejn 10 u 20 kg, oġġetti reġistrati u assigurati, u servizzi oħra ta' interess ekonomiku ġenerali bħalma huma l-gazzetti u r-revisti), regolati fl-UE b'mod partikolari billi jiggarantixxu firxa minima essenzjali ta' servizzi f'kull parti tal-UE, mingħajr ma jżommu lill-Istati Membri milli japplikaw standards ogħla, ġeneralment jissodisfaw it-talbiet tal-klijienti, ċerti rekwiżiti dettaljati, li mhumiex soġġetti għal regolamentazzjoni fil-livell tal-UE, huma ġustament stabbiliti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fdati b'dan il-kompitu;

    2.

    Jinnota li l-kompitu primarju tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali hu li jintlaħaq l-objettiv ġenerali tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali li jiżgura l-provvediment sostenibbli tas-servizz universali; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rwol u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali permezz ta' kriterji ta' kwalifika professjonali għolja għall-persunal, b'aċċess ġust u mhux diskriminatorju garantit għal taħriġ fuq ix-xogħol, termini tal-kariga fissi u protezzjoni ġuridika kontra tkeċċija mingħajr raġuni, u, f'każ ta' tkeċċija, b'lista eżawrjenti ta' raġunijiet li jiġġustifikaw tali tkeċċija (eż. ksur serju tal-liġi), biex b'hekk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom li ġejjin mid-Direttiva dwar is-Servizzi Postali b'mod newtrali, trasparenti u f'waqtu;

    3.

    Iqis li kwalunkwe espansjoni tar-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali taħt ir-regolamenti l-ġodda fis-suq tal-pakketti għandha tindirizza l-għażliet selettivi fis-settur tal-konsenji u tistabbilixxi standards minimi għall-operaturi kollha sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta u ugwali;

    4.

    Jemmen li l-obbligi tal-indipendenza jistgħu jiġu ssodisfati biss jekk il-funzjonijiet regolatorji tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu separati fl-istruttura u fil-funzjoni mill-attivitajiet assoċjati mas-sjieda jew il-kontroll ta' operatur postali; iqis li l-uffiċjali anzjani tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m'għandhomx jitħallew jaħdmu għall-operatur postali pubbliku jew partijiet interessati oħra għal mill-inqas 6 xhur wara li jkunu telqu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bil-ħsieb li ma jkunx hemm kunflitti ta' interess; Iqis li, għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligu msemmi hawn fuq;

    5.

    Jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita u ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-interoperabbiltà fil-konsenja transfruntiera u biex tissorvelja l-attivitajiet regolatorji tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — inkluż il-forniment ta' servizzi universali — sabiex tiżgura approċċ uniformi mal-applikazzjoni tad-dritt Ewropew u l-armonizzazzjoni tas-suq postali fi ħdan l-UE;

    6.

    Ifakkar li d-Direttiva dwar is-Servizzi Postali tipprovdi lill-Istati Membri bil-flessibbiltà meħtieġa biex jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet lokali u biex jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-forniment tas-servizz universali, filwaqt li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti u jkun hemm adattament għall-bidliet fl-ambjent tekniku, ekonomiku u soċjali;

    7.

    Jinnota l-konferma tal-Kummissjoni li d-Direttiva dwar is-Servizzi Postali ma tirrikjedi l-ebda struttura ta' sjieda partikolari għall-fornituri tas-servizz universali; jemmen li l-fornituri ta' servizz universali m'għandhomx jinżammu mill-jinvestu u jinnovaw fil-forniment ta' servizzi postali effiċjenti u ta' kwalità;

    II.    Iż-żamma tas-servizz universali u l-ħolqien ta' ambjent fejn il-kompetizzjoni ġusta tkun tista' sseħħ: l-aċċess, il-kwalità tas-servizz u l-ħtiġijiet tal-utent

    8.

    Iqis li teżisti tendenza ta' ambitu aktar limitat għall-obbligu tas-servizz universali; iħeġġeġ il-promozzjoni ta' għażla tal-konsumatur sabiex jiddefinixxi l-konsenja ta' ittri fil-firxa tal-obbligu tas-servizz universali; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jiġi pprovdut servizz universali ta' kwalità għolja taħt kundizzjonijiet li jintlaħqu, li jkunu jikkonsistu f'mill-inqas ħamest ijiem ta' konsenja u ħamest ijiem ta' ġbir fil-ġimgħa għal kull ċittadin tal-UE; jinnota li bl-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-servizz universali, u minħabba l-karatteristiċi nazzjonali u s-sitwazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi tagħhom, xi Stati Membri jippermettu grad ta' flessibilità; ifakkar li filwaqt li livell ta' flessibbiltà hi permessa mid-Direttiva, ir-regolamenti nazzjonali m'għandhomx imorru lil hinn minn dan il-livell ta' flessibbiltà;

    9.

    Ifakkar li s-servizz universali jeħtieġ jevolvi b'rispons għall-ambjent tekniku, ekonomiku u soċjali u għall-ħtiġiet tal-utenti, u li d-Direttiva tas-Servizzi Postali tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet lokali u biex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-forniment tas-servizz universali;

    10.

    Jikkunsidra li l-kopertura ġeografika u l-aċċessibilità għas-servizzi universali għal konsenji ta' pakketti jistgħu jitjiebu u jeħtieġ li jitjiebu, speċjalment għal ċittadini b'diżabbiltà u mobilità mnaqqsa u dawk li jgħixu f'żoni remoti; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà bla ostakoli għas-servizzi postali u l-konsistenza tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali skont l-Att dwar l-Aċċessibbiltà;

    11.

    Jinnota li f'ħafna Stati Membri, it-tnaqqis fil-volum tal-ittri qed jagħmel il-provvediment tas-servizzi universali tal-posta aktar u aktar diffiċli; jirrikonoxxi li ħafna fornituri ta' servizz universali magħżula jużaw id-dħul minn attivitajiet kummerċjali li mhumiex obbligu ta' servizz universali, bħas-servizzi finanzjarji jew il-konsenja tal-pakketti, biex jiffinanzjaw l-obbligu ta' servizz universali;

    12.

    Jinnota li hemm għadd ta' każijiet ta' kompetizzjoni inġusta fis-settur postali u jistieden lill-awtorità responsabbli biex tissanzjona kwalunkwe mġiba ħażina;

    13.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jissorveljaw il-forniment tas-servizzi postali bħala servizz pubbliku sabiex ikun żgurat li l-kumpens għal servizz pubbliku jiġi implimentat b'mod li jkun proporzjonat, trasparenti u ġust;

    14.

    Jenfasizza kemm huwa importanti li l-prezzijiet fl-ambitu tal-obbligu ta' servizz universali jkunu jintlaħqu minn kulħadd u jipprovdu aċċess lill-utenti kollha għas-servizzi pprovduti; Ifakkar li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiddefinixxu b'mod ċar l-aċċessibbiltà għal oġġett ta' korrispondenza u li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu servizzi postali b'xejn għall-persuni għomja jew b'vista mnaqqsa;

    15.

    Jistieden lill-Istati Membri jżommu l-koeżjoni territorjali u soċjali u r-rekwiżiti ta' kwalità assoċjati, u jinnota li l-Istati Membri diġà jistgħu jadattaw xi karatteristiċi speċifiċi biex jakkomodaw id-domanda lokali billi japplikaw il-flessibbiltà prevista fid-Direttiva 97/67/KE; jirrikonoxxi li n-netwerks u s-servizzi postali huma importanti ħafna għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti ta' għajnuna mill-Istat f'każijiet eċċezzjonali biss, b'konformità mal-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u b'mod trasparenti, mhux diskriminatorju u xieraq, u biex jiżguraw li l-konsumaturi jkomplu jkollhom aċċess għas-servizzi postali, billi jiżguraw, fejn xieraq, għadd minimu ta' servizzi fl-istess punt ta' aċċess; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fondi ta' kumpens ikunu proporzjonali u li l-proċeduri tal-akkwist pubbliku jkunu trasparenti u ġusti;

    16.

    Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-ftuħ tas-suq ikompli jkun ta' benefiċċju għall-utenti kollha, u b'mod partikolari għall-konsumaturi u għall-SMEs, permezz ta' monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi tas-suq; jinkoraġġixxi aktar titjib fil-ħeffa, l-għażla u l-affidabbiltà tas-servizzi;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb id-definizzjoni attwali ta' servizz universali sabiex jiġi stipulat livell minimu garantit ta' servizz għall-konsumaturi, tagħmel l-obbligu ta' servizz universali adatt għal swieq li qed jevolvu, biex tqis il-bidliet fis-suq fi Stati Membri differenti u biex tħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali; isostni, madankollu, peress li kull suq għandu l-limitazzjonijiet speċifiċi tiegħu, li l-operaturi għandhom jingħataw marġni ta' flessibbiltà fl-organizzazzjoni tas-servizz universali; Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw proċeduri ta' liċenzjar skont id-Direttiva attwali u jarmonizzaw aktar il-proċeduri ta' liċenzjar u/jew notifika sabiex jitnaqqsu l-ostakli mhux ġustifikati għad-dħul fis-suq intern, mingħajr ma jinħolqu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;

    18.

    Jenfasizza li l-introduzzjoni ta' proċeduri ta' konċiljazzjoni li jkunu faċilment aċċessibbli u bi prezz li jintlaħaq għandha potenzjal interessanti fir-rigward tal-kisba ta' soluzzjoni faċli u għal żmien qasir, kemm għall-operaturi kif ukoll għall-konsumaturi f'każijiet ta' tilwim; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur postali;

    19.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fit-tfassil ta' proposti leġiżlattivi tqis id-diġitalizzazzjoni u l-opportunitajiet li din iġġib magħha, il-karatteristiċi speċifiċi tal-Istati Membri u x-xejriet ġenerali fis-swieq postali u tal-pakketti;

    20.

    Ifakkar li l-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi postali għandha tiġi applikata b'mod li jimminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn dawk li qabel kienu monopolji u dawk li daħlu fis-suq, filwaqt li tiggarantixxi s-sostenibbiltà fit-tul tal-obbligu ta' servizz universali, biex b'hekk l-operaturi kollha jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu servizzi postali madwar l-Ewropa; jinnota li l-garanzija ta' eżenzjoni tal-VAT lill-fornitur tas-servizz attwali għal servizzi li mhumiex is-servizz universali, meta fornituri tas-servizz oħra huma soġġetti għall-VAT, hija ostakolu sinifikanti għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet kummerċjali ekwi bejn il-fornituri, kemm għall-posta tradizzjoni kif ukoll għall-qasam – li qed jikber b'rata mgħaġġla – tal-konsenja tal-pakketti postali, u bejn l-operaturi diġà stabbiliti u dawk li għadhom jibdew; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tivvaluta jekk il-proċeduri ta' sejħiet għal offerti jimponux piż inġust;

    22.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li l-operaturi eżistenti jridu la jkunu vantaġġati permezz ta' appoġġ statali u lanqas żvantaġġati minħabba l-obbligu ta' servizz pubbliku tagħhom jew spejjeż li jintirtu vis-à-vis kompetituri ġodda fis-suq;

    23.

    Iqis li l-kompetizzjoni u s-suq huma l-muturi għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi b'valur miżjud u jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa, billi tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità u r-raġunijiet ekonomiċi, l-innovazzjoni fis-settur sabiex tippromwovi servizzi b'valur miżjud, bħal dawk ta' tiftix u traċċar, postijiet ta' ġbir u tħollija, ħin tal-konsenja flessibbli, proċeduri ta' ritorn adatti u aċċess għal proċeduri ta' rikors faċli; jirrikonoxxi l-ħidma u l-investimenti magħmula mill-operaturi postali f'dan il-qasam;

    24.

    Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-appoġġ tal-Istati Membri l-oħra tal-obbligu ta' servizz universali u spejjeż oħra li jintirtu tal-fornituri tas-servizzi postali skont is-sensiela ewlenija ta' regoli għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (2012 Qafas dwar servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali);

    25.

    Iqis li l-kwalità tas-servizz għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-istandards stipulati fid-Direttiva u tirrifletti l-ħtiġijiet tal-konsumaturi sabiex tiżdied l-interoperabbiltà u titjieb il-kwalità tas-servizz;

    26.

    Jinnota li l-operaturi postali Ewropej investew fit-titjib tal-interkonnettività tan-netwerk tagħhom u introduċew servizzi innovattivi u faċli għall-utent għall-konsumaturi u l-bejjiegħa online tal-SMEs li jagħmlu kummerċ elettroniku transfruntiera; iqis li dawn l-investimenti għandhom jiġu protetti b'kundizzjonijiet ta' aċċess ġusti;

    27.

    Itenni l-appoġġ tiegħu lill-Forum tal-Utenti Postali, li ġie stabbilit fl-2011 mill-Kummissjoni u li għandu l-għan li jiffaċilita d-diskussjoni bejn l-utenti, l-operaturi, it-trade unions u partijiet interessati oħra dwar kwistjonijiet li jinkludu s-sodisfazzjon tal-utent finali, ir-rekwiżiti ta' utent kummerċjali u kif tista' titjieb il-konsenja permezz tal-kummerċ elettroniku; huwa tal-fehma li l-Forum huwa utli ħafna u għandu jiltaqa' regolarment sabiex jidentifika soluzzjonijiet potenzjali għat-titjib tas-servizzi postali u tal-konsenja tal-pakketti;

    III.    Id-dimensjoni transfruntiera u l-kummerċ elettroniku

    28.

    Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-interoperabilità u t-titjib tan-netwerks postali u, fejn jeżistu diversi fornituri ta' servizz universali, biex jevitaw l-ostakoli għat-trasport ta' oġġetti postali u jippermettu lill-SMEs aċċess għas-servizzi finanzjarjament attraenti tal-konsenji transfruntiera billi jżidu t-trasparenza tat-tariffi applikati mill-operaturi postali;

    29.

    Jikkunsidra li l-konsenja tal-pakketti hi settur kompetittiv ferm, li huwa innovattiv u li qed jikber b'rata mgħaġġla; jinnota l-importanza ta' servizzi ta' konsenja ta' pakketti affidabbli u bi prezz li jintlaħaq fit-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali; ifakkar li l-ftuħ ta' dan is-settur għall-kompetizzjoni ta spinta lill-iżvilupp ta' servizzi b'valur miżjud, bħal dawk ta' tiftix u traċċar, postijiet ta' ġbir u tħollija, ħinijiet ta' konsenja flessibbli u proċeduri ta' ritorn; għalhekk jemmen li kwalunkwe regolament ġdid f'dan is-suq jeħtieġ li jkun proporzjonat u sostnut b'evidenza ekonomika tajba;

    30.

    Jinnota f'dan ir-rigward li l-vantaġġi kollha offruti minn teknoloġiji ġodda, inklużi l-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod, għandhom jiġu kkunsidrati, peress li dawn jistgħu jiffaċilitaw is-servizzi ta' konsenja, speċjalment f'żoni bi ftit popolazzjoni, iżolati jew remoti, filwaqt li jitqiesu wkoll l-aspetti tas-sikurezza u s-sostenibbiltà ambjentali;

    31.

    Iqis li d-dinamika tas-suq tal-konsenja tal-pakketti, li hu kompetittiv ħafna, innovattiv u qed jikber b'rata mgħaġġla, m'għandux jiġi mxekkel minn regolamentazzjoni mhux ġustifikata u burokrazija żejda;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sorveljanza tas-suq tal-konsenja tal-pakketti fejn meħtieġ, f'direzzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni, u biex tinkoraġġixxi, mingħajr ma ddgħajjef il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-aċċessibbiltà tat-tariffi transfruntiera u tidentifika prattiki inġusti antikompetittivi u monopolistiċi; iħeġġeġ li jiżdiedu t-trasparenza tat-tariffi u d-disponibbiltà tas-servizz, b'mod partikolari għall-konsumaturi bejjiegħa u l-SMEs;

    33.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar aċċess transfruntier trasparenti u mhux diskriminatorju għall-elementi kollha tan-netwerk, il-faċilitajiet assoċjati, is-servizzi rilevanti u s-sistemi ta' informazzjoni tan-netwerks postali għal partijiet terzi; jemmen li l-użu effiċjenti tal-infrastruttura jista' jġib miegħu gwadann ekonomiku għal fornituri ta' servizz universali u jżid il-kompetizzjoni fil-konsenja transfruntiera;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru aktar data dwar is-suq tal-konsenja tal-pakketti sabiex jiġi analizzat aħjar l-iżvilupp ta' dan is-settur ekonomiku u l-iżvilupp strutturali tiegħu;

    35.

    Jenfasizza l-importanza li titjieb il-kwalità tas-servizz u l-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi sabiex jerġa' jinkiseb livell adegwat ta' fiduċja min-naħa tal-konsumatur; iqis li trasparenza akbar fir-rigward tal-prezzijiet, l-għażliet, il-modalitajiet u l-kwalità/prestazzjoni (veloċità, kopertura ġeografika, dewmien u l-immaniġġar ta' oġġetti ddanneġġjati jew mitlufa) tal-konsenja, kif ukoll it-tikketti ta' fiduċja, jistgħu jindirizzaw in-nuqqas ta' fiduċja;

    36.

    Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jtejbu t-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-iffissar pubbliku tal-prezzijiet u l-prestazzjoni tas-servizzi (għażliet ta' konsenja, il-konsenja finali, l-affidabbiltà), speċjalment fir-rigward tal-kummerċ elettroniku; jitlob li jkun hemm kontrolli tat-trasparenza meta l-prezzijiet ma jkunux ikkontrollati mill-kompetizzjoni jew ikunu għoljin b'mod mhux raġonevoli; jenfasizza l-importanza li jitnaqqas id-distakk bejn il-prezzijiet domestiċi u transfruntiera u jappoġġa miżuri li jżidu l-għarfien tal-konsumaturi u l-kapaċità li jitqabblu l-istrutturi tal-prezzijiet domestiċi u transfruntiera; jistieden lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jivvalutaw jekk il-prezzijiet fuq xi rotot transfruntiera jistgħux jintlaħqu minn kulħadd, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil differenzi eċċessivi;

    37.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-istrateġija dwar il-kummerċ elettroniku u l-konsenja transfruntiera tal-pakketti; jissuġġerixxi li tittejjeb l-interoperabilità tul il-katina tal-konsenja u li jiġu żviluppati l-aħjar prattiki għall-bejjiegħa online;

    38.

    Iqis li l-proċeduri għall-ilmenti u l-arranġamenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim iridu jkunu sempliċi u effettivi u japplikaw fuq bażi transfruntiera; jenfasizza li d-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim u l-pjattaforma online stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi u n-negozji fit-tranżazzjonijiet transfruntiera; huwa mħasseb li, minkejja l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' Lulju 2015, s'issa 24 Stat Membru biss ittrasponew id-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim u konsegwentement miljuni ta' ċittadini Ewropej qed jiġu mċaħħda minn dan il-mekkaniżmu ta' rimedju importanti; jemmen li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ESCP) tista' tkun rikors siewi għall-konsumaturi u n-negozji fi tranżazzjonijiet transfruntiera; jitlob li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' mekkaniżmi ulterjuri għal rimedju xieraq għall-konsumaturi fis-servizzi postali, jekk dan ikun neċessarju;

    39.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tnaqqis tal-ispejjeż billi jtejbu l-interoperabbiltà tal-proċessi tad-dispaċċ u tal-ġbir tal-pakketti, u jiżviluppaw standards Ewropej għal sistemi ta' traċċar integrati; japprezza l-progress li sar mill-industrija fil-qadi tal-konsumaturi u l-SMEs minn pajjiż għal ieħor permezz tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà u s-sistemi ta' tiftix u traċċar (track-and-trace); jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' għodod miftuħa u indikaturi tal-kwalità tas-servizz sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu l-offerti minn fornituri differenti tas-servizzi; jilqa' l-progress li jikkonferma l-approċċ tas-suq sostnut u mitlub mill-Parlament; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' pjattaformi għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-operaturi tal-konsenja sabiex tinħoloq għażla usa' ta' possibilitajiet ta' konsenja u soluzzjonijiet ta' ritorn għall-konsumaturi;

    40.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw l-iffunzjonar tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti skont id-diversi regoli li jirriżultaw jew mill-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (pereżempju r-regoli tal-Unjoni Postali Universali (UPU) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) jew mid-dritt tal-UE (pereżempju l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni), speċjalment l-obbligu ta' servizz universali, li jista' jiġi użat ħażin u joħloq distorsjoni fis-suq; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tapplika għal sħubija fl-Unjoni Postali Universali sabiex tikseb settur postali Ewropew integrat għalkollox;

    41.

    Jappoġġja l-prinċipju li tinġabar statistika dwar is-suq tal-konsenja tal-pakketti sabiex tinkiseb stampa aktar ċara tal-atturi ewlenin tas-suq, il-kompetizzjoni u x-xejriet tas-suq;

    IV.    Id-dimensjoni soċjali: it-titjib tal-impjiegi

    42.

    Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-servizzi postali kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inkluż il-livell meħtieġ ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mid-daqs u t-tip ta' kumpanija li timpjegahom, il-post tax-xogħol jew il-kuntratt sottostanti; jenfasizza l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari fid-dawl tat-tibdil demografiku u l-livell għoli ta' mobilità tal-ħaddiema fis-settur postali; jilqa' l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u s-sħab soċjali fis-settur postali fil-kampanja “Healthy Workplaces Manage Stress” (“Postijiet tax-Xogħol li jġibu 'l quddiem is-Saħħa jimmaniġġaw l-Istress”);

    43.

    Jinnota li s-settur tas-servizzi postali nbidel ħafna f'dawn l-aħħar snin minħabba l-avvanzi teknoloġiċi u d-diġitizzazzjoni, u li l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tas-servizzi postali jħallu effetti qawwija fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi fis-settur;

    44.

    Jinnota li l-liberalizzazzjoni tas-settur postali f'xi Stati Membri wasslet għal differenzi sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi bejn il-fornituri ta' servizz universali u l-kumpaniji kompetituri li jipprovdu servizzi postali speċifiċi; iqis li kompetizzjoni akbar m'għandhiex tiġġenera prattiki soċjali illegali jew twassal għad-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

    45.

    Jinnota li jekk l-impriżi postali jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw u jespandu l-produzzjoni tagħhom b'mod innovattiv, partikolarment fiż-żoni periferali, dan għandu jkollu wkoll l-effett li jippromwovi l-impjieg;

    46.

    Jinnota li n-numru ta' ħaddiema part-time, ħaddiema temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom fis-settur żdied u li x-xejra ġenerali hija lejn kuntratti tax-xogħol aktar flessibbli, li f'ċerti ċirkostanzi jistgħu joħolqu impjiegi prekarji, mingħajr ħarsien xieraq għall-impjegati; jilqa' l-iżvilupp ta' mudelli ġodda tal-ħin tax-xogħol li jippermettu lill-ħaddiema, pereżempju, itejbu l-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol, biex ikopru taħriġ intern jew li jkollhom l-għażla li jaħdmu part-time; jinnota li kuntratti tal-impjieg flessibbli ġodda għandhom jeskludu riskji potenzjali bħal xogħol eċċessiv għall-ħaddiema, jew livelli ta' paga li mhumiex proporzjonati mal-prestazzjoni; jenfasizza, għalhekk, minn naħa waħda l-ħtieġa ta' flessibbiltà fis-suq tax-xogħol u min-naħa l-oħra ta' sigurtà ekonomika u soċjali għall-ħaddiema; jenfasizza li t-tnaqqis fl-ispejjeż tax-xogħol billi jitnaqqsu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ma għandux jitqies bħala flessibbiltà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw l-attivitajiet biex jindirizzaw l-impjieg indipendenti fittizju fis-settur postali; iħeġġeġ lill-Istati Membri, b'mod aktar ġenerali, jipprevjenu l-flessibbiltà tal-kuntratti tal-impjieg milli jkollhom impatt negattiv fuq il-ħaddiema;

    47.

    Jilqa' r-rwol importanti tat-trade unions, li f'ħafna Stati Membri jaħdmu flimkien mal-fornituri tas-servizz universali fi sforz biex jagħmlu t-trasformazzjoni tas-settur tas-servizzi postali soċjalment sostenibbli; jenfasizza l-importanza ta' sħab soċjali b'saħħithom u indipendenti fis-settur postali, djalogu soċjali istituzzjonalizzat u l-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kwistjonijiet tal-kumpanija;

    48.

    Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-konformità mal-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ obbligatorji, kif ukoll il-ħinijiet tax-xogħol fis-settur postali; jemmen li l-monitoraġġ għandu jsir permezz ta' tagħmir ta' kontroll diġitali installat fil-vetturi; ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 165/2014 dwar it-takografi fit-trasport bit-triq ma japplikax għal vetturi ta' inqas minn 3,5 tunnellati; jitlob għalhekk li jkun hemm kontrolli ikbar fuq il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ; ifakkar li l-kompiti kollha relatati mal-attività ta' impjegat għandhom jitqiesu bħala ħin tax-xogħol; jenfasizza bl-istess mod l-importanza tal-monitoraġġ tal-konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet fil-vetturi, għall-persuni kollha involuti fil-konsenja postali irrispettivament mill-istatus ta' impjieg tagħhom: ħaddiem għal rasu, subkuntratturi, membri tal-persunal temporanju jew ħaddiem bil-kuntratt;

    49.

    Jemmen li għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-kompetizzjoni ħielsa, l-esiġenzi tal-konsumatur, is-sostenibbiltà tas-servizz universali u l-finanzjament tiegħu, u ż-żamma tal-impjiegi;

    50.

    Jinsab imħasseb dwar it-tentattivi ta' evitar tar-regolamenti eżistenti dwar il-paga minima billi jiżdied l-ammont ta' xogħol sal-punt li x-xogħol ma jkunx jista' jitwettaq matul is-sigħat tax-xogħol imħallsa;

    51.

    Jilqa' l-ħidma essenzjali tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali fis-Settur tas-Servizzi Postali u jenfasizza l-proġett imniedi mis-sħab soċjali Ewropej intitolat “Managing demographic challenges and finding sustainable solutions by the social partners in the postal sector” (“Il-ġestjoni tal-isfidi demografiċi u s-sejbien ta' soluzzjonijiet sostenibbli mis-sħab soċjali fis-settur postali”);

    52.

    Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru aktar data dwar id-daqs tal-forza tax-xogħol u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tas-servizzi postali, sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw aħjar is-sitwazzjoni effettiva wara li l-ftuħ tas-swieq ikun ġie kkompletat u biex jirreaġixxu fil-pront għall-iżviluppi u jindirizzaw il-problemi potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib mezzi ġodda ta' konsenji postali awtomatiċi u l-impatt tagħhom fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg u jivvalutaw il-ħtieġa ta' modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali u tal-impjiegi, fejn xieraq, biex jibqgħu aġġornati mal-bidliet fis-settur postali; jinkoraġġixxi s-sħab soċjali biex bl-istess mod jaġġornaw il-ftehimiet kollettivi fejn meħtieġ, sabiex ikunu jistgħu jiġu żgurati standards tax-xogħol u ta' impjieg għolja fuq il-post tax-xogħol;

    o

    o o

    53.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

    (1)  ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14.

    (2)  ĠU C 217, 11.8.2010, p. 7.

    (3)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63.

    (4)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1.

    (5)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

    (6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (7)  Testi adottati, P7_TA(2014)0067.

    (8)  Testi adottati, P8_TA(2016)0009.


    Top