EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0204

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedjar ta' dannu ambjentali

COM/2016/0204 final

Brussell, 14.4.2016

COM(2016) 204 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedjar ta' dannu ambjentali

{SWD(2016) 121 final}
{SWD(2016) 122 final}


1.    Introduzzjoni

Dan it-tieni rapport ta' implimentazzjoni 1  dwar id-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali ("id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali" jew "id-Direttiva" jew l-"ELD") 2 tippreżenta l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-Direttiva bejn l-2007 u l-2013 u għandha tinqara flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal 3 . Ir-rapport huwa bbażat fuq l-Artikolu 18(2) tal-ELD. Fih konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' tittejjeb l-implimentazzjoni fil-prattika, abbażi tal-evalwazzjoni REFIT imwettqa tul dawn l-aħħar sentejn. L-evalwazzjoni vvalutat kif taħdem id-Direttiva u jekk hix “adattata għall-iskop” 4 , u kienet appoġġata minn żewġ studji li saru fl-2012 u tlieta fl-2013 5 .

L-ELD tindirizza każijiet ta' ħsara ambjentali sinifikanti. Timplimenta l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" li huwa stabbilit fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u dan ifisser li l-pubbliku m'għandux iħallas jekk operazzjoni industrijali tikkawża ħsara ambjentali sinifikanti. L-operaturi li jwettqu attivitajiet okkupazzjonali perikolużi kif elenkat fl-Anness III tal-ELD (ara t-taqsima 2 hawn taħt) huma strettament responsabbli għall-ħsara ambjentali li jkunu kkawżaw, jiġifieri, ma jkunx hemm bżonn li tingħata prova tal-ħsara (b'intenzjoni jew b'negliġenza). L-operaturi li jwettqu attivitajiet oħrajn minbarra dawk okkupazzjonali perikolużi huma responsabbli fuq il-bażi tal-ħsara.

L-għanijiet prinċipali tad-Direttiva huma li jipprevjenu l-ħsara ambjentali jekk ikun hemm theddida imminenti u li jirrimedjaw għaliha jekk din tkun seħħet diġà. F'konformità mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, l-operatur responsabbli għandu jieħu l-azzjoni preventiva jew ta' rimedju meħtieġa u għandu jġarrab l-ispejjeż kollha. Il-ħsara tiġi kkunsidrata bħala rimedjata ladarba l-ambjent jerġa' jirritorna għal kif kien qabel il-ħsara. L-ELD tkopri l-ħsara għall-bijodiversità (speċi protetti u ħabitats naturali), l-ilma u l-art. Ħsara tradizzjonali (ħsara lill-proprjetà, telf ta' ħajja u korriment fiżiku jew telf ekonomiku) mhijiex koperta bid-Direttiva.

2.    Traspożizzjoni u implimentazzjoni

Diversi Stati Membri naqsu milli jissodisfaw id-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali (it-30 ta' April 2007) u din ilha biss trasposta għal kollox mis-27 Stat Membru 6 minn nofs l-2010. L-ewwel rapport tal-Kummissjoni ddeskriva dan id-dewmien u nuqqasijiet oħrajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat fid-dettall is-sitwazzjoni kumplessa li nħolqot bl-introduzzjoni ta' strument ta' qafas tal-UE pjuttost flessibbli dwar ir-responsabbiltà ambjentali, flimkien mal-leġiżlazzjoni nazzjonali diġà eżistenti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Fil-qosor, dan wassal għal ċertu grad ta' koerenza aħjar mil-lat legali, meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel ġiet trasposta l-ELD (eż. xi SM ma kellhom l-ebda reġim ta' responsabbiltà ambjentali fis-seħħ). Madankollu, is-sitwazzjoni attwali tibqa' diversifikata f'termini legali u prattiċi u jkun hemm bżonn ta' iktar passi biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi fl-Ewropa 7 .

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni dwar id-dewmien fit-traspożizzjoni u l-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu man-nuqqas ta' konformità (seba' Stati Membri għad iridu jsolvu xi kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità). Dawn l-azzjonijiet tejbu xi ftit il-koerenza tas-sistemi legali tal-Istati Membri fis-seħħ. Madankollu, għad hemm id-diversità minħabba l-karattru tal-qafas tal-ELD, li joffri grad konsiderevoli ta' flessibbiltà lill-Istati Membri.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni, bejn April 2007 u April 2013, l-Istati Membri rrappurtaw madwar 1 245 inċident ikkonfermat ta' ħsara ambjentali li qanqlu l-applikazzjoni tal-ELD. Madankollu, in-numru ta' każijiet ivarja bil-kbir bejn l-Istati Membri. Żewġ Stati Membri jammontaw għal iktar minn 86% tal-każijiet kollha ta' ħsara rrapportati (l-Ungerija: 563 każ, il-Polonja: 506 każijiet) u sitt Stati Membri rrapportaw il-parti l-kbira tal-bqija tal-każijiet (il-Ġermanja (60), il-Greċja (40), l-Italja (17) 8 , il-Latvja, Spanja u r-Renju Unit). Ħdax-il Stat Membru ma rrapportaw l-ebda inċident ta' ħsara tal-ELD mill-2007 lil hawn, possibbilment għaliex jittrattaw il-każijiet esklussivament skont is-sistema nazzjonali tagħhom.

In-numru ta' każijiet ELD fis-sena għal kull Stat Membru jvarja b'mod konsiderevoli, minn 95 sa inqas minn 1. Numru għoli ta' każijiet fi Stat Membru mhux bilfors jindika li dan l-Istat Membru japplika l-ELD b'mod iktar strett milli huwa meħtieġ. L-evalwazzjoni u x-xogħol dwar il-kontroll tal-konformità juri li din id-diverġenza tista' tiġi spjegata b'oqfsa legali u bi tradizzjonijiet differenti (b'mod partikolari jekk il-leġiżlazzjoni pre-eżistenti ġietx revokata jew le), differenzi possibbli fl-istat tal-ambjent u interpretazzjonijiet differenti tat-termini u l-kunċetti ewlenin, kif ippreżentat iktar 'l isfel. Użu ikbar tad-Direttiva ta' spiss ikun minħabba:

l-użu tar-reġistri tal-każijiet ELD;

opportunitajiet aħjar għall-partijiet interessati biex jissottomettu kummenti u jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet kompetenti;

l-awtoritajiet kompetenti li jkunu obbligati, fuq bażi sekondarja, iwettqu azzjoni preventiva u ta' rimedju jekk l-operaturi jonqsu milli jagħmlu dan; u

livell ogħla ta' għarfien tal-ELD tal-pubbliku u fost il-partijiet interessati, b'mod partikolari fost l-operaturi.

B'kuntrast, il-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD ma ġiex identifikat bħala raġuni maġġuri għad-differenzi fl-implimentazzjoni (ara t-taqsima 4).

 

Madwar 50% tal-każijiet irrapportati ta' ħsara ambjentali jikkonċernaw ħsara għall-art. Il-ħsara għall-ilma tammonta għal 30% u l-ħsara għall-bijodiversità għal madwar 20%.

Grafika 1: Il-kategorija tal-ħsara ambjentali bbażata fuq 1450 każ 9

L-attivitajiet okkupazzjonali perikolużi (relatati ma' responsabbiltà stretta) li jikkawżaw ħsara ambjentali huma l-iktar:

attivitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart;

it-trattament ta' sustanzi perikolużi, preparazzjonijiet, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew prodotti bijoċidi;

attivitajiet skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 10 u

it-trasport ta' oġġetti perikolużi, jew li jniġġsu, bit-triq, bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni, bil-baħar jew bl-ajru.

Attivitajiet okkupazzjonali oħrajn (relatati mar-responsabbiltà bbażata fuq il-ħsara) ukoll ikkawżaw ħsara ambjentali, iżda skont l-ELD jikkawżaw esklussivament ħsara fil-bijodiversità.

 Grafika 2: Każijiet tal-ELD irrappurtati permezz tal-għadd ta' każijiet skont it-tip ta' attività ta' ħsara

Relattivament ftit talbiet għal azzjoni ġew irrappurtati bħala li nbdew minn persuni affettwati mill-ħsara ambjentali jew minn NGOs ambjentali 11 . Intalab stħarriġ ġudizzjarju f'madwar 60 każ, 44 minnhom fil-Polonja.

Iż-żmien medju mill-bidu sat-tmiem tar-rimedju kien ta' 12-il xahar. Madankollu, f'xi każijiet, ir-rimedju ħa iktar minn sitt snin.

3. Evalwazzjoni u idoneità regolatorja 12

3.1. Rilevanza

L-għanijiet tad-Direttiva, jiġifieri l-prevenzjoni u r-rimedju għall-ħsara ambjentali, għadhom rilevanti u jaqblu mal-ħtiġijiet attwali għax dejjem ikun hemm riskji ta' dawn it-tipi ta' ħsara u inċidenti. L-evalwazzjoni turi li d-Direttiva għenet biex ittejjeb il-livell ta' protezzjoni ambjentali fl-UE sa ċertu punt. Madankollu, għadha ma laħqitx il-potenzjal tagħha. Barra minn hekk, billi l-ELD hija iktar rilevanti f'xi Stati Membri milli f'oħrajn, ir-rilevanza tagħha trid tiġi vvalutata kontra t-tradizzjonijiet u l-oqfsa legali nazzjonali differenti diġà fis-seħħ.

3.2. Effettività

L-effettività tad-Direttiva tvarja b'mod sinifikanti għaliex ġiet implimentata b'mod differenti ħafna madwar l-Istati Membri. Dan huwa parzjalment ikkawżat mill-karattru tal-qafas tal-ELD, li jipprevedi ħafna eċċezzjonijiet, għażliet u flessibbiltà. B'mod partikolari, l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni "tal-limitu tas-sinifikat" għall-ħsara ambjentali ġie identifikat bħala r-raġuni prinċipali għall-applikazzjoni irregolari tad-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi ekonomiċi u l-assiguraturi ta' spiss talbu għal iktar ċarezza u gwida dwar din il-kwistjoni. L-effettività tad-Direttiva hija riflessa l-aħjar fl-ammont ta' ħsara ambjentali rrimedjata (iddawwar madwar EUR 6 miljuni mingħajr ħames telfiet maġġuri u EUR 180 miljun jekk jiġu inklużi l-ħames każijiet maġġuri). L-effett tal-inċentivar, li jimmaterjalizza fil-miżuri ta' prekawzjoni mtejba u f'sigurtà finanzjarja aħjar u l-ħsara evitata permezz ta' azzjoni immedjata f'każ ta' ħsara imminenti, huwa l-iktar magħruf minħabba dejta li għadha ma teżistix.

Fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ħsara ambjentali, l-evalwazzjoni kkonfermat li huwa biżżejjed li tiġi koperta l-ħsara għar-riżorsi naturali l-iktar importanti. Il-kamp ta' applikazzjoni tar-responsabbiltà stretta għall-attivitajiet perikolużi (l-Anness III) ukoll jidher li huwa aġġornat, bl-eċċezzjoni possibbli tat-trasport b'pajplajn barra mis-sit ta' sustanzi perikolużi. Madankollu, il-partijiet interessati indikaw kwistjonijiet bir-responsabbiltà ta' partijiet terzi f'dan ir-rigward.

3.3. Effiċjenza

Il-valutazzjoni tal-effiċjenza ħarset lejn il-kategoriji tal-ispejjeż prinċipali: l-ispiża tar-rimedju, l-ispiża amministrattiva u l-ispiża tas-sigurtà finanzjarja.

L-ispiża tar-rimedju għar-restawr tar-riżorsi naturali danneġġati għandha titħallas mill-persuna responsabbli, f'konformità mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas. L-evidenza disponibbli turi li l-ispiża tal-azzjoni ta' rimedju bħala medja hija madwar EUR 42 000 13 . Il-Greċja rrappurtat valur medju ta' EUR 60 000. Madankollu, l-ispejjeż għar-rimedju ta' każijiet individwali jvarjaw bejn ftit eluf ta' EUR għalsa aktar minn EUR 50 miljun għal telf fuq skala kbira minħabba aċċidenti maġġuri (bħal f'Kolontár, fl-Ungerija jew f'Moerdijk fin-Netherlands).

L-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi huma l-ispejjeż kontinwi li ma jistgħux jiġu rkuprati minn operaturi responsabbli. Tliet Stati Membri biss ipprovdew dejta preċiża dwar l-ispejjeż amministrattivi, li jvarjaw bejn EUR 55 000 (fir-Reġjun Fjamming tal-Belġju) sa EUR 2 miljuni (f'xi wħud mill-komunitajiet awtonomi ta' Spanja). Ma ġiet ipprovduta l-ebda dejta fir-rigward tal-ispejjeż amministrattivi għan-negozji. Minħabba l-informazzjoni limitata dwar l-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet u s-settur privat, mhuwiex possibbli li jinstiltu konklużjonijiet sodi dwar l-ispejjeż amministrattivi. Madankollu, l-ebda parti ikkonċernata ma lmentat dwar il-piż amministrattiv.

L-ispejjeż tal-ħsara ambjentali għall-operaturi responsabbli tista' titnaqqas permezz tal-użu tal-istrumenti tas-sigurtà finanzjarja (li jkopru l-assigurazzjoni u għodod alternattivi, bħal garanziji bankarji, bonds jew fondi). Il-parti l-kbira tas-swieq jipprovdu kopertura biżżejjed għar-riskji kollha tal-ELD, iżda d-domanda hija baxxa minħabba n-numru insuffiċjenti ta' każijiet f'ħafna Stati Membri, in-nuqqas ta' ċarezza dwar xi kunċetti tal-ELD 14 u swieq tal-assigurazzjoni li qed joħorġu iktar bil-mod 15 . Rapport riċenti jissuġġerixxi żieda fl-ammont ta' assigurazzjoni għal responsabbiltà ambjentali mixtrija minn kumpaniji Ewropej (żieda annwali medja ta' 13.6% mill-2006 b'mod partikolari fis-setturi ta' riskju għoli) 16 . Minkejja l-progress fl-iżviluppi tas-sigurtà finanzjarja, il-problemi rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva għal inċidenti fuq skala kbira u l-insolvenza fost l-operaturi ekonomiċi responsabbli jippersistu.

Mhuwiex possibbli li ssir valutazzjoni globali sinifikanti tal-effiċjenza tad-Direttiva bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli. Hemm bżonn ta' iktar xogħol inkluż il-ġbir ta' dejta addizzjonali biex jingħelbu n-nuqqasijiet ta' din l-evalwazzjoni.

3.4. Koerenza

L-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva hija ġeneralment konsistenti ma' partijiet oħrajn tal-liġi ambjentali tal-UE u mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti elenkati fl-Annessi IV u V tagħha. Id-Direttiva hija integrata b'mod sodisfaċenti fl-acquis tal-UE, tissupplimenta leġiżlazzjoni ambjentali 17 oħra, b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali 18 , id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 19 u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Evalwazzjoni iktar fid-dettall ta' xi kwistjonijiet speċifiċi tista' tinstab fit-Taqsima 4 fejn hemm ukoll indikazzjonijiet dwar il-bżonn ta' xi xogħol ulterjuri possibbli, kif ukoll fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal anness.

3.5. Valur miżjud tal-UE

Il-valutazzjoni reġgħet uriet li hemm xi valur miżjud tal-UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' livell minimu ta' protezzjoni ambjentali, b'mod partikolari għal ċirkostanzi transfruntiera (eż. it-tniġġis transfruntier tal-ilma). Id-Direttiva timmira wkoll li tiżgura kundizzjonijiet ekwi aħjar fis-suq intern, iżda għadha ma kisbitx dak l-objettiv primarju tal-armonizzazzjoni tal-UE. Filwaqt li d-Direttiva żiedet l-użu tal-miżuri prekawzjonarji, pereżempju billi żiedet id-disponibbiltà tal-kopertura tal-assigurazzjoni ambjentali fis-suq (ara l-punt 3.3), fil-prattika, in-nuqqasijiet identifikati aktar qabel jipprevjenu valur miżjud tal-UE ogħla.

4.    Punti speċifiċi għar-reviżjoni

Dan ir-rapport jinkludi reviżjoni ta' erba' oqsma speċifiċi applikati skont id-Direttiva f'konformità mal-Artikolu 18(3) tal-ELD.

4.1. Eċċezzjoni għall-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD ta' xi konvenzjonijiet internazzjonali (l-Annessi IV u V)

Xi konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u konvenzjonijiet relatati 20 huma eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD. Dawn il-konvenzjonijiet japplikaw madwar id-dinja kollha għal sidien ta' vapuri li l-bastimenti tagħhom huma rreġistrati fi Stat Parti għall-konvenzjonijiet, jipprevedu responsabbiltà stretta għas-sidien tal-vapuri, għas-sigurtà finanzjarja obbligatorja 21 u, fil-każ ta' tipi speċifiċi ta' ħsara, għal fondi ta' kumpens speċjali li jħallsu kull pretensjoni lil hinn mir-responsabbiltà tas-sidien tal-vapuri. B'mod partikolari, fil-każ ta' tniġġis taż-żejt mit-tankers, hemm fis-seħħ sistema fuq tliet livelli biex tipprovdi kumpens lill-vittmi ta' inċidenti tat-tniġġis taż-żejt. Dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali jipprojbixxu lill-Partijiet milli jintroduċu pretensjonijiet ta' kumpens addizzjonali.

L-ELD u dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali japplikaw standards ta' rimedju differenti, kif wera l-istudju tal-effettività tal-ELD għall-Kummissjoni 22 . Din id-differenza hija potenzjalment importanti skont il-każ individwali. Il-Fondi Internazzjonali ta' Kumpens għat-Tniġġis taż-Żejt (il-Fondi IOPC) u l-Grupp Internazzjonali ta' Klabbs P&I ipprovdew ukoll rapporti dwar l-ispejjeż tal-miżuri preventivi u l-ħsara ambjentali wara l-inċidenti tat-tniġġis taż-żejt kollha mit-tankers sa mill-2002, u dawn ma identifikawx evidenza ta' kumpens insuffiċjenti ta' ħsara ambjentali.

Abbażi ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tesplora iktar jekk l-istandards differenti ta' rimedju jistgħux jiġu indirizzati b'modi mhux leġiżlattivi, b'mod partikolari bil-ħidma lejn fehim komuni tal-kunċetti, pereżempju permezz tal-interpretazzjoni fil-"Manwal tal-Pretensjonijiet" tal-Fondi tal-IOPC u/jew f'fora komposti mill-Partijiet għall-Konvenzjoni.

Il-Kummissjoni ma ltaqgħetx ma' ċirkostanzi ġodda li jqanqlu mistoqsijiet dwar l-esklużjoni ta' ħsara nukleari.

4.2. L-applikazzjoni għal organiżmi ġenetikament modifikati (OMG)

Ma kien hemm l-ebda inċident ta' ħsara ambjentali kkawżata mill-OMGs 23 fl-UE fil-perjodu ta' rappurtar. L-acquis huwa konsistenti bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza ta' Ottubru 2010, allura ma kienx hemm bżonn ta' iktar azzjoni fil-livell tal-UE biex tikkonkludi dak il-Protokoll.

4.3. L-applikazzjoni fir-rigward tal-ispeċi protetti u l-ħabitats naturali

L-istudju dwar il-ħsara fuq il-bijodiversità 24 analizza l-potenzjal li jiżdiedu l-kundizzjonijiet ekwi billi jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD biex ikopri "l-ispeċijiet protetti u l-ħabitats naturali" kollha fl-Istati Membri. Dan għaliex nofs l-Istati Membri japplikaw dan il-kamp ta' applikazzjoni usa' 25 u oħrajn jillimitaw l-applikazzjoni tagħhom għall-kamp ta' applikazzjoni definit mid-Direttiva dwar il-Ħabitats. Madankollu, l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD biex din tinkludi ħabitati u speċijiet protetti nazzjonalment biss, toħloq diffikultajiet legali (minħabba l-kompetenza nazzjonali) u jaf ma ttejjibx l-armonizzazzjoni billi l-kampijiet ta' applikazzjoni jistgħu jvarjaw ħafna wkoll.

L-istudju sab li:

id-definizzjonijiet ta' "ħsara sinifikanti" u "status ta' konservazzjoni favorevoli" fiż-żewġ direttivi jixirqilhom iktar attenzjoni quddiem it-tifsiriet potenzjalment differenti u/jew l-użi tal-limiti ta' ħsara sinifikanti fl-ELD u fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats;

m'hemmx bżonn għal applikazzjoni iktar konsistenti u kjarifika aħjar tal-limitu ta' "ħsara sinifikanti". Dan kien ukoll indikat minn diversi awtoritajiet kompetenti u mis-settur tal-assigurazzjoni;

ir-referenza ġeografika tal-"istatus ta' konservazzjoni favorevoli" fl-ELD (it-territorju tal-UE, it-territorju nazzjonali, medda naturali) instab li kienet problematika. Għalhekk għandu jiġi ċċarat li huwa meħtieġ approċċ relatat mas-sit biex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva u korretta;

il-miżuri li jipprevjenu l-ħsara fuq il-bijodiversità milli ssir sinifikanti, ta' spiss ma jittiħdux fuq il-preżunzjoni inkorretta li l-azzjoni preventiva tista' tittieħed biss jekk ikun magħruf li l-ħsara se tkun sinifikanti.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza għażla politika għal inizjattiva possibbli dwar "ebda telf nett" (no net loss) 26 li tista' wkoll tindirizza dawn il-kwistjonijiet. L-istudju qiegħed jiġi ffinalizzat u se jiġi kkunsidrat bħala input għall-Kummissjoni meta tkun qed tiddetermina jekk għandhomx jiġu indirizzati l-aspetti msemmija hawn fuq, u jekk iva kif.

4.4. Inklużjoni possibbi ta' strumenti oħrajn fl-Annessi III, IV u V 27

Il-Kummissjoni ħarset lejn il-kandidati potenzjali għall-inklużjoni. Madankollu, l-evalwazzjoni ma urietx il-bżonn li jiġu estiżi l-Annessi III (ara hawn fuq taħt 3.2.), IV jew V 28 .

5.    Konklużonijiet

L-implimentazzjoni tal-ELD tejbet il-prevenzjoni u r-rimedju tal-ħsara ambjentali sa ċertu punt, meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta' qabel it-traspożizzjoni tal-ELD. B'mod partikolari, id-Direttiva saħħet il-prinċipju li min iniġġes iħallas (b'hekk jiġu evitati spejjeż sinifikanti għall-fondi pubbliċi), filwaqt li implimentat responsabbiltà stretta madwar l-UE għall-ħsara ambjentali u għolliet l-istandards tar-rimedju għar-restawr ta' riżorsi naturali danneġġjati, b'mod partikolari għall-ħsara fil-bijodiversità. Madankollu, il-grad ta' varjabilità fost ir-regolamenti tal-Istati Membri jista' jkun kawża għal tħassib limitat, għalkemm ftit tħassib ġie kkomunikat lill-Kummissjoni u l-evalwazzjoni għenet biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet prinċipali.

Dwar l-evalwazzjoni, waħda mill-akbar sfidi hija n-nuqqas ta' dejta dwar l-inċidenti tal-ELD u inċidenti komparabbli indirizzati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Kwistjonijiet oħrajn huma n-nuqqas ta' għarfien u informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar l-ELD, in-nuqqas ta' riżorsi u għarfien biex tiġi implimentata l-ELD, inċertezzi u ambigwitajiet dwar kunċetti u definizzjonijiet ewlenin bħal limitu "sinifikanti", in-nuqqas ta' użu ta' rimedju kumplimentari u kumpensatorju u dejta insuffiċjenti dwar il-ħsara ambjentali, il-każijiet ta' rimedju u l-ispejjeż. Filwaqt li xi wħud minn dawn l-aspetti tad-Direttiva u l-kuntest tagħha jgħinu biex jispjegaw il-varjazzjoni kbira fin-numru ta' każijiet irrapportati u l-kontenut tagħhom, id-differenzi fl-użu "tal-limitu sinifikanti" flimkien mal-oqfsa nazzjonali eżistenti minn qabel huma identifikati bħala r-raġuni prinċipali għad-diverġenzi sinifikanti. Fatturi oħrajn li jikkontribwixxu għall-effett varjabbli tad-Direttiva jinkludu l-użu li jvarja tar-reġistri tal-ELD, livelli varji tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, applikazzjoni varja tal-obbligu sussidjarju tal-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu azzjoni fin-nuqqas, jew minħabba nuqqas ta' azzjoni mill-operaturi responsabbli, u livelli varji ta' għarfien tal-partijiet ikkonċernati.

Mil-lat pożittiv, l-implimentazzjoni tad-Direttiva għadha qed titjieb. L-industrija u partijiet ikkonċernati oħrajn li jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni huma fil-parti l-kbira tagħhom sodisfatti bil-qafas legali attwali. Flimkien mal-esperti tal-Istati Membri, huma argumentaw bis-saħħa favur il-kontinwità, il-prevedibbiltà u l-istabbiltà leġiżlattiva fir-rigward tar-responsabbiltà ambjentali. Id-Direttiva tistimula wkoll azzjoni preventiva u approċċi prekawzjonarji, u għaldaqstant tilqa' kontra spejjeż ta' rimedju għoljin li spiss jaqbżu l-ispejjeż tal-miżuri preventivi. Madankollu, huwa diffiċli li tikkwantifika l-benefiċċji miksubin permezz tal-prevenzjoni, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni sħiħa dwar it-total ta' azzjonijiet preventivi u miżuri ta' prekawzjoni oħrajn meħudin skont l-ELD.

Kull evalwazzjoni futura għandha tivvaluta l-ELD, flimkien mal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti minn qabel, biex tiddetermina sa liema punt ikun inħoloq ambjent b'kundizzjonijiet ekwi. Il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu ugwali billi jiġu kkjarifikati xi termini ewlenin (b'mod partikolari l-"ħsara sinifikanti"). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni identifikat azzjonijiet ta' appoġġ fil-livell tal-UE li, flimkien ma' numru ta' rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, jikkostitwixxu rispons proporzjonat biex jgħinu jagħmlu d-Direttiva iktar "adattata għall-iskop" milli sabitha din l-evalwazzjoni.

6.    Rakkomandazzjonijiet u l-passi li jmiss

Tul is-snin li ġejjin, il-prijorità ewlenija għall-Kummissjoni se tkun li tippromwovi l-allinjament ta' soluzzjonijiet u prattiki nazzjonali fil-qafas mogħti mid-Direttiva u li tidentifika kif dan jista' jiġi applikat b'mod effettiv u koerenti f'qafas ta' responsabbiltà legali usa'. Għandhom isiru wkoll sforzi biex titjieb il-bażi tal-evidenza dwar l-impatti attwali tal-ELD, kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq il-partijiet interessati rilevanti. Dan jeħtieġ titjib fil-ġbir tad-dejta dwar il-każijiet tal-ELD f'dawk l-Istati Membri li jkunu għadhom ma stabbilixxewx ir-reġistri. Soluzzjonijiet nazzjonali allinjati (fuq kwistjonijiet bħall-mudelli ta' rimedju, l-analiżi tar-riskju, il-kalkolu tal-assigurazzjoni, eċċ.) jistgħu jipproduċu wkoll riżultati utli billi jistgħu jintużaw bażi tad-dejta disponibbli biex jintensifikaw is-sigurtà finanzjarja (joffru prodotti mmirati aħjar), itejbu l-iskemi tal-ġestjoni tar-riskju tal-kumpaniji u jtejbu l-għarfien tal-prattikanti u l-partijiet interessati kollha, inkluż l-awtoritajiet responsabbli għat-tnaqqis tal-ħsara.

Hija meħtieġa iktar informazzjoni biex jiġu identifikati r-raġunijiet u l-impatti preċiżi tas-soluzzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri. Aktar importanti huwa l-fatt li jistgħu jittieħdu passi biex tinbena aktar kapaċità amministrattiva u tingħata spinta lill-istrumenti ta' implimentazzjoni ta' appoġġ. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' monitoraġġ regolatorju effettiv kif stabbilit fil-Linji Gwida ta' Regolamentazzjoni Aħjar (SWD(2015)110) għandu jiżgura evalwazzjoni iktar robusta u konklussiva tad-Direttiva fil-futur 29 . Għalhekk se jkun meħtieġ li jiġi diskuss mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u mal-Istati Membri kollha kif tista' titjieb din il-bażi ta' evidenza.

Għaldaqstant, is-servizzi tal-Kummissjoni se jipproponu programm ta' xogħol kontinwu multiannwali lill-esperti u lill-partijiet ikkonċernati tal-Istati Membri sabiex itejbu l-bażi tal-evidenza u jgħinu jallinjaw is-soluzzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tibqa' tipprovdi miżuri ta' appoġġ amministrativ, bħal

(a) gwida jew notifiki interpretattivi dwar kwistjonijiet ewlenin ("sinifikat");

(b) programmi ta' taħriġ; u

(c) helpdesks għall-prattikanti (li jkopru awtoritajiet kompetenti, operaturi, aġġustaturi tat-telf, fornituri tas-sigurtà finanzjarja, individwi affetwati, NGOs, eċċ.) li jipprovdu informazzjoni, assistenza u appoġġ ta' valutazzjoni għall-evalwazzjonijiet tar-riskju u l-ħsara.

Biex tikkumplimenta dawn l-isforzi, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jintrabtu li:

jappoġġjaw l-isforzi tal-implimentazzjoni tagħhom b'inizjattivi proattivi (bħal dokumenti ta' gwida, taħriġ, għodod elettroniċi għall-analiżi tar-riskji, issettjar ta' referenza, mudelli ta' sigurtà finanzjarja eċċ.) kif diġà għamlu xi Stati Membri;

jiskambjaw esperjenzi amministrattivi u l-aħjar prattiċi u jappoġġjaw lil xulxin fl-isforzi għall-bini tal-kapaċità;

jirrevedu l-interpretazzjoni tagħhom tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward "tas-sinifikat".

jirreġistraw dejta dwar inċidenti tal-ELD u jippubblikaw reġistri tal-ELD jekk ma jkunux diġà għamlu dan;

b'mod sistematiku jiġbru d-dejta meħtieġa li tista' tiddokumenta li l-applikazzjoni tad-Direttiva f'pajjiżhom hija effettiva, effiċjenti u f'konformità mas-sitwazzjoni globali fl-UE.

Dan kollu se jgħin fil-preparazzjoni tal-evalwazzjoni li jmiss tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-passi jikkostitwixxu approċċ proporzjonat għat-titjib tal-impatti pożittivi intenzjonati tal-ELD u se jgħinu wkoll biex jipproduċu l-informazzjoni li tista' tintuża fl-evalwazzjoni li jmiss biex imbagħad tintwera aħjar l-iskala tal-valur miżjud tal-UE, l-effiċjenza u l-effettività tad-Direttiva.

(1)

 L-ewwel rapport ta' implimentazzjoni ġie ppreżentat fit-12 ta' Ottubru 2010 (COM(2010) 581).

(2)

ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56 (kif emendat bid-Direttiva 2006/21/KE, id-Direttiva 2009/31/KE u d-Direttiva 2013/30/UE)

(3)

SWD (2016)121

(4)

Ara COM(2013) 685, COM(2014) 368, SWD(2014) 192 finali/2 u COM(2015) 215, SWD(2015) 110

(5)

L-istudji kollha huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/archives/liability/eld/studies.htm

(6)

Il-Kroazja, li nnotifikat it-traspożizzjoni tad-Direttiva fiż-żmien tal-adeżjoni tagħha fl-UE, ma kinitx obbligata tissottometti rapport nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-ELD sat-30 ta' April 2013 billi daħlet fl-UE fl-1 ta' Lulju 2013 biss.

(7)

Iktar dettalji ta' din l-analiżi u l-istudji sottostanti huma disponibbli fl-Istudju tal-Implimentazzjoni tal-ELD, il-Parti A tal-Anness - Analiżi Legali tal-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni nazzjonali, 2013 u fl-Istudju tal-Analiżi Legali, 2014

(8)

Madankollu, l-Italja tammonta għal potenzjal ulterjuri ta' 1000 inċident, ħafna jistgħu isiru każijiet ELD iktar tard.

(9)

 Xi każijiet jidhru f'iktar minn kategorija ta' ħsara waħda

(10)

2010/75/UE (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17)

(11)

132, iżda li 93 minnhom kienu talbiet għal azzjoni fl-Italja biss.

(12)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq evalwazzjoni skont il-programm REFIT fl-2013 ħafna qabel ġew adottati l-linji gwida għall-evalwazzjoni f'Mejju 2015.

(13)

Ikkalkulati abbażi ta' 137 każ li jirrappreżentaw ftit iktar minn 10% tal-każijiet tal-ELD irrappurtati kollha mill-Istat Membru u mingħajr mhuma kkunsidrati b'mod partikolari l-ikbar tliet każijiet f'Kolontár (l-Ungerija), Moerdijk (in-Netherlands) u Assopos (Greċja) (billi dawn tqiesu bħala eċċezzjonijiet).

(14)

B'mod partikolari rigward "il-limitu tas-sinifikat".

(15)

Pereżempju ir-Repubbliki Baltiċi u gżejjer żgħar li huma Stati Membri.

(16)

Stuart Collins, EIL market grows post ELD,: Commercial Risk Europe, is-27 ta' Novembru 2015.

(17)

 Il-mod kif l-ELD torbot mad-Direttiva dwar il-Ħabitats huwa spjegat fil-qosor fil-punt 4.3.

(18)

2011/92/UE (ĠU L 26, 28.1.2012, p.1)

(19)

Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 10.

(20)

Jiġifieri l-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà jew is-CLC, il-Konvenzjoni dwar il-Fondi tal-1992, il-Konvenzjoni dwar iż-Żejt tal-Bastimenti, il-Konvenzjoni dwar Sustanzi Noċivi u Potenzjalment Perikolużi jew l-HNS u l-Konvenzjoni dwar Oġġetti Perikolużi.

(21)

Billi saret parti mil-liġi tal-UE permezz tad-Direttiva 2009/20/KE dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi, ĠU L 131, 28.5.2009, p. 128.

(22)

 Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 5.

(23)

L-Anness III.10 u 11 tal-ELD.

(24)

 Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 5.

(25)

Il-Belgju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra, Wales, l-Irlanda ta' Fuq).

(26)

http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/nnl/index_en.htm

(27)

 "Ir-rapport … għandu jinkludi reviżjoni ta': (d) l-istrumenti li jistgħu jkunu eliġibbli għall-inkorporazzjoni fl-Annessi III, IV u V." (l-Artikolu 18(3)(d) tal-ELD).

(28)

Dawn l-istrumenti internazzjonali jew mhux probabbli li xi darba jidħlu fis-seħħ jew huma kumplimentari għall-ELD (għal aktar dettalji ara t-taqsima 6.4 tal-SWD.

(29)

Li skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar - Aġenda tal-UE" (COM(2015) 215) għandha sseħħ kull 5 sa 7 snin.

Top