Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0197

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL GĦAR-RIFORMA TAS-SISTEMA EWROPEA KOMUNI TAL-AŻIL U GĦAT-TISĦIĦ TA' ROTOT LEGALI LEJN L-EWROPA

COM/2016/0197 final

Brussell, 6.4.2016

COM(2016) 197 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

GĦAR-RIFORMA TAS-SISTEMA EWROPEA KOMUNI TAL-AŻIL U GĦAT-TISĦIĦ TA' ROTOT LEGALI LEJN L-EWROPA


Il-migrazzjoni kienet u se tkompli tkun għall-Ewropa wieħed mis-suġġetti fundamentali, għad-deċenji li ġejjin. It-tendenzi sottostanti fl-iżvilupp ekonomiku, it-tibdil fil-klima, il-globalizzazzjoni fit-trasport u l-komunikazzjoni, il-gwerra u l-instabbiltà fir-reġjuni tal-viċinat, dan kollu jfisser li n-nies se jkomplu jippruvaw jiġu hawn — għal rifuġju, għal ħajja aħjar, jew biex isegwu l-qraba tagħhom. Il-pajjiżi Ewropej se jibqgħu sodi biex iwettqu l-impenn legali u morali tagħhom lejn dawk li jeħtieġu protezzjoni mill-gwerra u mill-persekuzzjoni. U hekk kif id-demografiji tagħhom jevolvu, huma jridu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet u mill-benefiċċji li t-talenti u l-ħiliet barranin li jiġu attirati joffru.

B’rispons kontinwu għall-migrazzjoni li għaddejja bħalissa u għall-kriżi tar-refuġjati, fl-10 ta’ Frar il-Kummissjoni rrappurtat 1 dwar l-azzjonijiet prijoritarji li ttieħdu permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 2 sabiex tiġi indirizzata l-isfida immedjata biex terġa' tiġi instawrata l-ordni fir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant/tal-Balkani tal-Punent. Wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tat-18 u tad-19 ta’ Frar u tas-17 u tat-18 ta’ Marzu u l-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-7 ta' Marzu 3 , il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw l-elementi kollha li ntlaħaq qbil dwarhom biex jitwaqqfu l-flussi tal-migrazzjoni irregolari, biex jiġu protetti l-fruntieri esterni tagħna, u tiġi ssalvagwardjata l-integrità taż-żona ta’ Schengen, inkluż b’mod partikolari d-deċiżjonijiet dwar ir-rilokazzjoni, il-hotspots u miżuri sabiex jiġu żgurati r-ritorn u riammissjoni, filwaqt li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ ażil għal dawk li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali.

L-applikazzjoni tar-regoli attwali u t-titjib fit-tħaddim tal-għodda u tal-mekkaniżmi eżistenti huma essenzjali biex jerġa’ jinkiseb il-kontroll tas-sitwazzjoni preżenti. Iżda fl-istess waqt, kif indikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u tad-19 ta’ Frar u f'dawk tas-17 u tat-18 ta’ Marzu 4 , wasal iż-żmien li jsir progress fir-riforma tal-qafas eżistenti tal-UE sabiex tiġi żgurata politika tal-ażil effiċjenti u umana. Hemm dgħufijiet u nuqqasijiet strutturali sinifikanti fit-tifsila u fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-ażil u l-migrazzjoni, li nkixfu bil-kriżi. L-UE issa għandha bżonn tistabbilixxi l-għodod sabiex tiġġestixxi aħjar il-flussi tal-migrazzjoni fuq terminu medju u twil ta' żmien, f’konformità mal-approċċ stabbilit fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

L-għan ġenerali huwa li jkun hemm tranżizzjoni minn sistema li minħabba t-tifsila jew l-implimentazzjoni batuta tagħha titfa' responsabbiltà sproporzjonata fuq ċerti Stati Membri u tinkoraġġixxi flussi migratorji bla kontroll u irregolari, għal sistema aktar ġusta li tipprovdi rotot ordnati u sikuri lejn l-UE lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom bżonn il-protezzjoni jew li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE. L-UE teħtieġ sistema robusta u effettiva għall-ġestjoni tal-migrazzjoni b'mod sostenibbli għall-ġejjieni, li tkun ġusta għas-soċjetajiet ospitanti u għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għall-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu. Sabiex taħdem, din is-sistema trid tkun komprensiva, u msejsa fuq il-prinċipji tar-responsabbiltà u tas-solidarjetà.

Matul ix-xhur li għaddew, ittieħdu passi sinifikanti sabiex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari b’mod deċiżiv u sabiex jiġu ġestiti l-fruntieri esterni tal-UE b’mod aktar effiċjenti. Huwa essenzjali li r-Regolament propost li jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 5 jiġi adottat sa Ġunju l-aktar tard, sabiex din tibda tiffunzjona matul is-sajf. L-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali 6 u dwar ir-ritorn 7 qed tagħmel progress ukoll, bl-aġenziji u l-Istati Membri kollha relevanti li żiedu ħidmiethom f’dan il-qasam.

Iżda t-tnaqqis tal-flussi irregolari fl-Ewropa u lejn l-Ewropa kif ukoll il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tagħna jistgħu jseħħu biss b’mod effettiv jekk inħarsu lejn il-fenomenu migratorju b’perspettiva wiesgħa u komprensiva: dan ifisser li għandna bżonn li fl-istess waqt nsaħħu rotot legali u sikuri lejn l-Ewropa, li ntejbu l-użu u l-implimentazzjoni ta' strumenti legali eżistenti dwar il-migrazzjoni, li nsaħħu s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kif ukoll li nibqgħu nindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni. Jekk irridu ntejbu l-mod ta’ kif niġġestixxu l-migrazzjoni jeħtieġ li nsiru aktar kapaċi biex nattiraw il-ħiliet u t-talenti li se jkollna bżonn fil-ġejjieni, u li ngawdu mill-benefiċċji tal-migrazzjoni billi tiġi żgurata l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni effettiva tar-refuġjati jew tal-migranti legali kollha fis-soċjetà ospitanti.

Flimkien ma’ miżuri oħra b'segwitu għall-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-passi li għandhom jittieħdu għal politika Ewropea dwar l-ażil aktar umana, ġusta u effiċjenti, kif ukoll politika dwar il-migrazzjoni legali ġestita aħjar.

I.    Lejn politika komuni dwar l-ażil soda u sostenibbli

I.1    Id-dgħufijiet inerenti fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil fi żmien il-kriżi migratorja

Il-wasla fuq skala kbira mhux ikkontrollata ta’ migranti u ta' persuni li jfittxu ażil fl-2015 tefgħet piż mhux biss fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, iżda wkoll fuq is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kollha kemm hi. Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil hija magħmula minn qafas legali li jkopri l-aspetti kollha tal-proċess tal-ażil u minn Aġenzija ta' Appoġġ - l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) - sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta' qafas legali u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri. Il-kriżi kixfet dgħufijiet fit-tifsila u fl-implimentazzjoni tas-sistema, u b’mod partikolari fil-ftehimiet ta’ "Dublin".

Ir-Regolament ta’ Dublin 8 jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun determinat l-Istat Membru li huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dawk li qed ifittxu jew ingħataw il-protezzjoni ma għandhomx id-dritt li jagħżlu l-Istat Membru li fih jixtiequ jistabbilixxu ruħhom. Jekk l-Istat Membru li fih japplikaw il-persuni li jfittxu l-ażil ma huwiex dak responsabbli sabiex jipproċessa l-applikazzjoni, dawn għandhom jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli.

Is-sistema ta’ Dublin ma kinitx imfassla biex jiġi żgurat il-qsim sostenibbli tar-responsabbiltà fir-rigward tal-applikanti għall-ażil fl-UE, nuqqas li ħareġ fid-dieher permezz tal-kriżi attwali. Il-kriterju ewlieni fil-prattika sabiex tiġi allokata r-responsabbiltà rigward l-applikazzjonijiet għall-ażil huwa għax iseħħ dħul irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. L-użu ta’ dan il-kriterju kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li għandu jkun hemm rabta bejn l-allokazzjoni tar-responsabbiltà fil-qasam tal-ażil u r-rispett mill-Istati Membri tal-obbligi tagħhom rigward il-protezzjoni tal-fruntiera esterna. Madankollu, il-kapaċità li jiġu kkontrollati b'mod effettiv l-influssi irregolari fil-fruntiera esterna tiddependi sa ċertu fuq il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin uriet li, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ influss tal-massa tul rotot migratorji speċifiċi, skont il-liġi, is-sistema attwali tqiegħed ir-responsabbiltà għall-biċċa l-kbira tal-persuni li jfittxu l-ażil fuq għadd limitat ta' Stati Membri individwali, sitwazzjoni li twassal lil kwalunkwe Stat Membru fil-limitu tal-kapaċitajiet tiegħu. Dan jispjega wkoll parzjalment għaliex f’dawn l-aħħar snin ġew aktar injorati r-regoli tal-UE. Il-migranti ħafna drabi jirrifjutaw li japplikaw għall-ażil jew li jikkonformaw mal-obbligi ta’ identifikazzjoni fl-Istat Membru tal-ewwel wasla, biex imbagħad jibqgħu sejrin lejn l-Istat Membru fejn huma jixtiequ jistabbilixxu ruħhom u japplikaw għall-ażil hemmhekk. Dawn il-movimenti sekondarji rriżultaw f’għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għal ażil li ntefgħu fl-Istati Membri li mhumiex l-ewwel punt ta' dħul, sitwazzjoni li imbagħad wasslet biex bosta Stati Membri jerġgħu jintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri interni sabiex jiġġestixxu l-influss.

 

Iżda anke qabel il-kriżi attwali, kien hemm nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin, b’tali mod li, anke infurzar aktar effiċjenti u strett tar-regoli eżistenti mill-Istati Membri kollha, u b’miżuri addizzjonali sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji, hemm possibbiltà kbira li s-sistema attwali tibqa’ mhix sostenibbli quddiem il-pressjoni migratorja kontinwa 9 . Il-problemi jinkludu diffikultajiet biex tinkiseb u biex jintlaħaq qbil dwar evidenza li tipprova li Stat Membru għandu r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil, u dan għaldaqstant iwassal f'żieda fl-għadd ta' ċaħdiet għat-talbiet biex jiġi aċċettat it-trasferiment tal-applikanti. Anki meta l-Istati Membri jaċċettaw it-talbiet għal trasferiment, madwar kwart ta' dawn il-każijiet biss jirriżultaw fi trasferimenti effettivi, u wara li jitlesta trasferiment, hemm każijiet frekwenti ta’ movimenti sekondarji lura lejn l-Istat Membru li jittrasferixxi. L-effettività tas-sistema hija mdgħajfa ulterjorment minħabba r-regoli attwali li jipprevedu t-trasferiment tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri wara ċertu żmien. Għalhekk, jekk applikant jinħeba għal biżżejjed żmien fi Stat Membru, mingħajr ma effettivament jiġi ttrasferit, dan l-Istat Membru jsir eventwalment responsabbli.

Impediment ieħor għall-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ Dublin jirriżulta mid-diffikultà li jiġu ttrasferiti l-applikanti lejn l-Istati Membri b’nuqqasijiet sistemiċi fl-aspetti kritiċi tal-proċeduri ta' ażil tagħhom, jew il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tagħhom. Is-sospensjoni effettiva tat-trasferimenti skont Dublin lejn il-Greċja mill-2011 uriet li hemm dgħufija kritika partikolari fis-sistema, b’mod partikolari minħabba l-għadd kbir ta’ migranti li qed jaslu fil-Greċja f’dawn l-aħħar xhur 10 .

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil hija kkaratterizzata wkoll mit-trattament differenti tal-persuni li jfittxu l-ażil, inkluż f’termini ta’ tul ta' żmien tal-proċeduri ta' ażil jew ta' kundizzjonijiet ta’ akkoljenza fost l-Istati Membri, sitwazzjoni li mbagħad tinkuraġġixxi movimenti sekondarji. Dawn id-diverġenzi jirriżultaw xi ftit jew wisq mid-dispożizzjonijiet diskrezzjonali li jinsabu fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil 11 u d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza ta' bħalissa 12 . Barra minn hekk, filwaqt li d-Direttiva dwar l-Ikkwalifikar 13 tistabbilixxi l-istandards għar-rikonoxximent u l-protezzjoni li għandhom jiġu offruti fil-livell tal-UE, fil-prattika r-rati ta’ rikonoxximent ivarjaw, xi drabi ħafna, bejn l-Istati Membri 14 . Hemm ukoll nuqqas ta’ konverġenza xierqa rigward id-deċiżjoni li jingħata l-istatus ta’ refuġjat (li għandu jingħata lil persuni li jkunu qed jaħarbu mill-persekuzzjoni) jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja (li għandu jingħata lil persuni li jkunu qed jaħarbu r-riskju ta’ periklu serju, inkluż il-kunflitt armat) lill-applikanti mill-pajjiż tal-oriġini. Din id-diverġenza inkuraġġixxiet ukoll movimenti sekondarji kif ukoll varjazzjonijiet fit-tul ta' żmien għall-permessi ta’ residenza u fl-aċċess għall-assistenza soċjali u għar-riunifikazzjoni tal-familja.

L-UE għandha waħda mill-aktar sistemi tal-ażil ġenerużi u protettivi fid-dinja, u l-għoti ta’ status ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE fil-prattika kważi wassal b'mod invarjabbli għal residenza permanenti fl-UE, filwaqt li l-għan primarju u oriġinali tagħha kien li tingħata protezzjoni biss sakemm hemm ir-riskju ta’ persekuzzjoni jew periklu serju. Ladarba ċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tal-oriġini jew is-sitwazzjoni tal-applikant jinbidlu, il-protezzjoni ma tkunx aktar meħtieġa. Madankollu, għalkemm id-Direttiva dwar l-Ikkwalifikar fiha dispożizzjonijiet dwar it-temma tal-istatus, attwalment fil-prattika mhumiex użati sistematikament.

Filwaqt li tibbaża fuq il-prijoritajiet immedjati identifikati fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni ħadet miżuri finanzjarji, legali 15 u operattivi sabiex tinforza aħjar ir-regoli tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kif spjegat aktar fil-Komunikazzjoni tal-10 ta’ Frar 2016. B’mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet iż-żewġ skemi temporanji ta’ rilokazzjoni f'każ ta' kriżi li ntlaħaq qbil dwarhom f’Settembru, li jipprevedu t-trasferiment tar-responsabbiltà għal ċerti applikanti għall-ażil minn fuq l-Italja u l-Greċja għal fuq Stati Membri oħra.

Huwa indispensabbli li dawn il-miżuri jiġu implimentati bis-sħiħ u malajr sabiex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati. L-Unjoni trid tasal, permezz ta’ azzjoni miftiehma bejn l-Istati Membri kollha u bl-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni u tal-korpi tal-Unjoni, għall-applikazzjoni korretta tal-qafas legali eżistenti sabiex jiġu kkonsolidati l-istabbilità u l-ordni fit-tħaddim tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Fl-istess ħin, l-UE trid titgħallem mill-kriżi attwali u tibda tindirizza d-dgħufijiet inerenti tagħha fuq terminu twil ta' żmien. Għaldaqstant huma meħtieġa azzjonijiet sabiex fil-futur tiġi żgurata sistema umana, ġusta u effiċjenti.

I.2 Biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet strutturali: ħames prijoritajiet

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm ħames oqsma ta’ prijorità fejn is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil għandha tittejjeb strutturalment.

Prijoritajiet

a) It-twaqqif ta’ sistema sostenibbli u ġusta sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-persuni li jfittxu ażil

Għan: Li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil tiġi adattata sabiex tiġi affrontata aħjar il-wasla ta' ħafna persuni li jfittxu ażil/refuġjati f'punti speċifiċi ta' dħul u biex jiġi żgurat grad għoli ta’ solidarjetà kif ukoll il-qsim ekwu tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri permezz ta' allokazzjoni ġusta tal-persuni li jfittxu ażil.

Azzjonijiet: Il-Kummissjoni tipproponi li temenda r-Regolament ta’ Dublin, jew billi dan jiġi ssimplifikat u ssuplimentat b'mekkaniżmu korretiv għall-qsim ekwu, jew inkella b'sistema ġdida bbażata fuq kriterji ta’ tqassim.

b) It-tisħiħ tas-sistema Eurodac

Għan: Li tiġi appoġġata l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin u tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari.

Azzjonijiet: Il-Kummissjoni tipproponi li tadatta s-sistema Eurodac sabiex jiġu riflessi l-bidliet fil-mekkaniżmu ta' Dublin u sabiex jitwessa' l-ambitu tagħha lill hinn mill-ażil. 

c) Il-kisba ta' aktar konverġenza fis-sistema tal-ażil tal-UE

Għan: Li r-regoli tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ikomplu jissaħħu u jiġu armonizzati, sabiex jiġi żgurat trattament aktar ugwali fl-UE u jitnaqqsu l-fatturi eċċessivi ta' attrazzjoni lejn l-UE.

Azzjonijiet: Il-Kummissjoni tipproponi Regolament ġdid li jistabbilixxi proċedura waħda u komuni tal-ażil fl-UE u li jissostitwixxi d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, Regolament dwar l-Ikkwalifikar ġdid li jissostitwixxi d-Direttiva dwar l-Ikkwalifikar u emendi mmirati lejn id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza.

d) Il-prevenzjoni ta' movimenti sekondarji fl-UE

Għan: Li jiġi żgurat li l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ Dublin ma jkunx imxekkel minn abbużi u mit-tiftix għall-aħjar ażil mill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

Azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tinkludi miżuri proċedurali msaħħa fil-proposti tagħha permezz ta' Proċeduri tal-Ażil ġodda u Regolamenti dwar l-Ikkwalifikar kif ukoll Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, sabiex jiġi skuraġġut u ssanzjonat iċ-ċaqliq irregolari lejn Stati Membri oħra.

e) Mandat ġdid għall-Aġenzija tal-UE tal-ażil

Għan: Li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u tal-mekkaniżmu ta’ tqassim ta’ Dublin rivedut, li jiġu żviluppati azzjonijiet immirati f’oqsma ewlenin, u li tiġi żgurata evalwazzjoni aktar armonizzata tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha.

Azzjonijiet: Il-Kummissjoni tipproponi biex jiġi emendat il-mandat tal-EASO sabiex ikun jista’ jaqdi rwol ġdid fl-impimentazzjoni tal-politki kif ukoll ikollu rwol operattiv msaħħaħ u jipprovdi riżorsi finanzjarji u mezzi legali suffiċjenti għal dan l-għan.

(a) It-twaqqif ta’ sistema sostenibbli u ġusta sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil

Ir-Regolament ta’ Dublin jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun determinat l-Istat Membru li huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dawn għandhom l-għan li jiżguraw l-aċċess rapidu tal-applikanti għall-ażil għal proċedura ta’ ażil, u li applikazzjoni tiġi eżaminata essenzjalment minn Stat Membru wieħed li jkun effettivament determinat. Dawn l-għanijiet jibqgħu validi. L-alternattiva – li jiġi permess lill-persuni li jfittxu ażil biex ikollhom it-talbiet tagħhom ittrattati mill-Istati Membri tal-għażla tagħhom – tkun fattur li jattira, anke jekk ikun hemm kundizzjonijiett pari bejn l-Istati Membri rigward il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-persuni li jfittxu ażil u t-trattament tat-talbiet tagħhom. Dan lanqas ma jipprovdi solidarjetà jew il-qsim ekwu tar-responsabbiltà. Il-ħtieġa għal tali kriterji u mekkaniżmi hija prevista mit-Trattat. 

Il-Kummissjoni biħsiebha tressaq, bħala kwistjoni ta’ prijorità, proposta sabiex tiġi riformata s-sistema ta’ Dublin. F’dan l-istadju għandhom jiġu kkunsidrati żewġ għażliet ewlenin marbutin mar-riforma sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà skont is-sistema ta’ Dublin. Fiż-żewġ għażliet li huma, l-Istati Membri tal-ewwel punt ta' dħul għandhom jidentifikaw, jirreġistraw u jieħdu l-marki tas-swaba’ tal-migranti kollha, u jibagħtu lura lil dawk li ma għandhomx bżonn ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, bħala turija ulterjuri ta’ solidarjetà, jista' jkun hemm bżonn li jiġi kkunsidrat il-finanzjament mill-UE rigward iż-żewġ għażliet. Peress li ż-żewġ għażliet għandhom jiġu mfasslin sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ influss tal-massa, jista' jiġi wkoll ikkunsidrat it-tħassir tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 16 .

Għażla 1: Is-sistema attwali tiġi ssuplimentata b’mekkaniżmu korretiv għall-qsim ekwu

F'din l-għażla, il-kriterji attwali għall-allokazzjoni tar-responsabbiltà essenzjalment jinżammu, iżda s-sistema tkun issupplimentata b’mekkaniżmu korretiv għall-qsim ekwu, abbażi ta’ kriterji ta’ tqassim, li jippermettu aġġustamenti fl-allokazzjoni waqt ċerti ċirkostanzi. Din l-għażla torbot it-tqassim tar-responsabbiltà fil-qasam tal-ażil mar-rispett mill-Istati Membri tal-obbligi tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-fruntiera esterna, iżda tippermetti li sitwazzjonijiet ta’ influss bil-massa minn ġo Stati Membri individwali jiġu ttrattati b’mod aktar effikaċi, u tiżgura aktar ġustizzja bejn l-Istati Membri. Il-mekkaniżmu korrettiv jista’ jiġi kkombinat ma’ emendi fir-Regolament ta’ Dublin sabiex jagħmel il-proċeduri aktar effiċjenti, b’mod partikolari billi jħassar il-klawżoli dwar it-tmiem tar-responsabbiltà.

 

Il-mekkaniżmu korrettiv supplimentari jista' jitnieda mill-iskema ta’ rilokazzjoni f'każ ta' kriżi proposta mill-Kummissjoni f’Settembru tas-sena li għaddiet 17 , li għandu jiġi attivat f’sitwazzjonijiet li jipperikolaw l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin minħabba pressjoni kbira kkaratterizzata minn influss kbir u sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jpoġġu piż sinifikanti fuq is-sistema tal-ażil ta’ Stat Membru. Għandu jiġi kkunsidrat jekk l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu supplimentari għandhiex tintrabat ukoll mal-attivazzjoni minn qabel tal-appoġġ operattiv fil-fruntieri esterni mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta futura 18 .

Sabiex jiġi appoġġat b'mod effettiv Stat Membru li jkun qed jiffaċċja influss ta' migranti sinifikanti, għandhom jiġu kkunsidrati l-aġġustamenti proposti mill-Kummissjoni s-sena li għaddiet fil-mekkaniżmu supplimentari. B'mod partikolari, sabiex jitnaqqsu l-inġustizzji sinifikanti fl-allokazzjoni ta' bejn l-Istati Membri, ir-rilokazzjoni tista’ sseħħ hekk kif jintlaħaq limitu stabbilit predefinit fl-għadd ta’ applikanti għal ażil fi Stat Membru partikolari. Il-limitu stabbilit jista', pereżempju, jiġi ddeterminat b’tali mod li r-rilokazzjoni sseħħ biss meta l-għadd tal-persuni li jfittxu ażil allokati għal Stat Membru partikolari jaqbeż b’mod sinifikanti dak li jirriżulta mit-tqassim tal-persuni li jfittxu l-ażil fl-UE kollha abbażi ta’ ċerti kriterji oġġettivi. Aġġustament ieħor jista’ jippermetti r-rilokazzjoni ta' kull applikant li b'mod raġonevoli, fil-probabbiltà kollha, ikun se jingħata protezzjoni internazzjonali 19 , u mhux biss dawk in-nazzjonalitajiet b’rata ta’ rikonoxximent ta’ mill-inqas 75 %.

Għażla 2: Sistema ġdida għall-allokazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE abbażi ta’ kriterji ta’ tqassim

Permezz ta' sistema ġdida għall-allokazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE, l-ikkonstatar tar-responsabbiltà fil-biċċa l-kbira mhux se jibqa' marbut mal-Istat Membru tal-ewwel applikazzjoni jew tad-dħul irregolari. Minflok, ir-responsabilità tkun primarjament allokata abbażi ta’ kriterji ta’ tqassim li jirriflettu d-daqs, il-ġid u l-kapaċitajiet ta’ assorbiment relattivi tal-Istati Membri 20 . Dan ikun jinvolvi bidla fundamentali fis-sistema attwali. Madankollu, ċerti kriterji – b’mod partikolari r-rabtiet tal-familja jew ta' dipendenza, l-aħjar interessi tal-minuri u l-pussess ta’ viża jew ta' permess ta’ residenza – kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, ikollhom is-sopravvent fuq l-applikazzjoni tal-kriterji ta' tqassim u jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis korrispondenti mill-allokazzjoni tal-Istat Membru abbażi tal-kriterji. Barra minn dan, ladarba r-responsabbiltà ta’ Stat Membru partikolari tiġi stabbilita definittivament, dan l-Istat Membru jibqa’ l-uniku wieħed responsabbli biex jeżamina t-talba ta' applikant partikolari, u b'hekk jiġu skuraġġuti movimenti sekondarji, u l-proċeduri jkunu jistgħu jitqassru u jsiru aktar effiċjenti.

B’kuntrast mal-għażla 1, il-biċċa l-kbira tal-applikanti se jiġu allokati direttament, fuq il-bażi tal-kriterji ta’ tqassim, lejn Stat Membru ieħor meta dawn jitfgħu applikazzjoni x'imkien fl-UE. Madankollu, l-Istati Membri tal-ewwel applikazzjoni jkunu dejjem responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tal-applikanti ta' pereżempju dawk li ġejjin mill-pajjiżi ta' oriġini li l-UE kklassifikat bħala sikuri, sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn rapidu tagħhom u tinżamm rabta mal-obbligi tal-Istati Membri rigward il-protezzjoni tal-fruntiera esterna. Huma possibbli varjanti differenti ta’ din l-għażla, bir-responsabbiltà tkun akbar jew anqas fuq l-Istat Membru fejn tkun saret l-applikazzjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk il-kriterji ta' prijorità japplikawx, bħal jekk l-applikant għandux rabtiet familjari ma’ Stat Membru ieħor. Alternattiva tista’ tkun li din il-verifika titwettaq mill-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni; alternattiva oħra tista’ tkun li din il-verifika ssir biss fl-Istat Membru li tkun saret l-allokazzjoni għalih, fuq il-bażi tal-kriterju ta’ tqassim.

Il-perspettiva għal terminu ta' żmien twil

Kif diġà ġie indikat fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, fuq perjodu ta' żmien twil, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil isir it-trasferiment tar-responsabbiltà mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE, pereżempju billi l-EASO jinbidel f'Aġenzija b'setgħa li jieħu deċiżjonijiet tal-ewwel istanza fil-livell tal-UE, bi friegħi nazzjonali f’kull Stat Membru, u bit-twaqqif ta' struttura ta’ appell fil-livell tal-UE. Permezz ta' dan l-approċċ, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli mill-akkoljenza tal-persuni li jfittxu ażil, u tar-refuġjati ladarba jiġu rikonoxxuti, li jiġu lilhom allokati abbażi ta’ kriterji ta’ tqassim kif issuġġerit hawn fuq.

Dan jistabbilixxi proċess wieħed ċentralizzat għat-teħid tad-deċiżjonijiet, fl-ewwel istanza u għall-appell, u b’hekk jiżgura armonizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri kif ukoll evalwazzjoni konsistenti tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni fil-livell tal-UE. It-tqassim tal-persuni li jfittxu ażil fost l-Istati Membri abbażi tal-kriterji ta' tqassim għandha fl-istess waqt tiżgura l-qsim ekwu tar-responsabbiltà meta jaqgħu taħt il-kura tagħhom. Apparti li tkun meħtieġa bidla istituzzjonali kbira, bosta riżorsi jkun jeħtieġ li jiġu allokati għal dawn il-korpi tal-ażil il-ġodda tal-UE, għall-ipproċessar tal-għadd għoli ħafna ta’ applikazzjonijiet li bħalissa qed jiġu trattati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri 21 . Soluzzjoni bħal din daqshekk estensiva tkun għalhekk diffiċli biex tiġi kkunsidrata fuq terminu ta' żmien qasir jew medju.

(b) It-tisħiħ tas-sistema Eurodac    

Is-sistema Eurodac u l-marki tas-swaba’ maħżuna f’din il-bażi tad-dejta huma użati mill-Istati Membri bħala evidenza li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jew migranti irregolari kien preżenti fi Stat Membru wieħed qabel ma wasal f'ieħor, sabiex tiġi appoġġata l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin. Il-Kummissjoni tipproponi li tadatta s-sistema Eurodac sabiex jiġu riflessi l-bidliet fil-mekkaniżmu ta' Dublin, biex jiġi żgurat li din tipprovdi l-evidenza tal-marki tas-swaba’ li għandha bżonn biex tiffunzjona.

Barra minn hekk, it-tkabbir tal-ambitu tal-Eurodac lil hinn mill-ażil huwa rilevanti meta wieħed iqis id-diffikultajiet tal-Istati Membri biex jissorveljaw b’mod effettiv id-dħul irregolari fil-fruntieri esterni u l-movimenti sussegwenti. L-Eurodac tista’ tintuża sabiex tissaħħaħ sostanzjalment il-kapaċità tal-Istati Membri li jsegwu l-migranti irregolari fl-UE billi jaħżnu d-dejta tal-marki tas-swaba’ tal-kategoriji kollha u billi tippermetti li jsir tqabbil mad-dejta kollha maħżuna.

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Eurodac sabiex tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari billi tippermetti li s-sistema tintuża sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn tal-migranti irregolari. B’dan, l-Eurodac se tintuża bħala mezz biex titħaffef l-identifikazzjoni u l-ħruġ ta' dokumentazzjoni mill-ġdid għall-migranti u se tippermetti evalwazzjoni aħjar tal-prospettiva tal-ħrib, b’hekk tissaħħaħ l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċeduri ta’ ritorn u riammissjoni.

Kif stipulat fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'saħħithom u Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà 22 , il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġenerali tas-sistema eżistenti, se tidentifika wkoll il-lakuni li jeħtieġ li jiġu indirizzati fuq terminu ta' żmien twil billi tiżviluppa ċerti funzjonalitajiet tekniċi tas-sistema, inkluż l-użu possibbli ta’ identifikaturi bijometriċi oħrajn, f'konformità mal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta.

(c)    Konverġenza akbar u sistema tal-ażil tal-UE ġenwina u komuni

B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi l-armonizzazzjoni komprensiva tal-proċeduri fl-UE billi tibdel id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil attwali f’Regolament ġdid li jistabbilixxi proċedura komuni waħda tal-ażil fl-UE - li jissostitwixxi l-arranġamenti attwali differenti fl-Istati Membri - li jnaqqas l-inċentivi biex jkun hemm movimenti lejn u ġewwa l-UE. Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi t-twaqqif ta’ regoli ġodda - minflok dawk attwali diskrezzjonali - dwar aspetti ewlenin tal-proċedura tal-ażil, inklużi regoli dwar l-ammissibbiltà, l-użu tal-proċeduri fuq il-fruntiera kif ukoll ta' dawk mħaffa, it-trattament tal-applikazzjonijiet sussegwenti, u d-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju. Karatteristika essenzjali ta’ din il-proċedura komuni se tkun l-armonizzazzjoni tad-dewmien massimu tal-proċedura, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

Aspett kritiku ta’ approċċ komuni jirrigwarda l-użu tal-mekkaniżmi marbutin ma’ “pajjiż sikur”. F’Settembru 2015, il-Kummissjoni pproponiet l-adozzjoni ta’ Regolament li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta’ "pajjiżi ta’ oriġini sikuri" 23 sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar rapidu ta’ applikazzjonijiet ta’ persuni minn dawn il-pajjiżi. Huwa importanti li r-Regolament jiġi adottat mingħajr dewmien mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-għan huwa li jsir progress dwar lista kompletament armonizzata ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell ta' UE, abbażi tal-proposti mill-Kummissjoni, bi prijorità mogħtija biex jiddaħħlu pajjiżi terzi li minnhom għadd sinifikanti ta' applikanti joriġinaw. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi biex il-konsegwenzi proċedurali tal-użu tal-mekkaniżmu ta' pajjiż ta’ oriġini sikur jiġu armonizzati u titneħħa d-diskrezzjoni attwali dwar jekk jintużax jew le.

Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta' "pajjiż terz sikur", li jippermetti li ċerti applikazzjonijiet jiġu ddikjarati inammissibbli meta l-protezzjoni tista' tkun disponibbli f’pajjiż terz, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Frar 2016, tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex jipprevedu u jeżiġu l-użu tiegħu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni għandha wkoll il-ħsieb li tipproponi sistema aktar armonizzata tal-UE għall-użu tiegħu, b’rispett sħiħ lejn l-obbligi internazzjonali mniżżla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, sabiex jiġi garantit li jiġi applikat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha, u biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-adozzjoni ta’ lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi sikuri.

Barra minn hekk, irid jiġi żgurat li l-applikanti jingħataw it-tip ta’ protezzjoni li huma intitolati għaliha (l-istatus ta’ refuġjat jew il-protezzjoni sussidjarja), iżda għal sakemm ikollhom bżonnha biss, u li jingħataw ġabra ta’ drittijiet aktar armonizzati, filwaqt li tinżamm konsistenza mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u mal-KEDB. Il-Kummissjoni għaldaqstant biħsiebha, wara li tkun ikkonsultat lill-Istati Membri, tipproponi li d-Direttiva dwar l-Ikkwalifikar attwali tiġi sostitwita b’Regolament, li jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-proċeduri u d-drittijiet li għandhom jiġu offruti lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Uħud mid-drittijiet li jistgħu jingħataw għandhom jikkorrispondu mas-sistema applikabbli f’kull Stat Membru fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra jew ta' ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-istandards internazzjonali, il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa l-bżonn li jiġi adattat il-livell ta’ drittijiet sabiex jonqsu kemm il-fatturi ta’ attrazzjoni żejda kif ukoll il-movimenti sekondarji. Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tikkjarifika aħjar id-differenza bejn l-istatus ta’ protezzjoni ta' refuġjat u dak ta’ protezzjoni sussidjarja, u se tkompli tiddifferenzja d-drittijiet rispettivi marbutin magħhom.

Barra minn hekk, se jiġu pprovduti l-miżuri f’dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat li titwettaq verifika sistematika u regolari, għall-inqas fl-ewwel snin wara l-għoti ta’ status ta’ protezzjoni, u li, qabel mal-persuna tingħata l-istatus ta’ residenza fit-tul, it-tiġdid tal-permess ta’ residenza jkun marbut mal-konferma li għad hemm bżonn il-protezzjoni, wara li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna u abbażi taċ-ċirkostanzi personali attwali tagħha. Illum il-ġurnata, ftit huma l-Istati Membri li għandhom fis-seħħ tali sistema ta’ reviżjoni regolari tal-istatus. Minħabba n-natura inerenti aktar temporanja tal-istatus, aktar reviżjonijiet regolari marbutin mal-waqfien għandhom jiġu kkunsidrati għall-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja.

Se jiġu proposti regoli aktar armonizzati dwar id-dokumenti tal-identità għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, jistgħu jittieħdu aktar inizjattivi fuq medda twila ta’ żmien sabiex jiġi żviluppat ir-rikonoxximent reċiproku tal-protezzjoni mogħtija fi Stati Membri differenti, li jista' jkun il-bażi għal qafas marbut mat-trasferiment tal-protezzjoni.

Se jiġu proposti wkoll bidliet fid-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza 24 wara li jsiru konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, sabiex tiżdied kemm jista' jkun l-armonizzazzjoni fost l-Istati Membri. Hija kruċjali aktar armonizzazzjoni fit-trattament tal-persuni li jfittxu l-ażil madwar l-UE, mhux biss sabiex jiġi żgurat li dan it-trattament ikun uman, iżda wkoll sabiex jitnaqqsu l-inċentivi biex isir ċaqliq lejn l-Ewropa u lejn Stati Membri oħra fl-Ewropa. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni talbet lill-EASO sabiex jiżviluppa standards tekniċi komuni u gwida għas-sistemi ta’ akkoljenza tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni ma’ netwerk maħluq ġdid tal-UE ta’ awtoritajiet ta’ akkoljenza fil-qasam tal-ażil u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Dawn l-istandards ġodda se jservu wkoll bħala punt ta’ riferiment sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ.

(d)    Il-prevenzjoni ta' movimenti sekondarji fl-UE 

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi firxa ta’ miżuri għall-acquis dwar l-ażil kollu, sabiex jiġi żgurat li l-funzjonament tas-sistema ma jitħarbatx minħabba l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-ażil u tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru ta' għażla tagħhom.

Sanzjonijiet proporzjonati għandhom jingħataw lil applikant ma jibqax fl-Istat Membru responsabbli. Stati Membri oħra jkollhom l-obbligu li jibagħtu lura lejn l-Istat Membru responsabbli lill-persuni li qed ifittxu ażil li jkunu ħarbu, fejn ikunu suġġetti għal proċedura ta’ eżami mgħaġġla fejn id-dritt tagħhom li jibqgħu, sakemm jinqata' l-appell, ma jkunx awtomatiku, mingħajr ma jiġi ppreġudikat il-prinċipju ta’ non-refoulement u d-dritt għal rimedju effettiv. Barra minn hekk, applikant li jkun ħarab jew li probabbilment se jipprova jaħrab għandu, jiġi assenjati għal żona speċifika fl-Istat Membru, jew jekk ikun meħtieġ jiġi miżmum, u fejn possibbli, il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jingħataw biss in natura. Barra minn hekk, jistgħu jiġu amplifikati u msaħħa d-dispożizzjonijiet eżistenti fl-acquis li jorbtu flimkien il-fatt li applikant ma ppreżentax applikazzjoni mill-aktar fis possibbli, minkejja li kellu l-opportunità effettiva biex jagħmel dan, mal-valutazzjoni tal-kredibilità tal-applikazzjoni. Dan jista' jkollu bħala konsegwenza, li l-fatt li persuna tkun telqet b'mod irregolari mill-Istat Membru responsabbli jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil.

Barra minn hekk, sabiex jiġu evitati l-movimenti sekondarji tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, ir-regoli stipulati fid-Direttiva dwar l-Ikkwalifikar rigward l-għoti tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-obbligi tar-rappurtar se jiġu msaħħa (kif ukoll għall-persuni li jfittxu ażil). Se jiġi stabbilit b’mod ċar li r-refuġjati huma intitolati għad-drittijiet u għall-benefiċċji fl-Istat Membru li jkun tahom il-protezzjoni biss, u li għandhom l-obbligu li jibqgħu fih. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Dublin se jiġi emendat sabiex l-Istati Membri jkunu obbligati jieħdu lura lil dawk il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li għandhom jibqgħu fl-Istat Membru li tahom il-protezzjoni. Il-fatt li persuna ħalliet it-territorju ta’ dan l-Istat Membru b'mod irregolari jista’ jkun il-bażi sabiex tinbeda reviżjoni tal-istatus.

Filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-għoti ta’ kwalunkwe dritt marbut mal-proċedura tal-ażil, inklużi l-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, se jkunu jiddependu fuq ir-reġistrazzjoni, it-teħid tal-marki tas-swaba’, il-preżenza u l-permanenza fl-Istat Membru responsabbli. Id-dispożizzjonijiet dwar li jiġu infurmati l-applikanti rigward l-obbligu tagħhom biex japplikaw għall-ażil malajr kemm jista’ jkun meta jaslu fl-UE kif ukoll biex jibqgħu fl-Istat Membru responsabbli se jiġu msaħħin. Ir-regoli dwar l-obbligu tal-applikanti li jikkooperaw u li jinfurmaw lill-awtoritajiet se jissaħħu wkoll, kif ukoll il-miżuri speċifiċi meħuda biex jiġu ttrattati l-applikanti li marbut magħhom hemm ir-riskju għoli ta' ħrib, inkluż l-użu ta’ proċeduri ta’ eżami aċċellerati. Barra minn hekk, se jiġu proposti regoli komuni tal-UE dwar id-dokumenti li għandhom jinħarġu lill-peruni li jfittxu ażil, li jiċċertifikaw l-identità tagħhom u li b'mod ċar jiddikjaraw li ma għandhomx fil-prinċipju d-dritt li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jżommu l-possibbiltà li jipprovdu lill-applikanti b'dokument tal-ivvjaġġar meta raġunijiet umanitarji serji jirrekjedu l-preżenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu ċċarati sabiex jiġi żgurat li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ma jinħarġux ħlief f'dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali.

 

Id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul 25 se tiġi wkoll emendata sabiex tipprevedi li l-perjodu ta’ ħames snin, wara li l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jkunu eliġibbli għall-istatus ta’ Resident għal Terminu ta' Żmien Twil, jinbeda mill-ġdid kull darba li l-persuna titlaq mingħajr awtorizzazzjoni mit-territorju tal-Istati Membri li jkunu taw il-protezzjoni.

Ġeneralment, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprevedu sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-movimenti sekondarji irregolari.

(e)    Mandat ġdid għall-Aġenzija tal-Ażil tal-UE 

   

Il-Kummissjoni tipproponi mandat iktar b’saħħtu għall-EASO, sabiex dan ikun jista’ jaqdi rwol għall-implimentazzjoni tal-politiki u rwol operattiv msaħħaħ ġdid, u b’hekk jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. 

L-Aġenzija, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, u mingħajr preġudizzju dwar ir-responsabbiltà ta' din tal-aħħar bħala l-gwardjan tat-Trattati, se tkun responsabbli mill-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni speċifiku marbut mal-monitoraġġ tal-konformità tal-Istati Membri mal-istandards tal-ażil li b'mod patikolari hemm bżonn li jiġu segwiti, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ Dublin, b’mod partikolari rigward il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, l-aċċess għall-proċeduri ta’ ażil u r-rispett tas-salvagwardji essenzjali. Dan jimplika monitoraġġ tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha u l-identifikazzjoni ta’ miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet eżistenti. Meta l-azzjoni individwali mill-Istati Membri ma tkunx biżżejjed sabiex tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni, l-Aġenzija tista’ tintervjeni permezz ta’ appoġġ imsaħħaħ. Se jkun hemm previsti miżuri fil-każ li ma jittiħdux passi adegwati mill-Istat Membru kkonċernat, sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun kull inċentiv possibbli biex l-Istati Membri jew il-persuni li jfittxu l-ażil ma jirrispettawx ir-regoli. Jekk l-Aġenzija tistabbilixxi, abbażi ta’ evalwazzjoni sostanzjata tas-sitwazzjoni, li l-ebda azzjoni ma ttieħedet jew li ma ttiħditx azzjoni biżżejjed mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni jista' jkollha s-setgħa, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tippreskrivi miżuri operattivi li għandhom jittieħdu mill-Istat Membru, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija.

Kompitu ewlieni ieħor tal-Aġenzija jkun li tiżgura evalwazzjoni aktar armonizzata tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE, abbażi tal-kriterji definiti mid-Direttiva dwar l-Ikkwalifikar. L-għan għandu jkun li jiġu indirizzati d-differenzi attwali fir-rati ta’ rikonoxximent, billi joħorġu linji gwida ddettaljati u regolari, abbażi ta' analiżi komuni, dwar l-approċċ li għandu jittieħed għall-applikanti għall-ażil minn pajjiżi ta' oriġini speċifiċi, bla ħsara għal eżami individwali ta’ kull applikazzjoni. Dawn il-linji gwida se jiġu approvati mill-Bord tat-Tmexxija u se jintużaw mill-Istati Membri. Mekkaniżmu ta’ rappurtar jiffaċilita l-evalwazzjoni ta’ jekk il-linji gwida tal-Aġenzija fil-prattika humiex qed jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri. L-EASO, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Presidenza Olandiża, bħalissa qed jipprova dan l-approċċ billi jikkoordina l-iżvilupp, permezz ta' esperti tal-Istati Membri, tal-linji gwida komuni dwar l-evalwazzjoni tat-talbiet għall-ażil Afgani. Barra minn hekk, se titwaqaf sistema ta' awditjar tal-każijiet sabiex jitwettaq monitoraġġ tal-kwalità tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil fl-Istati Membri, inkluż li jiġu seġwiti l-linji gwida.

Barra minn hekk, l-Aġenzija se tingħata r-responsabbiltà sabiex tevalwa l-evidenza jekk pajjiżi terzi jissodisfawx il-kriterji sabiex jiġu magħżula bħala pajjiżi terzi sikur jew pajjiż tal-oriġini terzi sikuri, u tista’ tagħti opinjonijiet lill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat.

L-Aġenzija hija wkoll l-għażla naturali għat-tħaddim tal-mekkaniżmu ta’ tqassim permezz tas-sistema riformata ta’ Dublin, tkun xi tkun l-għażla li tittieħed. Dan jimplika l-applikazzjoni ta’ kull kriterju ta' tqassim għall-allokazzjoni tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri rispettivi, permezz ta’ mekkaniżmu li ma jinkludix id-diskrezzjoni għall-Aġenzija.

Skont il-mudell tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li ġiet proposta, l-Aġenzija għandha tkun tista’ tintervjeni, anki fuq inizjattiva tagħha stess, biex tappoġġa l-Istati Membri li ma ħadux l-azzjonijiet rimedjali meħtieġa jew li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza. L-interventi tal-Aġenzija jkunu jikkonsistu, b’mod partikolari, f'għajnuna għall-ġestjoni tal-każijiet u f'appoġġ relatat mal-akkoljenza. Interventi bħal dawn għandhom ikunu marbutin mill-qrib mal-interventi tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta proposta, u f’ħafna każijiet jista’ jkollhom l-istess fattur li jattivahom. L-Aġenzija għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżerva ta' għadd ta’ esperti għal intervent rapidu li l-Istati Membri jkunu obbligati li jikkontribwixxu għalih. Dawn l-esperti jkunu jistgħu jintbagħtu fi żmien qasir ħafna meta jkun hemm bżonn li jiġu implimentati miżuri ta’ emerġenza.

Għandhom jiġu mogħtija lill-Aġenzija biżżejjed riżorsi finanzjarji u mezzi legali, sabiex jiġi żgurat li hija tista’ twettaq b’mod effettiv ir-rwol imsaħħaħ tagħha, inkluż il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet. L-azzjonijiet meħuda minn EASO għandhom ikunu kkoordinati kompletament ma’ miżuri oħra ta’ appoġġ li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri taħt pressjoni partikolari, inkluż permezz tal-mekkaniżmu l-ġdid propost mill-Kummissjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna umanitarja fl-UE 26 .

II. Jiġu żgurati u msaħħa r-rotot ta’ migrazzjoni sikuri u legali

Il-ġestjoni intelliġenti tal-migrazzjoni teħtieġ mhux biss politika soda sabiex jiġu indirizzati l-flussi irregolari filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni għal dawk fil-bżonn, iżda wkoll politika proattiva dwar mezzi legali sostenibbli, trasparenti u aċċessibbli. F'konformità mal-Aġenda globali tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, aħna nirrikonoxxu għaldaqstant il-kontribut pożittiv tal-migranti għat-tkabbir inklużiv, u li r-realtà multidimensjonali tal-migrazzjoni teħtieġ rispons koerenti u komprensiv.

Fuq naħa waħda hemm bżonn ta' aktar mezzi legali sabiex il-persuni li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jaslu fl-UE b’mod ordnat, ġestit, sikur u dinjituż, u sabiex jissalvaw il-ħajjiet filwaqt li titnaqqas il-migrazzjoni irregolari, u jinqered il-mudell kummerċjali tal-persuni li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni. Fl-istess ħin ir-responsabbiltà għall-protezzjoni ma għandhiex tiżdied biss b’mod ġenerali għall-UE kollha kemm hi, iżda wkoll għall-Komunità internazzjonali, għaliex din bħalissa f'livell globali mhix kondiviża b’mod ekwu.

Min-naħa l-oħra, l-UE teħtieġ politika ta’ migrazzjoni tal-ħaddiema aktar proattiva sabiex jiġu attirati l-ħiliet u t-talenti li teħtieġ, ħalli jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u n-nuqqas ta’ ħiliet, biex b’hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u għas-sostenibilità tas-sistema ta' protezzjoni soċjali tagħna. B’mod aktar ġenerali, l-UE għandha tieħu din l-opportunità biex tevalwa u ttejjeb il-qafas globali dwar il-migrazzjoni legali u tal-ħaddiema.

Barra minn hekk, u kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar is-Semestru Ewropew tal-2016 27 l-integrazzjoni effettiva ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fl-UE hija essenzjali, kemm fid-dawl tal-isfidi reċenti maħluqa mill-kriżi tar-refuġjati kif ukoll fid-dawl tal-isfidi eżistenti u futuri relatati mal-migrazzjoni. Bil-konsolidazzjoni tal-ħidma li diġà saret fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni biħsiebha żżid l-azzjoni tagħha għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, billi tipproponi Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni se jfassal azzjonijiet marbutin mal-oqsma ta’ politika l-aktar rilevanti għall-integrazzjoni (pereż. l-edukazzjoni, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol (inkluża l-intraprenditorija), l-inklużjoni soċjali, in-nondiskriminazzjoni) bl-għan li jiġu appoġġati l-Istati Membri, u jiġu indikati r-riżorsi baġitarji tal-UE disponibbli.

 

Fl-aħħar nett, l-UE se jkollha ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi terzi ta' oriġini ewlenin sabiex tiġi żgurata ġestjoni aktar komprensiva u aħjar tal-migrazzjoni u l-mobilità.

II.1. Lejn approċċ ġestit aħjar għall-protezzjoni tar-refuġjati fl-UE

– sistema għar-risistemazzjoni strutturata

Fl-iżvilupp ta’ sistema għar-risistemazzjoni strutturata l-Kummissjoni mhix se tibda mix-xejn. Hija diġà rrakkomandat approċċ mifrux mal-UE kollha li taħtu l-Istati Membri qablu li jirrisistemaw 22,504 refuġjati fl-2015-16 minn kampijiet tar-refuġjati fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Qarn tal-Afrika, bl-intermedjazzjoni tal-UNHCR. Kif imħabbar fid-Dikjarazzjoni li ntlaħaq qbil dwarha bejn l-Istati Membri u t-Turkija fit-18 ta’ Marzu 28 , ġie stabbilit mekkaniżmu sabiex il-qsim irregolari u perikolużi tal-migranti mit-Turkija għall-gżejjer Griegi jiġi sostitwit b'mezz legali ta’ risistemazzjoni mit-Turkija għall-UE. Għal kull Sirjan li jintbagħat lura lejn it-Turkija, Sirjan ieħor se jiġi risistemat mit-Turkija fl-UE. Min-naħa tal-UE, ir-risistemazzjoni taħt dan il-mekkaniżmu se sseħħ l-ewwel nett billi jiġu onorati l-impenji, taħt l-approċċ msemmi hawn fuq tal-UE kollha, li minnhom għad fadal 18,000 post għar-risistemazzjoni mit-22,504 postijiet oriġinali. Il-Kummissjoni pproponiet li l-54 000 post li kienu previsti għar-rilokazzjonijiet issa jkunu wkoll disponibbli sabiex jiġu risistemati s-Sirjani mit-Turkija fl-UE 29 , jekk ikun hemm aktar bżonn ta’ risistemazzjoni. Fl-istess waqt, għaddejja ħidma fost l-Istati Membri sabiex titwaqqaf l-iskema ta’ ammissjoni umanitarja għar-refuġjati Sirjani attwalment fit-Turkija. Ġaladarba l-qsim irregolari bejn it-Turkija u l-UE jasal fi tmiemu jew tal-inqas jonqos b’mod sostanzjali u sostenibbli, din l-iskema tiġi attivata. L-Istati Membri tal-UE se jikkontribwixxi fuq bażi volontarja għal din l-iskema.

 

Bil-konsolidazzjoni tal-inizjattivi eżistenti, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta bit-tifsila tal-politika tal-UE dwar ir-risistemazzjoni, li tipprovdi approċċ komuni għall-wasla sikura u legali fl-UE għall-persuni li għandhom bżonn il-protezzjoni. Din il-proposta se tistabbilixxi mekkaniżmu orizzontali għat-tnedija ta’ inizjattivi mmirati tal-UE għar-risistemazzjoni, billi tistabbilixxi regoli komuni tal-UE dwar l-ammissjoni u t-tqassim, l-istatus li għandu jingħata lil persuni risistemati, l-appoġġ finanzjarju, kif ukoll dwar miżuri sabiex jiġu skuraġġuti l-movimenti sekondarji. Tali inizjattivi fil-livell tal-UE jista' jkollhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali, immirati lejn it-tisħiħ tar-risistemazzjoni b'mod globali, jew biex jiffaċilitaw ir-risistemazzjoni minn pajjiż terz jew reġjun partikolari, possibbilment marbutin b'ċerti kundizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni effettiva fil-ġestjoni tal-migrazzjoni (pereż. it-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni li minn jeddhom jaslu fl-Istati Membri tal-UE, il-qbil dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni jew it-tijib tagħhom). Tali mekkaniżmu jkun jista’ jiġi attivat permezz ta’ Atti ta’ Implimentazzjoni, li għandhom jiġu adottati abbażi ta' kriterji definiti oġġettivament (pereż. il-miri ta' risistemazzjoni globali tal-UNHCR).

Il-politika tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għandu jkollha l-objettiv ġenerali li jiġi żgurat li l-Unjoni terfa' s-sehem ġust tagħha ta’ responsabbiltà globali sabiex tipprovdi refuġju sikur lir-refuġjati fid-dinja. Din hija responsabbiltà li għandha tinqasam mal-komunità internazzjonali kollha kemm hi, u tiġi indirizzata biss b’mod adegwat u sostenibbli permezz ta’ approċċ miftiehem u determinat mill-atturi internazzjonali kollha. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li l-UE żżid l-appoġġ u l-parteċipazzjoni tagħha għall-inizjattivi internazzjonali mmirati biex jindirizzaw l-isfidi globali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, bħall-programmi ta’ risistemazzjoni globali tal-UNHCR, 30 iżda tisħaq wkoll għal aktar impenn f’kuntesti internazzjonali oħra bħal fil-G20. Biex dan iseħħ, l-UE teħtieġ sistema strutturata komuni biex tlaqqa' l-isforzi ta’ risistemazzjoni Ewropej b’mod aktar sistematiku. Dan jippermetti li l-UE tmexxi bl-eżempju, kif ukoll hija turija ċara u konkreta, lill-komunità internazzjonali, tas-solidarjetà Ewropea.

L-Istati Membri għandhom iqisu wkoll modi oħrajn sabiex jiżdiedu l-alternattivi legali ta’ dħul għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Skemi speċifiċi għar-refuġjati bħal dawk tar-risistemazzjoni u tal-ammissjoni umanitarja għandhom jiġu kkumplimentati billi jkunu aktar aċċessibbli għar-refguġjati l-iskemi eżistenti ta' ammissjoni regolari għal kategoriji ġenerali, bħalma huma l-istudenti, ir-riċerkaturi jew il-ħaddiema, u l-inizjattivi li diġà jeżistu għandhom jiġu appoġġati bis-sħiħ. Inizjattivi oħra, bħall-isponsorizzazzjoni privata, fejn l-ispejjeż tal-isponsorizzazzjoni u tal-appoġġ għal residenza għal żmien twil għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni jistgħu jiġu appoġġati minn gruppi jew organizzazzjonijiet privati, jista’ jkollhom ukoll rwol importanti sabiex jimmoltiplikaw il-possibilitajiet ta' dħul legali. L-isponsorizzazzjoni privata tista’ tieħu diversi forom, minn boroż ta’ studju għal studenti u akkademiċi sa appoġġ għall-integrazzjoni għall-membri sponsorizzati tal-familja. L-isponsorizzazzjoni privata mhijiex biss mezz sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ dħul legali, iżda tgħin ukoll sabiex jitqajjmu s-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ tal-pubbliku għar-refuġjati, u tippermetti li jkun hemm ambjent akkoljenti peress li l-komunitajiet lokali ġeneralment jkunu involuti. Għalhekk din għandha tiġi mħeġġa billi jiġu żviluppati l-aħjar prattiki fil-livell tal-UE, u l-mudelli u l-esperjenzi ta' pajjiżi terzi oħra għandhom ikunu ta' ispirazzjoni. L-Istati Membri huma wkoll mħeġġa sabiex jagħmlu użu b’mod sħiħ minn mezzi legali oħra disponibbli għall-persuni li għandhom bżonn il-protezzjoni, bħall-permessi umanitarji, u l-Kummissjoni se tivvaluta mezzi sabiex tippromwovi approċċ Ewropew ikkoordinat f’dan ir-rigward ukoll.

II.2. Politika dwar il-migrazzjoni legali aktar intelliġenti u ġestita aħjar

Matul dawn l-aħħar 13-il sena, l-UE żviluppat firxa wiesgħa ta’ strumenti dwar l-ammissjoni ta’ kategoriji differenti ta’ migranti legali. Il-"Karta Blu" u d-Direttiva dwar Ħaddiema bi trasferiment intrażjendali 31 joħolqu qafas legali għall-migranti bi kwalifiki għoljin; id-Direttiva riveduta dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi 32 tiffaċilita l-ammissjoni u l-mobilità intra-UE għall-istudenti u r-riċerkaturi barranin, u tagħtihom id-dritt ta' permanenza għal disa' xhur sabiex ifittxu impjieg jew jiftħu negozju; id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali 33 - li jkun hemm bżonn li tiġi kompletament tasposta mill-Istati Membri aktar tard din is-sena - tirregola d-dħul u l-permanenza temporanja tal-ħaddiema staġonali, u b’hekk tiffaċilita l-migrazzjoni ċirkolari u tipproteġi din il-kategorija ta’ ħaddiema partikolarment vulnerabbli. Barra minn dan, id-Direttiva dwar il-Permess Waħdieni 34 toffri permess waħdieni li jgħaqqad flimkien kemm il-permess ta' residenza kif ukoll dak tax-xogħol għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul 35 tirregola l-kundizzjonijiet u d-drittijiet ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ilhom jirrisjedu fl-UE għal aktar minn 5 snin, u d-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja 36 tistipula l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta' residenza għall-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Madanakollu, hija meħtieġa aktar azzjoni fil-livell tal-UE. L-ewwel nett, l-UE trid ittejjeb ir-regoli dwar il-migrazzjoni għall-migranti bi kwalifiki għoljin permezz ta' riforma fil-Karta Blu tal-UE. It-tieni, l-UE għandha tesplora modi ta’ kif tattira intraprendituri innovattivi li jistgħu jistimolaw it-tkabbir ekonomiku kif ukoll jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi. It-tielet, il-migrazzjoni legali għandha ssir kompletament parti mid-diskussjonijiet ġenerali, ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ transitu, dwar kif għandha ssir il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-flussi migratorji. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu maħsuba l-modi possibbli biex fuq terminu ta’ żmien twil, jinbidel il-mudell kollu tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazjoni legali u b'mod partikolari dik tal-ħaddiema, inkluż possibbilment billi mudelli ta’ suċċess li ġew żviluppati minn pajjiżi żviluppati oħra jkunu ta' ispirazzjoni.

a)Biex jiġu attirati ħaddiema bi kwalifiki għoljin lejn l-Ewropa: Karta Blu aktar effettiva

L-Ewropa hija kontinent li qed jixjieħ, b’popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qiegħda tonqos 37 , u li hija mistennija li tiċkien bi 18-il miljun fid-deċennju li jmiss. Barra minn hekk, il-bidliet fil-ħiliet meħtieġa fis-swieq tax-xogħol tal-UE bejn l-2012 u l-2025 juru li hemm aktar bżonn ta’ kapital uman bi kwalifiki għoljin (minn 68 sa 83 miljun ruħ, jew +23 %) 38 . Fl-istess ħin, hemm il-ħtieġa li l-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-UE jintuża aħjar, kif jixhdu r-rati għoljin tal-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, ir-rati baxxi ta’ parteċipazzjoni u n-nuqqas persistenti ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol tal-UE. Dan jeħtieġ sforz ikkoordinat fil-livelli kollha li jkun iffukat li jinvesti fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti, biex jitrawmu politiki li għandhom fil-mira ż-żieda fir-rata ta' attività li tuża l-ħiliet kollha disponibbli, u biex tiġi promossa l-mobilità intra-UE tal-ħaddiema. L-Aġenda dwar il-Ħiliet għall-Ewropa li għadha trid toħroġ se tkun komponent ewlieni f’dan l-isforz billi se tiffoka fuq l-użu u r-rikonoxximent aħjar tal-ħiliet eżistenti fl-UE, fuq it-titjib tar-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, kif ukoll se tinkoraġġixxi aktar l-iżvilupp tal-ħiliet fejn ikun meħtieġ 39 .

Madankollu, jidher ċar li dawn il-miżuri waħedhom mhux se jkunu biżżejjed sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet: l-UE trid ukoll tattira talenti u ħiliet barranin sabiex tibqa’ globalment attur kompetittiv . Dan huwa essenzjali mhux biss sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ ħiliet attwali kif ukoll futuri, u biex tiġi żgurata ekonomija dinamika, iżda wkoll sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħna fuq terminu ta’ żmien twil.

Il-fehma tal-partijiet ikkonċernati tikkonferma b’mod ċar dan: f’konsultazzjoni pubblika dwar il-Karta Blu mnedija fl-UE s-sena li għaddiet 40 , 85 % ta’ dawk li wieġbu inklużi impjegaturi u trejdjunjins kienu tal-fehma li – flimkien ma’ miżuri ta’ politika bħalma huwa r-reklutaġġ minn Stati Membri oħra, iż-żieda fl-età tal-irtirar u r-rata ta’ parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol – ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin minn barra l-UE huwa miżura neċessarja sabiex in-nuqqas ta' ħaddiema f’setturi jew f’okkupazzjonijiet partikulari fl-UE jiġi indirizzat. B’mod parallel, l-ewwel Djalogu Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Migrazzjoni stieden sabiex tintemm il-frammentazzjoni tal-politiki ta’ ammissjoni għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin fl-Ewropa, filwaqt li huwa favur skema ta' ammissjoni mgħaġġla u trasparenti 41 .

Id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-2009 ma laħqitx il-potenzjal tagħha li kien hemm l-intenzjoni li tkun, jiġifieri skema tal-UE kollha li tattira ċittadini b'talenti u b'ħiliet għoljin ta’ pajjiżi terzi. Il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni huma pjuttost restrittivi, id-Direttiva tipprevedi ftit li xejn koerenza u armonizzazzjoni, u l-mobilità intra-UE għad-detenturi tal-Karta Blu hija limitata ħafna. Barra minn hekk, jeżistu għadd ta’ skemi nazzjonali għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin flimkien mal-Karta Blu tal-UE, u dan joħloq qafas frammentat b’għadd kbir ta’ regoli u proċeduri differenti applikabbli. Bħala konsegwenza, l-għadd totali ta’ ammissjonijiet ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin fl-UE għadu baxx 42 , u meta mqabbel ma’ pajjiżi mhux Ewropej tal-OECD, l-UE tattira migranti b'livell baxx ta' edukazzjoni aktar milli migranti b'livell għoli ta' edukazzjoni 43 .

Sabiex jiġi żgurat li l-Karta l-Blu hija strument effikaċi li jiffaċilita d-dħul ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin, il-Kummissjoni tipproponi bidliet fid-Direttiva attwali bl-għan globali li ssaħħaħha bħala skema pan-Ewropea, billi tiżviluppa approċċ komuni armonizzat tal-UE, inkluż: billi tipprovdi aktar kundizzjonijiet ta’ ammissjoni flessibbli; billi ttejjeb u tiffaċilita l-proċeduri ta’ ammissjoni; u billi ttejjeb id-drittijiet, inkluż għall-mobilità intra-UE. Minbarra bidliet leġiżlattivi, il-Karta l-Blu se tiġi promossa aħjar b’tali mod li l-impjegaturi kif ukoll il-migranti jkunu kompletament konxji mill-vantaġġi tal-iskema.

b)Biex jiġu attirati imprendituri innovattivi lejn l-UE

Sabiex tibqa’ attur kompetittiv globali, l-UE trid issib modi aħjar biex tattira migranti ġodda u tappoġġa l-imprendituri migranti innovattivi attwali b’kapital uman u finanzjarju, sabiex jagħtu kontribut pożittiv għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE. L-imprendituri innovattivi li jiġu attirati lejn l-UE ma jkunux biss parti mill-approċċ ġenerali sabiex jittaffa l-impatt tat-tnaqqis demografiku. Tkun qed tiġi sfruttata wkoll l-espansjoni ta’ xejriet innovattivi tal-ekonomija (b’mod partikolari l-ekonomija diġitali, l-ekonomija ekoloġika u l-ekonomija soċjali) u jingħata kontribut b’mod aktar wiesa’ sabiex jitrawmu t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-UE. Dan huwa wkoll kompletament konformi mal-"Inizjattiva ta' Għajnuna Inizjali" tal-UE fil-kuntest tal-Istrateġija tas-Suq Uniku 44 .

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni se tkompli taħdem dwar modi biex tattira u tgħin lill-imprendituri innovattivi, inklużi negozji ġodda minn pajjiżi terzi. Dan jista’ jinvolvi regoli għall-UE kollha dwar l-ammissjoni (u l-mobilità intra-UE) iżda wkoll miżuri sabiex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ negozji f’setturi b’valur miżjud għoli permezz ta' imprendituri migranti bi kwalifiki għoljin. Dan l-approċċ jista’ jibni fuq inizjattivi u servizzi eżistenti f'livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-Istati Membri, u joħloq sinerġiji adegwati.

c)Lejn mudell aktar koerenti u effettiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni legali fil-livell tal-UE

Sabiex jiġu ġestiti b’mod effettiv il-politiki tal-migrazzjoni legali, l-UE se jkollha tagħmel użu aħjar mill-istrumenti eżistenti kollha tagħha u tpoġġi fil-mira kategoriji u ħiliet differenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din hija r-raġuni l-għala l-Kummissjoni se tniedi evalwazzjoni ta' REFIT 45 fuq il-migrazzjoni legali eżistenti, bl-għan li jiġu identifikati l-inkonsistenzi u l-lakuni potenzjali kif ukoll jiġu rrazzjonalizzati u ssimplifikati r-regoli attwalment fis-seħħ. Bħala parti minn dan it-taħriġ, il-Kummissjoni se tindirizza wkoll il-kwistjoni dwar jekk hemmx bżonn ta' regoli speċifiċi tal-UE dwar il-fornituri ta' servizzi internazzjonali fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali. L-għan kumplessiv ta’ din l-evalwazzjoni se jkun sabiex kemm jista' jkun possibbli jitjiebu r-regoli eżistenti anke fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi evitat u miġġieled l-isfruttament tal-ħaddiema, li l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) wriet 46 li huwa komuni fost il-ħaddiema migranti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tkompli wkoll timmonitorja l-infurzar effettiv tal-acquis tal-UE rilevanti, sabiex tiżgura li jkunu protetti d-drittijiet tal-migranti li qed jaħdmu fl-UE, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat l-isfruttament tal-ħaddiema, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom.

Il-Kummissjoni se tniedi studju dwar l-iżvilupp possibbli ta’ mekkaniżmu fil-livell tal-UE li għandu l-għan li jtejjeb it-trasparenza u li jiffaċilita t-tlaqqigħ flimkien tal-migranti potenzjali u tal-impjegaturi. F’dan ir-rigward, xi pajjiżi żviluppati li jikkompetu mal-UE biex jattiraw migranti tas-sengħa 47 reċentement marru għal sistema ta’ preselezzjoni permezz ta' "riżerva ta' kandidati li jkunu għaddew minn kontroll preventiv", fejn wara jsegwu l-proċeduri ta’ ammissjoni reali. Sistema bħal din tibbaża ruħha kemm fuq id-domanda (jiġifieri li jkun hemm bżonn ta' offerta ta' xogħol jew ta' kuntratt bħala prerekwiżit) kif ukoll billi tiffoka fuq l-elementi tal-kapital uman (jiġifieri l-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuna, l-esperjenza, eċċ.) 48 . Mingħajr ma tiġi ddubitata l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar il-volumi tal-migranti ekonomiċi li jilqgħu, l-istudju se jinvestiga l-possibbiltà ta’ mekkaniżmu ta' kontroll preventiv li jippermetti l-ħolqien ta’ riżerva ta’ kandidati disponibbli għall-Istati Membri u għall-impjegaturi fl-UE.

d)It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini

L-aspett l-ieħor tal-munita sabiex jiġu żgurati r-rotot ta’ migrazzjoni legali huwa li jkunu aktar b'saħħithom ir-riammissjoni u r-ritorn ta’ dawk li ma għandhomx dritt li jibqgħu – u dawn iż-żewġ elementi jridu jiġu inklużi bis-sħiħ fid-diskussjonijiet ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti, dwar kif jistgħu jikkooperaw għal ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji. Dan huwa l-approċċ li ġie adottat fil-qafas tad-djalogi dwar il-politika u tal-kooperazzjoni operattiva ma’ pajjiżi terzi abbażi tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM), fejn il-migrazzjoni legali u l-mobilità ġestita tajjeb huma identifikati bħala prijoritajiet fil-politika esterna tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Fil-GAMM, l-UE f’dawn l-aħħar snin ffirmat sħubijiet għall-mobilità u aġendi komuni għall-Migrazzjoni u għall-mobilità ma’ diversi pajjiżi fil-viċinat immedjat tagħha u aktar 'l bogħod 49 .

Se tintalab kooperazzjoni mill-qrib ma’ dawk is-sħab li għandhom l-istess interessi tal-UE u li huma lesti li jieħdu impenji reċiproċi magħha u mal-Istati Membri tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni. L-UE għandha toffri firxa aktar komprensiva ta’ mekkaniżmi operattivi u ta' inċentivi sabiex jiġi implimentat l-Approċċ Globali b’mod aktar strutturat u sistematiku, kif isir permezz tad-Djalogi ta’ Livell Għoli, fejn it-talba regolari magħmula minn pajjiżi terzi hija għal aktar modi ta' migrazzjoni legali.

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-migrazzjoni, tat-18 ta’ Frar 2016, il-Kunsill Ewropew saħaq li fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi rilevanti, il-pakketti komprensivi u mfassla apposta ta’ inċentivi li qed jiġu żviluppati għal pajjiżi speċifiċi sabiex jiġu żgurati r-ritorn u r-riammissjoni effettivi jeħtieġu l-appoġġ sħiħ tal-UE u tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President, b’kooperazzjoni sħiħa mal-Istati Membri, qed iwettqu dan ix-xogħol bl-għan li jiġu proposti inċentivi komprensivi u mfassla apposta lill-Kunsill Ewropew, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, li jkopru l-oqsma ta’ politika kollha u li għandhom jintużaw f’diskussjonijiet ma’ pajjiżi terzi.

B’hekk, l-UE, f'kooperazzjoni mas-sħab Afrikani, se tibni fuq il-konklużjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta 50 li jinkludi – fost l-azzjonijiet possibbli fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità legali – il-kondiviżjoni tal-offerti min-naħa tal-UE dwar il-migrazzjoni legali, inklużi l-proġetti pilota dwar l-iffaċilitar tar-rikonoxximent tal-kwalifiki f’ċerti setturi/professjonijiet, żieda fl-għadd tal-boroż ta’ studju fil-kuntest tal-programm Erasmus+ u l-għoti ta’ appoġġ għal miżuri ta’ qabel it-tluq u lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi.

III. KONKLUŻJONI

Il-prijorità stabbilita mill-President Juncker li "jeħtieġ li l-Ewropa tiġġestixxi l-migrazzjoni, fl-aspetti kollha tagħha, b'mod aħjar" – il-ħtieġa ta' solidarjetà kif ukoll l-isfida demografika u tal-ħiliet huma urġenza umanitarja – hija valida aktar minn qatt qabel. Għaldaqstant il-Kummissjoni hi impenjata bis-sħiħ biex tilħaq l-għan importanti li tifforma politika tal-UE dwar il-migrazzjoni integrata, sostenibbli u ħolistika.

Għal dan l-għan, huwa xieraq li permezz ta’ din il-Komunikazzjoni titnieda diskussjoni dwar is-suġġetti importanti koperti. Ma hemmx għażla ħlief li tiġi segwita strateġija fuq żewġ livelli sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni attwali billi jiġi kompletament rispettat u applikat il-qafas legali eżistenti, filwaqt li tiġi indirizzata l-ħtieġa, f’perspettiva futura, ta' riforma fl-istruttura ta’ dawn ir-regoli. F’nofs il-kriżi attwali, il-limitazzjonijiet tas-sistema attwali u l-isfidi komuni li qed niffaċċjaw ħarġu fid-dieher. Għaldaqstant, huwa preċiżament f’dan il-mument meta huma l-aktar meħtieġa azzjoni miftiehma u solidarjetà b'saħħitha, meta hija meħtieġa din il-perspettiva futura sabiex titwitta t-triq għal politika Ewropea umana u effiċjenti dwar il-migrazzjoni u l-ażil, abbażi tal-qsim ekwu tar-responsabbiltajiet. Abbażi tal-informazzjoni li l-Kummisssjoni tirċievi dwar din il-Komunikazzjoni, hija mbagħad tressaq il-proposti li jixraq.

(1)

COM(2016)85 final.

(2)

COM(2015)240 final.

(3)

EUCO 1/16; SN 28/16.

(4)

EUCO 12/1/16.

(5)

COM(2015)671 final.

(6)

COM(2015)285 final.

(7)

COM(2015)668 final.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31. Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin b'dan ir-Regolament, wara n-notifika dwar ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament abbażi tal-Protokoll 21 għat-Trattati. Il-pożizzjoni ta’ dawn l-Istati Membri rigward kull emenda għal dan ir-Regolament hija definita mill-Protokoll 21. Id-Danimarka tapplika r-Regolament ta’ Dublin abbażi ta’ ftehim internazzjonali (ĠU L 66, 8.3.2006 p.38). Hija għandha, f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, tinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni jekk hix se timplimenta jew le l-kontenut ta’ kull emenda fir-Regolament.

(9)

Dan ġie kkonfermat minn evalwazzjoni esterna dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ir-Regolament ta' Dublin III) u mir-rapport ta’ evalwazzjoni, li jinsabu fuq http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/asylum/examination-of-applicants/index_en.htm.

(10)

Fl-10 ta’ Frar 2016 il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni [C(2016) 871 final] dwar miżuri urġenti li jridu jittieħdu mill-Greċja minħabba li reġgħu bdew it-trasferimenti ta’ Dublin.

(11)

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 249.

(12)

Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96.

(13)

Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9.

(14)

Pereżempju, għall-perjodu bejn Jannar u Settembru 2015, ir-rati ta’ rikonoxximent għall-persuni li jkunu qed ifittxu ażil mill-Afganistan kienet tvarja minn kważi 100 % għall-Italja għal 5,88 % għall-Bulgarija.

(15)

Il-Kummissjoni adottat opinjonijiet motivati kontra Stati Membri f'disa' każijiet ta' ksur għax naqsu milli jittrasponu d-direttivi li huma parti mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, fl-10 ta' Frar 2016.

(16)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001, ĠU L 212, 7.8.2001. Dan l-istrument tal-UE dwar l-ażil, maħsub sabiex jiġi attivat bħala rispons għall-influss tal-massa ta’ persuni li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali qatt ma ġie attivat, primarjament minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà obbligatorju intrinsiku li jiżgura l-qsim ekwu tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri.

(17)

COM (2015) 450 final.

(18)

COM(2015)671 final.

(19)

Pereżempju, għal dawk l-applikanti kollha li mhux ġejjin minn xi pajjiż ta' oriġini kklassifikat bħala sikur mill-UE.

(20)

Għalkemm il-kriterji ta’ tqassim jistgħu isegwu approċċ skont l-iskemi ta' rilokazzjoni attwali u skont dawk proposti, għandu jkun hemm aktar ħsieb dwar it-tfassil tal-kriterji, b’mod partikolari rigward il-kriterji li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni bħalma huma l-popolazzjoni tar-refuġjati fl-Istati Membri u l-livelli ta’ qgħad, kif ukoll l-isforzi l-oħra li jsiru anki permezz tar-risistemazzjoni.

(21)

Fl-2015, 1,3 miljun applikazzjoni kienu ppreżentati fl-UE.

(22)

COM(2016)205 final.

(23)

COM(2015)240 final.

(24)

Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96.

(25)

Id-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE biex testendi l-ambitu tal-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, ĠU L 132, 19.5.2011, p. 1.

(26)

Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-għoti ta' sostenn ta' emerġenza fl-Unjoni COM(2016)115 final.

(27)

 COM(2016)95 final..

(28)

SN 38/16.

(29)

COM(2016)171 final.

(30)

B’mod partikolari, il-laqgħa ta’ livell għoli tal-UNHCR dwar il-Qsim Globali tar-Responsabbiltà permezz ta’ Rotot għall-Ammissjoni ta' Refuġjati Sirjani f’Ġinevra fit-30 ta’ Marzu 2016, l-ewwel Summit Umanitarju Dinji f’Istanbul fit-23 u fl-24 ta’ Mejju 2016 u s-Summit tal-AĠNU dwar iċ-ċaqliq kbir ta’ refuġjati u migranti fi New York fid-19 ta’ Settembru 2016.

(31)

Id-Direttiva 2009/50KE u d-Direttiva 2014/66/UE rispettivament.

(32)

Fl-2015 ntlaħaq ftehim politiku mill-koleġislaturi dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva. L-adozzjoni formali se ssir fl-ewwel nofs tal-2016.

(33)

Id-Direttiva 2014/36/UE.

(34)

Id-Direttiva 2011/98/UE.

(35)

Id-Direttiva 2003/109/KE.

(36)

Id-Direttiva 2003/86/KE.

(37)

Ara, il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Rapport dwar it-Tixjieħ tal-2015, l-Ekonomija Ewropea 3/2015.

(38)

Previżjonijiet tas-CEDEFOP

(39)

L-inizjattiva li ġejja/il-Komunikazzjoni/l-istrateġija u waħda mill-għaxar prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea.

(40)

  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-is-new/public-consultation/2015/consulting_0029_en.htm .

(41)

Fis-27 u t-28 ta’ Jannar, il-Kummissjoni nediet Djalogu Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Migrazzjoni, li għandu jsir fuq bażi regolari, sabiex jiġu involuti aktar mill-qrib is-sħab kummerċjali u trejdjunjonistiċi fil-proċess biex jiġu attirati u integrarti ċ-ċittadini b'ħiliet ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol ( http://www.skillsandmigration.eu/ ).

(42)

Fl-2014 inħarġu biss 13 852 Karta Blu (anke inqas fis-snin preċedenti) – li minnhom 87 % kienu minn Stat Membru wieħed – u madwar 25 000 permess nazzjonali li jirrigwardaw il-kwalifiki għoljin.

(43)

Mill-migranti kollha li mhumiex mill-UE li ġejjin fil-pajjiżi tal-OECD, 48 % tal-migranti b'livell baxx ta' edukazzjoni jagħżlu destinazzjoni fl-UE, u 68 % ta’ dawk b'livell għoli ta' edukazzjoni jagħżlu destinazzjoni mhux Ewropea tal-OECD.

(44)

COM(2015)550 final.

(45)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) - is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi — it-Tabella ta’ Valutazzjoni ta' REFIT" (SWD(2015) 110 final), annessa mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, "Regolamentazzjoni Aħjar għal Riżultati Aħjar - l-Aġenda tal-UE" (COM(2015)215 final).

(46)

 L-isfruttament gravi tal-ħaddiema: il-ħaddiema li jiċċaqalqu fl-Unjoni Ewropea jew lejn l-Unjoni Ewropea fuq http://fra.europa.eu/en/publication/2015/severe-labour-exploitation-workers-moving-within-or-european-union.

(47)

Pereżempju, il-Kanada, l-Awstralja u New Zealand.

(48)

Ara, pereżempju s-sistema Kanadiża "id-dħul espress": http://www.cic.gc.ca/english/Immigrate/skilled/index.asp .

(49)

Jeżistu sħubijiet għall-mobbiltà mal-Ġordan, il-Marokk, it-Tuniżija, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Cape Verde, il-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan. Jeżistu aġendi Komuni għall-migrazzjoni u l-mobilità man-Niġerja u mal-Etjopja.

(50)

Is-Summit tal-Belt Valletta, il-11 u t-12 ta’ Novembru 2015.

Top