Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0127

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    COM/2016/0127 final

    Strasburgu, 8.3.2016

    COM(2016) 127 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    {SWD(2016) 50 final}
    {SWD(2016) 51 final}


    1. Introduzzjoni

    Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew fid-9 ta’ Settembru 2015, il-President Juncker ħabbar li twaqqaf Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Din l-inizjattiva hija parti mill-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) 1 aktar profonda u ġusta u parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016.

    Bħalma stqarr il-President Juncker fid-diskors tiegħu: "Irridu nżidu l-ħidma tagħna favur suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew. (...) Bħala parti minn dawn l-isforzi, se nkun irrid niżviluppa Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jqis il-bidla fir-realtajiet fis-soċjetajiet tal-Ewropa u fid-dinja tax-xogħol. U li jista' jservi bħala kumpass għall-konverġenza mġedda fiż-żona tal-ewro. Dan il-pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jikkumplimenta dak li aħna ksibna flimkien rigward il-protezzjoni tal-ħaddiema fl-UE. Nistenna li l-partijiet soċjali jkollhom rwol ċentrali f'dan il-proċess. Nemmen li nagħmlu tajjeb li nibdew b'din l-inizjattiva fiż-żona tal-ewro, filwaqt li nippermettu lill-Istati Membri tal-UE l-oħra jingħaqdu magħha jekk ikunu jridu."

    Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-pass li jmiss għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Turi r-raġunament wara din l-inizjattiva, tiddiskuti r-rwol, il-kamp ta' applikazzjoni u n-natura tiegħu, kif ukoll tniedi konsultazzjoni wiesgħa maħsuba biex tiġbor il-feedback. L-ewwel deskrizzjoni preliminari tal-Pilastru tinsab annessa ma’ din il-Komunikazzjoni biex tiffaċilta d-diskussjoni. Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal: l-ewwel wieħed jiddeskrivi x-xejriet ewlenin tal-ekonomija, tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà li fuqhom jissejjes il-Pilastru, u li dan tal-aħħar għandu jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati, filwaqt li t-tieni wieħed ifakkar l-aktar "acquis" legali rilevanti fil-livell tal-UE 2 .

    2. It-tnedija ta' Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    2.1. Ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna

    L-azzjoni fil-livell tal-UE tirrifletti l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u tibni fuq il-konvinzjoni li l-iżvilupp ekonomiku għandu jwassal għal koeżjoni u progress soċjali akbar u li, filwaqt li tiggarantixxi sistema ta' protezzjoni soċjali xierqa u konformi mal-valuri Ewropej, il-politika soċjali għandha wkoll titqies bħala fattur produttiv, li jnaqqas l-inugwaljanza, jimmassimizza l-ħolqien tax-xogħol u jippermetti li l-kapital uman fl-Ewropa jirnexxi. Ir-riżultati miksuba fil-qasam tal-impjegi u tal-prestazzjoni soċjali kkonfermaw din il-konvinzjoni. L-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni f'termini ekonomiċi żviluppaw politiki soċjali aktar ambizzjużi u effiċjenti, mhux biss b'riżultat tal-iżvilupp ekonomiku, iżda bħala parti ċentrali tal-mudell ta' tkabbir tagħhom. F'dan ir-rigward, huwa essenzjali t-tfassil ta' sistemi ta' assistenza soċjali u ta' istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jissodisfaw ir-rwol tagħhom u jappoġġaw il-ħolqien tax-xogħol.  

    Dan l-approċċ jinsab ukoll fil-qalba tal-aġenda ekonomika globali ta’ din il-Kummissjoni, kif juri l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016. Fl-enfasi tagħha fuq il-promozzjoni ta’ riformi strutturali, investiment u politiki fiskali responsabbli, il-Kummissjoni saħqet biċ-ċar fuq il-kunsiderazzjonijiet soċjali u l-ġustizzja soċjali.

    F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għad-definizzjoni tal-politiki soċjali u tal-impjieg tagħhom. Dan jinkludi l-liġi tax-xogħol u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ assistenza soċjali. Din il-kompetenza hija rikonoxxuta fit-Trattati tal-UE li, minn mindu nħolqot il-Komunità Ekonomika Ewropea, jipprevedu wkoll rwol għall-UE biex jikkumplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirrifletti dan l-objettiv ġenerali, jiġifieri li "għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta' impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità tal-ambjent."

    Din hija r-raġuni għalfejn il-ħolqien u l-approfondiment tas-suq uniku Ewropew mxew id f’id mal-iżvilupp ta’ “acquis” legali fil-qasam soċjali fil-livell tal-UE, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, jiġi llimitat ir-riskju ta’ dumping soċjali jew "ġirja lejn l-iktar livell baxx", u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ekonomika u soċjali. Din hija wkoll ir-raġuni għaliex, sa mis-snin disgħin, il-kunsiderazzjonijiet tal-impjiegi u dawk soċjali kienu dejjem fattur essenzjali fil-proċess ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE, li issa huwa magħruf bħala s-Semestru Ewropew. Ir-raġunament li fuqu jissejjes il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsegwi din il-loġika u jwieġeb għal ħtieġa doppja: noħorġu mill-kriżi u nħarsu lil hinn, u nimxu lejn UEM aktar profonda u ġusta.

    2.2. Noħorġu mill-kriżi u nħarsu lil hinn

    L-Ewropa ħierġa mill-agħar kriżi f’għexieren ta’ snin: kull Stat Membru u l-UE inġenerali qed jitħabtu mal-konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jipprovaw jantiċipaw l-iżviluppi futuri. Il-kriżi kellha effetti severi u viżibbli fuq is-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa. Is-sistemi tal-assistenza soċjali taffew xi ftit mill-impatt, iżda l-qgħad żdied, sehem sinifikanti tal-popolazzjoni jinsab f’riskju ta’ faqar, il-finanzi pubbliċi waslu fil-limitu tagħhom, u l-prestazzjonijiet nazzjonali iddiverġew bil-kbir. Il-qgħad, b’mod partikolari, laqat ħażin ħafna lill-individwi u lis-soċjetà għal bosta snin: kważi 22 miljun persuna għadhom mingħajr xogħol u qed ifittxu impjieg (kważi 17-il miljun fiż-żona tal-euro), li minnhom 10 miljuni kienu ilhom jagħmlu dan għal aktar minn sena.

    Barra dan, il-kriżi ħbiet parzjalment ċerti xejriet fit-tul aktar fundamentali filwaqt li enfasizzat xi oħrajn. Wieħed jista' jsemmi, pereżempju, il-bidliet fl-istrutturi soċjali, fil-mudelli tal-familja u tax-xogħol; ħajja tax-xogħol itwal u aktar varjata; forza tax-xogħol aktar diversa u t-tixrid ta’ forom ġodda ta’ xogħol; il-paradoss bejn il-livelli dejjem jogħlew tal-edukazzjoni u n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet b'mod ġenerali; żieda fl-inugwaljanzi; il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ġodda li ħerġin minn progress fl-istennija tal-għomor u mit-tixjiħ demografiku; il-bidla teknoloġika u d-diġitizzazzjoni tas-soċjetà u tal-ekonomija.

    Il-kamp ta' applikazzjoni u n-natura tal-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja tax-xogħol u s-soċjetà b’mod aktar ġenerali, inbidlu radikalment meta mqabbla mas-seklu 20, filwaqt li tfaċċaw jew se jitfaċċaw bosta xejriet ġodda li għalihom l-Ewropa se jkollha tadatta ruħha. L-objettivi tal-politika soċjali u l-kapaċità tagħha li tagħti l-frott qed jiġu ttestjati b'mod sinifikanti, u l-kapaċità tal-Ewropa li tikseb sistemi tal-assistenza soċjali u swieq tax-xogħol ġusti u li jiffunzjonaw sew hija essenzjali għall-abbiltà tagħha li tistimola l-produttività, tikkompeti fis-suq globali, issaħħaħ il-koeżjoni soċjali u tkompli żżid l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini tagħha.

    Tali riflessjoni qed tikseb prominenza fil-livell internazzjonali, kif ukoll f’kull Stat Membru 3 . Minkejja l-inċertezzi dwar il-ġejjieni, hemm evidenza dejjem tikber u kunsens globali dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali, dwar il-fatt li l-inugwaljanzi jżommu lura l-iżvilupp ekonomiku, u dwar il-ħtieġa li jinbena mudell ta’ tkabbir aktar inklużiv, kif jidher fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli adottati min-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2015, kif ukoll fil-konklużjonijiet ripetuti mill-G20. Din l-aġenda globali tissejjes b'mod qawwi fuq l-ammont kbir ta’ riċerka mwettqa mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

    Dawn il-pubblikazzjonijiet juru li l-investiment fil-kapital uman huwa mekkaniżmu ta’ trażmissjoni importanti bejn it-tkabbir fit-tul, l-ugwaljanza u l-progress soċjali. Huma jikkonfermaw ukoll li l-inugwaljanza fl-introjtu jista’ jkollha impatt negattiv fit-tul fuq it-tkabbir potenzjali billi tikkonsolida u tirrinforza l-inugwaljanzi eżistenti tal-opportunitajiet, tillimita l-iżvilupp tal-ħiliet u xxekkel il-mobilità soċjali u okkupazzjonali. Fl-ekonomiji avvanzati, li jibbażaw il-prosperità tagħhom fuq it-tkabbir tal-produttività u l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni, il-prestazzjoni soċjali u dik ekonomika huma żewġ naħat tal-istess munita.

    Il-politika soċjali moderna għandha sserraħ fuq l-investiment fil-kapital uman imsejjes fuq l-opportunitajiet indaqs, il-prevenzjoni tar-riskji soċjali u l-protezzjoni kontrihom, l-eżistenza ta' sistema effettiva ta' protezzjoni soċjali u l-inċentivi ta' aċċess għas-suq tax-xogħol, sabiex il-persuni jkunu jistgħu jgħixu ħajja deċenti, ibiddlu l-istatus personali u professjonali tul ħajjithom u jisfruttaw bl-aħjar mod it-talent tagħhom.

    2.3. Nimxu lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u ġusta

    Iż-żona tal-euro qed titgħallem mill-kriżi ta' dawn l-aħħar snin u impenjat ruħha fi proċess ta’ integrazzjoni u konsolidazzjoni ulterjuri. Dan jinkludi neċessarjament id-dimensjoni soċjali. Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa" 4 jenfasizza li "L-ambizzjoni tal-Ewropa għandha tkun li tikseb "A soċjali tripla" u li "Biex l-UEM tirnexxi, is-swieq tax-xogħol u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali jeħtiġilhom jaħdmu tajjeb u b'mod ġust fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro". Filwaqt li jfakkar li ma jeżistix mudell "wieħed tajjeb għal kulħadd", ir-Rapport jenfasizza li l-isfidi huma ta’ spiss simili fl-Istati Membri kollha. Jappella wkoll għal enfasi akbar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali bħala parti minn proċess usa' ta’ konverġenza 'l fuq lejn strutturi ekonomiċi aktar reżiljenti fiż-żona tal-euro.

    Din mhijiex biss ħtieġa politika jew soċjali, hija wkoll neċċessità ekonomika: l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar għaxar snin u nofs uriet li l-iżbilanċi persistenti f’wieħed jew f’diversi Stati Membri jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi, u li nuqqas ta’ kapaċità biex dawn jitranġaw jista' jwassal għal diverġenza saħansitra aktar għalja. Wara li l-kriżi tal-2007-2008, iż-żona tal-euro saret aktar eteroġenja, b’xi pajjiżi li ntlaqtu partikolarment, u din l-eteroġeneità tieħu ż-żmien biex tonqos. Għall-ġejjieni, huwa ċar li s-suċċess futur taż-żona tal-euro jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-effettività tas-swieq tax-xogħol nazzjonali u tas-sistemi ta’ assistenza soċjali, u fuq il-kapaċità tal-ekonomija li tassorbi u tadatta ruħha għax-xokkijiet.

    Jeħtieġ li s-swieq tax-xogħol produttivi u inklużivi jikkombinaw b'mod effettiv l-elementi ta' flessibbiltà u sigurtà, u dan jista' jwassal għal livelli ogħla ta’ impjieg u kapaċitajiet ta' aġġustament. Il-kunċett relatat ta’ "flessigurtà" mhuwiex ġdid, iżda wara l-kriżi, u fid-dawl tad-dinja tax-xogħol li dejjem qed tinbidel, wasal iż-żmien li niddefinixxu mill-ġdid kif dan jista' jiġi applikat bl-aħjar mod fil-prattika. Huwa fl-interess tad-ditti li joperaw f'ambjent tan-negozju prevedibbli u legalment sigur, li jirnexxilhom jattiraw ħaddiema kkwalifikati u produttivi iżda wkoll li jaġġustaw għal realtajiet tas-suq li qed jinbidlu b’rata mgħaġġla. Huwa fl-interess tal-ħaddiema li jkollhom sigurtà tal-impjieg u tal-introjtu, li jkunu jistgħu jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja privata, iżda wkoll li jilqgħu sfidi ġodda u li jadattaw ruħhom tul il-karrieri tagħhom, u li jkomplu jakkumulaw il-ħiliet, f’perspettiva ta’ tul il-ħajja. Il-persuni qiegħda u mhux attivi ta’ spiss ifittxu soluzzjonijiet għad-dinja tax-xogħol, li ma jżommuhomx maqbuda f’impjiegi ta' kwalità baxxa u b’pagi baxxi, jew iċaħħduhom mid-drittijiet soċjali essenzjali. Huwa fl-interess tal-ekonomija u tas-soċjetà, partikolarment fiż-żona tal-euro, li jiġu żviluppati u applikati aħjar il-ħiliet, aktar ħeffa u reżiljenza, il-koeżjoni soċjali u d-distribuzzjoni ġusta u effettiva tad-drittijiet, tad-dmirijiet u tal-introjti, anki bejn il-ġenerazzjonijiet.

    Fl-istess waqt, ir-rata għolja ta' qgħad u t-tixjiħ demografiku, flimkien ma’ pressjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi u l-ħtieġa li jiġu mminimizzati r-riperkussjonijiet bejn il-pajjiżi li jirriżultaw minn żbilanċi makroekonomiċi, evidenzjaw il-kwistjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ assistenza soċjali, minn diversi aspetti: l-ewwel nett, fir-rigward tal-adegwatezza u s-sostenibbiltà fiskali tagħhom fid-dawl tal-ħtiġijiet soċjali li dejjem jevolvu, inkluża l-ħtieġa li jiġi indirizzat il-faqar; it-tieni, fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-ħolqien tal-impjiegi, kemm mill-perspettiva ta' min iħaddem kif ukoll minn dik ta' min qed ifittex impjieg, inkluża l-kapaċità tagħhom li jagħmlu x-xogħol irendi u li jsaħħu l-ħiliet u l-abbiltà tal-persuni li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà; u t-tielet, aspett li huwa partikolarment importanti għaż-żona tal-euro, fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jmewtu x-xokkijiet makroekonomiċi u jkollhom funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni awtomatika. Rata għolja ta' xogħol, rata baxxa ta' qgħad u sistemi ta' assistenza soċjali mfassla sewwa huma essenzjali biex ikun hemm finanzi pubbliċi sodi, filwaqt li diverġenzi qawwija wisq fis-suq tax-xogħol u fil-prestazzjoni soċjali jheddu t-tħaddim taż-żona tal-euro. Bħala parti mill-passi meħuda biex itejbu s-sorveljanza fiskali fil-livell tal-UE, ir-riflessjoni dwar il-kwalità tal-finanzi pubbliċi, li minnhom is-sistemi ta’ assistenza soċjali jagħmlu parti kbira, wasslet għal attenzjoni akbar għal kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ġustizzja u l-effiċjenza tad-dħul u tal-infiq pubbliċi.



    2.4. Nibnu fuq esperjenza vasta

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jista' jserraħ fuq l-esperjenza vasta u l-għadd kbir ta' prattiki: f’ħafna oqsma, dawk bl-aqwa prestazzjoni fid-dinja jinsabu fl-Ewropa, u s-soluzzjonijiet huma magħrufa sew. Madankollu, minħabba l-kobor tal-isfidi tal-lum, il-kompjaċenza u l-istatus quo mhumiex għażla. Hemm ħafna x’wieħed jitgħallem mir-realtajiet li qed jinbidlu b’rata mgħaġġla mad-dinja kollha.

    Filwaqt li jagħraf li s-sitwazzjonijiet ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri differenti, il-Pilastru jista' wkoll jibni fuq il-valuri u l-prinċipji komuni kondiviżi fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. Dawn il-valuri u l-prinċipji jidhru b’mod prominenti f’dokumenti ta’ referenza bħalma huma t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fi strumenti internazzjonali bħalma huma l-Karta Soċjali adottata mill-Kunsill tal-Ewropa u r-rakkomandazzjonijiet mill-ILO.

    Oqfsa bħal dawn ta' spiss ikopru firxa wiesgħa ta’ dominji, fejn jiddefinixxu l-prinċipji ġenerali u l-istandards minimi, li għandhom ikunu kumplementati fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Għaldaqstant, il-kwistjoni ewlenija fl-Ewropa mhijiex neċessarjament waħda ta’ rikonoxximent tad-drittijiet, iżda pjuttost l-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, fid-dawl tal-bidliet rapidi fl-ambjent soċjali, legali u ekonomiku.

    Matul is-snin, il-Kummissjoni ħadet inizjattivi biex issaħħaħ l-isforzi fuq prijoritajiet urġenti u biex taġġorna l-"acquis" tal-UE. Dawn l-isforzi jsegwu l-loġika ta’ regolamentazzjoni aħjar: dan ma jfissirx inqas regolamentazzjoni, iżda approċċ għal regolamentazzjoni li tqis bis-sħiħ l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali fuq il-post, sabiex tiżgura li kull inizjattiva tilħaq il-mira tagħha bl-aħjar mod. Matul dan il-mandat, il-Kummissjoni nediet il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020, li minnhom, kważi 20 % jiġu mmobilizzati permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. Dan aġixxa wkoll f’diversi oqsma, bħalma huma:

    Attenzjoni akbar lill-kunsiderazzjonijiet soċjali fis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-użu ta’ indikaturi soċjali fl-hekk imsejħa proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi, il-promozzjoni ta’ "benchmarking soċjali" u valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-programm ġdid ta' appoġġ għall-istabbiltà għall-Greċja;

    L-integrazzjoni tal-objettivi soċjali f’inizjattivi ewlenin bħalma huma l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, l-Unjoni tal-Enerġija u s-Suq Uniku Diġitali;

    Il-preżentazzjoni ta' impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2016-2019;

    Il-forniment minn qabel ta' appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri biex tiġi stabbilita Garanzija għaż-Żgħażagħ, li tipprevedi li ż-żgħażagħ kollha taħt il-25 sena għandhom jingħataw offerta konkreta, ta’ kwalità xierqa fi żmien 4 xhur mit-tluq edukattiv formali tagħhom jew jisfaw bla xogħol;

    Il-ħruġ ta' gwida għall-Istati Membri dwar l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ dawk qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol;

    Il-proposta ta' Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà biex jiffaċilita l-aċċess għal prodotti u servizzi essenzjali għall-persuni b’diżabilità fis-suq uniku;

    Il-proposta ta' Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema biex tippromwovi l-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post.

    Għaddejja wkoll ħidma fl-2016 dwar diversi aspetti addizzjonali, u se tissokta b'mod parallel mal-konsultazzjoni dwar il-Pilastru: għal bidu ġdid biex jiġi promoss il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol għall-ġenituri li jaħdmu; għal Aġenda Ewropea tal-Ħiliet; u għal evalwazzjoni bir-reqqa tal-24 Direttiva dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali; din għandha tgħin biex jiġu vvalutati r-relevanza, l-effettività u l-koerenza tagħhom sabiex jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema fid-dawl ta’ riskji ġodda, filwaqt li tiġi ssemplifikata u mmodernizzata l-leġiżlazzjoni applikabbli, anki biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mill-SMEs. Dawn l-eżempji juru r-rwol ta' appoġġ, ta' gwida u ta' tfassil li jista’ jkollha l-UE fil-qasam soċjali, u ta’ azzjonijiet oħra li jistgħu jiżvolġu permezz tat-twaqqif tal-Pilastru.

    Prijorità ewlenija ta’ din il-Kummissjoni hi wkoll li tħeġġeġ id-djalogu soċjali fil-livelli kollha. B’segwitu għal konferenza ta’ livell għoli dwar bidu ġdid għal djalogu soċjali tal-UE, f’Marzu 2015, is-sħab soċjali fil-livell transindustrijali qablu dwar analiżi konġunta fil-fond dwar l-impjiegi u programm ta’ ħidma konġunt għall-2015-2017. Inbdew negozjati dwar ftehim qafas awtonomu rigward it-tixjiħ attiv; qed jitħejjew konklużjonijiet konġunti dwar il-kwistjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja; u grupp ta’ ħidma qed jeżamina l-implimentazzjoni mill-membri tiegħu tal-ftehimiet qafas awtonomi preċedenti tagħhom. Is-sħab soċjali settorjali tal-UE, irrappreżentati fi 43 settur differenti u li jirrappreżentaw 75 % tal-forza tax-xogħol, komplew iwettqu wkoll il-programmi ta’ ħidma konġunti rispettivi tagħhom.

    3. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: ir-rwol, il-kamp ta' applikazzjoni u n-natura ġuridika

    L-għan tal-Pilastru huwa li jesprimi għadd ta’ prinċipji essenzjali biex jappoġġaw swieq tax-xogħol ġusti u li jaħdmu tajjeb kif ukoll is-sistemi ta’ assistenza soċjali. Kif indikat mill-President Juncker, il-Pilastru se jiġi żviluppat fiż-żona tal-euro, filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri l-oħra jingħaqdu miegħu jekk ikunu jridu jagħmlu dan.

    Għaldaqstant, il-Pilastru se jibni fuq u jikkumplimenta, l-"acquis" soċjali eżistenti fil-livell tal-UE, u l-prinċipji inklużi fih se jkollhom fokus speċifiku fuq l-indirizzar tal-ħtiġijiet u tal-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom iż-żona tal-euro. Ladarba jkun stabbilit, il-Pilastru għandu jkun qafas ta’ referenza biex jeżamina l-prestazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fil-qasam soċjali u tal-impjiegi, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali u, b’mod aktar speċifiku, biex iservi bħala kumpass għall-konverġenza mġedda fiż-żona tal-euro.

    3.1. Id-deskrizzjoni tal-prinċipji adattati għar-realtajiet tal-lum u ta’ għada

    Fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni, hija ppreżentata għad-diskussjoni l-ewwel deskrizzjoni preliminari tal-pilastru. Il-prinċipji ngħażlu għall-importanza ekonomika u soċjali tagħhom għall-prestazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti.

    Il-qafas huwa strutturat madwar tliet intestaturi ewlenin:

    Ugwaljanza fl-opportunitajiet u fl-aċċess għas-suq tax-xogħol, inklużi l-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ tul il-ħajja u l-appoġġ attiv għall-impjiegi, sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet tax-xogħol, jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet bejn l-istatus differenti u titjieb l-impjegabbiltà tal-individwi.

    Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, sabiex jiġi stabbilit bilanċ adegwat u affidabbli tad-drittijiet u tal-obbligi bejn il-ħaddiema u min iħaddem, kif ukoll bejn l-elementi ta' flessibbiltà u ta' sigurtà, sabiex jiġu ffaċilitati l-ħolqien tax-xogħol, ir-reklutaġġ u l-adattabbiltà tad-ditti u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali.

    Protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli, kif ukoll aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità għolja, inklużi l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, biex jiġu żgurati l-għajxien deċenti u l-protezzjoni kontra r-riskji, u biex l-individwi jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fix-xogħol u fis-soċjetà b’mod aktar ġenerali.

    Għadd ta’ dominji ta’ politika differenti huma identifikati, li magħhom huma marbuta prinċipji differenti. Dawn il-prinċipji jieħdu bħala punt ta’ tluq għadd ta’ drittijiet diġà mdaħħlin fis-sorsi tal-liġi tal-UE u sorsi oħra rilevanti tal-liġi, u jistabbilixxu f’aktar dettall il-modi possibbli ta’ kif dawn għandhom jitħaddmu. Dawn il-formulazzjonijiet jispiraw ruħhom ukoll mill-prattiċi ta’ gwida eżistenti fil-livell tal-UE, pereżempju fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, filwaqt li jfittxu li jaħtfu l-aktar xejriet reċenti.

    Għal kull wieħed minn dawn il-prinċipji, is-sitwazzjoni tvarja ħafna madwar l-Ewropa, u hemm ħafna diffikultajiet prattiċi, kbar u żgħar, li jridu jiġu indirizzati. Dawn tipikament jinkludu interessi differenti bejn l-individwi, id-ditti u s-soċjetà; il-possibbiltà ta' kompromessi bejn is-soluzzjonijiet fuq medda ta’ żmien qasir u twil; l-eżistenza ta’ "żoni griżi", anki minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tal-kunċett ta’ xogħol; u l-kwistjoni ta’ "min iħallas għalxiex", skont jekk il-finanzjament privat jew pubbliku hux mistenni li jkollu rwol. Hemm ukoll l-isfida tat-tfassil ta’ standards u prattiki ġodda b’mod li jistgħu jkunu konsistenti mal-ħtiġijiet ta’ ekonomija dinamika sabiex isostnu l-proċess ta’ aktar konverġenza 'l fuq fost ir-reġjuni u l-Istati Membri.

    Il-loġika tal-Pilastru, u tad-diskussjoni li twassal għal dan, mhijiex li taħbi dawn id-differenzi u t-tensjonijiet, iżda li tikxifhom u tikkonfrontahom f’dawl ġdid, li jqis il-bidla fir-realtajiet tad-dinja tax-xogħol u d-diversità tas-sitwazzjonijiet madwar l-Ewropa. B’dan il-mod, il-Pilastru għandu jgħin biex jiġu mmodernizzati, imwessa’ u approfonditi d-drittijiet soċjali, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà, billi jiffaċilita l-adozzjoni effettiva tagħhom u billi jippromwovi prattiki li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju mil-lat tal-individwu, tad-ditti u tas-soċjetà.

    3.2. Inżidu l-valur għaż-żona tal-euro u għall-UE kollha kemm hi

    Il-Pilastru ma jirrepetix jew jipparafraża l-"acquis" tal-UE: jispeċifika f’aktar dettall il-prinċipji u l-impenji li jistgħu jwasslu għal aktar konverġenza fiż-żona tal-euro. U, bl-istess mod li l-Pilastru ma jiħux post l-“acquis”, il-prinċipji proposti hawnhekk ma jiħdux post id-drittijiet eżistenti: huma joffru mezz biex jivvalutaw u, fil-ġejjieni, itejbu l-eżitu tal-prestazzjoni tal-politiki nazzjonali fil-qasam soċjali u tal-impjiegi.

    Iżda l-proċess li jwassal għall-Pilastru għandu jkun ukoll okkażjoni biex jiġi rivedut l-"acquis". L-"acquis" preżenti ġie stabbilit pass pass, fi żminijiet differenti, u ċerti dominji ġew koperti aħjar minn oħrajn. Il-konsultazzjoni dwar il-Pilastru tipprovdi l-opportunità li jittieħed approċċ olistiku tal-"acquis", li tiġi rieżaminata r-rilevanza tiegħu fid-dawl tax-xejriet ġodda u li jiġu identifikati l-oqsma possibbli għal azzjoni futura, fil-livell xieraq.

    Dan ir-rendikont għandu jservi partikolarment biex iwieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin: jeżisti defiċit fl-implimentazzjoni tal-"acquis"? Hemm lakuni fundamentali fid-drittijiet soċjali stabbiliti fil-livell tal-UE? Kif jistgħu jitqiesu dawn id-defiċits u/jew il-lakuni? Din hi wkoll ir-raġuni għaliex il-proċess ta' konsultazzjoni li jwassal għall-Pilastru se jkun miftuħ għall-Istati Membri kollha u għandu jgħin ukoll lil dawk fiż-żona tal-euro jiddeċiedu jekk għandhomx jaderixxu għall-Pilastru.

    Il-ħidma fuq it-twaqqif tal-Pilastru se tikkumplimenta sforzi oħra li qed isiru biex japprofondixxu l-UEM 5 u għandu jservi bħala kontribut għall-ħidma fuq il-White Paper dwar il-ġejjieni tal-UEM tal-Ewropa, prevista fir-rebbiegħa tal-2017. B’mod partikolari, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa" enfasizza l-ħtieġa li jiġi segwit il-proċess ta’ konverġenza lejn strutturi ekonomiċi aktar reżiljenti, u li dawn il-proċessi jsiru aktar vinkolanti fit-terminu medju. Dan jista’ jinkiseb billi jintlaħaq qbil dwar sett ta’ standards komuni ta’ livell għoli, li jkunu jiffokaw, fost affarijiet oħra, fuq is-swieq tax-xogħol.  

    Fl-aħħar mill-aħħar, in-natura ġuridika tal-Pilastru nnifsu teħtieġ li tqis il-kamp ta' applikazzjoni u l-limitazzjonijiet legali kemm fil-livelli tal-UE kif ukoll f’dawk taż-żona tal-euro. Pereżempju, huwa ċar li l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma jistipulax li l-Unjoni hija kompetenti li tilleġiżla dwar il-“paga”.

    Filwaqt li jistgħu jitiqiesu diversi strumenti biex jiġi stabbilit il-Pilastru, bħal Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li tinvolvi lill-Parlament u lill-Kunsill, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, u li tikseb appoġġ wiesa’ għall-implimentazzjoni tiegħu.

    4. L-objettivi tal-konsultazzjoni

    It-twaqqif tal-Pilastru huwa opportunità biex issir riflessjoni dwar id-drittijiet soċjali eżistenti, dwar il-ħtiġijiet partikolari taż-żona tal-euro, dwar ir-realtajiet tad-dinja tax-xogħol li dejjem jinbidlu, kif ukoll dwar ir-riformi meħtieġa fil-livelli kollha. Għaldaqstant, il-proċess ta' konsultazzjoni għandu jkun estensiv kemm jista' jkun.

    4.1. L-eżiti ssuġġeriti

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu tliet għanijiet prinċipali:

    L-ewwel għan huwa li ssir valutazzjoni tal-“acquis” attwali tal-UE. B’mod partikolari, il-konsultazzjoni għandha tgħin biex tiddetermina sa fejn id-drittijiet eżistenti huma prattikati u jibqgħu rilevanti għall-isfidi tal-lum u ta’ għada, u/jew jekk għandhomx jitqiesu modi ġodda biex jiġi żgurat il-ħarsien ta' dawn id-drittijiet.

    It-tieni għan huwa li ssir riflessjoni dwar ix-xejriet ġodda fil-mudelli tax-xogħol u fis-soċjetajiet, minħabba l-impatt tat-tendenzi demografiċi, it-teknoloġiji ġodda u fatturi oħra ta’ importanza għall-ħajja tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali. L-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki u l-lezzjonijiet miksuba mill-innovazzjoni soċjali għandhom jitħeġġu b’mod attiv.

    It-tielet għan huwa li jinġabru l-fehmiet u tinkiseb feedback dwar id-definizzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali nnifsu. Il-konsultazzjoni għandha sservi sabiex jiġu diskussi l-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut tiegħu, kif ukoll ir-rwol tiegħu bħala parti mid-dimensjoni soċjali tal-UEM, biex issir riflessjoni dwar il-ħtiġijiet partikolari taż-żona tal-euro, u biex tiġi diskussa l-ispeċifiċità tal-prinċipji proposti hawnhekk u biex jiġu esplorati l-isfidi relatati marbuta magħhom. Il-konsultazzjoni għandha tgħin ukoll lill-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro biex jiddeterminaw jekk għandhomx jipparteċipaw fil-Pilastru.

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jiġi konkluż sal-31 ta’ Diċembru 2016, bħala l-bażi biex il-Kummissjoni tressaq proposta finali għall-Pilastru fil-bidu tal-2017.

    4.2. Il-mobilizzazzjoni għad-dibattitu

    Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se timpenja ruħha b’mod attiv ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, mal-awtoritajiet u l-parlamenti nazzjonali, mat-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, mal-NGOs, mal-fornituri tas-servizzi soċjali, mal-esperti akkademiċi, kif ukoll mal-pubbliku. Fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni se tiffaċilita d-diskussjonijiet permezz tar-Rappreżentanzi tagħha fl-Istati Membri,

    Is-sħab soċjali tal-UE se jiġu mistiedna jkollhom rwol attiv fit-tiswir tal-Pilastru. Il-Kummissjoni se titlob ukoll l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni.

    4.3. Il-feedback strutturata

    Minbarra l-konsultazzjoni pubblika, se jiġu organizzati tliet flussi ta’ xogħol biex jikkontribwixxu għad-diskussjoni, wieħed għal kull eżitu suġġerit u ssottolinjat hawn fuq:

    L-"acquis" soċjali tal-UE: rendikont.

    Il-ġejjieni tax-xogħol u tas-sistemi tas-sigurtà soċjali: l-sfidi u l-opportunitajiet.

    Ir-rwol tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala parti minn UEM aktar profonda u ġusta.

    Il-Kummissjoni se torganizza konferenza Ewropea sa tmiem l-2016 sabiex tiġbor il-feedback.

    4.4. Informazzjoni fid-dawl tad-diskussjoni

    Ġie stabbilit sit web iddedikat għall-konsultazzjoni fuq: http://ec.europa.eu/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights  

    Dan se jinkludi:

    Din il-Komunikazzjoni u d-Dokumenti ta’ Ħidma ta' sostenn tal-Persunal.

    Sett ta’ skedi informattivi, imħejjija mis-servizzi tal-Kummissjoni, li jippreżentaw f’aktar dettall ir-raġunament ekonomiku u ġuridiku li fuqu tissejjes l-għażla tad-dominji miżmuma fil-Pilastru anness ma’ din il-Komunikazzjoni.

    L-attivitajiet previsti bħala parti minn kull fluss ta’ xogħol imsemmi hawn fuq.

    Lista ta’ laqgħat u avvenimenti previsti fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali fix-xhur li ġejjin.

    5. Il-mistoqsijiet għall-konsultazzjoni

    Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex iwieġbu l-mistoqsijiet stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni, kif ukoll jipprovdu xi kummenti addizzjonali, sal-31 ta' Diċembru 2016.

    Dan jista’ jsir billi jimlew kwestjonarju online, disponibbli fuq is-sit web iddedikat apposta li jissemma hawn fuq, billi jibagħtu l-kontribut tagħhom permezz ta’ e-mail fl-indirizz elettroniku li ġej:

    EMPL-EUROPEAN-PILLAR-OF-SOCIAL-RIGHTS@ec.europa.eu  

    jew bil posta lil:

    EUROPEAN COMMISSION

    Directorate-General Employment, Social Affairs and Inclusion

    Rue Joseph II, 27 – 00/120

    B-1049 BRUXELLES 6  

    Il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex opinjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:

    Dwar is-sitwazzjoni soċjali u l-"acquis" soċjali tal-UE

    1.Liema taħseb huma l-aktar prijoritajiet urġenti fil-qasam soċjali u tal-impjiegi?

    2.Kif nistgħu nkopru sitwazzjonijiet differenti fil-qasam soċjali u tal-impjiegi fl-Ewropa kollha?

    3.Taħseb li l-"acquis" tal-UE huwa aġġornat u tara skop għal azzjoni ulterjuri tal-UE?

    Dwar il-ġejjieni tax-xogħol u tas-sistemi tal-assistenza soċjali

    4.Liema tqis li huma l-aktar xejriet trasformattivi?

    5.Liema jkunu l-opportunitajiet u r-riskji ewlenin marbuta ma’ dawn ix-xejriet?"

    6.Hemm prattiki politiċi, istituzzjonali jew tad-ditti - eżistenti jew emerġenti - li inti tirrakkomanda bħala referenzi?

    Dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    7.Taqbel mal-approċċ deskritt hawnhekk biex jitwaqqaf il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali?

    8.Taqbel mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pilastru, mad-dominji u mal-prinċipji proposti hawnhekk? Hemm xi aspetti li mhumiex adegwatament espressi jew koperti s’issa?

    9.Liema dominji u prinċipji jkunu l-aktar importanti bħala parti minn konverġenza mġedda għaż-żona tal-euro?

    10.Kif għandhom jiġu espressi u jsiru operattivi? B’mod partikolari, tqis li l-kamp ta' applikazzjoni huwa korrett u tara li hemm valur miżjud fl-adozzjoni tal-istandards minimi jew tal-parametri referenzjarji f’ċerti oqsma u jekk iva, liema huma?

    Huwa wkoll possibbli li jsiru kummenti dwar kull dominju u prinċipju tal-Pilastru propost billi jimtela kwestjonarju online aktar speċifiku, fuq il-paġna web tal-konsultazzjoni.

    (1)

    Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, il-15 ta’ Lulju 2014, "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku".

    (2)

     Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Key economic, employment and social trends behind the European Pillar of Social Rights" (Ix-xejriet ewlenin tal-ekonomija, tal-impjieg u tas-soċjetà li fuqhom jissejjes il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali), (SWD (2016) 51), u "The EU social acquis" (L-acquis soċjali tal-UE) (SWD(2016) 50) tat-8 ta' Marzu 2016.

    (3)

     Ara, pereżempju, ILO (2015), "The future of work centenary initiative"; OECD (2016), "Policy forum on the future of work"; Bertelsmann Stiftung (2015), "Redesigning European welfare states – Ways forward"; Bundesministerium für Arbeit und Soziales (2015), "Green Paper: Re-Imagining Work. Work 4.0"; Forum Ekonomiku Dinji (2016), "The Future of Jobs: Employment, Skills and Workforce Strategy for the Fourth Industrial Revolution"; L-OECD, il-FMI, il-Bank Dinji u l-ILO (2015), "Income inequality and labour income share in G20 countries: Trends, Impacts and Causes".

    (4)

    "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa", Rapport ta’ Jean-Claude Juncker, b’kooperazzjoni ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, Ġunju 2015. Fil-kontribuzzjoni konġunta tagħhom għar-rapport, Franza u l-Ġermanja, pereżempju, saħqu fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-orjentazzjonijiet komuni f’ċerti oqsma bħalma huma l-politiki attivi fis-suq tax-xogħol u s-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Ara wkoll iċ-Ċentru Ewropew ta' Strateġija Politika (2015), "Id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja".

    (5)

    COM(2015)600 tal-21 ta’ Ottubru 2015 dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

    (6)

    Jekk jogħġbok innota li l-kontributi kollha li jaslu, flimkien mal-identità tal-kontributur, se jiġu ppubblikati fuq l-Internet, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tad-dejta personali minħabba li pubblikazzjoni bħal din tista' tagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tiegħu jew tagħha. F'dan il-każ, il-kontribut jista' jiġi ppubblikat b'mod anonimu. Inkella, il-kontribut ma jiġix ippubblikat, u fil-prinċipju, lanqas ma jiġi kkunsidrat il-kontenut tiegħu.

    Top

    Strasburgu, 8.3.2016

    COM(2016) 127 final

    ANNESS

    L-ewwel deskrizzjoni preliminari tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    Li takkumpanja l-

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    {SWD(2016) 50 final}
    {SWD(2016) 51 final}


    Werrej

    KAPITOLU I: OPPORTUNITAJIET U AĊĊESS INDAQS GĦAS-SUQ TAX-XOGĦOL

    1.Il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja

    2.Kuntratti tax-xogħol flessibbli u siguri

    3.Tranżizzjonijiet professjonali siguri

    4.Appoġġ attiv għall-impjiegi

    5.Ugwaljanza bejn is-sessi u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

    6.Opportunitajiet indaqs

    KAPITOLU II: KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL ĠUSTI

    7.Il-kundizzjonijiet tal-impjieg

    8.Il-pagi

    9.Is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol

    10.Id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema

    KAPITOLU III: PROTEZZJONI SOĊJALI ADEGWATA U SOSTENIBBLI

    11.Is-servizzi u l-benefiċċji soċjali integrati

    12.Il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji tal-mard

    13.Il-pensjonijiet

    14.Il-benefiċċji tal-qgħad

    15.L-introjtu minimu

    16.Il-benefiċċji tad-diżabilità

    17.Il-kura fit-tul

    18.L-indukrar tat-tfal

    19.L-abitazzjoni

    20.L-aċċess għas-servizzi essenzjali



    Nota ta’ spjegazzjoni



    Dan l-anness jagħti l-ewwel deskrizzjoni preliminari tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għall-konsultazzjoni tal-pubbliku ġenerali. Il-Pilastru hu maħsub biex jiġi stabbilit fiż-żona tal-euro, iżda jkun miftuħ ukoll għal Stati Membri oħra biex jingħaqdu fuq bażi volontarja.

    Il-Pilastru jissejjes fuq l-objettivi u d-drittijiet soċjali mnaqqxa fil-liġi primarja tal-UE, li tikkonsisti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tiġi żgurata bażi wiesgħa biżżejjed għall-konsultazzjoni, il-Pilastru jmiss kemm l-oqsma li fihom l-UE għandha l-kompetenza li tilleġiżla, kif ukoll oħrajn fejn l-Istati Membri huma primarjament responsabbli, u fejn ir-rwol tal-UE huwa aktar komplementari u ta' appoġġ. Jispira ruħu wkoll mill-prattiki fil-livell nazzjonali u mis-sorsi internazzjonali tal-liġi.

    Id-deskrizzjoni tal-Pilastru ma ttennix id-drittijiet eżistenti, li jibqgħu validi, u lanqas ma timmodifikahom. L-għan huwa li tikkomplementahom billi tesponi fid-dettall il-prinċipji essenzjali li għandhom isiru komuni għall-Istati Membri parteċipanti għat-twettiq tal-politika soċjali u tal-impjieg tagħhom, b'enfasi speċifika fuq il-ħtiġijiet u l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom iż-żona tal-euro. Ladarba jkun stabbilit, il-Pilastru għandu jkun qafas ta’ referenza biex jeżamina l-prestazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fil-qasam soċjali u tal-impjiegi, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali u, b’mod aktar speċifiku, biex iservi bħala kumpass għall-konverġenza mġedda fiż-żona tal-euro.

    Il-prinċipji ppreżentati hawn huma maqsuma skont 20 dominju politiku, li jitqiesu essenzjali biex is-sistemi tal-assistenza soċjali u s-swieq tax-xogħol ikunu ġusti u jiffunzjonaw tajjeb. Dawn iqisu l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali u d-diversità kbira ta' sitwazzjonijiet fl-Ewropa u r-realtajiet dejjem jinbidlu fil-ħajja reali. Jindirizzaw it-tħassib prinċipali għal Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u ġusta, bħall-ħtieġa li titjieb il-kompetittività, tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-iżvilupp ta' pjattaformi ta' protezzjoni soċjali adegwati, l-isfruttament tal-potenzjal tal-persuni, tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u tiżdied il-kapaċità ta' aġġustament u r-reżiljenza tal-istrutturi ekonomiċi.

    Il-prinċipji ppreżentati hawnhekk ikopru ċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE, attivi jew mhux attivi, f'konformità mal-formulazzjoni ta' kull prinċipju. B'mod provviżorju, għall-iskop ta' din il-konsultazzjoni, it-terminu "ħaddiem" jiddeżinja kwalunkwe persuna li, għal ċertu perjodu ta' żmien, twettaq servizzi għal persuna oħra u b'kumpens ta' dan tirċievi remunerazzjoni, u taġixxi taħt id-direzzjoni ta' dik il-persuna fejn għandha x'taqsam, b'mod partikolari, id-determinazzjoni taż-żmien, tal-post u tal-kontenut tax-xogħol tiegħu jew tagħha.

    "Ħaddiema għal rashom" tiddeżinja l-persuni kollha li jwettqu attività bi qligħ għal rashom. "Impjegati" tirreferi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-ħaddiema għal rashom. Matul il-proċess ta' konsultazzjoni jista' jkun hemm bżonn jiġi definit mill-ġdid il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn it-termini.

    L-għażla u l-formulazzjoni tal-prinċipji jibbażaw ruħhom, inter alia, fuq il-gwida eżistenti fis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, fuq il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE u fuq il-gwida tal-"liġi mhux vinkolanti" meta din teżisti. Sabiex kull prinċipju jiġi inkwadrat aħjar, id-deskrizzjoni tagħti indikazzjoni tal-isfidi prinċipali li jridu jiġu affaċċjati, tindika l-valur miżjud ta' kull prinċipju u tfakkar id-drittijiet korrispondenti fil-liġi primarja permezz ta' kaxxi apposta, fejn applikabbli. Il-prinċipji jridu jiġu diskussi b'mod estensiv u jiġu definiti mill-ġdid fil-kuntest tal-proċess ta' konsultazzjoni, bl-għan li tiġi ffinalizzata l-proposta għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fl-2017.



    KAPITOLU I: OPPORTUNITAJIET U AĊĊESS

    INDAQS GĦAS-SUQ TAX-XOGĦOL

    1.Il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja

    Il-ħiliet bażiċi fil-lingwa, fil-litteriżmu, fin-numeriżmu u fl-ICT, li huma l-bażi għat-tagħlim, għadhom sfida għal sehem sinifikanti tal-popolazzjoni, mit-tfal sal-adulti. Sabiex jiżdiedu l-kwalità u r-rilevanza tal-eżiti tal-edukazzjoni, is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ iridu jsiru aktar effettivi, ekwi u adattati aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà. L-aċċess ugwali għall-kisba ta' ħiliet bażiċi u kompetenzi ewlenin fl-edukazzjoni inizjali, irrispettivament mill-mezzi ekonomiċi, irid jiġi integrat ma' oppotunitajiet ta' kwalità għall-adulti biex jiksbu ħiliet bażiċi u kompetenzi ewlenin matul il-ħajja. It-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-ħajja tax-xogħol itwal u ż-żieda fl-immigrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi jirrikjedu azzjonijiet addizzjonali għat-titjib tal-ħiliet u għat-tagħlim tul il-ħajja, sabiex wieħed jirnexxilu jadatta għat-tibdil fit-teknoloġija u għas-swieq tax-xogħol li dejjem jinbidlu.

      

    a.Kull persuna għandu jkollha aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità matul ħajjitha sabiex tikseb livell adegwat ta' ħiliet bażiċi u kompetenzi ewlenin biex tkun tista' tipparteċipa b'mod attiv fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol. Iż-żgħażagħ bi ftit kwalifiki u l-adulti fl-età tax-xogħol għandhom jitħeġġu jtejbu l-ħiliet tagħhom.

    L-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa. Dan id-dritt jinkludi l-possibbilità li wieħed jirċievi edukazzjoni obbligatorja bla ħlas.

    L-Artikoli 165 u 166 tat-TFUE jistabbilixxu li l-Unjoni għandha timplimenta politika dwar il-formazzjoni vokazzjonali u għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom.

    2.Kuntratti tax-xogħol flessibbli u siguri

    Il-kuntratti flessibbli jistgħu jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol u jippromwovu t-tranżizzjonijiet fil-karriera, filwaqt li jippermettu lil min iħaddem iwieġeb għaċ-ċaqliq fid-domanda. L-ekonomiji diġitali qegħdin ibiddlu l-mudelli tax-xogħol u jwasslu għal forom ġodda ta' xogħol bħall-impjieg indipendenti. Dan jista' jwassal għal perkorsi differenti għad-dħul fis-suq tax-xogħol u jista' jgħin biex il-popolazzjoni tibqa' attiva. Madankollu, għad fadal differenzi kbar fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fit-tipi differenti ta' kuntratti tax-xogħol.

    Barra minn hekk, jeżistu "żoni griżi", bħall-impjieg indipendenti "dipendenti" u "fittizju", li jwasslu għal sitwazzjonijiet ta' inċertezza legali u għal ostakli fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Dawn il-fenomeni jistgħu joħolqu prekarjetà u/jew swieq tax-xogħol segmentati fuq żewġ livelli, li jxekklu l-produttività u jwasslu għall-esklużjoni. L-impjieg mhux permanenti jista' jżid ir-riskji ta' prekarjetà permezz ta' livelli aktar baxxi ta' protezzjoni kontra s-sensja, il-paga aktar baxxa, l-aċċess limitat għall-protezzjoni soċjali u għat-taħriġ. Permezz tat-tqarrib lejn tipi ta' kuntratti li għandhom garanziji u kostijiet komparabbli, l-impjieg temporanju jista' jkun pass 'il quddiem lejn impjieg stabbli u sigur, filwaqt li tiżdied ir-reżiljenza tas-swieq tax-xogħol għax-xokkijiet.

    a.It-trattament ugwali għandu jiġi żgurat, irrispettivament mill-kuntratt tax-xogħol, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minħabba raġunijiet oġġettivi. Għandu jiġi evitat l-użu ħażin jew l-abbuż ta' relazzjonijiet tax-xogħol mhux permanenti.

    b.Il-flessibbiltà fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tista' taġevola d-dħul fis-suq tax-xogħol u żżomm l-abbiltà ta' min iħaddem li jwieġeb malajr għaċ-ċaqliq fid-domanda; madankollu, għandha tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn kuntratti miftuħa.

    L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tadotta rekwiżiti minimi, kif ukoll issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    3.Tranżizzjonijiet professjonali siguri

    Il-ħajja tax-xogħol qed issir dejjem aktar diversa, anki permezz ta' postijiet tax-xogħol u forom ta' impjiegi multipli, interruzzjonijiet tal-karriera, mobilità akbar u bidliet professjonali matul il-ħajja. Sabiex nagħmlu l-aħjar mill-bidla teknoloġika u mis-swieq tax-xogħol li qed jinbidlu b'rata mgħaġġla, jinħtieġ l-appoġġ rapidu u mtejjeb għat-tranżizzjonijiet professjonali u tal-impjieg, kif ukoll l-appoġġ għat-titjib tal-ħiliet tul il-ħajja tax-xogħol.

    It-titjib tal-ħiliet jirrikjedi investiment mill-ħaddiema individwali, mill-kumpaniji u mis-soċjetà. Ċerti intitolamenti għall-protezzjoni soċjali, bħall-pensjonijiet okkupazzjonali, il-benefiċċji tal-qgħad, l-assigurazzjoni tas-saħħa jew l-intitolamenti għat-taħriġ mhux dejjem jistgħu jiġu ttrasferiti faċilment meta wieħed ibiddel l-impjieg, u lanqas ma jistgħu jiġu vvalorizzati jew akkumulati meta wieħed jibda jaħdem għal rasu. Min-naħa l-oħra, xi wħud mill-intitolamenti ta' dawk li qed ifittxu imjpieg jew tal-persuni mhux attivi ma għandhomx ikunu ta' diżinċentiv għal min jixtieq jirritorna fid-dinja tax-xogħol jew jibda n-negozju tiegħu.

    a.Il-persuni kollha fl-età tax-xogħol għandu jkollhom aċċess għal assistenza individwali għat-tfittix ta' impjieg u jkunu mħeġġa jibdew jitħarrġu u jtejbu l-ħiliet tagħhom sabiex itejbu s-suq tax-xogħol jew il-prospetti imprenditorjali u t-tranżizzjonijiet professjonali u tal-impjieg aktar mgħaġġla.

    b.Il-preżervazzjoni u l-portabbiltà tal-intitolamenti soċjali u għat-taħriġ akkumulati matul il-karriera għandhom jiġu żgurati sabiex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet professjonali u tal-impjieg.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettiv il-promozzjoni tal-impjieg. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

    4.Appoġġ attiv għall-impjiegi

    Il-qagħad persistenti, rikorrenti kif ukoll fit-tul, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u għall-persuni bi ftit kwalifiki, jirrikjedi appoġġ adegwat u mmirat għal min jixtieq (jerġa') jidħol fil-ħajja tax-xogħol, kif ukoll miżuri biex jiġu żviluppati ħiliet, kwalifiki, jew esperjenza ta' xogħol li jgħinu lil dawk li jixtiequ jbiddlu l-okkupazzjoni tagħhom. Aċċess rapidu u effettiv għal tali miżuri jista' jipprevjeni l-esklużjoni soċjali u mis-suq tax-xogħol.

    a.Dawk kollha li għandhom inqas minn 25 sena għandhom jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali.

    b.Għandu jiġi żgurat ukoll li l-persuni qiegħda fit-tul irreġistrati jingħataw valutazzjoni individwali fid-dettall u gwida u ftehim ta' integrazzjoni f'impjieg li jikkonsisti f'offerta individwali ta' servizzi u l-identifikazzjoni ta' punt uniku ta' kuntatt mhux aktar tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettiv il-promozzjoni tal-impjieg. L-Artikolu 153 jistabbilixxi wkoll li l-Unjoni għandha tadotta rekwiżiti minimi, kif ukoll issostni u tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri biex jippromwovu l-integrazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol.

    5.Ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

    In-nisa għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fl-impjieg, iżda huma rrappreżentati żżejjed fix-xogħol part-time u fis-setturi bi ħlas baxx u jirċievu ħlas fis-siegħa aktar baxx minkejja li qabżu lill-irġiel fil-livell edukattiv milħuq. L-appoġġ tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol huwa fundamentali sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs, u huwa imperattiv ekonomiku fil-kuntest tat-tixjiħ tal-forza tax-xogħol.

    In-nuqqas ta' liv adegwat u ta' arranġamenti ta' indukrar tat-tfal u ta' membri tal-familja dipenedenti oħra jista' jiskoraġġixxi lill-persuni b'responsabbiltajiet ta' kura, partikolarment in-nisa, milli jissoktaw bl-impjieg tagħhom jew jirritornaw fid-dinja tax-xogħol. L-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol jinkludu nuqqas ta' politiki adegwati li joħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, diżinċentivi fiskali għat-tieni sors ta' dħul jew tassazzjoni eċċessiva fuq ix-xogħol, u l-isterjotipi fl-oqsma tal-istudju u tal-okkupazzjoni.

    L-aċċess tal-ħaddiema għal rashom jew tal-ħaddiema li ma għandhomx kuntratti full-time u permanenti għal liv bi ħlas marbut mal-familja jew skemi tal-assigurazzjoni, għadu mhuwiex uniformi. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' possibbiltajiet u ta' inkoraġġiment għall-irġiel biex jieħdu l-liv qiegħed isaħħaħ ir-rwoli tan-nisa bħala dawk primarjament responsabbli għall-kura, b'effetti negattivi fuq l-okkupazzjoni femminili.

    Qegħdin ukoll jiżdiedu l-opportunitajiet li wieħed ikun flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol, parzjalment minħabba l-ambjent diġitali u l-għadd ta' okkupazzjonijiet diversi fl-ekonomija kollaborattiva u ta' kondiviżjoni. L-arranġamenti flessibbli tax-xogħol jistgħu jgħinu wkoll biex jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jippermettu kemm lill-impjegati kif ukoll lill-kumpaniji biex jadattaw l-iskedi u l-mudelli ta' xogħol għall-ħtiġijiet tagħhom.

    a.Għandha titrawwem l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni, billi jiġi żgurat it-trattament indaqs fl-oqsma kollha, inkluż il-ħlas, u jiġu indirizzati l-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa u tiġi evitata s-segregazzjoni okkupazzjonali.

    b.Il-ġenituri u dawk kollha b'responsabbiltajiet ta' kura għandu jkollhom aċċess għal arranġamenti adegwati ta' liv għat-tfal u għal qraba oħra dipendenti, u aċċess għas-servizzi ta' kura 1 . Għandu jitħeġġeġ l-użu ta' arranġamenti ta' liv ugwali bejn is-sessi, permezz ta' miżuri bħall-għoti ta' liv b'remunerazzjoni għall-ġenituri, kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa.

    c.Bi ftehim bejn min iħaddem u l-impjegati, għandhom isiru disponibbli u jkunu mħeġġa arranġamenti ta' xogħol flessibbli, inkluż fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet kemm tal-ħaddiema kif ukoll ta' min iħaddem.

    L-Artikolu 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Sabiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni mit-tkeċċija għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal leave tal-maternità mħallas u għal leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tifel jew tifla.

    L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tadotta rekwiżiti minimi, kif ukoll issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ambjent tax-xogħol, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa rigward l-opportunitajiet u t-trattament fis-suq tax-xogħol.

    Barra dan, l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga. Il-prinċipju ta' ugwaljanza m'għandux jimpedixxi li jinżammu fis-seħħ jew jiġu adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas irrappreżentat.

    L-Artikolu 3 tat-TUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni. Barra min hekk, l-Artikolu 8 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi u li tinkoraġġixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. L-Artikolu 19 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni tista' tieħu azzjoni xierqa sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tadotta rekwiżiti minimi, kif ukoll issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, kif ukoll tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa rigward l-opportunitajiet u t-trattament fis-suq tax-xogħol.

    6.Opportunitajiet indaqs

    Id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali hija illegali fl-Unjoni kollha. Madankollu ċerti gruppi jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. B'mod partikolari, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-minoritajiet etniċi mhumiex irrappreżentati biżżejjed fid-dinja tax-xogħol u jinsabu f'riksju akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali. Huwa importanti li jiġu indirizzati l-ostakli għall-parteċipazzjoni tagħhom, li jistgħu jinkludu ostakli lingwistiċi jew diskrepanzi fir-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki. Sa fejn għandha x'taqsam id-diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità u oriġini etnika, l-esperjenza prattika turi nuqqas ta' għarfien kemm ta' min iħaddem fir-rigward tal-prattiki ta' reklutaġġ mhux diskriminatorji, kif ukoll tal-vittimi tad-diskriminazzjoni marbuta mad-drittijiet tagħhom.

    L-appoġġ tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol huwa fundamentali sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs, u huwa imperattiv ekonomiku fil-kuntest tat-tixjiħ tal-forza tax-xogħol.

    a. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi mhux irrappreżentati biżżejjed għandha tissaħħaħ, filwaqt li jiġi żgurat it-trattament indaqs fl-oqsma kollha, inkluż permezz tas-sensibilizzazzjoni u billi tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni.

    L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun ipprojbita.

    L-Artikolu 3 tat-TUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni. Barra min hekk, l-Artikolu 8 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi u li tinkoraġġixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. L-Artikolu 19 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni tista' tieħu azzjoni xierqa sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tadotta rekwiżiti minimi, kif ukoll issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, kif ukoll tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa rigward l-opportunitajiet u t-trattament fis-suq tax-xogħol.


    KAPITOLU II: KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL ĠUSTI

    7.Il-kundizzjonijiet tal-impjieg

    Il-forom ġodda ta' impjieg flessibbli jirrikjedu attenzjoni addizzjonali fl-ispeċifikazzjoni tan-natura, il-volum jew it-tul ta' żmien tax-xogħol, fl-identifikazzjoni ta' min iħaddem u l-livell assoċjat ta' protezzjoni soċjali u biex jiġu evitati l-abbużi fil-perjodu ta' prova. Il-forom ta' impjiegi deċentralizzati u awtoorganizzati jistgħu jżidu l-awtonomija tal-ħaddiema u jistimolaw l-iżvilupp tan-negozju, filwaqt li jwasslu għal nuqqas ta' għarfien tad-drittijiet u għal dubji dwar ir-rekwiżiti ta' informazzjoni għal min iħaddem. Id-dispożizzjonijiet legali eżistenti tal-UE dwar l-informazzjoni li trid tingħata lill-impjegati dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg ma japplikawx mill-bidu tal-impjieg u l-applikazzjoni tagħhom issir aktar diffiċli f'mudelli ta' organizzazzjonijiet tan-negozju transnazzjonali, mobbli, diġitali u delokalizzati. Ir-regolamentazzjoni kumplessa, mhux ċara u li tiswa l-flus, li tirregola t-terminazzjoni ta' kuntratti indefiniti, twassal għal nuqqas ta' rieda fost il-kumpaniji biex jirreklutaw kif ukoll għal nuqqas ta' uniformità fl-infurzar tar-regoli fis-seħħ.

    a.Kull ħaddiem għandu jiġi informat bil-miktub qabel ma jibda l-impjieg, dwar id-drittijiet u l-obbligi li ġejjin mir-relazzjoni tax-xogħol.

    b.Jekk hu previst perjodu ta' prova, il-perjodu ta' prova għandu jkun ta' tul ta' żmien raġonevoli; qabel ma dan jibda, il-ħaddiema għandhom jirċievu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tiegħu.

    c.Is-sensja ta' ħaddiem trid tkun iġġustifikata, ippreċeduta minn perjodu ta' preavviż, u għandu jkun hemm kumpens adegwat marbut magħha kif ukoll aċċess għal appell rapidu u effettiv għal sistema imparzjali ta' soluzzjoni tat-tilwim.

    L-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija mhux iġġustifikata, skont il-liġi tal-Unjoni u skont il-liġijiet u l-prassi nazzjonali.

    L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tadotta rekwiżiti minimi, kif ukoll issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt tal-impjieg.


    8.Il-pagi

    Il-pagi minimi b'livell adegwat jiżguraw standard tal-għajxien deċenti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom u jikkontribwixxu biex tiġi indirizzata l-inċidenza tal-faqar fost dawk li jaħdmu. Kopertura wiesgħa tevita d-distorsjonijiet li jwasslu għal suq tax-xogħol fuq żewġ livelli. L-evoluzzjoni prevedibbli tal-pagi hija importanti biex jinħoloq ambjent tan-negozju stabbli. Il-pagi minimi jridu jiġu ffissati f'livell li jħares il-prospetti tal-impjieg għall-persuni bi ftit kwalifiki u li jagħmilha konvenjenti għall-persuni qiegħda u mhux attivi li jsibu impjieg. Iż-żamma tal-evoluzzjoni tal-pagi f'konformità mal-produttività kienet kruċjali għall-kompetittività, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro.

    a.Kull impjieg għandu jkollu remunerazzjoni ekwa, b'mod li jippermetti standard tal-għajxien deċenti. Il-pagi minimi għandhom jiġu ffissati permezz ta' mekkaniżmu trasparenti u prevedibbli b'mod li jissalvagwardja l-aċċess għall-impjieg u l-motivazzjoni biex wieħed ifittex xogħol. Il-pagi għandhom jevolvu f'konformità mal-iżviluppi ta' produttività, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u skont il-prattiki nazzjonali.

    9.Is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol

    Tfaċċaw sfidi ġodda għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fid-dawl tar-relazzjonijiet tax-xogħol anqas stabbli, ta' mudelli tax-xogħol ġodda u tat-tixjiħ tal-forza tax-xogħol. L-iżgurar tal-protezzjoni tal-ħaddiema kollha kontra inċidenti u mard okkupazzjonali, irrispettivament mill-forma tal-impjieg u l-indirizzar taż-"żoni griżi", bħall-impjieg indipendenti "dipendenti" u "fittizju" li jwasslu għal stiwazzjonijiet ta' inċertezza legali, huma mod importanti biex jitnaqqsu l-prekarjetà, il-kostijiet soċjali u titjieb il-produttività tal-kumpaniji. It-tisħiħ tal-isforzi maħsuba għar-riintegrazzjoni u għar-riabilitazzjoni jirrikjedi impenn akbar ta' min iħaddem fit-taħriġ mill-ġdid jew fl-adattament għall-post tax-xogħol. Madankollu, l-infurzar tal-miżuri preventivi u rimedjali mill-intrapriżi żgħar għadu ta' piż.

    a.Għandu jiġi żgurat livell adegwat ta' protezzjoni mir-riskji kollha li jistgħu jitfaċċaw fuq il-post tax-xogħol, bl-appoġġ dovut għall-implimentazzjoni, b'mod partikolari fl-intrapriżi mikro u żgħar.

    L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

    L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni tista' tadotta direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi, kif ukoll issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri għat-titjib tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

    10.Id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema

    Sabiex id-djalogu soċjali jiffunzjona sew, jinħtieġu sħab soċjali awtonomi u rappreżentattivi bil-kapaċitajiet li jilħqu ftehimiet kollettivi. Fid-dawl tat-tnaqqis f'termini tad-densità organizzattiva u tar-rappreżentattività, is-sħab soċjali jridu jkomplu jibnu l-kapaċitajiet tagħhom biex jieħdu sehem fi djalogu soċjali effettiv u li jiffunzjona sew. L-involviment tas-sħab soċjali fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali huwa kruċjali biex it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali jirnexxu, inkluż fl-isforzi biex jiġi ssalvagwardjat l-impjieg f'perjodi ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Barra minn hekk, il-forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol bħal fis-settur tas-servizzi u fl-ekonomija diġitali jwasslu biex l-involviment tal-ħaddiema ma jkunx uniformi u biex l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tagħhom isiru aktar kumplessi.

    a.Is-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki soċjali u tal-impjieg. Dawn għandhom ikunu mħeġġa jiżviluppaw ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, jirrispettaw it-tradizzjonijiet nazzjonali, l-awtonomija u d-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva.

    b.Għandhom jiġu żgurati l-informazzjoni u l-konsultazzjoni f'waqthom għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li jaħdmu b'mod diġitali u/jew li joperaw bejn il-fruntieri, jew għar-rappreżentanti tagħhom, b'mod partikolari fil-każ ta' sensji kollettivi, trasferimenti, ristrutturar u fużjoni tal-intrapriżi.

    L-Artikolu 12 u l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxu, rispettivament: Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni f'kull livell, b'mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta' kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma' oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni tal-interessi tagħha. Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

    L-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta' konflitti ta' interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettiv il-promozzjoni tad-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema. L-Artikolu 152 tat-TFUE jistipula li l-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali u għandha tiffaċilita d-djalogu bejniethom. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tadotta rekwiżiti minimi, kif ukoll issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u r-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u s-sidien. L-Artikolu 154 u l-Artikolu 155 tat-TFUE jagħtu rwol lit-tmexxija u lix-xogħol fil-proċess leġiżlattiv.



    KAPITOLU III: PROTEZZJONI SOĊJALI ADEGWATA U SOSTENIBBLI

    11.Is-servizzi u l-benefiċċji soċjali integrati

    F'xi każijiet, l-għadd ta' benefiċċji u servizzi, aġenziji, u proċeduri ta' applikazzjoni jagħmluha diffiċli għall-persuni biex jiksbu aċċess għall-appoġġ kollu li jeħtieġu. In-nuqqas ta' benefiċċji u servizzi integrati jnaqqas ukoll l-effikaċja tagħhom fl-indirizzar tal-faqar, kif ukoll fl-appoġġ għall-integrazzjoni soċjali u tas-suq tax-xogħol. Is-sigriet ta' appoġġ effettiv huwa l-allinjament tat-tliet elementi tal-benefiċċji soċjali, tal-appoġġ attiv u tas-servizzi soċjali. Dan l-allinjament għandu jikkonċerna l-eliġibbiltà u l-kopertura, l-offerti kkoordinati ta' appoġġ u ż-żamma ta' ċerti intitolamenti meta wieħed jerġa' lura fid-dinja tax-xogħol, kemm bħala impjegat kif ukoll bħala ħaddiem għal rasu. L-integrazzjoni aħjar tas-servizzi u tal-benefiċċji tista' ttejjeb il-kosteffettività tal-protezzjoni soċjali.

    a.Is-servizzi u l-benefiċċji tal-protezzjoni soċjali għandhom jiġu integrati sa fejn hu possibbli sabiex jissaħħu l-konsistenza u l-effikaċja tal-miżuri u tkun appoġġata l-integrazzjoni soċjali u tas-suq tax-xogħol.

    L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali u servizzi soċjali.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettivi l-protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-persuni fis-suq tax-xogħol.

    12.Il-kura tas-saħħa u l-benefiċċji tal-mard

    It-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-ispejjeż għolja tat-trattamenti qegħdin jitfgħu pressjoni akbar fuq is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa u l-abbiltà li tiġi pprovduta kura tas-saħħa adegwata għal kulħadd. L-ispiża għolja tat-trattament marbuta mad-dħul, jew il-perjodi ta' stennija twal wisq instabu li kienu fatturi determinanti fl-impossibbiltà tal-aċċess għall-kura medika. Sabiex jiġi żgurat l-aċċess universali għal kura ta' kwalità għolja filwaqt li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, jiġi mħeġġeġ l-għoti kosteffettiv tal-kura, u jiġu inkoraġġuti l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jitjiebu r-reżiljenza, l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi tas-saħħa, u dan jista' jtejjeb l-abbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa li taffaċċja l-isfidi. L-għoti ta' aċċess universali għall-kura tas-saħħa u l-indirizzar tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa se jsaħħu l-koeżjoni soċjali u jtejbu l-eżiti ekonomiċi.

    L-arranġamenti għall-benefiċċji tal-mard u/jew għal-liv bi ħlas minħabba mard ivarjaw konsiderevolment fejn għandhom x'jaqsmu l-jiem ta' stennija, it-tul ta' żmien, il-livelli ta' sostituzzjoni u l-mekkaniżmi ta' kontroll. L-iżgurar ta' livell minimu adegwat ta' sostituzzjoni għall-benefiċċji tal-mard u l-inkoraġġiment tar-riabilitazzjoni u tar-riintegrazzjoni filwaqt li, fl-istess ħin, tinżamm is-sostenibbiltà finanzjarja ta' dawn l-iskemi, għadhom sfida.

    a.Kulħadd għandu jkollu aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva ta' kwalità tajba, u l-bżonn ta' kura tas-saħħa ma għandux iwassal għal faqar jew pressjoni finanzjarja. 

    b.Is-sistemi tal-kura tas-saħħa għandhom iħeġġu l-għoti ta' kura kosteffikaċi, isaħħu l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, sabiex titjieb ir-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom.

    c.Għandu jiġi żgurat liv minħabba mard bi ħlas adegwat tul il-perjodi ta' mard lill-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip ta' kuntratt; għandha titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għal rashom fl-iskemi tal-assigurazzjoni. Għandhom jitħeġġu r-riintegrazzjoni u r-riabilitazzjoni effettivi għal ritorn rapidu lejn id-dinja tax-xogħol.

    L-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali... f'każijiet bħalma huma...il-mard.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettivi l-protezzjoni soċjali xierqa. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fis-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

    L-Artikolu 168 tat-TFUE jistabbilixxi li l-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji u tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

    13.Il-pensjonijiet

    Iż-żieda fil-lonġevità u t-tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol joħolqu sfida doppja biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tal-pensjonijiet u jkun jista' jiġi pprovdut introjtu adegwat meta wieħed jirtira. Ir-rabta bejn l-età statutorja għall-istennija tal-ħajja u t-tnaqqis tad-diskrepanza bejn l-età statutorja u dik effettiva tal-irtirar billi jiġi evitat l-irtirar bikri mid-dinja tax-xogħol, huma fatturi importanti biex tiġi rrikonċiljata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi filwaqt li tinżamm il-korrettezza interġenerazzjonali.

    L-inadegwatezza tal-pensjonijiet hija sfida addizzjonali f'bosta Stati Membri. F'bosta pajjiżi teżisti wkoll diskrepanza kbira fil-pensjonijiet bejn is-sessi, fejn il-qligħ aktar baxx u l-interruzzjonijiet fil-karriera tan-nisa jwasslu għal kontribuzzjonijiet tal-pensjoni aktar baxxi, u finalment għal intitolamenti tal-pensjoni aktar baxxi.

    Il-ħaddiema għal rashom u dawk li jinsabu f'impjiegi atipiċi jesperjenzaw ukoll riskji ogħla marbuta mal-adegwatezza tal-pensjonijiet u inqas kopertura tal-pensjonijiet okkupazzjonali.

    a.Il-pensjonijiet għandhom jiżguraw li kulħadd ikollu standard tal-għajxien deċenti fl-età tal-irtirar. Għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, pereżempju billi l-perjodi ta' kura jiġu rikonoxxuti b'mod adegwat. Skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, għandha titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għal rashom fl-iskemi tal-pensjoni.

    b.Is-sistemi tal-pensjoni għandhom jagħmlu ħilithom biex jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza futura tal-pensjonijiet billi tiġi żgurata bażi tal-kontribuzzjoni wiesgħa, billi l-età statutorja tal-irtirar tkun marbuta mal-istennija tal-ħajja u billi titneħħa d-diskrepanza bejn l-età statutorja u dik effettiva tal-irtirar billi jiġi evitat l-irtirar bikri mid-dinja tax-xogħol.

    L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi li: L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali ....f'każijiet bħalma huma ....l-anzjanità, [u]... d-dritt għal għajnuna soċjali ...għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettiv il-protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. L-Artikolu 153 jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

    14.Il-benefiċċji tal-qgħad

    Sistema effettiva tal-benefiċċji tal-qgħad jirnexxilha taġevola t-tfittix ta' impjieg u ttejjeb it-tlaqqigħ tal-ħiliet, u tipprovdi sigurtà ekonomika matul il-perjodi ta' qgħad, tipprevjeni l-faqar u tippermetti l-istabbilizzazzjoni awtomatika f'perjodi ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. F'ċerti każijiet il-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad hija baxxa ħafna minħabba r-rekwiżiti stretti tal-eliġibbiltà. It-tul ta' żmien tal-benefiċċji f'ċerti Stati Membri, kif ukoll l-infurzar tal-kundizzjonijiet għat-tfittix ta' impjieg u għall-parteċipazzjoni fl-appoġġ attiv huma ta' tħassib.

    a.L-azzjoni ta' appoġġ għall-persuni qiegħda għandha tinkludi r-rekwiżit għat-tfittix attiv ta' impjieg u parteċipazzjoni f'miżuri attivi ta' appoġġ flimkien ma' benefiċċji tal-qgħad adegwati. It-tul ta' żmien tal-benefiċċji għandu jippermetti żmien biżżejjed għat-tfittix ta' impjieg filwaqt li jżomm l-inċentivi għal ritorn rapidu lejn id-dinja tax-xogħol 2 .

    L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali ... fil-każ ta' telf tax-xogħol...

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettivi l-protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. L-Artikolu 153 jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

    15.L-introjtu minimu

    L-introjtu minimu għall-persuni li jinsabu f'kundizzjonijet ta' faqar jew f'riskju ta' faqar u li ma għandhomx mezz ieħor ta' sussistenza, huwa pprovdut fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda mhux kollha. Madankollu, l-isfidi attwali jinkludu l-inadegwatezza tal-livelli tal-benefiċċji li jagħmluha impossibbli għall-benefiċjarji li jevitaw il-faqar, il-kopertura baxxa, u n-nuqqas ta' ksib tas-sostenn għall-introjtu minimu minħabba l-kumplessità fl-aċċess għal dawn l-arranġamenti. Għal dawk li huma fl-età tax-xogħol, in-nuqqas ta' kuntatt mas-servizzi ta' appoġġ attiv u mas-servizzi soċjali, kif ukoll il-fatt li l-benefiċċji ma jonqsux gradwalment malli wieħed jerġa' lura fid-dinja tax-xogħol, jistgħu jwasslu għal dipendenza fuq il-benefiċċji u diżinċentivi għax-xogħol. Is-sigurtà tal-introjtu ma tkoprix biżżejjed dawk li jeżawrixxu l-benefiċċji tal-qgħad tagħhom, b'koordinazzjoni dgħajfa bejn il-benefiċċji tal-qgħad u dawk tal-introjtu minimu. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet dwar l-introjtu minimu għall-anzjani mhumiex biżżejjed biex jgħinu lil dawk mingħajr ebda riżorsa oħra joħroġu mill-faqar.

    a.Għandhom jiġu żgurati benefiċċji adegwati tal-introjtu minimu għal dawk mingħajr riżorsi suffiċjenti għal standard tal-għajxien deċenti. Għal dawk fl-età tax-xogħol, dawn il-benefiċċji għandhom jinkludu r-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni fl-appoġġ attiv biex iħeġġu l-integrazzjoni jew ir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

    L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettiv il-ġlieda kontra l-esklużjoni.

    L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-persuni fis-suq tax-xogħol.



    16.Id-diżabilità

    Il-persuni b'diżabilità jinsabu f'riskju ferm ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali meta mqabbla mal-popolazzjoni ġenerali. Dawn iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' aċċessibbiltà adegwata fuq il-post tax-xogħol, diskriminazzjoni u diżinċentivi ta' natura fiskali. It-tfassil tal-benefiċċji tal-qgħad jista' jwassal għal dipendenza fuq il-benefiċċji, pereżempju meta l-benefiċċji jitneħħew għal kollox ladarba l-persuna (terġa') tidħol fid-dinja tax-xogħol. Id-disponibbiltà tas-servizzi ta' appoġġ tista' taffettwa wkoll il-kapaċità li wieħed jipparteċipa fid-dinja tax-xogħol u tal-komunità.

    a.Għandhom jiġu żgurati servizzi ta' sostenn u sigurtà tal-introjtu bażika għall-persuni b'diżabilità, b'mod li jippermettilhom standard tal-għajxien deċenti. Il-kundizzjonijiet marbuta ma' dawn il-benefiċċji ma għandhomx joħolqu ostakli għall-impjieg.

    L-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettivi l-protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. L-Artikolu 153 jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

    17.Il-kura fit-tul

    It-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-istrutturi tal-familja dejjem jinbidlu u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kollha jikkontribwixxu għaż-żieda fid-domanda għal servizzi ta' kura fit-tul. Dawk li jieħdu ħsieb tal-familjari, normalment in-nisa, ħafna drabi jirrimedjaw għan-nuqqas ta' servizzi ta' kura istituzzjonali, mhux disponibbli jew li jiswew ħafna. Il-kura domiċiljari formali, għalkemm hija ppreferuta minn ħafna benefiċjarji u membri tal-familja, għadha mhijiex żviluppata biżżejjed, u b'hekk il-kura informali ta' spiss tkun l-unika alternattiva għal ħafna familji, u toħloq piż finanzjarju kbir għal dawk milquta. Għaldaqstant, l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi adegwati ta' kura fit-tul, filwaqt li jiggarantixxi s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-kura fit-tul, jirrikejdi sforzi akbar biex jitjiebu l-għoti u l-finanzjament tal-kura fit-tul.

    a.Għandu jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi ta' kwalità u affordabbli ta' kura fit-tul, inkluża l-kura domiċiljari, ipprovduta minn professjonisti bil-kwalifiki xierqa

    b.L-għoti u l-finanzjament ta' servizzi ta' kura fit-tul għandhom jissaħħu u jitjiebu sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal kura adegwata b'mod finanzjarjament sostenibbli.

    L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f'każijiet bħalma huma ... id-dipendenza.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettivi l-protezzjoni soċjali xierqa. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fis-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

    18.L-indukrar tat-tfal

    Is-servizzi għall-indukrar tat-tfal itejbu l-iżvilupp konjittiv u soċjali tat-tfal, speċjalment dawk li jgħixu f'familji żvantaġġati, u jsaħħu l-prospetti edukattivi u tas-suq tax-xogħol aktar tard matul il-ħajja. L-indukrar formali tat-tfal huwa wkoll għodda prinċipali biex jinħoloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jitħeġġeġ l-impjieg tal-ġenituri, speċjalment għan-nisa. Madankollu, il-limitazzjoni tad-disponibbiltà, tal-aċċess, tal-affordabilità u tal-kwalità tibqa' l-akbar ostaklu u xxekkel l-iżvilupp tat-tfal. L-aċċess tat-tfal minn kuntesti żvantaġġati għal dawn is-servizzi jibqa' wkoll ta' sfida.

    a.L-aċċess għal servizz ta' kwalità u affordabbli għall-indukrar tat-tfal, mogħti minn professjonisti bi kwalifiki xierqa, għandu jiġu żgurat għat-tfal kollha.

    b.Għandhom jittieħdu miżuri fi stadju bikri u għandhom jiġu adottati approċċi preventivi sabiex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal, inklużi miżuri speċifiċi biex titħeġġeġ l-attendenza ta' tfal b'kuntesti żvantaġġati.

    L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettivi l-protezzjoni soċjali xierqa. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fis-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u fil-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.



    19.L-abitazzjoni

    In-nuqqas ta' abitazzjoni adegwata u l-insigurtá tal-abitazzjoni għadhom iqajmu tħassib kbir fl-UE, u jwasslu għal teħid ta' riskji finanzjarji akbar, evizzjonijiet, arretrati fil-ħlasijiet tal-kera u tal-ipoteka, u f'xi każijiet estremi l-persuni jisfaw mingħajr dar. Ir-restrizzjonijiet tal-offerta fis-settur tal-abitazzjoni u d-distorsjonijiet fis-suq tal-kiri qed jikkontribwixxu għan-nuqqas ta' disponibbiltà. In-nuqqas ta' abitazzjoni adegwata jibqa' wkoll ta' ostaklu għall-mobilità tal-forza tax-xogħol, għall-istabbiliment taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u biex wieħed jissodisfa l-pjanijiet tal-ħajja u l-għajxien indipendenti.

    a.Għandu jingħata aċċess għal abitazzjoni soċjali jew għall-għajnuna għall-abitazzjoni lil dawk fil-bżonn. Għandha tiġi żgurata l-protezzjoni kontra l-evizzjoni ta' persuni vulnerabbli, u għandu jingħata appoġġ lil familji b'introjtu baxx u medju biex ikollhom aċċess għal proprjetà tal-abitazzjoni.

    b.Għandu jingħata kenn lill-persuni mingħajr dar u għandu jkun hemm kollegament ma' servizzi soċjali oħra sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni soċjali.

    L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi: Sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal ... għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti...

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettiv il-ġlieda kontra l-esklużjoni. L-Artikolu 153 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

    20.L-aċċess għas-servizzi essenzjali

    Is-servizzi essenzjali, bħall-komunikazzjoni elettronika, it-trasport, l-enerġija (bħall-elettriku u t-tisħin) u s-servizzi finanzjarji (bħal kontijiet bankarji), li jiżguraw l-inklużjoni soċjali sħiħa tal-persuni fis-soċjetà, kif ukoll jiżguraw l-opportunitajiet indaqs fl-aċċess għad-dinja tax-xogħol, mhumiex dejjem disponibbli jew aċċessibbli għal kull min għandu bżonnhom. L-ostakli għall-aċċess jinkludu l-affordabilità, in-nuqqas ta' infrastruttura, jew in-nuqqas li jintlaħqu r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għal persuni b'diżabilità.

    a.L-aċċess affordabbli għal servizzi essenzjali, inklużi l-komunikazzjoni elettronika, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi finanzjarji, għandu jiġi żgurat għal kulħadd. Miżuri ta' appoġġ għall-aċċess għal dawk is-servizzi għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' dawk fil-bżonn.

    L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom bħala objettiv il-protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

    (1)  F'konformità mal-Prinċipji 17-18 ta' hawn taħt.
    (2) Kif stabbilit fil-Prinċipju 3 hawn fuq.
    Top