Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0023

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa: Il-pass li jmiss lejn it-twettiq ta' tassazzjoni effettiva u trasparenza fiskali akbar fl-UE

COM/2016/023 final

Brussell, 28.1.2016

COM(2016) 23 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa: Il-pass li jmiss lejn it-twettiq ta' tassazzjoni effettiva u trasparenza fiskali akbar fl-UE

{SWD(2016) 6 final}


1.TASSAZZJONI KORPORATTIVA ĠUSTA U EFFIĊJENTI: IS-SINSLA TAS-SUQ UNIKU

Is-Suq Uniku huwa wieħed mill-ikbar suċċessi tal-Ewropa, maħsub sabiex jippermetti lill-persuni, l-oġġetti u s-servizzi u l-kapital jiċċaqalqu b'mod liberu. Inaqqas il-burokrazija għall-professjonisti u n-negozji li joperaw fuq livell transfruntier. Jipprovdi għażla ikbar u jraħħas il-prezzijiet għall-konsumaturi. Jippermetti lill-individwi jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw fejn jixtiequ. Il-Kummissjoni għalhekk għamlitha prijorità li tiżviluppa Suq Intern iktar profond u ġust, li huwa fundamentali għall-istabbiliment ta' ekonomija li tikber għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Kif stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġunju 2015 għal Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-UE 1 , Suq Uniku b'saħħtu jeħtieġ sistema tat-taxxa korporattiva ġusta, effiċjenti u li tiffavorixxi t-tkabbir, ibbażata fuq il-prinċipju li l-kumpaniji għandhom iħallsu taxxi fil-pajjiż fejn huma ġġenerati l-profitti. L-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa jxekkel dan il-prinċipju. Il-biċċa l-kbira tan-negozji ma jimpenjawx ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa u jsofru minn żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ dawk li jagħmlu hekk. L-imġiba aggressiva ta’ dawn il-kumpaniji tgħawweġ is-sinjali tal-prezz u tippermettilhom li jibbenefikaw minn spejjeż kapitali iktar baxxi u ttellef il-livell ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.  Negozji ta' daqs żgħir u medju huma b'mod partikolari affettwati minn dan il-fenomenu.

Sadanittant, l-Istati Membri jsofru minn telf sinifikanti tad-dħul minħabba dan l-ippjanar aggressiv tat-taxxa minn ċerti kumpaniji. Kontribwenti oħrajn inqas aggressivi u inqas mobbli mbagħad ikollhom jerfgħu piż ikbar. Hekk kif l-Ewropa qiegħda toħrog minn kriżi ekonomika diffiċli, iċ-ċittadini bir-raġun ma jixtiqux li jerfgħu piż tat-taxxa ikbar filwaqt li ċerti korporazzjonijiet jevitaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom, xi drabi b'kompliċità volontarja jew involontarja tal-gvernijiet nazzjonali. Dan il-qsim inekwu tal-piż inawwar il-gustizzja fit-tassazzjoni, inaqqas il-moral ġenerali tal-kontribwenti u jhedded il-kuntratt soċjali bejn iċ-ċittadini u l-gvernijiet. Il-Parlament Ewropew, billi jagħti vuċi lit-tħassib taċ-ċittadini Ewropej, talab li dawn il-prattiki jieqfu.

L-Istati Membri jaqblu, u jifhmu li jekk iridu Suq Uniku iktar b'saħħtu, it-tassazzjoni ma tistax titwarrab. Approċċ ikkoordinat għall-implimentazzjoni ta' sistemi tat-taxxa li jiffaċilitaw it-tkabbir u l-indirizzar ta' problemi transfruntieri huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku, Unjoni tas-Swieq Kapitali li jkollha suċċess u sabiex jiġi attirat l-investiment lejn l-UE. L-Istati Membri issa jirrikonoxxu dan u talbu biex l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jintemm 2 . Dan jitlob approċċ komuni fil-livell tal-UE jew l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kontra l-evitar tat-taxxa fl-Unjoni, li jkopri kemm miżuri interni kif ukoll azzjonijiet komuni kontra t-theddid tat-tnawwir tal-bażi esterna.

2.Ippjanar aggressiv tat-taxxa: problema globali li titlob soluzzjonijiet tal-UE u globali

Azzjoni unilaterali mill-Istati Membri mhix sejra tindirizza b'mod adegwat il-problema tal-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa u tista' toħloq problemi. F'Suq Uniku msejjes fuq il-moviment liberu tal-oġġetti, persuni, servizzi u kapital, miżuri mhux koordinati kontra t-trasferiment tal-profitt jistgħu jagħmlu iktar dannu milli ġid. Approċċi nazzjonali diverġenti sabiex tiġi indirizzata din il-problema transfruntiera jistgħu joħolqu ambigwità fil-liġi għall-dawk li jippjanaw taxxi aggressivi. Ir-Regoli fi Stat Membru wieħed jistgħu jxekklu l-effettività tar-regoli ta' oħrajn. Barraminnhekk, approċċ mhux koordinat jista' jwassal għal inċertezza u piżijiet amministrattivi għan-negozji.

Approċċ mhux ikkoordinat jista' jinkoraġġixxi iktar reazzjonijiet subottimali mill-Istati Membri. F'xi ċirkustanzi, l-Istati Membri mhumiex ħerqana li jaġixxu, minħabba li jibżgħu mill-iżvantaġġ kompetittiv li dan jista' jwassal. Minflok, xi Stati Membri rreaġixxew għall-problema billi intensifikaw l-isforzi tagħhom biex jattiraw u jżommu l-profitti tal-multinazzjonali fit-territorji tagħhom stess - xi drabi permezz ta' skemi tat-taxxa preferenzjali jew deċiżjonijiet individwali dwar it-taxxa li jagħtu vantaġġ selettiv, li huma f'kunflitt mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa li tagħmel ħsara, tista' twassal għall-ħolqien ta' inċentivi ikbar għal kumpaniji biex jitrasferixxu l-profitti, filwaqt li jnaqqsu iktar id-dħul kumplessiv mit-taxxa tal-Istati Membri u jfixkluhom minn politiki dwar it-taxxa li jiffavorixxu t-tkabbir. Filwaqt li skemi preferenzjali u deċiżjonijiet individwali dwar it-taxxa bħalissa huma soġġetti għal azzjoni ta' infurzar immirata skont ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat, dan jeħtieġ li jiġi kkumplimentat minn miżuri leġiżlattivi.

L-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa huwa problema globali, li jitlob soluzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Diversi Stati Membri issa jirrikonoxxu li azzjoni unilaterali mhijiex biżżejjed. Hemm livell qawwi ta' qbil li reazzjoni koordinata hija meħtieġa għall-problema tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa biex tiġi żgurata kompetizzjoni abbażi ta' kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tat-taxxa.

3.M'hemmx ħin għaż-żamma tal-istatus quo: Ħtieġa għal ambizzjoni politika u ċertezza ġuridika

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 dwar "Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: 5 Oqsma Ewlenin għal Azzjoni" ħejjiet ix-xogħol bażiku għal azzjoni dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) hija ċentrali għall-Pjan ta' Azzjoni, minħabba li fundamentalment tirriforma t-tassazzjoni korporattiva u tipprovdi soluzzjoni olitistika għall-problema tat-trasferiment tal-profitt fl-Ewropa. Toħloq ukoll ambjent tat-taxxa aħjar għan-negozju, li jnaqqas il-piżijiet tat-taxxa.

Skont l-adozzjoni tal-proposta riveduta li jmiss tal-BKKTK, f'terminu immedjat, azzjonijiet oħra ġew stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġunju, u kienu mmirati sabiex jiżguraw tassazzjoni effettiva fejn il-profitti huma ġġenerati, li joħolqu ambjent tat-taxxa aħjar għan-negozji, li jagħmlu progress ulterjuri fuq it-trasparenza fit-taxxa u t-tisħiħ tal-għodod tal-UE għall-koordinazzjoni. Dawn l-azzjonijiet huma marbuta mill-qrib mal-proġett G20/OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS), li kien għadu għaddej meta ġie ppubblikat il-Pjan ta' Azzjoni. Minn dakinhar, sar progress fuq ħafna minn dawn l-azzjonijiet. Madankollu, f'xi oqsma tal-Pjan ta' Azzjoni, l-azzjoni fil-livell tal-UE kienet tiddependi fuq it-tlestija tal-eżerċizzju G20/OECD.

Ir-rapporti tal-G20/OECD 3 ġew ippubblikati f'Ottubru 2015 u l-Istati Membri issa huma mistennija li jimplimentaw ħafna minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet b'mod li jikkonforma mad-dritt tal-UE. Ħafna Stati Membri ddikjaraw li għandhom l-intenzjoni li jimplimentaw dawn is-soluzzjonijiet malajr kemm jista' jkun, iżda hemm ir-riskju li sejrin jagħmlu dan b'modi diverġenti jew għandhom interpretazzjonijiet differenti tal-miżuri tal-OECD/BEPS.

Dan mhux biżżejjed. Fl-UE, għandha tittieħed azzjoni fil-forma ta' miżuri kontra l-evażjoni b'mod ċar u koerenti, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni kollettiva tal-Istati Membri kontra l-evitar tat-taxxa, filwaqt li jinżammu l-libertajiet tat-Trattati u l-kompetittività tal-UE.

L-UE tista' u għandha tagħmel aktar biex tiżgura li l-Istati Membri jiżviluppaw standard komuni. L-UE għandha għodod għad-dispożizzjoni tagħha li jistgħu jintużaw sabiex jiġi żgurat li l-miżuri kontra l-evitar jiġu implimentati b'mod ikkoordinat fl-Istati Membri kollha, li jsaħħu d-difiżi ta' xulxin kontra l-abbuż, u jipprovdu iktar ċertezza legali għan-negozji. B'mod partikolari, l-UE tista' tassigura approċċ komuni permezz tal-adozzjoni ta' strumenti legali. Dan huwa xieraq f'xi ċirkustanzi, pereżempju meta miżuri difensivi huma relatati mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni tista' tinkludi xi flessibbiltà, li tippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi differenti tagħhom, li iżda tal-inqas tista' tiżgura li jiġi stabbilit standard minimu fl-Unjoni kollha. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tgħin biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi dwar it-taxxa għall-Istati Membri u jiġu limitati d-distorsjonijiet li jxekklu s-Suq Uniku.

F'każijiet oħra, il-leġiżlazzjoni tista' ma tkunx xierqa, pereżempju jekk hija relatata mat-trattati dwar it-taxxa. F'dawn il-każijiet, l-aħjar mod jista' jkun Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida dwar approċċ kompatibbli mad-dritt tal-UE. F'oqsma oħra, jista' jkun xieraq li jitħaddmu għodod oħra għad-dispożizzjoni tagħna fl-UE, bħall-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment, il-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, jew il-Pjattaforma għall-Grupp dwar il-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa.

Issa hija meħtieġa azzjoni għall-iżvilupp ta' ambjent tat-taxxa korporattiva fl-UE li jippromwovi ekonomija kompetittiva u jiffavorixxi t-tkabbir. Iktar ma tkun twila l-istennija, iktar ikun ikbar ir-riskju li jinħolqu approċċi diverġenti, li joħolqu piżijiet amministrattivi u inċertezza għan-negozju u li jagħmlu ħsara lis-Suq Uniku. M'hemmx raġuni għad-dewmien. L-Istati Membri esploraw dawn il-kwistjonijiet fid-dettall u fit-tul, kemm fl-UE kif ukoll fl-OECD. Matul dan il-proċess, in-negozji, l-NGOs u l-gruppi professjonali ġew ikkonsultati estensivament u għamlu l-opinjonijiet tagħhom magħrufa. Il-Parlament Ewropew ippreżenta r-rapporti tiegħu dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. L-elementi kollha issa jinsabu fuq il-mejda. Issa l-mument li tittieħed azzjoni.

4.Tassazzjoni effettiva: Jiġi żgurat li t-taxxa hija mħallsa meta jiġi ġġenerat il-valur

Kif ġie stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġunju 2015, il-kumpaniji li jibbenefikaw mis-Suq Uniku u jiġġeneraw profitti, għandha titħallas taxxa fuq dawk il-profitti fl-UE, meta sseħħ l-attività. Madankollu, huwa ċar li din ir-rabta nkisret minn xi kumpaniji li ttrasferixxew profitti minn fejn ġew iġġenerati għall-Istati Membri li joffru rati ta' taxxa iktar baxxi u skemi preferenzjali, u f'pajjiżi terzi, mingħajr ebda rabta mal-lokalità tal-attività ekonomika attwali. Xi inċentivi offruti lil impriżi magħrufa, jistgħu jiksru r-regoli tal-għajnuna mill-Istat u jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni kienet attiva fis-segwitu ta' każijiet fejn ikunu nkisru dawn ir-regoli. Fl-istess ħin, madankollu, strateġiji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa ħafna drabi jieħdu vantaġġ minn kwistjonijiet sistemiċi usa', bħall-ispariġġ bejn il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, kif ukoll il-leġiżlazzjoni korporattiva tal-UE eżistenti 4 , biex iħallsu livell ta' taxxa effettivament baxx (jew xejn taxxa) fil-post fejn huma ġġenerati l-profitti. Il-Parlament Ewropew, ħafna Stati Membri u partijiet interessati talbu bidla, li hija r-raġuni għalfejn impenn sabiex tiġi żgurata tassazzjoni effettiva tal-profitti fl-UE kien ċentrali għall-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġunju.

L-UE għandha diversi mezzi għad-dispożizzjoni tagħha biex tmexxi 'l quddiem din l-aġenda u diġà sar progress, fuq numru ta' inizjattivi biex tiġi żgurata t-tassazzjoni effettiva ta' profitti fis-Suq Uniku.

Il-linji gwida ġodda G20/OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferiment għandhom jgħinu sabiex il-profitti jiġu marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi li jiġġenerawhom. Il-Kummissjoni rrevediet il-mandat tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment (JTPF) 5 , li diġà huwa involut ħafna fl-eżaminar kif l-aħjar nibnu fuq ix-xogħol BEPS tal-G20/OECD sabiex tiġi żviluppata applikazzjoni konsistenti u iktar effettiva tar-regoli fl-UE, li tirrifletti s-Suq Uniku. Il-JTPF ripetutament wera li huwa kapaċi jwassal soluzzjonijiet pragmatiċi komprensivi għall-problemi li joħolqu l-prattiki tal-UE tal-ipprezzar tat-trasferiment, u għandu jkompli jwassal riżultati. Il-Kummissjoni sejra tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tar-regoli ġodda u sejra tikkunsidra jekk humiex meħtieġa regoli iktar b'saħħithom sabiex tiġi evitata l-manipulazzjoni.

Il-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tan-Negozju 6 stabbilixxa proċess ta' monitoraġġ li sejjer jiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw l-approċċ rivedut għas-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi.  Jekk l-Istati Membri mhux qegħdin japplikaw l-approċċ ġdid b'mod xieraq, il-Kummissjoni sejra tikkunsidra l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tagħha.

Il-Ministri tal-Finanzi tal-UE ddiskutew tassazzjoni effettiva u qablu li jiffukaw l-isforzi f'terminu ta' żmien qasir dwar klawżola ġdida kontra l-abbuż fid-Direttiva dwar l-Interessi u Drittijiet Dovuti għall-Użu ta' Proprjetà 7 . Dan ix-xogħol sejjer jibqa' għaddej, u l-Kummissjoni hija kunfidenti li jista' jintlaħaq ftehim.

L-Ewropa issa għandha l-opportunità li tmur lil hinn f'ċerti oqsma, u tieħu azzjoni fir-rigward ta' strutturi oħra ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa li ġew diskussi fl-OECD u fid-dibattitu interistituzzjonali. Dawn l-istrutturi huma diskussi iktar kemm fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan il-pakkett kif ukoll fl-Istudju tal-Kummissjoni dwar l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa. L-OECD u istituzzjonijiet oħra tal-UE mmarkaw il-miżuri addizzjonali potenzjali li ġejjin li jistgħu jgħinu sabiex jiġi indirizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa:

jiġi limitat it-tnaqqis tal-interessi, wieħed mill-istrumenti prinċipali għat-trasferiment tal-profitt;

jiġu eliminati l-impatti negattivi ta' spariġġi ibridi, sabiex ma jirriżultawx f'nuqqas ta' tassazzjoni doppja;

jissaħħew ir-regoli dwar il-kumpaniji barranin ikkontrollati, li jiżguraw li l-profitti f'pajjiżi li għandhom taxxi baxxi jew li ma għandhomx taxxi, jiġu effettivament intaxxati;

jissaħħew ir-regoli relatati ma' kif jiġu intaxxati l-assi meta jiġu trasferiti lejn stat ieħor (taxxa tal-ħruġ);

tiġi miċħuda l-eżenzjoni ta' ċerti riċevuti korporattivi transfruntieri fin-nuqqas ta' tassazzjoni effettiva fl-istat l-ieħor (regoli ta' kommutazzjoni);

tiġi introdotta Regola ġenerali fl-UE kontra l-Abbuż; kif ukoll

jiġu emendati r-regoli sabiex isir iktar diffiċli għall-kumpaniji biex jevitaw artifiċjalment li jkollhom preżenza taxxabbli fi Stat Membru jew biex jabbużaw minn ftehimiet ta' trattati dwar it-taxxa (stabbiliment permanenti u abbuż tat-trattati).

Approċċ fl-UE kollha għal dawn il-miżuri jsaħħaħ ir-rabta bejn il-ġenerazzjoni tal-profitt u t-tassazzjoni fl-UE. Bħala riżultat, mill-pubblikazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni, id-diskussjonijiet tal-Kunsill iffukaw fuq it-tfittxija ta' soluzzjoni komuni għal dawn il-kwistjonijiet, u l-Istati Membri għamlu progress tajjeb. Dawn id-diskussjonijiet issaħħew bil-pubblikazzjoni ta' dawn ir-rapporti BEPS, li huma marbuta ma' diversi minn dawn l-azzjonijiet.

Il-Kummissjoni hija konvinta li s-soluzzjonijiet komuni li qegħdin jiġu diskussi fil-Kunsill, isaħħu konsiderevolment il-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jindirizzaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa skont l-eżitu tal-BKKTK. Il-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġunju ddikjara li l-Kummissjoni sejra tiżgura li l-kunsens dwar dawn il-punti jista' jkun legalment vinkolanti. Dan il-pakkett għalhekk jinkludi Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa, li jagħmel tajjeb għal din il-wegħda billi jwassal għal proposta leġiżlattiva għal dawk l-elementi li jistgħu jiġu implimentati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel il-ftehim u l-introduzzjoni tal-BKKTK. Jirreaġixxi wkoll għar-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew li l-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi dwar dawn il-miżuri kontra l-evażjoni.

Xi kwistjonijiet, madankollu ma jkunux adattati għal direttiva awtonoma. B'mod partikolari, kwistjonijiet li huma relatati iktar ma' trattati dwar it-taxxa ma ġewx inklużi fid-Direttiva. Madankollu, hemm bżonn ta' approċċ ikkoordinat sabiex jiġu evitati riperkussjonijiet. Il-Kummissjoni għalhekk tippreżenta Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri relatati mal-Istabbilimenti Permanenti, kif ukoll għar-rapport G20/OECD dwar l-abbuż tat-Trattat dwar it-Taxxa. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija kkonċernata li r-rapport G20/OECD jinkludi klawżoli tal-Limitazzjoni tal-Benefiċċji bħala għażla, għalkemm huwa rikonoxxut li dan jista' ma jkunx xieraq fir-reġjuni kollha. Dawn il-klawżoli jillimitaw il-benefiċċji tat-trattati dwar it-taxxa lil entitajiet proprjetà ta' residenti ta' Stat Membru wieħed biss, u għalhekk, jistgħu jidhru bħala detrimentali għas-Suq Uniku billi jiġi skoraġġit l-investiment transfruntier. Dawn ir-regoli jistgħu jkunu problematiċi għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Meta l-Istati Membri jinkludu regoli bbażati fuq l-għażla tal-G20/OECD ta' Test dwar l-Għan Prinċipali fit-Trattati dwar it-Taxxa tagħhom, huma għandhom jagħmlu dan b'mod li jikkonforma mad-dritt tal-UE. Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma inkoraġġiti li jużaw kliem addizzjonali inklużi fir-Rakkomandazzjoni.

Il-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa jinkludi wkoll Komunikazzjoni li tistabbilixxi passi għal approċċ tal-UE iktar ikkoordinat lil pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet fil-qasam tat-taxxa. Dan sejjer jikkumplimenta l-miżuri kontra l-evażjoni diġà previsti. Il-pakkett jeżamina kif l-UE tista' tippromwovi aħjar standards internazzjonali ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fuq livell globali u tappoġġja iktar pajjiżi terzi biex jissodisfaw dawn l-istandards.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta kriterji ta' governanza tajba tal-UE b'konformità mal-aħħar żviluppi internazzjonali, li għandhom jirfdu l-politiki esterni tal-UE kollha dwar kwistjonijiet tat-taxxa. Hija tfittex li ttejjeb l-użu ta' ftehimiet internazzjonali tal-UE sabiex tippromwovi governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u twiegħed iktar appoġġ għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva.

B'konformità mal-impenn li sar fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġunju 2015, il-Komunikazzjoni tagħti dettalji wkoll ta' proċess ġdid tal-UE għall-valutazzjoni u l-elenkar ta' pajjiżi terzi għal finijiet ta' taxxa. Dan jirrifletti ħafna mill-miżuri li l-Kumitati TAXE u ECON tal-Parlament Ewropew identifikaw bħala essenzjali għall-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa li jinvolvi pajjiżi terzi.

5.Trasparenza: jiġi żgurat aċċess effettiv għal informazzjoni dwar it-taxxa

It-trasparenza hija ingredjent essenzjali sabiex tiġi żgurata tassazzjoni iktar ġusta, kemm fl-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali. L-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar it-taxxa mħallsa f'ġurisdizzjonijiet oħra jekk huma għandhom jindirizzaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. F'Marzu 2015, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tinkiseb iktar trasparenza lejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa permezz tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet trasfruntieri dwar it-taxxa. Il-proposta, li ġiet adottata mill-Kunsill f'Diċembru 2015, sejra tgħin biex tiġi żgurata kooperazzjoni iktar effettiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u tingħata għajnuna lill-gvernijiet biex jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa tagħhom.

Madankollu, jeħtieġ li jsir iktar sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja tat-tassazzjoni fis-Suq Uniku. Minkejja l-adozzjoni riċenti tal-proposta għal skambju awtomatiku ta' deċiżjonijiet transkonfinali dwar it-taxxa, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa ħafna drabi xorta għandhom nuqqas ta' informazzjoni neċessarja sabiex jiġi identifikat jekk kumpaniji impenjawx ruħhom fit-trasferiment artifiċjali ta' ammonti sostanzjali ta' introjtu f'ambjenti li għandhom vantaġġ fiskali permezz ta' pprezzar ta' trasferimenti jew prattiki simili.  Il-G20/OECD irrakkomandaw li l-pajjiżi jaqsmu iktar informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, inkluż informazzjoni dwar kif taxxa li tħallas kumpanija u fuq liema qligħ abbażi ta' pajjiż b'pajjiż.  Din l-informazzjoni hija essenzjali għall-valutazzjoni u l-awditjar ta' prattiki li fihom kumpaniji multinazzjonali jimpenjaw ruħhom.

Dawn ir-regoli għandhom ikunu implimentati b’mod uniformi fl-UE kollha, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri, u u jiġu evitati piżijiet amministrattivi li jistgħu jitfaċċaw jekk in-negozji jridu jipprovdu informazzjoni differenti f’kull Stat Membru. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tressaq proposta għall-implimentazzjoni tal-G20/OECD CbCR fil-livell tal-UE, li tibni fuq il-qafas leġiżlattiv eżistenti għall-iskambju ta' informazzjoni, permezz ta' emendi għad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC). Billi s-CbCR jiġi inkluż fid-DAC, l-Istati Membri jibbenefikaw ukoll mid-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva dwar kooperazzjoni amministrattiva, li jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. 

B’mod parallel, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tanalizza kif ċerta informazzjoni dwar il-kontabbiltà u t-taxxa tixta tiġi divulgata lill-pubbliku wkoll mill-impriżi multinazzjonali abbażi ta’ pajjiż b’pajjiż. Din iż-żieda fit-trasparenza tat-taxxa korporattiva tista' tpoġġi l-impriżi multinazzjonali taħt skrutinju eqreb tal-pubbliku, u b’hekk tgħin biex ikun żgurat li l-profitti huma effettivament intaxxati fejn jiġu ġġenerati u tissaħħaħ il-fiduċja pubblika. Barra minn hekk, jista’ jkun li ssaħħaħ sistema fiskali aktar ġusta fis-Suq Uniku billi tagħti kontribut akbar sabiex jitnaqqsu l-prattiki tal-evitar tat-taxxa u l-istrateġiji fiskali tal-Istati Membri relatati kif ukoll jitnaqqsu d-differenzi inġusti fi trattament multinazzjonali u kumpanniji oħrajn. Fl-istess ħin, ikun hemm bżonn ta' inizjattiva li tqis il-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali leġittimi u tippromwovi ambjent ta’ kundizzjoniet indaqs għal negozji attivi globalment. Il-Kummissjoni qed tevalwa l-għażliet bħala parti mix-xogħol li qed isir issa marbut mal-valutazzjoni tal-impatt u, wara t-tlestija tiegħu, għandha l-intenzjoni li tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva fir-rebbiegħa ta’ din is-sena.

6.Nindirizzaw ir-Riskju ta' tassazzjoni doppja

B'rikonoxximent tat-tħassib tan-negozji li miżuri li jindirizzaw ippjanar aggressiv tat-taxxa jista' inevitabbilment iwasslu għal tassazzjoni doppja jew tilwimiet bejn amministrazzjonijiet tat-taxxa fuq il-bażi fiskali, il-miżuri inklużi fil-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa tfasslu sabiex jiġi minimizzat kemm jista' jkun ir-riskju ta' tassazzjoni doppja. Pereżempju, id-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa tispjega li jekk tinqala' l-kwistjoni tat-tassazzjoni doppja bħala riżultat tal-applikazzjoni tar-regoli, il-kontribwenti għandhom jirċievu għajnuna għat-taxxa mħallsa fl-istat l-ieħor. Dan il-prinċipju ġenerali huwa akkumpanjat minn regoli iktar speċifiċi fejn ikun possibbli, bħad-dispożizzjonijiet CFC. Barraminnhekk, kif stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Ġunju, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni wkoll li tressaq proposta dwar it-tisħiħ tal-proċeduri ta' riżoluzzjoni tat-tilwim. Ix-xogħol fuq il-valutazzjoni tal-impatt dwar ir-riżoluzzjoni ta' tilwim qiegħed jimxi 'l quddiem, bil-għan li tiġi ppreżentata proposta fis-sajf.

7.Il-pass li jmiss

Ladarba jiġi adottat, il-BKKTK sejjer jevita ppjanar aggressiv tat-taxxa fl-UE. Għalhekk, l-istabbiliment tal-BKKTK jibqa' l-għan tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta ta' BKKTK riveduta ngħalqet dan l-aħħar, u l-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tadotta l-proposti leġiżlattivi ġodda fil-Ħarifa tal-2016. Il-Kummissjoni sejra tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadottaw il-proposta malajr. Sadanittant, l-Ewropa ma tistax tistenna. Il-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa jippreżenta approċċ pragmatiku, li jġib flimkien inizjattivi ewlenin meħtieġa għat-tisħiħ effettiv tat-tassazzjoni u t-trasparenza fis-Suq Uniku. Sejjer iżid il-momentum għall-proċess attwali tar-riforma, iżomm il-pressjoni fuq l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni u sejjer jgħin sabiex l-impenji ta' livell għoli jiġu kkonvertiti f'azzjoni leġiżlattiva fejn ikun possibbli.

Dan il-Pakkett huwa kompost mill-inizjattivi li ġejjin 8 :

Proposta għal Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa

Rakkomandazzjoni dwar kwistjonijiet tat-Trattat dwar it-Taxxa

Proposta għal Direttiva li timplimenta r-Rapportar Pajjiż b'Pajjiż tal-G20/OECD (CbCR)

Komunikazzjoni dwar Strateġija Esterna

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi analiżi ulterjuri u jappoġġja dawn l-inizjattivi.


Dawn l-inizjattivi jirriflettu diskussjonijiet estensivi u kostruttivi fil-Kunsill, kif ukoll fil-Kodiċi ta' Kondotta dwar Tassazzjoni tan-Negozju u Pjattaforma għall-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa, kif ukoll fir-rapporti BEPS G20/OECD maħruġa dan l-aħħar. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll rapporti utli ħafna mill-Parlament Ewropew, u tindirizza ħafna mir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Riżoluzzjonijiet.

Minħabba li dawn il-miżuri huma f'konformità mal-impenji tal-Istati Membri, għandu jkun possibbli li jiġi żgurat ftehim bikri għal dan il-pakkett. Il-miżuri jipprovdu l-qafas neċessarju sabiex jingħataw benefiċċji reali li jgħinu biex jipproteġu s-Suq Uniku, u joħolqu approċċ koerenti u kkoordinat tal-UE għat-tassazzjoni korporattiva - bejnietna u b'rabta mal-bqija tad-dinja. Huwa kompitu tal-Istati Membri li jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità biex jegħlbu d-differenzi tagħhom u jgħinu jibnu sistema tat-taxxa fl-UE iktar ġusta u iktar effiċjenti.

(1) http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/taxation/company_tax/fairer_corporate_taxation/com_2015_302_en.pdf   
(2) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/12/08-ecofin-conclusions-corporate-taxation/   
(3) http://www.oecd.org/ctp/beps.htm   
(4) http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32003L0049:en:HTML   http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32003L0123:mt:HTML  
(5) http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/company_tax/transfer_pricing/forum/index_en.htm   
(6) http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/company_tax/harmful_tax_practices/index_en.htm   
(7) http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32003L0049:mt:HTML  
(8) L-azzjonijiet kollha proposti biex jittieħdu mill-Kummissjoni f’dan id-dokument huma konsistenti u kompatibbli mal-qafas Finanzjarju Pluriennali Attwali 2014-2020.
Top