This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016BP1595
Resolution (EU) 2016/1595 of the European Parliament of 28 April 2016 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the SESAR Joint Undertaking for the financial year 2014
Riżoluzzjoni (UE) 2016/1595 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014
Riżoluzzjoni (UE) 2016/1595 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014
ĠU L 246, 14.9.2016, p. 420–422
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.9.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 246/420 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1595 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-28 ta’ April 2016
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0089/2016), |
A. |
billi l-Impriża Konġunta SESAR (“l-Impriża Konġunta”) twaqqfet fi Frar 2007 biex tmexxi l-programm ta’ Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), li hu intenzjonat biex jimmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku fl-Ewropa, |
B. |
billi l-Impriża Konġunta SESAR 2 ħadet post l-Impriża Konġunta SESAR f’Ġunju 2014 skont l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014 (1), u estendiet it-tul ta’ żmien tal-Impriża Konġunta għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024, |
C. |
billi l-proġetti SESAR huma maqsumin f’“fażi ta’ definizzjoni” (2004-2007) immexxija minn Eurocontrol, “fażi ta’ żvilupp” inizjali (2008-2016) iffinanzjata mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2008-2013 ġestita mill-Impriża Konġunta u “fażi ta’ twaqqif” (2014-2020) attiva b’mod parallel mal-“fażi ta’ żvilupp”; billi l-fażi ta’ twaqqif mistennija titmexxa mill-industrija u l-partijiet interessati għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura l-ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru, |
D. |
billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fl-2007, |
E. |
billi l-Impriża Konġunta ġiet iddisinjata bħala sħubija pubblika-privata, bl-Unjoni u Eurocontrol bħala membri fundaturi, |
F. |
billi l-baġit għall-fażi ta’ żvilupp 2008-2016 tal-proġett SESAR huwa ta’ EUR 2 100 000 000, u għandu jiġi pprovdut f’partijiet ugwali mill-Unjoni, Eurocontrol u s-sħab pubbliċi u privati parteċipanti, |
Ġenerali
1. |
Jikkonstata li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri huwa bbażat fuq wisq rimarki ġenerali għad-detriment ta’ rimarki vijabbli u speċifiċi; jappella għalhekk li jsir awditu b’enfasi akbar fuq il-prestazzjoni finanzjarja annwali, l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-proġetti pluriennali (inkluża preżentazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena rispettiva u għas-snin preċedenti) u r-riżultati u l-implimentazzjoni tagħhom; |
2. |
Jinnota li l-Istituzzjonijiet u l-Korpi kull sena jeħtiġilhom jipproduċu Rapport dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja, u li l-informazzjoni pprovduta mill-Impriża Konġunti f’dan ir-rapport kienet nieqsa mill-armonizzazzjoni u spiss ma kinitx kompluta; hemm bżonn ta’ gwida min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura u l-kontenut tar-rapport; |
3. |
Jieħu nota tal-fatt li l-programm ta’ ħidma tal-Qorti tal-Awdituri għall-2016 jinkludi rapport speċjali dwar l-awditu tal-prestazzjoni tal-Impriżi Konġunti; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
4. |
Jikkonstata mir-rapport tal-Kontijiet Annwali Finali li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal EUR 13 119 600 u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 121 942 760 (2); |
5. |
Jinnota li r-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kienet ta’ 99,4 % (99,6 % fl-2013); jinnota barra minn hekk li r-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 79,8 % (94,4 % fl-2013) (3); |
6. |
Jieħu nota tal-fatt li tliet pagamenti minn 15-il dikjarazzjoni ta’ spejjeż annwali tal-membri, ġew posposti mill-aħħar tal-2014 għall-bidu tal-2015; jistieden lill-Impriża Konġunta u lill-membri tagħha jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż fi żmien debitu u jevitaw posponimenti, u jiżguraw li l-ġestjoni finanzjarja tar-riżorsi finanzjarji tagħha tkun tajba dejjem; |
7. |
Jinnota li r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 ġew adottati fil-25 ta’ Ġunju 2015 mill-Bord Amministrattiv (4), skont Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottata fl-4 ta’ Ġunju 2015, li tawtorizza li jkun hemm derogi fir-rigward tar-Regoli Finanzjarji għall-Impriża Konġunta mir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013; |
8. |
Jindika li, sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-fażi ta’ żvilupp tal-Impriża Konġunta kienet tinkludi ħidma fuq proġetti minn 16-il membru (inkluża Eurocontrol) dwar attivitajiet tal-programm li jinvolvu aktar minn 100 entità privata u pubblika u sottokuntratturi; jilqa’ l-fatt li, mit-369 proġett tal-programm SESAR li jaqgħu taħt ir-raba’ emenda għall-Ftehim Qafas Multilaterali, 348 (94 %) kienu qed jiġu implimentati jew kienu ġew ikkompletati (5); |
9. |
Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ġew impenjati 100 % (EUR 556 miljun) tal-kontribuzzjonijiet ta’ kofinanzjament tal-Unjoni u ta’ Eurocontrol pagabbli lill-15-il membru l-oħrajn (mill-1 ta’ Jannar 2014 ’l hawn) taħt ir-raba’ emenda għall-Ftehim Qafas Multilaterali; jikkonstata barra minn hekk li 66 % (EUR 369 miljun) tħallsu sal-31 ta’ Diċembru 2014, filwaqt li l-34 % (EUR 187 miljun) li fadal mistennija jitħallsu sal-31 ta’ Diċembru 2017 (6); |
10. |
Jieħu nota tan-nuqqas ta’ informazzjoni rigward l-awditi ex-post imwettqa minn SESAR u SESAR2; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex fir-rapporti futuri tinkludi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awditi ex-post, l-ammonti totali koperti u s-sejbiet; |
11. |
Jinnota li l-eżekuzzjoni tal-baġit allokat lis-Seba’ Programm Kwadru (FP7) hija ta’ 99,44 % għall-impenji (EUR 13 046 425 minn EUR 13 119 600) u 79,82 % għall-pagamenti (EUR 97 328 996 minn EUR 121 942 760) (7); jinnota barra minn hekk li ċ-ċifri ma kinux disponibbli għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament allokati għal Orizzont 2020; iqis li, fin-nuqqas ta’ separazzjoni ċara bejn l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-FP7 u Orizzont 2020, dawk l-indikaturi (approprjazzjonijiet u impenji) ma jiżgurawx evalwazzjoni reali tal-prestazzjoni; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza b’informazzjoni li tikkonċerna s-sena finanzjarja 2014 u biex tinkludi b’mod separat fir-rapporti tas-snin futuri, informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tal-baġit għall-FP7 u Orizzont 2020; |
12. |
Jinnota li l-programmi tal-Impriża Konġunta ffinanzjati taħt l-FP7 għadhom għaddejjin; jieħu nota tal-fatt li dawn l-approprjazzjonijiet jibqgħu disponibbli sal-2016 minħabba r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta li jippermettulha terġa’ ddaħħal l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament tagħha sa massimu ta’ tliet snin wara li jkunu ġew ikkanċellati mill-baġit tal-Impriża Konġunta; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta twettaq bir-reqqa l-ippjanar baġitarju tagħha, filwaqt li tqis kif xieraq il-proċess parallel; |
13. |
Jiddispjaċih li hemm informazzjoni limitata rigward il-kontribuzzjonijiet in natura/fi flus; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex fir-rapporti futuri tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni u l-livell ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa in natura/fi flus għall-FP7 u Orizzont 2020, li għandhom jiġu ppreżentati b’mod separat; |
Sejħiet għal proposti
14. |
Jilqa’ l-fatt li waħda mill-kisbiet prinċipali fl-2014 kienet it-tnedija ta’ proġett ġdid dwar l-Avjazzjoni Ġenerali u l-Operazzjonijiet Rotocraft (8); |
15. |
Jindika li f’Ġunju 2014 SESAR2 ħadet f’idejha l-attività ta’ SESAR; jinnota li m’hemmx biżżejjed informazzjoni ċara dwar l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-proġetti SESAR (livell ta’ pagamenti, pjanijiet ta’ pagamenti għas-snin li ġejjin); |
Funzjoni ta’ awditjar intern u s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni
16. |
Jieħu nota tal-fatt li l-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta wettqet awditi tar-riżorsi umani / tar-reklutaġġ u dwar il-validazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-Fluss tal-Ħidma tal-Kontabilità Abbażi tad-Dovuti, kif ukoll servizzi oħra ta’ assigurazzjoni u ta’ konsulenza (9); |
17. |
Jieħu nota tal-fatt li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) wettaq awditu tal-ġestjoni tar-riskju segwit minn valutazzjoni tar-riskju; saru tliet rakkomandazzjonijiet (li l-ebda waħda minnhom ma ġiet immarkata bħala “kritika”, iżda li tnejn minnhom kienu meqjusa bħala “importanti ħafna” u waħda bħala “importanti”) b’riżultat tal-awditu u ġew aċċettati; bħalissa qed jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni (10); |
18. |
Jilqa’ l-iffirmar ta’ memorandum ta’ kooperazzjoni mal-Impriża Konġunta Clean Sky2, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet u s-sinerġiji; |
19. |
Jiddispjaċih li l-Impriża Konġunta naqset milli tippubblika rapport dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-attivitajiet tagħha; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta lill-awtorità ta’ kwittanza r-rapport imsemmi hawn fuq. |
Ġestjoni tar-Riskju
20. |
Jirrikonoxxi li matul l-2014, l-Impriża wettqet żewġ rieżamijiet ewlenin biex tivvaluta mill-ġdid ir-riskji ewlenin tal-programm u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni relatati; jinnota li r-rieżami rriżulta f’lista ta’ 33 riskju marbuta mal-Programm u l-Impriża Konġunta, li minnhom disgħa kienu meqjusa bħala “riskji ewlenin” minħabba l-livell ta’ sensittività kritika tagħhom; iqis li għadd ta’ fatturi esterni fl-2014 wasslu għal inċertezza fil-ġejjieni tal-programm u għall-identifikazjoni ta’ għadd akbar ta’ riskji mis-soltu (previżjonijiet ekonomiċi inċerti, qafas finanzjarju pluriennali ġdid kif ukoll tibdil fl-organizzazzjoni tal-Impriża Konġunta SESAR u fid-DĠ ta’ referenza, eċċ.); jilqa’ l-fatt li azzjonijiet speċifiċi ta’ rimedju ġew jew qegħdin jiġu implimentati mill-Impriża Konġunta; |
Ir-rwol tal-Impriża Konġunta
21. |
Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Impriża fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riċerka fil-proġett SESAR, li huwa proġett pilastru tal-Ajru Uniku Ewropew; jinnota wkoll li s-sena 2014 tirrappreżenta l-bidu tal-fażi ta’ mobilizzazzjoni tal-proġett SESAR; jilqa’ f’dan ir-rigward l-istabbiliment ta’ Maniġer għall-Mobilizzazzjoni tas-SESAR biex jirrapporta u jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet operattivi ġodda u titjib teknoloġiku żviluppati mis-SESAR, filwaqt li jiżgura l-mobilizzazzjoni effikaċi tagħha; |
22. |
Jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta u lill-Maniġer għall-Mobilizzazzjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, biex iżidu l-għadd u l-kwalità tal-proġetti proposti taħt il-programm ta’ trasport Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew matul il-proċedura baġitarja, li hija favur li jiġu rkuprati l-ammonti totali li kienu ġew rilokati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). |
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014 tas-16 ta' Ġunju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) fir-rigward tal-estensjoni tal-Impriża Konġunta sal-2024 (ĠU L 192, 1.7.2014, p. 1).
(2) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, Anness I, p. 2.
(3) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 7.
(4) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 8.
(5) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 7.
(6) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 7.
(7) Il-kontijiet finali SESAR, p. 36.
(8) Rapport ta' Attività Annwali, p. 33.
(9) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 8.
(10) Rapport ta' Attività Annwali, p. 119.