Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016BP1568

    Riżoluzzjoni (UE) 2016/1568 tal-Parlament Ewropew tas-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2014

    ĠU L 246, 14.9.2016, p. 357–359 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2016/1568/oj

    14.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 246/357


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1568 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-28 ta’ April 2016

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2014

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2014,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0099/2016),

    A.

    billi, skont l-istqarrijiet finanzjarji tagħha, il-baġit finali ta’ Eurojust għas-sena finanzjarja 2014 kien ta’ EUR 33 667 239, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 4,04 % meta mqabbel mal-2013; billi l-baġit kollu tal-Eurojust ġej mill-baġit tal-Unjoni;

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2014 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Eurojust huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    Segwitu għall-kwittanza 2013

    1.

    Jirrikonoxxi mill-Eurojust li:

    il-kulleġġ tagħha adotta mudell għad-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess mill-Bord ta’ Tmexxija f’Ġunju 2015;

    is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni għalaq rakkomandazzjoni pendenti mmarkata bħala “importanti ħafna” mis-sena finanzjarja 2013;

    il-“Linji gwida dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess” kienu ppreżentati f’Ottubru 2015 lill-Bord ta’ Tmexxija u sussegwentement adottati matul il-laqgħa tal-Bord f’Jannar 2016;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    2.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 99,82 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 0,21 % mill-2013; jaċċerta li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 87,31 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 2,34 % mill-2013;

    3.

    Jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tal-Eurojust li naqqset l-għadd ta’ linji baġitarji għall-baġit tagħha għall-2015 sabiex tnaqqas id-dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit; jirrimarka, barra minn hekk, li dan l-eżerċizzju se jkompli għall-baġits tal-2016 u tal-2017;

    4.

    Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-impatt finanzjarju tal-aġġustamenti tas-salarji u taż-żieda fil-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni ma kinux inklużi fil-baġit inizjali għas-sena finanzjarja 2014; jiddispjaċih li n-nuqqas ta’ madwar EUR 1 800 000 fil-baġit tas-salarji irrikjeda tnaqqis temporanju fin-nefqa operattiva u trasferimenti sostanzjali minn linji baġitarji amministrattivi u operattivi fi tmiem is-sena; jinnota li dan in-nuqqas kien parzjalment ibbilanċjat minn baġit emendatorju li pprovda EUR 1 200 000 addizzjonali lill-Eurojust u li saru impenji biex javvanzaw l-implimentazzjoni tal-proġetti ppjanati;

    5.

    Jieħu nota tal-fatt li l-Eurojust tipprovdi għotjiet mill-baġit tagħha stess biex tappoġġja l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (SIK); jirrimarka, barra minn hekk, li tħallsu biss 32,8 % sa tmiem is-sena, prinċipalment minħabba l-implimentazzjoni tal-baġit skont il-benefiċjarji u t-talbiet imressqa tagħhom għal rimborż, fatt li jqiegħed l-eżekuzzjoni tal-baġit f’riskju; jistieden lill-Eurojust tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar miżuri meħuda biex tindirizza din il-kwistjoni u tipprovdi gwida aħjar għall-benefiċjarji tagħha;

    Impenji u riporti

    6.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell kumplessiv tal-approprjazzjonijiet impenjati kien għoli fir-rata ta’ 99 %; jirrimarka madankollu li l-livell ta’ riporti għat-Titolu III kien għoli bir-rata ta’ 35 %, li tfisser tnaqqis ta’ 2 % meta mqabbla mal-2013; jikkonstata li l-livell għoli ta’ riporti seħħ l-aktar minħabba n-nuqqas temporanju fil-baġit, meta l-impenji setgħu jsiru biss tard fis-sena u minħabba l-għoti ta’ proġetti għal skwadri ta’ investigazzjoni konġunti mnedija matul l-aħħar xhur tal-2014 li għalihom il-pagamenti ma kinux dovuti qabel l-2015;

    7.

    Jilqa’ l-fatt li l-Eurojust se tevalwa l-użu tal-approprjazzjonijiet differenzjati biex tiżgura l-finanzjament tal-attivitajiet operattivi tagħha; jinnota, barra minn hekk, li din l-inizjattiva hi meħuda f’konsultazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi u d-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni; jistieden lill-Eurojust tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar ir-riżultati ta’ din l-inizjattiva u l-miżuri meħuda;

    Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

    8.

    Jinnota l-isforzi magħmula mill-Eurojust biex toffri pjan ta’ akkwist aktar komprensiv u jħeġġeġ lill-Eurojust tippubblika l-lista sħiħa ta’ kuntratti aġġudikati;

    9.

    Jilqa’ l-preżentazzjoni dettaljata tal-istruttura organizzattiva, tal-membri u tal-istrutturi amministrattivi tal-Eurojust, kif ukoll il-pubblikazzjoni tal-kodiċi ta’ mġiba amministrattiva tagħha fuq is-sit web;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

    10.

    Ifakkar lill-Eurojust li jeħtiġilha tadotta regoli vinkolanti interni għall-protezzjoni tal-informaturi, bi qbil mal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014;

    11.

    Jitlob lill-Eurojust tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza b’rekord irreġistrat ta’ każijiet ta’ kunflitti ta’ interess identifikati, u jitlobha tistabbilixxi regoli stretti u ċari kontra r-“revolving doors”;

    Kontrolli interni

    12.

    Jaċċerta ruħu, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Eurojust li fl-2014 is-Servizz ta’ Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq valutazzjonijiet tar-riskju u li r-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet ġew użati mill-IAS bħala l-bażi tal-Pjan Strateġiku għall-Awditjar Intern 2014-2016 tiegħu kif ukoll mill-Eurojust biex tidentifika titjib ulterjuri possibbli għall-proċessi amministrattivi; jirrikonoxxi l-azzjonijiet meħuda mill-Eurojust rigward l-implimentazzjoni tal-istandards ta’ kontroll intern relatati ma’ valuri etiċi u organizzattivi kif ukoll il-proċess tal-immaniġġjar tar-riskju;

    Awditu intern

    13.

    Jirrikonoxxi l-osservazzjoni tal-Eurojust li ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni maħruġa mill-IAS fl-2014; jirrimarka, barra minn hekk, li l-IAS ħareġ rakkomandazzjoni “pendenti” mis-sena 2013 fl-ewwel tliet xhur tal-2015; jistenna b’interess ir-riżultati tar-rieżami u jitlob lill-Eurojust tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżitu;

    Kummenti oħra

    14.

    Jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tal-Eurojust li l-kwistjoni li għadha għaddejja identifikata mill-Qorti fl-2011 rigward id-dupplikazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn id-Direttur Amministrattiv u l-Kulleġġ tal-Eurojust tista’ tiġi solvuta biss permezz tal-awtorità leġiżlattiva fil-proċedura leġiżlattiva għal Regolament ġdid tal-Eurojust (1); jemmen li dan ir-regolament futur għandu jiġi adottat skont id-Direttiva PIF (2) u r-Regolament UPPE (3); iħeġġeġ lill-awtorità leġiżlattiva tipproċedi bir-riformi neċċesarji li jinsabu f’dawn il-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida;

    15.

    Jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tal-Eurojust li fl-2014 hija ddeċidiet li tissospendi l-proġetti li jirriżultaw mir-rieżami tal-istruttura organizzattiva tagħha; jirrimarka li r-Regolament il-ġdid tal-Eurojust jista’ jindirizza l-kwistjonijiet marbuta mal-governanza li wasslu għall-bidu taż-żewġ proġetti fil-passat;

    16.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan annwali ta’ tagħlim stabbilit fl-2014 biex ikopri l-ħtiġijiet professjonali ta’ persunal kif ukoll l-istabbiliment ta’ qafas ta’ kompetenza bl-għan li jirriflettu l-ħtiġijiet ewlenin u ta’ tmexxija tal-Eurojust; jinnota li l-ħidma fuq l-abbozz tal-qafas ta’ kompetenza avvanzat fl-2014 kellu jitlesta u jsir disponibbli għall-persunal kollu fl-2015; jistieden lill-Eurojust tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza b’aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kompetenza;

    17.

    Jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta’ mġiba, inkluż il-Parlament Ewropew, biex jintensifikaw il-miżuri tagħhom ta’ implementazzjoni, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji;

    18.

    Jitlob lill-Eurojust ittejjeb il-proċeduri u l-prattiki tagħha mmirati għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tikkontribwixxi attivament għal proċess ta’ kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;

    19.

    Ifakkar li skont l-Artikolu 41a tad-Deċiżjoni dwar it-tisħiħ tal-Eurojust (4), qabel l-4 ta’ Ġunju 2014, il-Kulleġġ tal-Eurojust għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċizjoni kif ukoll tal-attivitajiet imwettqa mill-Eurojust; jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-rapport finali (5) u jirrikonoxxi t-tmien rakkomandazzjonijiet strateġiċi tagħha;

    20.

    Hu tal-fehma li jeħtieġ jittieħdu aktar passi kemm għat-trattament tal-kwistjonijiet etiċi marbutin mar-rwol politiku tal-lobbies, il-prattiki tagħhom u l-influwenza tagħhom, kemm għall-promozzjoni ta’ salvagwardji għall-integrità, ħalli jogħla l-livell ta’ transparenza tal-attivitajiet ta’ lobbying; jipproponi li jiġu introdotti regoli komuni li jiggvernaw it-twettiq tal-attivitajiet tal-lobbying fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni;

    21.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2016 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535, 2013/0256(COD)), bid-data tas-17 ta’ Lulju 2013.

    (2)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363, 2012/0193(COD)), bid-data tal-11 ta’ Lulju 2012.

    (3)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534, 2013/0255 (APP)), bid-data tas-17 ta’ Lulju 2013.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 138, 4.6.2009, p. 14).

    (5)  http://www.eurojust.europa.eu/doclibrary/Eurojust-framework/ejlegalframework/Evaluation%20of%20the%20implementation%20of%20the%20Eurojust%20Council%20Decision%20-%20Final%20Report/Evaluation%20of%20the%20implementation%20of%20the%20Eurojust%20Council%20Decision%20-%20Final%20Report.pdf

    (6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0159 (ara l-paġna 447 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top