This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016BP1514
Resolution (EU) 2016/1514 of the European Parliament of 28 April 2016 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Chemicals Agency for the financial year 2014
Riżoluzzjoni (UE) 2016/1514 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2014
Riżoluzzjoni (UE) 2016/1514 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2014
ĠU L 246, 14.9.2016, p. 232–235
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.9.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 246/232 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1514 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-28 ta’ April 2016
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2014
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2014, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8–0118/2016), |
A. |
billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2014 kien jammonta għal EUR 114 112 193, somma li tirrappreżenta żieda ta’ 6,37 % meta mqabbla mal-2013; |
B. |
billi l-Aġenzija rċeviet sussidji tal-Unjoni ta’ EUR 6 513 623 mill-Kummissjoni, kif ukoll kontribuzzjonijiet u finanzjamenti oħrajn mill-Kummissjoni li jammontaw għal EUR 1 244 421; |
C. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
1. |
Ifakkar li, sa mill-2012, l-Aġenzija ġiet fdata bil-kompitu ta’ ġestjoni u ta’ twettiq tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1) (“ir-Regolament BPR”), kif ukoll kompiti simili relatati mal-esportazzjoni u mal-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (2) (“ir-Regolament PIC”); |
Segwitu għall-kwittanza 2013
2. |
Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li ppubblikat id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-korpi formali kollha kif ukoll dawk tal-eżekuttiv tagħha u l-Bord tal-Appell fuq is-sit web tagħha għall-iskrutinju pubbliku; jinnota li kemm il-persunal estern kif ukoll dak interim huma koperti mill-proċeduri tal-Aġenzija dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
3. |
Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 97,08 % u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 87,46 %; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament żdiedet bi 3,28 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; |
4. |
Josserva li n-nefqa għal proċeduri marbuta mal-implimentazzjoni l-ġdida tar-Regolament BPR kellha tkun koperta minn ħlasijiet ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-prodotti bijoċidali; jirrikonoxxi li l-ħlasijiet miġbura fl-2014 koprew biss 17 % ta’ din in-nefqa u l-bqija ġiet iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Aġenzija mill-Unjoni u mill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA); jikkonstata l-kumment mingħand l-Aġenzija dwar l-assunzjoni inkorretta tal-Kummissjoni dwar in-natura ta’, fil-maġġor parti, awtofinanzjament tal-Aġenzija rigward il-kostijiet relatati mal-BPR; |
5. |
Jinnota d-diffikultajiet tal-Aġenzija, fin-nuqqas ta’ riżerva finanzjarja, biex tikseb sussidji addizjonali f’dawk is-snin meta d-dħul finanzjarju mill-ħlasijiet fuq is-sustanzi bijoċidali se jkun aktar baxx minn dak stmat; jieħu nota tat-tħassib tal-Aġenzija li jekk din is-sitwazzjoni tkompli u ma tiġix ikkumpensata b’sussidju ogħla, se jkun estremament diffiċli għaliha li tkompli twettaq l-obbligi kollha tagħha li mhumiex relatati mal-ħlasijiet; |
6. |
Jenfasizza li fl-2014 l-Aġenzija rċeviet kontribuzzjoni tal-UE għar-Regolament PIC li ammontat għal EUR 1,3 miljun, kontribuzzjoni li ppermettitilha li tiffinalizza l-attivitajiet preparatorji u tiżgura d-dħul fis-seħħ b’suċċess tar-Regolament PIC fl-1 ta’ Marzu 2014; |
7. |
Jinnota li d-dħul mill-ħlasijiet u mill-ispejjeż fir-rigward tal-attivitajiet REACH u l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ ta’ sustanzi u taħlitiet (CLP) fl-2014 ammonta għal EUR 27,8 miljun (li jirriżulta minn dħul mid-drittijiet tar-reġistrazzjonijiet REACH, ħidma ta’ verifika tal-SMEs, u dħul mill-imgħax mir-riżervi) u b’hekk qabeż il-previżjonijiet; |
8. |
Ifakkar li, skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (3) (“ir-Regolament REACH”), l-Aġenzija hija ffinanzjata mill-ħlasijiet li jsiru mill-industrija għar-reġistrazzjoni tas-sustanzi kimiċi, u minn, possibbilment, sussidju tal-Unjoni li jibbilanċja, skont l-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4) (“ir-Regolament Finanzjarju”); jinnota, barra minn hekk, li fl-2014, għar-raba’ sena konsekuttiva, l-Aġenzija kienet iffinanzjata kompletament mid-dħul mill-ħlasijiet mill-operazzjonijiet REACH u CLP; |
9. |
Jifraħ lill-Aġenzija talli kompliet tiżviluppa r-rappurtar tagħha, u tissemplifika l-proċessi finanzjarji tagħha; |
Impenji u riporti
10. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2015 kien ta’ 35 % għat-Titoli III, IV u V (nefqa operattiva), livell li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 11 % meta mqabbel mal-2013; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti prinċipalment irriżultaw min-natura pluriennali tal-proġetti ta’ żvilupp ippjanati fis-settur informatiku, mill-ispejjeż ta’ traduzzjonijiet ordnati iżda mhux ikkonsenjati sa tmiem is-sena u mill-valutazzjonijiet tas-sustanzi bi skadenza regolatorja fl-2015; |
Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ
11. |
Jistabbilixxi mill-Aġenzija li fl-2014, fl-implimentazzjoni tal-baġit tagħha, din iffirmat 736 kuntratt, fosthom 548 taħt kuntratti qafas u 188 bħala riżultat ta’ akkwist; jinnota li 23 kuntratt inklużi f’din l-aħħar kategorija ġew iffirmati bħala riżultat ta’ proċeduri nnegozjati eċċezzjonali u 11 minn dawk it-23 jirreferu għal servizzi legali; |
12. |
Jinnota b’sodisfazzjon li fl-2014 l-objettiv ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija nkiseb b’97 % ta’ postijiet temporanji u 94 % ta’ pożizzjonijiet ta’ aġenti kuntrattwali okkupati fi tmiem dik is-sena; jinnota barra minn hekk li fi tmiem l-2014 kien hemm 479 membru ta’ persunal temporanju u 106 membri ta’ persunal kuntrattwali diġà reklutati jew li kienu qed jiġu reklutati; jirrikonoxxi li ġiet approvata politika ġdida għall-mobilità interna, lejn il-bidu tas-sena 2014 fil-qasam tal-iżvilupp professjonali, bil-għan li ttejjeb il-possibbiltajiet ta’ mobilità interna u li l-proċess isir aktar dinamiku; |
13. |
Jinnota b’sodisfazzjon li wara l-implimentazzjoni tal-politika ta’ prevenzjoni tal-fastidju, erba’ konsulenti kunfidenzjali oħra ġew innominati u mħarrġa matul l-2014; |
14. |
Jinnota li l-Aġenzija qiegħda tiddedika 78 % tar-riżorsi umani tagħha għall-attivitajiet operattivi; jinkoraġġixxi lill-Aġenzija timxi aktar ’il quddiem fuq din it-triq; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza
15. |
Jirrikonoxxi li l-Aġenzija implimentat ir-rakkomandazzjonijiet mir-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 15/2012 dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess f’aġenziji magħżula tal-UE; jinnota barra minn hekk li l-Aġenzija regolarment tirrevedi u taġġorna l-politiki tagħha dwar il-kunflitti ta’ interess; |
16. |
Jinnota mill-Aġenzija li din għandha erba’ kumitati xjentifiċi, stabbiliti skont ir-regolament fundatur tagħha, li joħorġu opinjonijiet formali u rakkomandazzjonijiet; jieħu nota li dawk il-kumitati jikkonsistu f’esperti, li kważi kollha huma uffiċjali pubbliċi, nominati jew maħtura mill-Istati Membri, filwaqt li l-partijiet interessati jitħallew jieħdu sehem biss bħala osservaturi; jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess għal dawk il-membri tal-kumitati hija strettament ġestita mill-proċedura tal-Aġenzija għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess potenzjali, inklużi dikjarazzjonijiet tal-interessi annwali u dikjarazzjonijiet orali fil-bidu ta’ kull laqgħa; |
17. |
Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li ddeċidiet li tissottoponi l-membri tal-gruppi ta’ ħidma informali, il-gruppi ta’ esperti u l-forums ta’ diskussjoni tagħha għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, li tinkludi dikjarazzjonijiet tal-interessi annwali u dikjarazzjonijiet orali fil-bidu ta’ kull laqgħa; |
18. |
Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-Aġenzija jista’ jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza għar-rigward tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità; jistieden lill-Aġenzija tinkludi kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapport annwali tagħha; |
Kontrolli interni
19. |
Jinnota li wara d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija adotta regoli ġodda ta’ implimentazzjoni li ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2015; jinnota barra minn hekk li dawk ir-regoli ta’ implimentazzjoni jistabbilixxu r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-evalwazzjoni ex ante u ex post tal-programmi, il-proġetti u l-attivitajiet; josserva li s-sistema attwali ta’ kontroll intern tal-Aġenzija tagħmel enfasi qawwija fuq il-kontroll ex ante, filwaqt li l-evalwazzjoni ex post twettqet prinċipalment għall-proġetti tal-IT, skont il-metodoloġija PRINCE2 applikabbli għall-governanza tal-proġetti fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżiti tal-implimentazzjoni ta’ dawk ir-regoli ġodda; |
20. |
Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li l-Bord ta’ Tmexxija tagħha adotta strateġija kontra l-frodi f’Diċembru 2014; jinnota li tali strateġija tkopri s-snin 2015-2016 u fiha pjan ta’ azzjoni b’azzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu implimentati matul dak il-perjodu ta’ żmien; jieħu nota li l-eżerċizzju tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi interna li ppreċeda l-adozzjoni ta’ tali strateġija wera li l-profil tar-riskju tal-Aġenzija huwa wieħed baxx; jinnota li l-għan ewlieni ta’ tali strateġija huwa l-iżvilupp ta’ kultura kontra l-frodi mifruxa fl-Aġenzija, b’enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni; |
Awditjar intern
21. |
Jinnota mill-Aġenzija li, fl-2014, is-Servizz ta’ Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar “Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni” biex jivvaluta u jipprovdi assigurazzjoni dwar jekk is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll intern maħsubin biex imexxu l-proċess ta’ “Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni” humiex adegwati u effikaċi biżżejjed ħalli jkun żgurat li l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu pproċessati sal-iskadenzi stabbiliti; jinnota li l-awditu wassal għal ħames rakkomandazzjonijiet immarkati bħala “importanti” u li ma ħarġet l-ebda rakkomandazzjoni “kritika” jew “importanti ħafna”; |
22. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-IAS għalaq l-azzjonijiet kollha pendenti mill-awditu dwar il-“Ġestjoni tal-Kumitati fl-Aġenzija” li twettaq fl-2013; |
23. |
Jieħu nota li l-Kapaċità ta’ Awditjar Intern (IAC) tal-Aġenzija wettqet awditi ta’ assigurazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-verifika tat-talbiet għall-kunfidenzjalità, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-persunal kif ukoll awditu konsultattiv dwar il-proċessi tal-BPR; jinnota li l-pjanijiet ta’ azzjoni ġew elaborati f’risposta għar-rakkomandazzjonijiet tal-IAS u tal-IAC; |
Kummenti oħra
24. |
Jirrikonoxxi li l-awditu dwar iċ-ċertifikazzjoni ISO 9001:2008 kkonkluda li l-proċeduri u l-istruzzjonijiet ta’ ħidma għall-proċessi relatati ma’ REACH u mas-CLP fis-sistema ta’ ġestjoni integrata tagħha kienu deskritti tajjeb; jinnota mill-Aġenzija li din qed tkompli taħdem biex iżżid l-effiċjenza u l-effikaċja tal-operazzjonijiet tagħha, u jinnota wkoll li l-Aġenzija se tapplika għall-istess ċertifikazzjoni għall-attivitajiet tagħha relatati mal-PIC u l-BPR; jinnota li l-Aġenzija se tipproċedi bl-integrazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali fis-sistema tagħha ta’ ġestjoni tal-kwalità; |
25. |
Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2016 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60.
(3) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0159 (ara l-paġna 447 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).