Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016BP1490

    Riżoluzzjoni (UE) 2016/1490 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2014

    ĠU L 246, 14.9.2016, p. 175–177 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2016/1490/oj

    14.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 246/175


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1490 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-28 ta’ April 2016

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2014

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2014,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0093/2016),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (“l-Uffiċċju”) għas-sena finanzjarja 2014 kien ta’ EUR 4 162 874, li jirrappreżenta żieda ta’ 17 % meta mqabbel mal-2013; billi din iż-żieda rriżultat primarjament mill-inklużjoni ta’ dħul intern assenjat minn snin preċedenti,

    B.

    billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni lill-baġit tal-Uffiċċju għall-2014 kienet tammonta għal EUR 3 617 948, li tirrappreżenta żieda ta’ 1,74 % meta mqabbla mal-2013,

    C.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwalital-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2014 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari,

    Segwitu għall-kwittanza 2013

    1.

    Jirrikonoxxi l-fatt li l-Uffiċċju:

    introduċa proċedura dettaljata ta’ monitoraġġ kull xahar li wasslet għal rati ta’ implimentazzjoni baġitarja mtejba sabiex jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-baġit tiegħu kif ukoll tal-programm ta’ ħidma annwali tiegħu;

    emenda l-Politika tiegħu dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni sabiex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati wara l-awditu ta’ segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-Istandards ta’ Kontroll Intern mis-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni; jinnota b’sodisfazzjon it-tħejjija ta’ Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz (“FLS”) bejn l-Uffiċċju u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (“ENISA”), li għandu jnaqqas ir-riskji relatati mas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Uffiċċju;

    ħa diversi azzjonijiet biex itejjeb il-proċess għar-rimborż tal-esperti u jnaqqas in-nuqqasijiet identifikati fir-rigward tal-pagamenti tard; jilqa’ l-introduzzjoni ta’ Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni f’kull pass tal-proċess u t-taħriġ addizzjonali tal-atturi fiċ-ċirkwit finanzjarju u b’mod partikolari; jinnota b’sodisfazzjon l-esternalizzazzjoni ta’ parti mill-proċess tal-Uffiċċju tal-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (“PMO”), li aċċellerat kumplessivament il-proċedura ta’ rimborż;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    2.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 97,91 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 8,36 % meta mqabbla mal-2012; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet 75,66 %, li tfisser tnaqqis ta’ 0,92 % meta mqabbla mal-2013;

    Impenji u riporti

    3.

    Jinnota b’sodisfazzjoni li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati żdied minn 87 % fl-2013 għal 98 % fl-2014; jinnota, madankollu, li l-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati żdied għal EUR 900 000 (23 %), meta mqabbel mal-EUR 500 000 (13 %) fl-2013, l-aktar minħabba l-attivitajiet operattivi tal-Uffiċċju, bħal studji li għadhom għaddejjin dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi;

    Trasferimenti

    4.

    Jaċċerta, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Uffiċċju, li huwa għamel għadd ta’ trasferimenti baġitarji matul is-sena 2014, li biddlu b’mod konsiderevoli l-istruttura tal-baġit inizjali, sabiex jiffinanzja l-ħtiġijiet addizzjonali għan-nefqa operattiva; jinnota b’mod partikolari li dawk it-trasferimenti kienu prinċipalment relatati mal-istudju “Net Neutrality Study” kif ukoll mal-proġetti “BEREC net”; jinnota li l-finalizzazzjoni ta’ dawn il-proġetti matul is-sena 2014 kienet inċerta fil-mument tat-tħejjija tal-baġit;

    Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

    5.

    Jilqa’ l-fatt li fl-2014, għall-ewwel darba sa mill-istabbiliment tiegħu, l-Uffiċċju organizza proċedura ta’ akkwist pubbliku għall-istudju “Net Neutrality Study” dwar il-valur tan-newtralità tan-netwerk għall-konsumaturi fl-Unjoni; jinnota li r-riżultati finali ta’ dan l-istudju għandhom jintużaw bħala kontribut għall-programm ta’ ħidma tal-Uffiċċju;

    6.

    Jinnota b’sodisfazzjon li s-sitwazzjoni ta’ għadd komplut tal-persunal intlaħqet fi tmiem l-2014; jinnota, barra minn hekk, li fl-2014 l-Uffiċċju organizza 11-il proċedura ta’ reklutaġġ u ffinalizza żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ imnedija fis-sena preċedenti; jirrikonoxxi l-fatt li opportunitajiet ta’ sekondar, li kienu diffiċli li jimtlew, kienu koperti għalkollox sal-aħħar tal-2014;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza

    7.

    Jinnota li l-Uffiċċju ġie inkarigat bil-ġestjoni tad-dokumenti kollha li nħolqu matul il-kors tal-attivitajiet tal-BEREC, kif ukoll biż-żamma ta’ reġistru pubbliku tad-dokumenti, minħabba li l-BEREC m’għandux personalità ġuridika; jinnota, barra minn hekk, li sabiex tiġi żgurata aktar trasparenza, l-Uffiċċju stabbilixxa subtaqsima fir-reġistru pubbliku speċifikament għall-politika tiegħu dwar il-kunflitti ta’ interess;

    8.

    Jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta’ kondotta, inkluż lill-Parlament, biex jintensifikaw il-miżuri tagħhom ta’ implementazzjoni, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

    9.

    Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-Uffiċċju jista’ jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza fir-rigward tat-trasparenza, r-responsabbiltà u l-integrità; jistieden lill-Uffiċċju jinkludi kapitolu standard dwar dawk il-komponenti fir-rapport annwali tiegħu;

    10.

    Jinnota l-ħolqien ta’ għodda ta’ kollaborazzjoni li sservi bħala pjattaforma interna għall-iskambju u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, l-aħjar prattiki u l-għarfien espert, sabiex il-ħidma tal-korpi preparatorji titmexxa b’mod aktar effiċjenti;

    11.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-Uffiċċju huwa impenjat li jtejjeb is-sit web tiegħu u jagħmlu aktar faċli għall-utenti; jinnota, barra minn hekk li, skont il-pjan ta’ komunikazzjoni tiegħu, l-Uffiċċju stabbilixxa kont uffiċjali fuq Twitter u stazzjon fuq YouTube;

    Kontrolli interni

    12.

    Jirrikonoxxi l-fatt li l-istandards ta’ kontroll intern rilevanti kollha ġew adottati mill-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu; jinnota, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-istandards ta’ kontroll intern għadha mhijiex kompluta; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li jsir f’dan ir-rigward;

    13.

    Jinnota li l-Uffiċċju żviluppa gwida dettaljata dwar il-ġestjoni tar-riskju sabiex jistabbilixxi u jimplimenta proċess sistematiku tal-ġestjoni tar-riskju; jilqa’ l-fatt li din il-gwida ġiet żviluppata bl-appoġġ tal-ENISA;

    14.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-Uffiċċju wettaq l-ewwel eżerċizzju ta’ awtovalutazzjoni tar-riskju fi ħdan il-qafas tal-ftehim dwar il-livell ta’ servizz (FLS) bejn l-Uffiċċju u l-ENISA għall-kondiviżjoni tal-funzjoni ta’ Assistent Koordinatur ta’ Kontroll Intern; jinnota li t-tmexxija tal-Uffiċċju eżaminat l-eżitu tal-eżerċizzju u identifikat ir-riskji li għandhom jiġu inklużi fir-reġistru tar-riskju;

    Awditjar intern

    15.

    Jinnota li fl-2014 l-eżerċizzju ta’ awditjar tas-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) iffoka fuq is-segwitu tar-rieżami limitat tal-2013 bl-għan li jivvaluta l-istat ta’ konformità mal-istandards ta’ kontroll intern; jinnota li l-IAS għalaq tnejn minn18-il rakkomandazzjoni abbażi ta’ riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS eżamina 16-il rakkomandazzjoni miftuħa li fadal matul is-segwitu u kkonkluda li 14-il rakkomandazzjoni ġew implimentati kompletament;

    Kummenti oħra

    16.

    Jieħu nota tal-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-baġit tal-2014 għal kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (“EFTA”) li għandhom status ta’ osservatur fil-BEREC ma mmaterjalizzawx fin-nuqqas ta’ ftehimiet mal-pajjiżi tal-EFTA; jirrikonoxxi l-fatt li l-baġit tal-2015 tal-Uffiċċju ġie korrett kif xieraq; jistieden lill-Uffiċċju biex jibqa’ prudenti meta jiġi biex ibassar il-kontribuzzjonijiet relatati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-pajjiżi tal-EFTA;

    17.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2016 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2016)0159 (ara l-paġna 447 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top