Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016BP1487

    Riżoluzzjoni (UE) 2016/1487 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2014

    ĠU L 246, 14.9.2016, p. 168–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2016/1487/oj

    14.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 246/168


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1487 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-28 ta’ April 2016

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2014

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2014,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0087/2016),

    A.

    billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2014 kien ta’ EUR 10 880 000, ammont li jfisser tnaqqis ta’ 8,80 % meta mqabbel mal-2013; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni,

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    Segwitu għall-kwittanza 2013

    1.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ittieħdet azzjoni korrettiva fir-rigward taż-żewġ kummenti li saru fir-rapport 2012 tal-Qorti u li huma mmarkati bħala “Għadhom għaddejjin” fir-rapport 2013 tal-Qorti, u ż-żewġ rakkomandazzjonijiet huma issa mmarkati bħala “Ikkompletati” fir-rapport tal-Qorti; jinnota, barra minn hekk, li fir-rigward tat-tliet kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2013, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u żewġ kummenti minnhom huma issa hija mmarkata bħala “Ikkompletati” filwaqt li l- wieħed huwa mmarkat bħala “Mhux applikabbli”;

    2.

    Jirrikonoxxi li, skont l-Aġenzija:

    livell għoli ta’ bilanċ fi flus kontanti ta’ EUR 5 500 000 fi tmiem is-sena, li jirriżulta parzjalment minn meta ġie rċevut baġit emendatorju relatat mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (“REMIT”), ġie bbilanċjat fl-2014 u mnaqqas għal EUR 3 300 000 fl-aħħar tal-2014; jinnota b’sodisfazzjon li r-rapport tal-Qorti jindika l-azzjoni ta’ segwitu bħala “Ikkompletata”;

    il-politika riveduta tagħha dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess ġiet adottata mill-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Aġenzija fil-31 ta’ Jannar 2015; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li din il-politika l-ġdida hija applikabbli għall-persunal tal-Aġenzija, għall-membri u s-sostituti ta’ kull wieħed mit-tliet bordijiet tal-Aġenzija, kif ukoll għall-Presidenti u l-Viċi Presidenti tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Aġenzija (“AWG”), u l-persuni responsabbli mit-Task Force, li huma f’pożizzjoni li jmexxu l-ħidma tal-AWGs;

    is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord tat-tmexxija tal-Aġenzija, tal-Presidenti u l-Viċi-Presidenti tal-AWG, u tal-persuni responsabbli mit-Task Force kienu fil-biċċa l-kbira ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrevedi u tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess rimanenti mingħajr dewmien, kif previst fil-politika tagħha;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    3.

    Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 95 %, li tfisser li l-Aġenzija laħqet il-mira ppjanata tagħha u li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 2,53 % meta mqabbla mal-2013; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 69,84 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 14,84 % meta mqabbla mal-2013; jikkonstata li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament hija taħt il-mira tal-Aġenzija ta’ 75 %, prinċipalment minħabba t-tiġdid jew negozjar tal-kuntratti annwali tal-Aġenzija lejn tmiem is-sena kif ukoll minħabba n-natura multiannwali tal-implimentazzjoni tar-REMIT;

    4.

    Jiddispjaċih li ma ntlaħaq l-ebda ftehim għal kwalunkwe kontribuzzjoni lejn l-Aġenzija mill-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, peress li t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija għadu jrid jiġi inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

    Impenji u riporti

    5.

    Jirrikonoxxi li r-riporti relatati mat-Titolu II, approprjazzjonijiet dwar nefqa amministrattiva, ammontaw għal EUR 980 000, li jirrappreżentaw 41 % tal-approprjazzjonijiet għan-nefqa amministrattiva taħt it-Titolu II; jinnota, barra minn hekk, li dawn ir-riporti kienu prinċipalment relatati ma’ studji għall-implimentazzjoni tar-REMIT kif ukoll għal kuntratti annwali mġedda lejn tmiem is-sena;

    6.

    Jieħu nota tal-fatt li total ta’ EUR 1 570 000 mill-approprjazzjonijiet impenjati tat-Titolu III ġie riportat għall-2015, li jirrapreżenta 62 % tal-approprjazzjonijiet impenjati għan-nefqa operattiva; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ riporti tat-Titolu III tnaqqset b’29 % meta mqabbla mas-sena 2013; jenfasizza li dawn ir-riporti kienu prinċipalment relatati mal-attività multiannwali kumplessa tal-implimentazzjoni tar-REMIT, li għalihom ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (2) ġie adottat fis-17 ta’ Diċembru 2014;

    7.

    Jirrikonoxxi li skont r-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija għamlet żewġ pagamenti ta’ prefinanzjament fi tmiem l-2014 li jirriżultaw mill-approprjazzjonijiet riċevuti permezz ta’ baġit emendatorju lejn l-aħħar tal-2013 u li jammontaw għal EUR 1 560 000; jinnota li dawk il-ħlasijiet kienu assoċjati ma’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi relatati mar-REMIT fil-perjodu 2015 sal-2017; jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija kellha tissospendi parti mill-implimentazzjoni tar-REMIT minħabba li l-adozzjoni tar-Regolament REMIT seħħet iktar tard milli mistenni oriġinarjament; jifhem li dawn il-pagamenti se jippermettu lill-Aġenzija tiffinanzja l-attivitajiet futuri tagħha relatati mar-REMIT u l-kuntratti mogħtija kif ippjanat oriġinarjament; jisħaq, madankollu, li għalkemm l-implimentazzjoni tar-REMIT hija ta’ natura kumplessa u multiannwali, riporti għoljin u pagamenti ta’ prefinanzjament huma kontradittorji għall-prinċipju baġitarju ta’ annwalità; jinnota li l-Aġenzija għandha tkompli ttejjeb l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit annwali tagħha;

    Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

    8.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija adottat il-politika riveduta tagħha dwar il-proċeduri ta’ reklutaġġ u l-ħidma tal-Bordijiet tal-Għażla f’April 2014; jinnota, barra minn hekk, li din il-politika tinkludi kundizzjonijiet speċifiċi għall-intervisti u l-eżamijiet bil-miktub, kif ukoll dispożizzjonijiet stretti biex tiġi żgurata l-anonimità tal-kandidati; jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tal-Aġenzija li din il-politika tiżgura pass ’il quddiem fl-impenn tagħha għal trasparenza u trattament ugwali tal-persunal tagħha;

    Kontrolli interni

    9.

    Jirrikonoxxi li r-reviżjoni tal-istatus tal-Aġenzija tal-implimentazzjoni tal-Istandards ta’ Kontroll Intern (“ICS”) ma uriet l-ebda dgħufija sinifikanti li saret evidenti fl-2014; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li, wara r-reviżjoni tal-istatus, l-Aġenzija tqis lilha nnfisha li hi konformi mar-rekwiżiti minimi sottostanti għal ICS kollha; jistieden lill-Aġenzija tkompli ssaħħaħ il-kontrolli interni tagħha u tiżgura li l-kontrolli introdotti jaħdmu b’mod effikaċi u jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tagħha;

    Awditu intern

    10.

    Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (“IAS”) wettaq awditu tal-Aġenzija skont il-Pjan Strateġiku ta’ Awditjar tal-Aġenzija għall-2013 sal-2015 dwar is-suġġett “L-Iżvilupp ta’ Linji Gwida ta’ Qafas u Opinjoni dwar il-Kodiċi tan-Netwerk”; jieħu nota tal-fatt li, matul l-awditu, l-IAS identifika oqsma għal titjib u pprovda rakkomandazzjoni waħda indikata bħala “importanti ħafna” kif ukoll ħames rakkomandazzjonijiet indikati bħala “importanti”;

    11.

    Jiżgura li, b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-IAS, l-Aġenzija ħejjiet pjan ta’ azzjoni sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet; jinnota li l-IAS aċċetta li l-pjan ta’ azzjoni jindirizza b’mod adegwat ir-riskji identifikati;

    12.

    Jinnota li 10 mill-11-il rakkomandazzjoni magħmula mill-IAS fl-awditu tagħha tal-2013 huma magħluqa, filwaqt li rakkomandazzjoni waħda mmarkata bħala “importanti” fl-awditu tal-2013 hija mmarkata bħala “parzjalment implimentata” u trid tiġi kkompletata matul is-sena 2015;

    Prestazzjoni

    13.

    Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija rrevediet is-sistema tagħha tal-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs), li biha introduċiet distinzjoni bejn l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-KPIs maħsuba biex jagħtu indikazzjoni aktar ċara lill-management dwar jekk l-għanijiet globali tal-Aġenzija kinux qed jintlaħqu; jinnota li s-sistema l-ġdida kellha tiġi applikata fl-2015, fi ħdan l-istruttura l-ġdida tal-Programm ta’ Ħidma tal-Aġenzija;

    14.

    Jilqa’ l-fatt li sabiex tirreġistra u żżomm rekord tat-tranżazzjonijiet baġitarji, l-Aġenzija tuża l-ABAC, l-istess sistema finanzjarja użata mill-Kummissjoni, bis-sistema SAP integrata bħala back-end għall-parti kontabilistika;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

    15.

    Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-Aġenzija jista’ jkollhom rwol importanti fil-konformità rigward it-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità; jistieden lill-Aġenzija tinkludi kapitolu standard dwar dawk il-komponenti fir-rapport annwali tagħha;

    Kummenti oħra

    16.

    Jirrimarka li skont il-Ftehim dwar is-Sede bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi stabbilita Skola Ewropea fl-Istat Membru ospitanti; jiddispjaċih li aktar minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak il-ftehim, ma twaqqfet ebda Skola Ewropea; jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tal-Aġenzija li l-gvern tal-Istat Membru ospitanti qiegħed jivvaluta l-emendi u l-arranġamenti legali meħtieġa sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni; jinkoraġixxi lill-Aġenzija u lill-Istat Membru ospitanti jsolvu din il-kwistjoni u jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-istat attwali tan-negozjati;

    17.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrità u jittejjeb il-qafas etiku bl-implimentazzjoni aħjar ta’ kodiċi ta’ mġiba u ta’ prinċipji etiċi, sabiex tissaħħaħ kultura komuni u effikaċi ta’ integrità;

    18.

    Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħra li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2016 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 121).

    (3)  Testi adottati, P8_PROV(2016)0159 (ara l-paġna 447 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top