Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AG0002(02)

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 2/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea

    ĠU C 57, 12.2.2016, p. 60–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 57/60


    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 2/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (riformulazzjoni)

    (2016/C 057/03)

    I.   INTRODUZZJONI

    Fil-31 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill il-proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (riformulazzjoni).

    Fis-26 ta’ Frar 2014, il-Parlament Ewropew ivvota l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari.

    Fil-5 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-abbozz ta’ Direttiva. Wara reviżjoni legali/lingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-10 ta’ Diċembru 2015, f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    B’segwitu għall-votazzjoni fil-Parlament Ewropew u l-adozzjoni tal-qbil politiku tal-Kunsill, saru negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-proposta. Fis-17 ta’ Jannar 2015, intlaħaq qbil dwar kompromess finali, li sussegwentement ġie approvat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fit-30 ta’ Ġunju 2015. Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) ikkonferma l-qbil fl-10 ta’ Novembru 2015, u għal dan il-għan indirizza ittra lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti.

    Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill qies l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ta’ dik tal-Kumitat tar-Reġjuni.

    II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI FL-EWWEL QARI

    1.   Ġenerali

    Il-proposta msemmija hawn fuq hija parti mir-raba’ pakkett ferrovjarju, li jikkonsisti f’sitt proposti leġislattivi li għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli li fadal għat-tlestija taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea.

    L-objettiv ta’ din l-inizjattiva leġislattiva huwa li tistabbilixxi approċċ komuni għar-regoli dwar l-interoperabilità sabiex tkabbar l-ekonomiji ta’ skala għall-impriżi ferrovjarji attivi madwar l-Unjoni, kif ukoll li tissimplifika u tirriforma l-proċeduri amministrattivi għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tal-vetturi, u b’hekk tneħħi l-frammentazzjoni tar-regoli fl-Unjoni.

    Barra minn hekk, il-ħsieb huwa li tiżdied l-effiċjenza tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-vetturi, jitħeġġeġ ir-rikonoxximent ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ interoperabilità fl-UE u titjieb il-koerenza tal-oqfsa legali nazzjonali relatati mal-aspetti tal-interoperabilità tas-suq intern għall-ferroviji.

    Minkejja li l-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-objettiv tal-proposta,-l-approċċ tal-Kunsill kien li jiddaħħlu diversi emendi għall-proposta oriġinali. Id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva ġew emendati b’mod sinifikanti. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari temenda l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni billi tifformulaha mill-ġdid u żżid u tħassar diversi dispożizzjonijiet tat-test. Dan ifisser li l-Kunsill ma jistax jaċċetta l-emendi introdotti permezz tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    2.   Kwistjonijiet ta’ politika ewlenin

    (i)    Awtorizzazzjoni tal-vetturi għat-tqegħid fis-suq (l-Artikolu 21)

    B’kuntrast mat-trasferiment sinifikanti tal-kompetenzi mill-awtoritajiet nazzjonali lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji “l-Aġenzija”) inizjalment propost mill-Kummissjoni, il-Kunsill jipprevedi sistema doppja ta’ awtorizzazzjonijiet b’rabta mal-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tal-vetturi għat-tqegħid fis-suq, skont iż-żona tal-użu maħsuba. Skont dan l-approċċ, l-Aġenzija taġixxi bħala punt uniku ta’ servizz għall-vetturi maħsuba għal-operazzjonijiet transkonfinali; madankollu l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sikurezza jibqgħu jaqdu rwol importanti fit-twettiq tal-valutazzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet. Għall-vetturi li huma involuti biss fit-traffiku nazzjonali, l-applikant jista’ jagħżel li jressaq talba għal awtorizzazzjoni quddiem l-Aġenzija jew quddiem l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza. Fiż-żewġ każijiet, il-proċedura u l-kriterji tad-deċiżjoni jibqgħu l-istess.

    B’mod ġenerali, il-Parlament Ewropew jappoġġa l-approċċ adottat mill-Kunsill. Dan tal-aħħar ikopri wkoll it-tħassib imqajjem mill-Parlament Ewropew billi jinkludi l-kunċett ta’ “netwerks iżolati” fid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ftehim ta’ kooperazzjoni (ara l-punt vi hawn taħt).

    F’dan il-kuntest, inżammet l-emenda 34, l-emendi 35 u 102 ġew aċċettati parzjalment jew fl-ispirtu, filwaqt li l-emendi 94, 113 u 140 ma setgħux jinżammu mill-Kunsill.

    (ii)    Responsabbiltà tal-Aġenzija għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq (il-Premessa 8 u l-Artikolu 21(6))

    It-test tal-Kunsill jiċċara li l-Aġenzija ġġorr ir-responsabbiltà sħiħa għall-awtorizzazzjonijiet li hija toħroġ, inklużi r-responsabbiltajiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali.

    (iii)    Proċedura ta’ appell u ta’ arbitraġġ (l-Artikolu 21(7) u (11))

    Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni ma inkludiet l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-proċeduri ta’ appell, it-test tal-Kunsill jirrifletti l-possibbiltà mogħtija lill-applikant li jirriferi l-kwistjoni lil qorti nazzjonali f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-miżura meħuda mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.

    B’mod simili, proċedura ta’ appell f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u l-Aġenzija hija inkluża fit-test tal-Kunsill.

    (iv)    Tqegħid fis-servizz tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni ta’ maġenb il-binarji (l-Artikoli 18 u 19)

    Fil-proposta oriġinali tagħha, il-Kummissjoni pprevediet li tittrasferixxi lill-Aġenzija r-responsabbiltà għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni ta’ maġenb il-binarji, inkluża s-sistema ta’ sinjalazzjoni Ewropea, l-ERTMS.

    Il-Kunsill ma jikkondividix l-approċċ tal-Kummissjoni u jqis li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom ikomplu jawtorizzaw l-ERTMS. Madankollu, sabiex tissaħħaħ l-armonizzazzjoni tal-ERTMS fil-livell tal-UE permezz ta’ żieda fl-interoperabilità mill-bidu tal-proċedura, it-test tal-Kunsill jipprevedi li l-Aġenzija tiġi kkonsultata qabel kull sejħa għall-offerti b’rabta mat-tagħmir ERTMS ta’ maġenb il-binarji. Artikolu 19 ġdid ġie miżjud għal dak l-għan.

    F’konformità mal-approċċ tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew iqis li r-responsabbiltà li tagħti awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sistemi ERTMS għandha tingħata lill-Aġenzija. Għalhekk, l-emendi 81, 82, 83 u 86 ma setgħux jinżammu mill-Kunsill.

    (v)    Ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (l-Artikolu 21, il-paragrafi (14) u (15))

    Fil-proposta inizjali tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx inkludiet il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u waħda jew iktar mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa għal vetturi maħsuba għal operazzjonijiet transkonfinali.

    Il-Kunsill iqis li huwa importanti ħafna li tiġi inkluża dispożizzjoni bħal din sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni prattika tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni l-ġdida.

    Barra minn hekk, il-Kunsill jistabbilixxi li l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u waħda jew iktar mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għall-iskop ta’ awtorizzazzjonijiet li jirrigwardaw il-vetturi, jistgħu jinkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni speċifiċi f’każ ta’ netwerks li jeħtieġu għarfien espert speċifiku minħabba raġunijiet ġeografiċi jew storiċi u/jew li jkollhom l-istess wisa’ bejn il-binarji bħal pajjiżi terzi ġirien. Għaldaqstant, dan il-kompromess jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri b’karatteristiċi speċifiċi tan-netwerk ferrovjarju li jikkooperaw fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni taħt l-kappa tal-Aġenzija. Dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu wkoll dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-estensjoni taż-żona ta’ użu fit-tliet Stati Baltiċi ladarba vettura tkun ġiet awtorizzata f’wieħed minnhom.

    F’dan il-kuntest, l-emenda 118 inżammet parzjalment mill-Kunsill.

    (vi)    Adozzjoni ta’ regoli nazzjonali (l-Artikolu 14)

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tistabbilixxi proċedura flessibbli u funzjonali dwar ir-regoli nazzjonali eżistenti jew ġodda dwar l-interoperabilità. Biex tieħu kont tat-tħassib tal-Parlament Ewropew, il-pożizzjoni tal-Kunsill tiċċara l-proċeduri li għandhom jiġu applikati għan-notifika ta’ regoli nazzjonali eżistenti u ġodda, kif ukoll dwar il-valutazzjoni li għandha ssir mill-Aġenzija (sa perijodu ta’ 8 xhur). L-approċċ li nżamm mill-Kunsill għandu l-għan li jevita li r-regoli nazzjonali jiġu vvalidati mingħajr il-valutazzjoni minn qabel tagħhom mill-Aġenzija.

    Għaldaqstant, l-emendi 66, 72 u 73 ġew aċċettati parzjalment jew fl-ispirtu, filwaqt li l-emendi 67-70 ma setgħux jinżammu mill-Kunsill.

    (vii)    Reġistri tal-vetturi (il-Kapitolu VII, b’mod partikolari l-Artikolu 47)

    Biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-Parlament Ewropew dwar “Reġistri”, il-bidla ewlenija introdotta mill-Kunsill tirrigwarda r-Reġistru Ewropew tal-Vetturi. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż żejda, il-Kummissjoni għandha tadotta speċifikazzjoni għal Reġistru Ewropew tal-Vetturi li jinkorpora r-reġistri nazzjonali tal-vetturi, bil-ħsieb li tinħoloq għodda komuni, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti ż-żamma ta’ funzjonijiet addizzjonali rilevanti għal ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri. Ir-Reġistru Ewropew tal-Vetturi għandu jkun operazzjonali ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Il-Kunsill jintroduċi wkoll dispożizzjonijiet ġodda bl-għan li jistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tinżamm fir-reġistri nazzjonali u Ewropew tal-vetturi.

    Il-Parlament Ewropew iqis li r-Reġistru Ewropew tal-Vetturi għandu jkun operazzjonali wara erba’ snin.

    F’dan il-kuntest, l-emendi 123, 126, 128, 130 u 131 inżammu fl-ispirtu b’abbozzar mill-ġdid, filwaqt li l-emendi 98, 110, 120, 121, 122, 124, 125, 127 u 129 ma nżammux mill-Kunsill.

    (viii)    Tul tal-perijodu transizzjonali u l-perijodu ta’ traspożizzjoni (Artikoli 54 u 57)

    Il-Kunsill jipprevedi reġim transizzjonali għal awtorizzazzjonijiet ta’ vetturi itwal minn dak inizjalment previst mill-Kummissjoni. Dan ir-reġim transizzjonali huwa meqjus neċessarju għat-tħaddim xieraq tal-approċċ doppju għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-vetturi stabbilit fl-Artikolu 21. Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri jistgħu jkompli japplikaw id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva 2008/57/KE sa tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, minflok is-sentejn fil-proposta tal-Kummissjoni. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’sena oħra. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b’din id-deċiżjoni u jipprovdu ġustifikazzjoni. L-istess proċedura tapplika għal awtorizzazzjonijiet minn qabel tal-ERTMS.

    Skema simili ta’ tliet snin u waħda oħra tapplika għal perijodu ta’ traspożizzjoni.

    F’dan il-kuntest, l-emendi 140, 141, 143 u 144 ġew ma nżammux mill-Kunsill.

    (ix)    Struttura tal-att legali (atti delegati/atti ta’ implimentazzjoni)

    Fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, l-atti delegati huma proposti bħala strument biex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità (TSIs) u l-emendi tagħhom. Il-Parlament Ewropew jappoġġa lill-Kummissjoni u jinsisti wkoll fuq l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ atti delegati għal oqsma oħra li għalihom il-Kummissjoni pproponiet atti ta’ implimentazzjoni.

    Għat-TSIs, il-Kunsill jadotta taħlita ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni (Artikolu 5(1) u (11)). Il-Kummissjoni ser tadotta atti delegati biex tistabbilixxi objettivi speċifiċi ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità, segwiti minn atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu implimentati dawn l-għanijiet speċifiċi.

    F’dan il-kuntest, l-emendi 80 u 135 ġew aċċettati parzjalment, filwaqt li l-emendi 13, 14, 56, 57, 79, 99 u 142 ma nżammux mill-Kunsill.

    3.   Emendi oħra adottati mill-Parlament Ewropew

    Emendi oħrajn tal-Parlament Ewropew li mhumiex inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jikkonċernaw b’mod partikolari:

    l-applikazzjoni possibili ta’ din id-Direttiva għal sistemi ferrovjarji urbani (l-emendi 16 u 17);

    l-introduzzjoni ta’ limiti ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ Speċifikazzjonijiet Tekniċi ta’ Interoperabilità mill-Istati Membri (l-emenda 47);

    l-inklużjoni ta’ atti delegati għall-istabbiliment ta’ regoli dwar penali għal nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi stabbiliti fl-att legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet min-naħa tal-Aġenzija (l-emenda 136).

    III.   KONKLUŻJONI

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess milħuq f’negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, iffaċilitati mill-Kummissjoni. Dan il-kompromess huwa kkonfermat bl-ittra li l-President tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) tal-Parlament Ewropew indirizza lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fl-24 ta’ Novembru 2015.

    F’din l-ittra, il-President tat-TRAN jindika li huwa ser jirrakkomanda lill-membri tal-Kumitat TRAN, u sussegwentement lill-plenarja, li japprovaw il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi, u jikkonkludu l-proċedura leġislattiva ordinarja fl-istadju tat-tieni qari tal-Parlament Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 294 tat-TFUE.


    Top