EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0717

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima” [COM(2015) 646 final – 2015/0296 (CNS)]

ĠU C 133, 14.4.2016, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima”

[COM(2015) 646 final – 2015/0296 (CNS)]

(2016/C 133/05)

Relatur Ġenerali:

is-Sur Daniel MAREELS

Nhar l-14 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima”

[COM(2015) 646 final – 2015/0296 (CNS)].

Nhar id-19 ta’ Jannar 2016, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-514-il Sessjoni Plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tas-17 ta’ Frar) li jaħtar lis-Sur Daniel Mareels bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’175 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat japprova l-proposta għal direttiva li testendi r-rata standard minima għall-VAT. Il-minimu se jibqa’ fl-istess livell bħal f’perijodi preċedenti, jiġifieri 15 %, u se jiġi estiż b’sentejn mill-2016.

1.2.

Arranġamenti tranżitorji għall-VAT ilhom fis-seħħ għal żmien twil. Tabilħaqq huwa mixtieq, b’rabta ma’ dan, li tiġi stabbilita rata minima ta’ dan it-tip, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern: jekk ma jkunx hemm minimu, ikun hemm ir-riskju ta’ turbolenzi u distorsjonijiet fis-suq u ta’ żieda fil-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

1.3.

Barra minn hekk, l-iffissar ta’ rata minima għal perjodu speċifikat b’mod ċar jgħin ukoll biex ikun hemm aktar ċarezza u ċertezza legali, li jkun ta’ benefiċċju għal kull min hu involut.

1.4.

Meta dan l-arranġament ġie estiż għall-ħames darba, fl-2010, il-Kumitat esprima t-tama li din (l-estensjoni) tkun “l-aħħar darba”. L-estensjoni l-ġdida għal perjodu iqsar jista’ jitqies bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda fil-fehma tal-Kumitat dan ma jbiddilx il-fatt li jridu jsiru aktar sforzi biex nitbiegħdu mis-sistema tranżitorja attwali, li ilha fis-seħħ għal aktar minn 20 snin, u lejn sistema definittiva għall-VAT adattata għas-suq intern Ewropew.

1.5.

Ġeneralment, il-KESE itenni l-ħtieġa ta’ sistema tat-taxxa indiretta armonizzata u sempliċi, li tnaqqas il-piż amministrattiv u li ġġib benefiċċji ċari għall-intrapriżi u l-individwi, li tiggarantixxi tassazzjoni ġusta u dħul ċert għall-finanzi pubbliċi, li tnaqqas ir-riskju ta’ frodi fiskali u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri u l-ikkompletar tas-suq intern.

1.6.

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħroġ, f’Marzu 2016, Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Futur tal-VAT. Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir kontinwu tant meħtieġa bil-mezzi kollha possibbli, u sistema tal-VAT adattata hija parti minn dan.

2.   Kuntest

2.1.

Bil-ħsieb tal-ħolqien ta’ suq intern, saru sforzi lura fil-bidu tas-snin disgħin biex nimxu lejn sistema definittiva għall-VAT, iżda nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri kien ifisser li arranġament tranżitorju biss kien possibbli.

2.2.

F’dan ir-rigward, ġiet adottata d-Direttiva 92/77/KEE dwar ir-rati tal-VAT. Id-direttiva introduċiet sistema ta’ rati minimi, fejn stipulat li mill-1 ta’ Jannar 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1996, ir-rata standard ma setgħetx tkun aktar baxxa minn 15 % fi kwalunker Stat Membru. Minn dak iż-żmien ‘l hawn din id-dispożizzjoni ġiet estiża ħames darbiet u kienet tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2015.

2.3.

Din il-proposta – li evidentement ġiet ippreżentata pjuttost tard – testendi l-applikabbiltà tal-limitu minimu ta’ 15 %, iżda din id-darba għal sentejn biss. Dan huwa għaliex il-Kummissjoni se tippubblika Pjan ta’ Azzjoni fir-Rebbiegħa tal-2016 bil-għan li nimxu lejn sistema tal-VAT definittiva aktar sempliċi, aktar effiċjenti u aktar reżistenti għall-frodi, sistema mfassla għas-suq uniku. Matul dan il-perjodu jistgħu jsiru aktar diskussjonijiet estensivi dwar ir-rati tal-VAT.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


Top