Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC1205(03)

    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping u kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew huma kkonsenjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    ĠU C 405, 5.12.2015, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 405/33


    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping u kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew huma kkonsenjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    (2015/C 405/10)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet b’inizjattiva tagħha stess li tibda investigazzjoni ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping u kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew huma kkonsenjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament antidumping bażiku”) u skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji”).

    Ir-rieżami interim parzjali huwa limitat għall-eżami ta’ jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni jew le li jinżammu l-miżuri attwalment fis-seħħ fuq iċ-ċelloli tat-tip użat f’moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin.

    1.   Il-prodott rieżaminat

    Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin jew pannelli u ċelloli tat-tip użat f’moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin (iċ-ċelloli għandhom ħxuna li ma taqbiżx l-400 mikrometru) (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa huma parti mill-kodiċi NM ex 8501 31 00, ex 8501 32 00, ex 8501 33 00, ex 8501 34 00, ex 8501 61 20, ex 8501 61 80, ex 8501 62 00, ex 8501 63 00, ex 8501 64 00 u ex 8541 40 90 u li joriġinaw fi jew li huma kkunsenjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, sakemm ma jkunux fi tranżitu fis-sens tal-Artikolu V GATT.

    It-tipi ta’ prodotti li ġejjin huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat:

    ċarġers solari li jikkonsistu f’inqas minn sitt ċelloli, li huma portabbli u li jfornu elettriku fl-apparati jew jiċċarġaw batteriji,

    prodotti fotovoltajċi tat-tertuqa rqiqa,

    prodotti fotovoltajċi tas-siliċju kristallin li huma integrati b’mod permaneti fi prodotti elettriċi, fejn il-funzjoni tal-prodotti elettriċi hija differenti mill-ġenerazzjoni tal-enerġija, u fejn dawn il-prodotti elettriċi jikkunsmaw l-elettriku ġġenerat miċ-ċellola/i fotovoltajka/ċi integrata/i tas-siliċju kristallin,

    moduli jew pannelli b’vultaġġ ta’ output li ma jaqbiżx 50 V DC u output ta’ enerġija li ma jaqbiżx 50 W unikament għal użu dirett bħala ċarġers tal-batteriji f’sistemi bl-istess karatteristiċi ta’ vultaġġ u enerġija.

    2.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 (3), u dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 (4).

    3.   Raġunijiet għar-rieżami

    Hemm evidenza prima facie li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom il-miżuri eżistenti ġew imposti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura permanenti.

    Wara r-ristrutturar u l-konsolidazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-snin riċenti, numru sinifikanti ta’ produtturi taċ-ċelloli għalqu l-produzzjoni tagħhom. Il-massa tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni taċ-ċelloli li fadal fl-Unjoni jidhru li huma ddestinati l-aktar għall-użu vinkolanti għall-produzzjoni ta’ moduli jew pannelli.

    Konsegwentement, il-bejgħ taċ-ċelloli tal-industrija tal-Unjoni lil utenti mhux relatati huwa limitat ħafna fil-kwantità, filwaqt li produtturi tal-moduli mhux integrati jiddependu fuq id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi tal-provvista, fost l-oħrajn, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, iżda wkoll it-Tajwan u l-Malasja.

    Għalhekk, huwa prudenti li jiġi eżaminat jekk l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fuq iċ-ċelloli għadhiex fl-interess tal-Unjoni.

    4.   Proċedura

    Wara li infurmat lill-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-ftuħ ta’ rieżami interim parzjali limitat għall-eżami tal-interess tal-Unjoni fil-miżuri għaċ-ċelloli u b’hekk qed tiftaħ rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. L-investigazzjoni se teżamina jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni jew le li jinżammu l-miżuri attwalment fis-seħħ fuq iċ-ċelloli tat-tip użat f’moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin.

    Il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġie mistieden għal konsultazzjonijiet.

    4.1.    Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

    L-investigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2014 sat-30 ta’ Settembru 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”).

    4.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Sabiex tintlaħaq deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping u miżuri kumpensatorji fuq iċ-ċelloli tmurx kontra l-interess tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    4.2.1.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati

    L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rieżaminat, esportat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn l-Unjoni, huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni tal-prodott rieżaminat, li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    4.2.2.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri fis-seħħ attwalment fuq iċ-ċelloli, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott soġġett għar-rieżami huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

    Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 4.7 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    4.3.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    4.6.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    4.7.    Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza.

    L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ hija ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni tagħrif u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) lill-Kummissjoni li tuża t-tagħrif u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi t-tagħrif u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett” (5).

    Partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristrett(a)” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, li jkunu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali jinftiehem raġonevolment. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jkollu jintbagħat ma tkunx titlob l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1040 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Posta elettronika: TRADE-SOLAR-INJURY@ec.europa.eu

    5.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 28 tar-Regolamenti bażiku kontra s-sussidji, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku din kienet ikkooperat.

    In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

    6.   L-Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet għas-smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

    It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi l-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

    7.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 22(1) tar-Regolamenti bażiku kontra s-sussidji, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    8.   Ipproċessar ta’ dejta personali

    Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (6).


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 325, 5.12.2013, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ĠU L 325, 5.12.2013, p. 66.

    (5)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51), l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93), l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji. Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS

    Image

    Image


    Top