Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0110(01)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 6, 10.1.2015, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 6/6


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2015/C 6/06)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    “TELEMEA DE IBĂNEŞTI”

    Nru tal-KE: RO-DPO-0005-01182 – 20.11.2013

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Isem

    “Telemea de Ibăneşti”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Ir-Rumanija

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.3 Ġobnijiet

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    It-“Telemea de Ibănești” huwa ġobon magħmul mit-tibqit tal-aċidu tal-ħalib minn baqar indiġeni.

    Meta jitqiegħed fis-suq, dan il-prodott għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin: il-blokki b’bażi kwadra jistgħu jiżnu bejn 0,3-1,0 kg, filwaqt li l-blokki b’bażi rettangolari jistgħu jiżnu bejn 0,3 u 0,7 kg. Huwa magħmul minn massa kumpatta u soda b’konsistenza regolari, u huwa lixx u kremuż bħall-butir. Dan jitqatta’ faċilment, mingħajr ma jitfarrak. Il-kulur tiegħu jvarja minn abjad għal abjad fl-isfar, u huwa l-istess fil-massa kollha. Għandu togħma pjaċevoli li hija kemmxejn ħelwa u morra u kemmxejn mielħa li mbagħad dejjem tiżdied meta l-ġobon jimmatura. Ir-riħa u l-fwieħa huma delikati u pjaċevoli u jiżdiedu mal-maturazzjoni. Għandu riħa notevoli ta’ mergħat tal-muntanji. L-umdità hija inqas minn 62 % u l-kontenut ta’ xaħam tal-materja niexfa huwa anqas minn 38 %. Il-valur ta’ enerġija tiegħu huwa ta’ 198 kcal għal kull 100 gramma tal-prodott. Fil-ġobon tat-“Telemea de Ibănești”, il-kontenuti minimi ta’ kalċju (Ca) u manjeżju (Mg) huma, rispettivament, 400 mg u 35 mg għal kull 100 gramma tal-prodott.

    Dan it-tip ta’ ġobon jista’ jiġi prodott matul is-sena kollha.

    Huwa kkummerċjalizzat bl-użu tal-indikazzjonijiet “proaspătă” [frisk] jew “maturată” [matur]. It-“Telemea de Ibănești” frisk – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini jista’ jiġi kkunsmat 24 siegħa wara l-manifattura. Il-perjodu minimu tal-maturazzjoni biex jimmatura t-“Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini huwa ta’ 20 jum mid-data tal-manifattura.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    Il-materja prima użata biex tipproduċi l-ġobon “Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini ġejja mill-ħalib tal-baqar imrobbi b’mod estensiv u b’saħħtu, kif ukoll imrobbi u miżmum fil-Wied ta’ Gurghiu.

    Għat-tames tal-ħalib, jintuża t-tames bil-mikrobi.

    Għat-tmellieħ, tintuża s-salmura mill-bir bl-ilma mielaħ ta’ Orșova. Din is-salmura fiha: 184,4 mg kalċju u 94,6 mg manjeżju f’kull litru, meta mqabbel ma’ 88,2 mg kalċju u 32,4 mg manjeżju għal kull litru bis-salmura minn ilma tax-xorb u melħ, fl-istess konċentrazzjoni ta’ melħ bejn 21 u 23 %.

    Is-salmura tikkawża żieda fil-pressjoni osmotika, tbaxxi jew twaqqaf l-attività ta’ mikroorganiżmi mhux mixtieqa, u tirregola l-mikroflora fil-ġobon bħala riżultat ta’ effett batterjostatiku tagħha. Dan jiżgura wkoll li l-ġobon jista’ jiġi ppreservat għal żmien twil.

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

    Il-baqar tal-ħalib li jipproduċu l-materja prima għat-“Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini jintgħalfu esklużivament b’għalf bil-fibra miż-żona ġeografika ddefinita, fil-Wied ta’ Gurghiu.

    Fir-rebbiegħa u fis-sajf, il-baqar jagħlfu fuq firxa ta’ ħaxix aħdar permezz ta’ ragħa jew, f’każijiet eċċezzjonali, fuq ġewwa. Fil-ħarifa u fix-xitwa, jintgħalfu bil-ħuxlief maħsud minn fuq il-bur fiż-żona ġeografika ddefinita.

    L-għalf għal dawn il-baqar tal-ħalib, ma jinkludi l-ebda għalf ikkonċentrat. Il-perjodu annwali minimu għar-ragħa huwa ta’ 6 xhur.

    Il-kwalità tal-ħalib tirriżulta kemm mill-metodu ta’ trobbija fil-beraħ ta’ bhejjem tal-ħalib kif ukoll mill-kwalità ta’ għalf disponibbli fil-Wied ta’ Gurghiu. Il-mergħat u ż-żoni ta’ bur jiġu miżmuma u ffertilizzati esklużivament bl-użu ta’ fertilizzanti naturali (demel).

    3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    It-trobbija tal-baqar tal-ħalib, il-ġbir tal-ħalib u s-salmura, u l-ipproċessar, it-tmelliħ u l-maturazzjoni jseħħu kollha fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Il-blokok tat-“Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini huma ppakkjati f’boroż issiġillalti b’vakwu eżatt wara t-tmelliħ. Il-blokok jistgħu wkoll jiġu ppakkjati f’tankijiet minnufih wara t-tmelliħ, u mbagħad titferra’ s-salmura fuq il-ġobonsakemm jitgħatta biha. Dan jiżgura li l-ġobna żżomm il-konsistenza u t-togħma ħelwa mħallta ma’ dik mielħa, filwaqt li jitneħħa kull riskju ta’ deidratazzjoni u milli jitfarrku l-blokok.

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Il-ġobon “Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini jiġi kkummerċjalizzat f’forma ta’ parallelogrammi jew blokok kubiċi li miegħu tiġi imwaħħla t-tikketta tal-prodott bil-kliem “Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini.

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ta’ produzzjoni tinkludi ż-żoni amministrattivi tal-muniċipji Gurghiu, Hodac u Ibănești fil-kontea ta’ Mureș. It-territorji ta’ dawn il-muniċipalitajiet jiffurmaw parti mill-Wied ta’ Gurghiu.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika ta’ fejn huwa prodott il-ġobon “Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini tikkorrespondi parzjalment mal-wied tax-xmara ta’ Gurghiu. Din iż-żona hija kkaratterizzata minn flora speċifika favur it-trobbija tal-annimali, speċjalment il-baqar tal-ħalib; minn nixxigħat ta’ ilma mielaħ li jużaw in-nies tal-lokal biex jippreservaw il-prodotti tal-ħalib, il-laħam u l-ħxejjex; u xejn anqas min-nies li jippriżervaw it-tradizzjonijiet kulinari u l-artiġġjanat tal-antenati tagħhom.

    Il-Wied ta’ Gurghiu għandu klima moderata alpina, huwa mxarrab u kiesaħ fl-ogħla partijiet tiegħu, u għandu klima moderata kontinentali fiż-żona li tiġi ogħla mil-livell kostali. L-abbundanza u d-diversità ta’ flora f’din iż-żona jeżistu bis-saħħa ta’ din il-klima.

    L-abbundanza tal-flora fil-Wied ta’ Gurghiu (minn 1 194 speċijiet) u l-preżenza ta’ numru relattivament kbir ta’ speċijiet endemiċi, fil-periklu, vulnerabbli jew rari, jixhdu li f’din iż-żona m’hemmx sorsi ta’ tniġġis.

    It-topografija varjata tal-Wied ta’ Gurghiu hija ta’ valur għall-bdiewa fis-settur tal-ħalib u għall-produtturi tal-ġobon tat-Telemea. Iż-żoni msemmija jistgħu jipprovdu l-firxa tal-ħaxix meħtieġa għat-tagħlif tal-baqar tal-ħalib fis-sajf, filwaqt li mbagħad il-ħuxlief jintuża għat-tagħlif fix-xitwa.

    L-għoljiet Sânioara, Osoiul u Orungii fil-parti tat-Tramuntana tal-Wied ta’ Gurghiu, u l-għoljiet Isticeu u Măgura fil-Wied ta’ Orșova huma għoljiet antiklinali sub-Karpetjani magħmulin minn fdalijiet tal-epoka Mijoċenika, b’residwi ta’ melħ ‘l hawn u ‘l hemm.

    Matul il-ħakma Rumana, inbnew u kienu jitħaddmu bosta minjieri tal-melħ. Wara li ġġarfet waħda minn dawn il-minjieri, ġiet iffurmata xmara mielħa magħrufa bħala Jabenița.

    F’din iż-żona, l-ilma ta’ taħt l-art mhuwiex tajjeb għax-xorb għaliex jaqbeż sew il-livell ammissibbli ta’ konċentrazzjoni ta’ melħ (665,23 mg/l ta’ anjoni Cl u 420,5 mg/l ta’ katjoni Na+ u K+).

    L-għalf għall-baqar tal-ħalib ma jinkludi l-ebda għalf ikkonċentrat ieħor li jista’ jżid l-aċidità tal-ħalib. Dawn l-azzjonijiet kollha għandhom biss għan wieħed, li jipproduċu ħalib b’togħma tajba u nadifa flimkien ma’ fwieħa u aroma partikolari tal-Wied ta’ Gurghiu.

    Minħabba r-reputazzjoni tal-ġobon, ibbażata fuq it-togħma u l-preservazzjoni, il-metodu lokali ta’ produzzjoni tat-“Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini għadda minn ġenerazzjoni għal oħra.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    L-isem tal-ġobon “Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini jikkorrespondi għal ġobon artab sa kemmxejn iebes li għandu togħma pjaċevoli u ftit mielħa mill-ħalib ta’ bhejjem imrobbija fil-Wied ta’ Gurghiu.

    Il-konsistenza tiegħu u l-kontenut għoli ta’ Ca u Mg jinkisbu bis-saħħa tal-metodu tat-tmelliħ u l-preservazzjoni li juża salmura mill-bir bl-ilma mielaħ ta’ Orșova. Dawn il-karatteristiċi jagħmluh jispikka iktar minn prodott ieħor li jiġi mmanifatturat permezz ta’ salmura magħmula minn ilma tax-xorb u melħ.

    Ir-rapporti ta’ testijiet li saru fuq il-minerali li jinsabu fil-ġobon “Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini li jinżamm fis-salmura mill-bir bl-ilma mielaħ ta’ Orșova, u fuq prodott ieħor li jinżamm fis-salmura magħmula minn ilma tax-xorb u melħ (NaCl) juru kontenut ta’ kalċju (Ca) ta’ 540 mg għal kull 100 gramma tal-ewwel prodott, meta mqabbel ma’ 380 mg għal kull 100 gramma tat-tieni prodott. Il-valuri rispettivi għall-manjesju (Mg) huma ta’ 50 mg u 32 mg għal kull 100 gramma tal-prodott. Huwa dan li jagħti l-Ispeċifiċità tat-“Telemea de Ibănești” meta mqabbel ma’ prodott li jinżamm fis-salmura magħmula minn ilma tax-xorb u melħ.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

    Ir-rabta bejn il-prodott u ż-żona tal-produzzjoni hija fil-qofol tagħha bbażata fuq tradizzjoni twila speċifika fil-Wied ta’ Gurghiu fit-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib u fil-produzzjoni u t-tmelliħ tat-“Telemea de Ibănești” – tad-Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini.

    Id-dieta varjata u abbundanti tal-baqar tagħti karatteristiċi organolettiċi partikolari lill-ħalib, u minħabba f’hekk il-ġobon għandu togħma u aroma uniċi li jiddistingwuh minn prodotti oħrajn tal-istess kategorija.

    Il-ħila u l-esperjenza tan-nies tal-lokal, flimkien ma’ metodi speċifiċi lokali ta’ tmelliħ bl-ilma tas-salmura mill-bir bl-ilma mielaħ ta’ Orșova, jagħmlu l-prodott speċifiku għal dik iż-żona partikolari.

    It-tekniki li ilhom jeżistu u għadhom jiġu pprattikati fl-istadji ta’ produzzjoni tat-“Telemea de Ibănești” b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini jinkludu l-koagulazzjoni mgħaġġla tat-tames (inqas minn siegħa) u t-tkissir tal-baqta fi struttura fina. L-għodod tal-passat li għadhom jintużaw sal-lum fil-produzzjoni tat-“Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini, jinkludu għodda magħrufa sew bħala l-“harfă”, li tintuża għat-tqattiegħ tal-baqta, u għodod oħrajn tat-taħlit, bħal ma hi “dog de lemn” (forma ta’ paletta tal-injam), li hija għodda tal-artiġġjanat magħmula prinċipalment mill-injam u użata għat-taħlit tal-baqta b’mod li din ma teħilx mal-ġnub tar-reċipjent.

    Il-proċess tat-tmelliħ bl-ilma joħloq bilanċ permanenti bejn il-kostitwenti maħlula fis-salmura u l-kostitwenti tal-ġobon, u jikkawża skambju ta’ joni Na, Ca u Mg u l-joni fil-ġobon. In-nitroġenu maħlul, ix-xaħam, il-lattosju u l-imluħa minerali jgħaddu mill-ġobon għal ġos-salamura, u dan jikkawża solubilizzazzjoni parzjali tal-kontenut ta’ proteini fil-ġobon u bidliet fil-proteini fil-ġobon, li jinfluwenzaw l-istruttura, is-solubilità u l-konformazzjoni tal-proteini. Fl-istess ħin, jgħaddu l-jonji tas-sodju, tal-kalċju u tal-manjesju mis-salmura għal ġol-ġobon.

    Xi kultant, l-assorbiment ta’ melħ waqt il-proċess tat-tmellieħ fis-salmura jsir flimkien ma’ żieda fl-ammont ta’ ilma ma’ fejn imiss il-ġobon mas-salmura, dan jiġri b’mod partikolari fis-salmura ħafifa li tkun nieqsa mill-kalċju jew mill-manjesju, u jikkawża difetti bħal qoxra ratba jew toqob tal-gass. Fenomeni bħal dawn ma jseħħux meta tintuża salmura mill-bir bl-ilma mielaħ ta’ Orșova, minħabba l-kontenut għoli ta’ kalċju u manjeżju li fiha.

    Vantaġġ ieħor tal-użu tas-salmura li ġejja mill-bir ta’ Orșova huwa l-fatt li l-ġobon jiġi iddeidrat aktar bil-mod u jista’ jinkiseb persentaġġ aktar baxx ta’ kontenut ta’ melħ.

    In-nixxiegħat ta’ ilma mielaħ fiż-żona ta’ Orșova jipprovdu sors naturali ta’ salmura għat-tmelliħ u l-ippriservar tat-“Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini. Dawn in-nixxigħat ta’ ilma mielaħ għandhom konċentrazzjonijiet akbar ta’ kalċju u manjeżju.

    Sa minn żmien ilu, it-trobbija ta’ baqar tal-ħalib kienet magħmula tradizzjonalment minn familji nukleari li għalihom l-ipproċessar tal-ħalib kien sors importanti ta’ dħul. Jeżisti ammont konsiderevoli ta’ evidenza storika, li tmur lura sas-Seklu 17, li tagħti prova li t-“Telemea de Ibănești” – b’Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini huwa parti mit-tradizzjoni gastronomika ta’ din iż-żona.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

    (http://www.madr.ro/docs/ind-alimentara/produse-traditionale/caiet-de-sarcini-telemea-ibanesti.pdf)


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


    Top