Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015TA1209(11)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

    ĠU C 409, 9.12.2015, p. 90–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 409/90


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

    (2015/C 409/11)

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EASME”), li tinsab fi Brussell, ħadet post u ssuċċediet l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI) u ġiet stabbilita għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2024 bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/771/UE (1), li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/372/KE (2). Il-mandat konsiderevolment estiż tagħha huwa li timmaniġġa, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' seba' Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, l-azzjonijiet tal-UE fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-kompetittività tal-SMEs, l-ambjent u l-azzjoni klimatika, l-affarijiet marittimi u s-sajd kif ukoll bħal fil-partijiet preċedenti mill-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni 2007-2013.

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi (5):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    11.

    L-estent tal-kanċellazzjonijiet, fl-2014, ta' approprjazzjonijiet baġitarji riportati mill-2013 (EUR 2 60  209, jiġifieri 20 % tar-riporti (19 % fl-2013)) juri stima eċċessiva tal-ħtiġijiet baġitarji fi tmiem l-2013, bħalma kien il-każ fis-sena preċedenti.

    12.

    Għalkemm il-baġit inizjali tal-Aġenzija ġie emendat u tnaqqas f'Settembru 2014 b'EUR 3 miljun, 91 % biss tal-approprjazzjonijiet baġitarji mnaqqsa ġew impenjati mill-Aġenzija. Din ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni hija prinċipalment spjegata minn sfidi organizzazzjonali u operazzjonali marbuta mal-mandat estiż tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni ta' programmi u kompiti addizzjonali f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Minkejja dan, il-konsum insuffiċjenti sinifikanti tal-baġit juri l-ħtieġa li jitjieb l-ippjanar baġitarju tal-Aġenzija.

    13.

    Dan huwa rifless ukoll fil-livell għoli u akbar ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2015, li jammontaw għal EUR 3,8 miljun, jiġifieri 17 % (2013: EUR 1,3 miljun, jiġifieri 8 %), prinċipalment relatati mat-Titolu III (Nefqa għall-Appoġġ tal-Programmi) b'EUR 2,6 miljun, jiġifieri 72 % (2013: EUR 0,6 miljun, jiġifieri 35 %) li jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    14.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b'rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta' Settembru 2015.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 341, 18.12.2013, p. 73.

    (2)  ĠU L 140, 1.6.2007, p. 52.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  L-Artikoli 62 u 68 flimkien mal-Artikoli 53 u 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 162 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2013

    Għalkemm ir-rati ta' implimentazzjoni tal-baġit għall-2013 kienu sodisfaċenti, il-punt sa fejn l-approprjazzjonijiet riportati mill-2012 ġew ikkanċellati fl-2013 (EUR 2 15  000, jew 19 % tar-riporti) jindika dgħufijiet fl-ippjanar tal-baġit tal-Aġenzija u jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità. Dawn il-kanċellazzjonijiet huma prinċipalment relatati ma' impenji proviżorji li saru għal nefqa amministrattiva ta' rutina.

    Pendenti


    ANNESS II

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (Brussell)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

    1.

    Il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi għas-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem; għall-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali; għall-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

    (L-Artikolu 191 TFUE)

    2.

    Il-politika tal-Unjoni dwar l-industrija għandha tiżgura li jeżistu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni billi tħaffef l-adattament tal-industrija għal bidliet strutturali, tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta' u l-kooperazzjoni bejn l-impriżi, tikkultiva l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw ma' xulxin b'konnessjoni mal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi dik il-koordinazzjoni, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju tal-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament infurmat.

    (L-Artikolu 173 TFUE)

    3.

    Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha timmira li tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija; tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni; tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli; tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ netwerks tal-enerġija.

    (L-Artikolu 194(1) TFUE)

    4.

    L-Unjoni għandha jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta' riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kompetittivita tagħha u tal-industrija tagħha. […],. Għal dan l-għan l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi […] lill-impriżi inklużi l-impriżi ta' daqs żgħir u medju, liċ-ċentri ta' riċerka u lill-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku ta' livell għoli; għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tagħhom li jikkooperaw ma' xulxin, u timmira fuq kollox li tippermetti lir-riċerkaturi li jikkooperaw liberament lil hinn mill-fruntieri u lill-impriżi li jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-suq intern, speċjalment [...] bid-definizzjoni ta' standards komuni u bit-tneħħija ta' xkiel legali u fiskali għal dik il-kooperazzjoni. […]

    Filwaqt li tfittex li tikseb dawn l-għanijiet, l-Unjoni għandha twettaq dawn l-attivitajiet li ġejjin, li jikkomplementaw l-attivitajiet li jsiru fl-Istati Membri: (a) l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni, billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' u bejn l-impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet, (b) il-promozzjoni ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni tal-Unjoni, (c) id-disseminazzjoni u l-valorizzazzjoni tar-riżultati ta' attivitajiet fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni tal-Unjoni, (d) l-istimulazzjoni tat-taħriġ u l-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-Unjoni.

    (L-Artikoli 179 u 180 TFUE)

    5.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu […] d-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba tal-objettivi […] tal-politika komuni tas-sajd.

    (L-Artikolu 43(2) TFUE).

    Kompetenzi tal-Aġenzija

    (kif definit fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2013/771/UE)

    Għanijiet

    L-Aġenzija hija responsabbli għall-ġestjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-appoġġ lill-SMEs, l-enerġija, l-ambjent, l-affarijiet marittimi u s-sajd, l-intraprenditorija u l-innovazzjoni (inkluża l-ekoinnovazzjoni). Hija inkarigata bl-implimentazzjoni ta' partijiet mill-programmi tal-Unjoni li ġejjin:

    (a)

    Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) 2014-2020

    (b)

    Il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) 2014-2020

    (c)

    Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) inkluża l-Politika Marittima Integrata (PMI), Kontroll u Pariri u Għarfien Xjentifiċi;

    (d)

    Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014-2020 (Orizzont 2020) – il-partijiet tal-“Parti II – Tmexxija Industrijali” u l-“Parti III Sfidi tas-soċjetà”.

    Barra minn hekk, l-Aġenzija hija inkarigata bl-implimentazzjoni ta’ dak li baqa’ minn dawn l-azzjonijiet li ġejjin taħt is-CIP: (a) l-Enerġija Intelliġenti – Ewropa (IEE II), (b) l-“Inizjattiva tal-ekoinnovazzjoni”, (c) in-“Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi”, (d) il-“Portal għan-Negozji – L-Ewropa tiegħek”, (e) l-“IPR Helpdesk Ewropew”, (f) il-“Proġett IPorta”.

    L-Aġenzija tistinka biex tipprovdi “appoġġ ta' kwalità għolja lill-benefiċjarji tagħna, li jibdel il-politika tal-UE f'azzjoni. Bħala aġenzija eżekuttiva tal-Kummissjoni Ewropea, aħna nimmaniġġaw partijiet sinifikanti mill-COSME, mil-LIFE, mill-Orizzont 2020 u mill-FEMS. Aħna niżguraw li l-azzjonijiet iffinanzjati minn dawn il-programmi jwasslu r-riżultati u jipprovdu input ta' valur lill-Kummissjoni għall-kompiti ta' politika tagħha”.

    Kompiti

    L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin marbutin mal-implimentazzjoni tal-partijiet mill-programmi tal-Unjoni msemmija hawn fuq:

    (a)

    il-ġestjoni tal-istadji kollha jew xi wħud minnhom tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-fażijiet kollha jew xi wħud minnhom tul il-ħajja tal-proġetti speċifiċi abbażi tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega;

    (b)

    l-adozzjoni tal-istrumenti għall-eżekuzzjoni tal-baġit għad-dħul u l-infiq ta’ finanzi u t-twettiq tal-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-ġestjoni tal-programm, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega;

    (c)

    il-provvediment ta’ sostenn fl-implimentazzjoni tal-programm fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan fl-istrument tad-delega.

    Governanza

    Kumitat ta' Tmexxija

    Jinkludi ħames membri u tliet osservaturi maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-rapport annwali tal-attività tagħha.

    Direttur

    Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2014 (2013)

    Baġit

    Baġit operazzjonali

    L-EUR 1  056,5 (1) (242,9) miljun ippjanati (li minnhom 100 % ġew mill-baġit ġenerali tal-UE) ġew impenjati u EUR 123,11 (2) (213,9) miljun tħallsu mill-approprjazzjonijiet (98,98 %) ivvutati mill-Awtorità Baġitarja. L-EASME timplimenta l-baġit operazzjonali taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni:

    għall-COSME EUR 95,0 miljun,

    għall-H2020 EUR 695,7 miljun,

    għall-FEMS EUR 34,6 miljun,

    għal-LIFE EUR 229,9 miljun,

    għall-IEE EUR 1,3 (91,9) miljun,

    għall-Ekoinnovazzjoni tal-EIP EUR 0 (33,1) miljun,

    għan-Netwerks tal-EIP EUR 0 (51,2) miljun,

    għall-MP EUR 0 (66,8) miljun.

    Baġit amministrattiv

    EUR 24,5(16,4) miljun (sussidju ta' 100 % mill-UE) għall-baġit amministrattiv, li għalihom l-EASME hija responsabbli b'mod indipendenti.

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2014

    Total tal-persunal: 308 postijiet ippjanati, li minnhom 283 okkupati (163 ippjanati, 161 okkupati),

    Postijiet għall-Aġenti Temporanji (AT): 77 ippjanati, li minnhom 61 okkupati (37 ippjanati, 35 okkupati),

    Persunal kuntrattwali: 231 post ippjanat, li minnhom 222 okkupati (126 ippjanati, 126 okkupati).

    Prodotti u servizzi pprovduti 2014

    Is-sena 2014 kienet l-ewwel sena tal-mandat il-ġdid għall-Aġenzija li tvarja b’mod konsiderevoli, mill-mandati preċedenti. Il-portafoll il-ġdid jinkludi l-programmi EIP u IEE li għad baqa' u wkoll il-programmi l-ġodda H2020, COSME, LIFE u FEMS. L-EASME hija responsabbli għall-ġestjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-appoġġ lill-SMEs, l-enerġija, l-ambjent, l-affarijiet marittimi u s-sajd, l-intraprenditorija u l-innovazzjoni (inkluża l-ekoinnovazzjoni), taħt il-programmi tal-Unjoni li ġejjin.

    Programmi ġodda

    Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME)

    Programm għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont 2020) fl-oqsma li ġejjin: l-enerġija, l-ambjent u r-riżorsi

    Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)

    Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)

    Il-programmi li għad baqa'

    Il-partijiet li ġejjin mill-programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni: il-programmi Enerġija Intelliġenti-Ewropa (IEE) u Ekoinnovazzjoni.

    COSME – Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) huwa assoċjat mat-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni u mmirat lejn l-inkoraġġiment ta’ kultura intraprenditorjali għall-promozzjoni tal-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs.

    Attivitajiet ewlenin

    Il-COSME kien wieħed mill-programmi l-ġodda ddelegati lill-EASME fl-2014.

    L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni huma l-qalba tal-attivitajiet tal-COSME. Bħala eżempju, l-EASME organizzat f’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ ta' Turin (sieħeb tan-netwerk) konferenza annwali li attirat aktar minn 700 parteċipant u, b'riżultat tal-2  000 laqgħa tan-negozju informali u formali, 192 opportunità ta’ negozju potenzjali ġew identifikati.

    Orizzont 2020 – il-programm ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni jimmira li jistimula l-ekonomija u jiżgura l-bażi tax-xjenza u t-teknoloġija u l-kompetittività industrijali għall-futur, filwaqt li jikkontribwixxi lejn soċjetà aktar intelliġenti, aktar sostenibbli u aktar inklużiva. Huwa jwiegħed aktar żviluppi, skoperti u innovazzjonijiet (world-firsts) billi jieħu ideat tajbin mil-laboratorju għas-suq.

    Innovazzjoni fl-SMEs

    Attivitajiet ewlenin

    Fl-2014, l-EASME ppubblikat erba’ sejħiet għal proposti taħt l-Innovazzjoni tal-H2020 “Innovation in SMEs”(Innovazzjoni fl-SMEs) u żewġ sejħiet oħra “Capitalising the full potential of on-line collaboration” (Kapitalizzar tal-potenzjal sħiħ tal-kollaborazzjoni online) u “Cluster facilitated projects for new industrial chains” (Proġetti ffaċilitati mir-raggruppamenti għal katini industrijali ġodda) b'dati ta' skadenza f’Marzu u April fl-2015.

    Strument tal-SMEs

    Attivitajiet ewlenin

    It-tnedija tal-istrument ġdid tal-SMEs, li huwa sejħa miftuħa kontinwament, kienet suċċess kbir billi l-Aġenzija rċeviet aktar minn 8  000 applikazzjoni għal erba’ dati limitu. L-ideat kummerċjali magħżula jimmiraw li jintroduċu prodotti, proċessi u servizzi ġodda.

    Il-programm jipprevedi kowċjar għall-benefiċjarji. Il-missjoni tal-kowċjar ġiet definita u l-istarter kits ta' metodoloġija ġew prodotti. Il-Maniġers Ewlenin tal-Kontijiet jgħinu lill-benefiċjarji tal-istrument tal-SMEs jiddefinixxu l-prijoritajiet ta’ kowċjar tagħhom u jipproponu kowċ wieħed jew aktar għalihom. Sa tmiem is-sena, 39 SME kienu ddefinixxew il-ħtiġijiet tagħhom u għażlu l-kowċijiet tagħhom u l-Aġenzija kienet ikkuntrattat 21 kowċ.

    L-Aġenzija tikkontribwixxi għall-għan speċifiku ta' “Making the transition to a reliable, affordable, publicly accepted, sustainable and competitive energy system, aiming at reducing fossil fuel dependency in the face of increasingly scarce resources, increasing energy needs and climate change”(Nagħmlu t-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija affidabbli, affordabbli, aċċettata pubblikament, sostenibbli u kompetittiva, bl-għan li titnaqqas id-dipendenza mill-fossili fid-dawl ta' riżorsi aktar u aktar skarsi, ħtiġijiet tal-enerġija dejjem jikbru u t-tibdil fil-klima” fl-Isfida tas-Soċjetà 3 “Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti”.

    Attivitajiet ewlenin

    Tnejn minn kull tliet suġġetti relatati mal-Isħubija Pubblika Privata (PPP) kuntrattwali dwar il-Binjiet Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija. It-tielet wieħed kien relatat mal-PPP dwar l-Industrija tal-Proċessi (SPIRE). L-Aġenzija rċeviet 63 proposta, li minnhom 19 ġew rakkomandati għall-finanzjament.

    Infetħu 15-il suġġett fil-qasam tal-Azzjonijiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni kif ukoll fl-Azzjonijiet ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ. L-Aġenzija rċeviet 393 proposta, li minnhom intgħażlu 45.

    Ir-riżultati tal-ewwel sejħa dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija wrew li l-appoġġ għall-innovazzjoni, mir-riċerka sal-bejgħ bl-imnut, fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma promettenti.

    F’Ottubru, l-Aġenzija ppreżentat suġġetti dwar il-finanzjament tagħha tas-Sħubija Pubblika Privata f'Jum ta’ Informazzjoni dwar il-PPPs organizzati mid-DĠ RTD.

    F’Diċembru, l-EASME organizzat Jum ta' Informazzjoni kbir fi Brussell biex tippreżenta s-sejħa 2015 tal-H2020 dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, li għalih attendew aktar minn 550 parteċipant.

    Il-persunal tal-Aġenzija pparteċipa wkoll il-laqgħat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati industrijali fir-rigward tal-prijoritajiet futuri tal-PPPs kuntrattwali tal-Bini Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija u l-iSPIRE.

    L-Aġenzija tikkontribwixxi għall-għanijiet speċifiċi komuni tad-DĠ RTD u d-DĠ GROW: li tinkiseb ekonomija u soċjetà li tkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-ilma, u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni u ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ekosistemi, u forniment sostenibbli u użu minn materja prima, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni globali li qed tikber fi ħdan il-limiti sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ekosistemi tal-pjaneta fl-Isfida tas-Soċjetà 5 “Azzjoni klimatika, ambjent u effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-materja prima”.

    Attivitajiet ewlenin

    Fl-2014, l-Aġenzija kienet responsabbli għall-implimentazzjoni tas-sejħiet tal-H2020 taħt l-Isfida tas-Soċjetà 5 ħlief dawk li għandhom rilevanza ta' politika għolja jew li jiġu implimentati minn korpi oħra.

    L-Aġenzija mmaniġġat u pparteċipat f’bosta sejħiet, bħas-sejħa dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, ir-Reżiljenza għad-Diżastri u t-Tkabbir Blu.

    F’Novembru, l-Aġenzija organizzat Jum ta’ Informazzjoni dwar is-sejħiet 2015 tal-Orizzont 2020 dwar l-Azzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Materja Prima. L-iskop ta’ dan l-avveniment kien li jiġu ppreżentati s-sejħiet 2015 lill-applikanti potenzjali u li tiġi pprovduta gwida dwar it-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ proposti.

    L-Aġenzija timmaniġġa l-programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) li jipprovdi appoġġ għall-ilħuq ta' għanijiet speċifiċi relatati mal-politika ambjentali u l-azzjoni klimatika fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali.

    Attivitajiet ewlenin

    L-Aġenzija mmaniġġat is-sejħiet għal proposti li ġejjin imnedija mid-DĠ ENV/CLIMA: is-sejħa għall-għotjiet operatorji tal-NGO LIFE, b’baġit totali ta’ EUR 9 miljun, li għaliha l-Aġenzija rċeviet 66 proposta.

    Is-sejħa għal proġetti għall-Bini ta' Kapaċità hija sejħa miftuħa li se tagħlaq f’Settembru 2015, li għaliha 15-il Stat Membru huma eliġibbli.

    L-Aġenzija evalwat aktar minn 250 proposta taħt oqsma differenti, bħall-Azzjoni Klimatika (190 applikazzjoni) u għotjiet operatorji tal-NGOs (66 proposta)

    L-Aġenzija pparteċipat b’mod attiv fil-Jum ta' Informazzjoni tal-LIFE għal Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u organizzat Jumejn ta' Informazzjoni għall-għotjiet operatorji tal-NGOs.

    L-Aġenzija implimentat partijiet mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li kellu l-għan li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tas-sajd u l-akkwakultura kompetittivi, ambjentalment sostenibbli, ekonomikament vijabbli u soċjalment responsabbli u għat-titjib tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata (PMI) tal-UE.

    Attivitajiet ewlenin

    L-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) ġiet iddelegata lill-Aġenzija f’Ottubru 2014. Id-DĠ MARE ddeċieda li jiddelega 19-il azzjoni tal-FEMS.

    L-ewwel azzjoni tal-FEMS ġiet effettivament trasferita lill-Aġenzija f’Diċembru. F’kooperazzjoni mad-DĠ MARE, l-Aġenzija ħejjiet l-evalwazzjoni ta’ erba’ sejħiet għall-offerti u sejħa waħda għal proposti.

    Enerġija Intelliġenti Ewropa (IEE)

    Attivitajiet ewlenin

    Il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa (IEE) jappoġġa l-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea u l-impenn “20-20-20” ambizzjuż tagħha, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’20 %, iż-żieda fis-sehem ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija għal 20 %, u t-tnaqqis tal-użu tal-enerġija b’20 %, kollha sal-2020.

    Fl-2014, il-baġit tal-IEE implimentat mill-Aġenzija ġie eżegwit bis-sħiħ (EUR 67 miljun). Barra minn hekk, iż-żmien medju meħtieġ għall-valutazzjoni ta' rapporti dwar il-proġetti IEE u għall-pagament lill-benefiċjarji kien inqas mill-obbligi kuntrattwali.

    Il-programm Enerġija Intelliġenti Ewropa wassal benefiċċji tanġibbli għall-politika tal-enerġija tal-UE. L-analiżi tal-impatt tal-programm IEE wriet li mill-2007 'l hawn il-proġetti IEE kienu laħqu permezz tal-midja aktar minn 40 miljun persuna madwar l-UE, kienu wasslu ammont ta’ enerġija rinnovabbli li kien ekwivalenti għal aktar mill-konsum annwali tal-elettriku ta’ 7 miljun ċittadin, kienu ffrankaw ammont ta’ enerġija primarja li kienet ekwivalenti għall-użu annwali tal-elettriku ta’ aktar minn 2 miljun dar, u kienu mistennija li jixkattaw aktar minn EUR 3 biljun ta’ investimenti ta' enerġija sostenibbli.

    L-Aġenzija kkomunikat ir-riżultati tal-programm f’diversi avvenimenti. Pereżempju f’Ġunju 2014, l-Aġenzija, f’kollaborazzjoni mad-DĠ ENER, organizzat edizzjoni oħra ta’ EUSEW, l-avveniment prim tal-UE għall-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji tal-enerġija, il-kumpaniji privati, l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija involuti fl-għajnuna għall-ilħuq tal-miri tal-UE għal dak li jirrigwarda l-enerġija u l-klima. Il-ġimgħa kienet tinkludi ċerimonja ta’ premjijiet, konferenza politika ta’ livell għoli u 600 avveniment b’madwar 1 00  000 parteċipant madwar l-UE u f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja.

    Twettqu bosta avvenimenti organizzati taħt l-inizjattiva Managenergy , b’mod partikolari matul il-Jiem għall-Pubbliku. Barra minn hekk, il-persunal tal-Aġenzija attenda għal aktar minn 100 laqgħa tal-proġetti.

    Ekoinnovazzjoni

    Attivitajiet ewlenin

    Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni (EIP) huwa li jappoġġa l-ekoinnovazzjoni. Proġetti għall-ekoinnovazzjoni jiffukaw fuq produzzjoni aktar nadifa, ġestjoni ambjentali u prodotti u servizzi ġodda biex l-iżvilupp sostenibbli jsir realtà tan-negozju.

    Fl-2014, l-isforzi kkonċentraw fuq:

    Ikkompletar tas-sejħa dwar l-Ekoinnovazzjoni tal-2013 li rriżultat f'461 proposta ppreżentata. Wara l-evalwazzjonijiet, intgħażlu 59 proposta għall-finanzjament. Abbażi tal-baġit disponibbli, ġew iffirmati 42 ftehim ta' għotja.

    Komunikazzjoni tad-Direttorati Ġenerali prinċipali u ma' partijiet interessati oħra kienet għaddejja matul is-sena. Barra minn hekk, saru xi laqgħat fejn l-Aġenzija kienet qed tipparteċipa b’mod attiv fil-preżentazzjoni tar-riżultati tal-programm. Kien hemm laqgħa finanzjarja fir-Renju Unit mal-Isħab tal-ekoinnovazzjoni u mal-NCP, il-proġetti FICOB u ECOProFabrics ġew ippreżentati matul il-Ġimgħa l-Ħadra, u “l-Ekoinnovazzjoni f’fondi tal-UE” ġiet ippreżentata fi Spanja.

    Proġetti kofinanzjati mill-Aġenzija rebħu rikonoxximent u premjijiet internazzjonali. Il-koordinatur tal-proġett PHOBIOR rebaħ il-Premju Energy Globe, il-proġetti LASERMARK u EcoBionet intgħażlu bħala “Best European Environmental project of 2013” (L-aħjar proġett Ambjentali Ewropej tal-2013) mill-Generalitat ta' Valenzja, filwaqt li l-koordinatur tal-proġett GEnIuS (l-SME “Directa Plus”) intgħażel biex jiġi elenkat fl-“Italy Cleantech 10” fost l-aħjar 10 SMEs Taljani li jużaw it-teknoloġija nadifa.

    Meta jitqies kollox, dak li għad baqa' mill-programm tal-Ekoinnovazzjoni tas-CIP għadu għaddej b'ħeffa totali u b’suċċess kbir. Proġetti mis-sejħa 2013 kollha ġew ikkuntrattati u l-biċċa l-kbira minnhom bdew. Valutazzjoni tal-proġetti li għadhom għaddejjin twettqet skont l-għanijiet stabbiliti u l-2014 għalqet b’konsum tal-baġit ta' 100 %.


    (1)  Iċ-ċifra tinkludi l-linji kollha ta’ kreditu.

    (2)  Idem.

    Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


    IT-TWEĠIBA TAL-AĠENZIJA

    11.

    L-Aġenzija tirrieżamina l-impenji kollha fl-aħħar ta' kull sena. Is-sena 2014 kienet waħda ta' eċċezzjoni peress li kienet l-ewwel sena tal-mandat il-ġdid tal-EASME. Din is-sena tranżitorja inkludiet ħafna bidliet bħal struttura operattiva ġdida, ħafna bidliet organizzattivi, programmi ġodda u żieda sinifikanti fin-numru tal-persunal impjegat mill-Aġenzija. Ġew iddelegati varjetà ta' kompiti ġodda lill-Aġenzija u din iż-żieda fil-kompiti kienet riflessa wkoll fil-baġit. Parti minn dawn l-approprjazzjonijiet baġitarji ġiet ikkanċellata peress li l-pagamenti dovuti kienu inqas minn dak mistenni.

    Biex tittranġa s-sitwazzjoni, l-EASME qed timplimenta ppjanar u monitoraġġ aktar preċiżi tal-baġit.


    Top