This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015PC0045
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL amending Regulation (EC) No 1007/2009 on trade in seal products
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki
/* COM/2015/045 final - 2015/0028 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki /* COM/2015/045 final - 2015/0028 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti
mill-foki jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fuq it-tqegħid ta’ dawn
il-prodotti fis-suq tal-Unjoni ("ir-Regolament Bażiku").
Ir-Regolament Bażiku jinkludi eċċezzjoni mill-projbizzjoni
ġenerali fuq il-prodotti magħmula mill-foki li jirriżultaw minn
kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet
indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien
tagħhom ("l-eċċezzjoni IC"). Dan jinkludi wkoll
eċċezzjonijiet għall-importazzjoni ta’ prodotti mill-foki
derivati minn foki kkaċċjati biss bil-għan ta' ġestjoni
sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar mingħajr skop ta’ qligħ u
mhux għal raġunijiet kummerċjali ("l-eċċezzjoni
MRM") kif ukoll għal importazzjonijiet ta’ natura okkażjonali u
li jkunu esklużivament oġġetti għall-użu personali
tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom. Regolament ta’
Implimentazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10
ta’ Awwissu 2010, jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni
tar-Regolament Bażiku ("ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni"). Iż-żewġ atti ("ir-reġim dwar
il-foki tal-UE") kienu ġew ikkontestati mill-Kanada u n-Norveġja
fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) fit-tilwima dwar Il-KE
— Miżuri li Jipprojbixxu l-Importazzjoni u l-Kummerċjalizzazzjoni
tal-Prodotti tal-Foki (DS 400 u DS 401). Fit-18 ta’ Ġunju 2014,
il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (id-DSB) adotta r-rapporti
tal-bord u tal-Korp tal-Appell. Filwaqt li r-rapporti tad-WTO kkonkludew li
fil-prinċipju, il-projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki tista' tiġi
ġġustifikata minħabba tħassib morali dwar it-trattament xieraq
tal-foki, bdew joħorġu kwistjonijiet maż-żewġ
eċċezzjonijiet, l-eċċezzjoni IC u l-eċċezzjoni
MRM. Instab li l-eċċezzjoni MRM ma kinitx ġustifikata għax
id-differenza possibbli tad-dimensjoni kummerċjali tal-kaċċa
kummerċjali u l-kaċċa MRM (fuq skala żgħira u
mingħajr skop ta’ profitt) ma kinitx biżżejjed biex
tiġġustifika distinzjoni. Filwaqt li fil-prinċipju
l-eċċezzjoni IC tirrifletti distinzjoni leġittima, il-Korp
tal-Appell iddeċieda li xi elementi tad-disinn u l-applikazzjoni tagħha
kienu jwasslu għal "diskriminazzjoni arbitrarja u mhux
ġustifikabbli". Fl-10 ta’ Lulju 2014 l-Unjoni Ewropea nnotifikat lid-DSB li
biħsiebha timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet
tad-DSB f’din it-tilwima b’mod li tirrispetta l-obbligi tagħha fir-rigward
tad-WTO. Fil-5 ta’ Settembru 2014, l-Unjoni Ewropea, il-Kanada u
n-Norveġja qablu li l-perjodu raġonevoli għall-implimentazzjoni
tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB għandu jkun
ta’ 16-il xahar. Għalhekk, il-perjodu raġonevoli ta’ żmien se
jiskadi fit-18 ta’ Ottubru 2015. L-għan ta’ din il-proposta leġiżlattiva huwa
li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB
fir-rigward tar-Regolament Bażiku. Din toħloq ukoll bażi legali
biex ir-Regolament (UE) Nru 737/2010 jikkonforma ma’ dawn
id-deċiżjonijiet. Ir-rimedju għat-tħassib dwar
l-eċċezzjoni MRM isir billi din titneħħa mir-Regolament
Bażiku. It-tħassib dwar it-tfassil u l-applikazzjoni
tal-eċċezzjoni IC huwa indirizzat bil-modifikazzjoni
tal-eċċezzjoni, b’mod partikolari billi l-użu tagħha
jintrabat mar-rispett tat-trattament xieraq tal-annimali u billi jiġi
stipulat limitu għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki jekk
l-iskala tal-kaċċa jew ċirkostanzi oħra ikunu tali li
jindikaw li l-kaċċa qed issir primarjament għal skopijiet
kummerċjali. Barra minn hekk, l-esperti tal-Kummissjoni qed jaħdmu
flimkien ma’ esperti mill-Kanada sabiex jistabbilixxu sistema ta’
ċertifikazzjoni meħtieġa biex jippermettu li l-komunitajiet
Inuit Kanadiżi jużaw l-eċċezzjoni tal-Inuit skont ir-reġim
dwar il-foki tal-UE. Barra minn hekk, jinħtieġ ukoll li
din l-inizjattiva tintuża biex ir-riferiment għall-proċedura
regolatorja bi skrutinju fir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jiġi
allinjat mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea (TFUE). Billi l-iskeda ta’ żmien
għall-osservanza d-deċiżjonijiet tad-WTO hija waħda stretta
u biex tkun tista’ ssir adozzjoni rapida tal-proposta mil-leġiżlatur,
b'mod eċċezzjonali, f'din il-proposta l-Kummissjoni
aċċettat l-emenda tal-Parlament proposta fil-kuntest tal-proposta COM
(2013)451 (din il-proposta kopriet ukoll l-allinjament tar-Regolament
1007/2009) dwar it-tul tad-delega. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt
għax din l-azzjoni ma tippreżentax inizjattiva ta’ politika
ġdida, iżda hija meħtieġa biex il-leġiżlazzjoni
attwali tal-UE tikkonforma mad-deċiżjoni tad-WTO u b’hekk jiġu
żgurati l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Meta mqabbla
mal-valutazzjoni tal-impatt li saret qabel l-adozzjoni tar-Regolament
Bażiku fl-2009, ma kienx hemm bżonn li ssir valutazzjoni ġdida
tal-impatt tal-modifiki limitati introdotti b'din il-proposta. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA ·
Bażi legali Il-bażi legali għal din il-proposta hija
l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
li kien il-bażi legali għar-Regolament Bażiku li qed jiġi
emendat minn din il-proposta. Skont l-Artikolu 114 tat-TFUE. il-Parlament
Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura
leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni
tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni
amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan
tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern. Ir-Regolament
Bażiku ġie adottat bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli
għall-funzjonament tas-suq intern minħabba differenzi fil-miżuri
nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti mill-foki. ·
Il-Prinċipji tas-Sussidjarjetà u
tal-Proporzjonalità Ir-Regolament Bażiku jista' jsir konformi
mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet adottati mill-Korp
għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO biss jekk jiġi emendat fl-aspetti
kkontestati. Il-proposta hija limitata għal dak li hu meħtieġ
biex tinkiseb il-kompatibbiltà mad-WTO tal-miżura kkontestata. ·
Għażla tal-istrumenti L-istrument li qed jiġi propost: Regolament
tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba li
Regolament jista’ jiġi emendat biss bl-istess strument, jiġifieri
b'Regolament ieħor. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Din il-proposta ma għandhiex
implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni Ewropea. 5. ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI Mhux applikabbli 2015/0028 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009
dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT
EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw
it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari
l-Artikolu 114 tiegħu, Wara li kkunsidraw
il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Wara
t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti
nazzjonali, Wara li kkunsidraw
l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1], Filwaqt li
jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) Ir-Regolament (KE)
Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] ġie adottat
bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq
intern minħabba differenzi fil-miżuri nazzjonali li jirregolaw
il-kummerċ tal-prodotti mill-foki. Dawn il-miżuri ttieħdu
b’reazzjoni għat-tħassib morali pubbliku dwar l-aspetti
tat-trattament xieraq tal-annimali tal-qtil tal-foki u l-preżenza
possibbli fis-suq ta’ prodotti miksuba minn annimali maqtula b’mod li
jikkawża ħafna wġigħ, dwejjaq, biża’ u forom oħra
ta’ tbatija. Dan it-tħassib ġie appoġġat minn evidenza
xjentifika li turi li fil-kundizzjonijiet li fihom issir il-kaċċa għall-foki,
ma jistax jiġi applikat u infurzat metodu ta’ qtil ġenwinament inqas
krudili b’mod effettiv u konsistenti. Sabiex jinkiseb dan l-għan,
ġiet introdotta bħala regola ġenerali, projbizzjoni fuq
it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki permezz tar-Regolament (KE)
Nru 1007/2009. (2) Fl-istess ħin,
il-kaċċa għall-foki hija parti integrali mill-kultura u
mill-identità tal-komunitajiet Inuit u tal-komunitajiet indiġeni oħra
u tagħti kontribut kbir għall-għajxien tagħhom. Għal
dawn ir-raġunijiet, il-kaċċa għall-foki li ssir b'mod
tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni
oħra ma tqajjimx l-istess tħassib morali pubbliku
bħall-kaċċa li ssir primarjament għal skopijiet
kummerċjali. Barra minn hekk, huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li
l-interessi fundamentali u soċjali tal-komunitajiet Inuit u l-komunitajiet
indiġeni oħra ma għandhomx jiġu affettwati b’mod negattiv,
skont id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli
Indiġeni u strumenti rilevanti internazzjonali oħra. Għal dawk
ir-raġunijiet u bħala eċċezzjoni, ir-Regolament (KE) Nru
1007/2009 jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki li
jirriżultaw minn kaċċa li ssir b'mod tradizzjonali
mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li
tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom. (3) L-istess bħalma
jiġri f'kaċċa oħra għall-foki, meta ssir
il-kaċċa mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni
oħra, ma jistax jiġi applikat metodu ta’ qtil ġenwinament inqas
krudili b’mod effettiv u konsistenti. Madankollu, fid-dawl tal-għan segwit
permezz tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, huwa xieraq li t-tqegħid
fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti li jirriżultaw mill-kaċċa
mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra isir
bil-kundizzjoni li dik il-kaċċa ssir b’mod li jnaqqas
l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ jew forom oħra ta’ tbatija
lill-annimali kkaċċjati sa fejn ikun possibbli, filwaqt li jiġu rrispettati
l-għajxien tradizzjonali u l-ħtiġijiet ta’ sussistenza
tal-komunitajiet Inuit u komunitajiet indiġeni oħra.
L-eċċezzjoni mogħtija fir-rigward tal-prodotti mill-foki li
jirriżultaw minn kaċċa magħmula mill-Inuit u minn
komunitajiet indiġeni oħra, għandha tkun limitata għal
kaċċa li tikkontribwixxi għall-ħtieġa ta' sussistenza
ta’ dawk il-komunitajiet u għalhekk ma ssirx primarjament għal
skopijiet kummerċjali. Għalhekk, f'każ li jkun hemm bżonn,
il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tillimita l-kwantità ta’ prodotti
mill-foki li jitqiegħdu fis-suq skont din l-eċċezzjoni sabiex
tilqa' milli jsir użu ta' din l-eċċezzjoni minn prodotti li
jirriżultaw minn kaċċa li ssir primarjament għal skopijiet
kummerċjali. (4) Bħala
eċċezzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jippermetti wkoll
it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki meta l-kaċċa ssir
bl-iskop waħdieni ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi
tal-baħar. Filwaqt li hija rikonoxxuta l-importanza tal-kaċċa
bl-iskop ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar,
madankollu, fil-prattika jista' jkun diffiċli li l-kaċċa ta' dan
it-tip tkun distinta mill-kaċċa fuq skala kbira li ssir primarjament
għal skopijiet kummerċjali. Dan jista’ jwassal għal
diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-prodotti mill-foki
kkonċernati. Għalhekk, din l-eċċezzjoni ma għandhiex
tibqa' tiġi stipulata. Dan huwa mingħajr preġudizzju
għad-dritt li l-Istati Membri jkomplu jirregolaw il-kaċċa li
ssir għall-finijiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar. (5) Sabiex jiġu stipulati
regoli dettaljati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki,
is-setgħa li jiġu adottati atti skont
l-Artikolu 290 tat-Trattat, għandha tiġi ddelegata
lill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni
twettaq konsultazzjonijiet xierqa, anki fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, fit-tħejjija u fit-tfassil tal-atti
ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u
xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. (6) Għalhekk, ir-Regolament
(KE) Nru 1007/2009 għandu jiġi emendat skont dan, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 għandu
jiġi emendat kif ġej: (1)
L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 3 Il-kundizzjonijiet
għat-tqegħid fis-suq 1. It-tqegħid
fis-suq ta' prodotti mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti
derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa magħmula
mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra, diment li jkunu
ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin. (a)
il-kaċċa saret b'mod tradizzjonali
mill-Komunità; (b)
il-kaċċa tikkontribwixxi
għas-sussistenza tal-komunità u ma ssirx primarjament għal
raġunijiet kummerċjali; (c)
il-kaċċa ssir b’mod li jnaqqas
l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ jew forom oħra ta’ tbatija
tal-annimali kkaċċjati, sa fejn ikun possibbli filwaqt li jiġu
kkunsidrati l-għajxien tradizzjonali u l-ħtiġijiet tas-sussistenza
tal-komunità. Dawn
il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw fil-waqt jew fil-punt
tal-importazzjoni għall-prodotti importati. 2. L-importazzjoni ta' prodotti derivati
mill-foki għandha tkun permessa wkoll meta tkun ta' natura
okkażjonali u tkun tikkonsisti esklussivament minn oġġetti
għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji
tagħhom. In-natura u l-kwantità ta' oġġetti ta' dan it-tip ma
għandhomx ikunu tali li jindikaw li qed jiġu importati għal
raġunijiet kummerċjali; 3. L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 u 2 ma
għandhiex iddgħajjef l-ilħuq tal-objettiv ta' dan ir-Regolament. 4. Il-Kummissjoni tingħata
s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 4a sabiex
tistabbilixxi regoli dettaljati għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti
derivati mill-foki skont il-paragrafi 1 u 2. 5. Jekk l-għadd ta’ foki
kkaċċjati, il-kwantità ta’ prodotti dervati mill-foki u mqiegħda
fis-suq skont il-paragrafu 1, jew ċirkostanzi oħra huma tali li
jindikaw li l-kaċċa qed issir primarjament għal skopijiet kummerċjali,
il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati
f’konformità mal-Artikolu 4 sabiex jillimitaw il-kwantità ta’ prodotti li
jirriżultaw mill-kaċċa li jistgħu jitqiegħdu fis-suq. 6. Il-Kummissjoni għandha tfassal noti
ta’ gwida teknika li jistabbilixxu lista indikattiva tal-kodiċijiet
tan-Nomenklatura Magħquda li jistgħu jkopru l-prodotti derivati
mill-foki li huma suġġetti għal dan l-Artikolu." (2)
Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4a
li ġej: "Artikolu 4a Eżerċizzju tad-delega 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni
ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett
għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta' adozzjoni
ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3 għandha tiġi kkonferita
lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn [insert date -
the date of entry into force of this Regulation]. Il-Kummissoni
għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar
tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega
tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal
perjodi ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma
joġġezzjonawx għal estensjoni bħal din sa mhux aktar tard
minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu. 3. Id-delega tas-setgħa
msemmija fl-Artikolu 3 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin
mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka
għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik
id-deċiżjoni. Din issir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni
tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa
l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att delegat,
il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew
u lill-Kunsill. 5. Att delegat adottat skont
l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm
oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien
xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew
jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill
ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan
il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva
tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill." (3)
L-Artikolu 5 jitħassar. Artikolu 2 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ
fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament jorbot fl-intier
tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU C […], […], p. […]. [2] Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti
mill-foki (ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36).