EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0045

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

/* COM/2015/045 final - 2015/0028 (COD) */

52015PC0045

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki /* COM/2015/045 final - 2015/0028 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fuq it-tqegħid ta’ dawn il-prodotti fis-suq tal-Unjoni ("ir-Regolament Bażiku"). Ir-Regolament Bażiku jinkludi eċċezzjoni mill-projbizzjoni ġenerali fuq il-prodotti magħmula mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom ("l-eċċezzjoni IC"). Dan jinkludi wkoll eċċezzjonijiet għall-importazzjoni ta’ prodotti mill-foki derivati minn foki kkaċċjati biss bil-għan ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar mingħajr skop ta’ qligħ u mhux għal raġunijiet kummerċjali ("l-eċċezzjoni MRM") kif ukoll għal importazzjonijiet ta’ natura okkażjonali u li jkunu esklużivament oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom. Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta’ Awwissu 2010, jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Bażiku ("ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni").

Iż-żewġ atti ("ir-reġim dwar il-foki tal-UE") kienu ġew ikkontestati mill-Kanada u n-Norveġja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) fit-tilwima dwar Il-KE — Miżuri li Jipprojbixxu l-Importazzjoni u l-Kummerċjalizzazzjoni tal-Prodotti tal-Foki (DS 400 u DS 401).  Fit-18 ta’ Ġunju 2014, il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (id-DSB) adotta r-rapporti tal-bord u tal-Korp tal-Appell. Filwaqt li r-rapporti tad-WTO kkonkludew li fil-prinċipju, il-projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki tista' tiġi ġġustifikata minħabba tħassib morali dwar it-trattament xieraq tal-foki, bdew joħorġu kwistjonijiet maż-żewġ eċċezzjonijiet, l-eċċezzjoni IC u l-eċċezzjoni MRM. Instab li l-eċċezzjoni MRM ma kinitx ġustifikata għax id-differenza possibbli tad-dimensjoni kummerċjali tal-kaċċa kummerċjali u l-kaċċa MRM (fuq skala żgħira u mingħajr skop ta’ profitt) ma kinitx biżżejjed biex tiġġustifika distinzjoni. Filwaqt li fil-prinċipju l-eċċezzjoni IC tirrifletti distinzjoni leġittima, il-Korp tal-Appell iddeċieda li xi elementi tad-disinn u l-applikazzjoni tagħha kienu jwasslu għal "diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli".

Fl-10 ta’ Lulju 2014 l-Unjoni Ewropea nnotifikat lid-DSB li biħsiebha timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB f’din it-tilwima b’mod li tirrispetta l-obbligi tagħha fir-rigward tad-WTO.

Fil-5 ta’ Settembru 2014, l-Unjoni Ewropea, il-Kanada u n-Norveġja qablu li l-perjodu raġonevoli għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB għandu jkun ta’ 16-il xahar. Għalhekk, il-perjodu raġonevoli ta’ żmien se jiskadi fit-18 ta’ Ottubru 2015.

L-għan ta’ din il-proposta leġiżlattiva huwa li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB fir-rigward tar-Regolament Bażiku. Din toħloq ukoll bażi legali biex ir-Regolament (UE) Nru 737/2010 jikkonforma ma’ dawn id-deċiżjonijiet. Ir-rimedju għat-tħassib dwar l-eċċezzjoni MRM isir billi din titneħħa mir-Regolament Bażiku. It-tħassib dwar it-tfassil u l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni IC huwa indirizzat bil-modifikazzjoni tal-eċċezzjoni, b’mod partikolari billi l-użu tagħha jintrabat mar-rispett tat-trattament xieraq tal-annimali u billi jiġi stipulat limitu għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki jekk l-iskala tal-kaċċa jew ċirkostanzi oħra ikunu tali li jindikaw li l-kaċċa qed issir primarjament għal skopijiet kummerċjali. Barra minn hekk, l-esperti tal-Kummissjoni qed jaħdmu flimkien ma’ esperti mill-Kanada sabiex jistabbilixxu sistema ta’ ċertifikazzjoni meħtieġa biex jippermettu li l-komunitajiet Inuit Kanadiżi jużaw l-eċċezzjoni tal-Inuit skont ir-reġim dwar il-foki tal-UE.

Barra minn hekk, jinħtieġ ukoll li din l-inizjattiva tintuża biex ir-riferiment għall-proċedura regolatorja bi skrutinju fir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jiġi allinjat mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Billi l-iskeda ta’ żmien għall-osservanza d-deċiżjonijiet tad-WTO hija waħda stretta u biex tkun tista’ ssir adozzjoni rapida tal-proposta mil-leġiżlatur, b'mod eċċezzjonali, f'din il-proposta l-Kummissjoni aċċettat l-emenda tal-Parlament proposta fil-kuntest tal-proposta COM (2013)451 (din il-proposta kopriet ukoll l-allinjament tar-Regolament 1007/2009) dwar it-tul tad-delega.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt għax din l-azzjoni ma tippreżentax inizjattiva ta’ politika ġdida, iżda hija meħtieġa biex il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE tikkonforma mad-deċiżjoni tad-WTO u b’hekk jiġu żgurati l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.  Meta mqabbla mal-valutazzjoni tal-impatt li saret qabel l-adozzjoni tar-Regolament Bażiku fl-2009, ma kienx hemm bżonn li ssir valutazzjoni ġdida tal-impatt tal-modifiki limitati introdotti b'din il-proposta.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Bażi legali

Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li kien il-bażi legali għar-Regolament Bażiku li qed jiġi emendat minn din il-proposta. Skont l-Artikolu 114 tat-TFUE. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern. Ir-Regolament Bażiku ġie adottat bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern minħabba differenzi fil-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti mill-foki.

· Il-Prinċipji tas-Sussidjarjetà u tal-Proporzjonalità

Ir-Regolament Bażiku jista' jsir konformi mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet adottati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO biss jekk jiġi emendat fl-aspetti kkontestati. Il-proposta hija limitata għal dak li hu meħtieġ biex tinkiseb il-kompatibbiltà mad-WTO tal-miżura kkontestata.

· Għażla tal-istrumenti

L-istrument li qed jiġi propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba li Regolament jista’ jiġi emendat biss bl-istess strument, jiġifieri b'Regolament ieħor.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.           ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

Mhux applikabbli

2015/0028 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] ġie adottat bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern minħabba differenzi fil-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti mill-foki. Dawn il-miżuri ttieħdu b’reazzjoni għat-tħassib morali pubbliku dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali tal-qtil tal-foki u l-preżenza possibbli fis-suq ta’ prodotti miksuba minn annimali maqtula b’mod li jikkawża ħafna wġigħ, dwejjaq, biża’ u forom oħra ta’ tbatija. Dan it-tħassib ġie appoġġat minn evidenza xjentifika li turi li fil-kundizzjonijiet li fihom issir il-kaċċa għall-foki, ma jistax jiġi applikat u infurzat metodu ta’ qtil ġenwinament inqas krudili b’mod effettiv u konsistenti. Sabiex jinkiseb dan l-għan, ġiet introdotta bħala regola ġenerali, projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki permezz tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009. 

(2)       Fl-istess ħin, il-kaċċa għall-foki hija parti integrali mill-kultura u mill-identità tal-komunitajiet Inuit u tal-komunitajiet indiġeni oħra u tagħti kontribut kbir għall-għajxien tagħhom. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kaċċa għall-foki li ssir b'mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra ma tqajjimx l-istess tħassib morali pubbliku bħall-kaċċa li ssir primarjament għal skopijiet kummerċjali. Barra minn hekk, huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li l-interessi fundamentali u soċjali tal-komunitajiet Inuit u l-komunitajiet indiġeni oħra ma għandhomx jiġu affettwati b’mod negattiv, skont id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u strumenti rilevanti internazzjonali oħra. Għal dawk ir-raġunijiet u bħala eċċezzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa li ssir b'mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom.

(3)       L-istess bħalma jiġri f'kaċċa oħra għall-foki, meta ssir il-kaċċa mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra, ma jistax jiġi applikat metodu ta’ qtil ġenwinament inqas krudili b’mod effettiv u konsistenti. Madankollu, fid-dawl tal-għan segwit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, huwa xieraq li t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti li jirriżultaw mill-kaċċa mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra isir bil-kundizzjoni li dik il-kaċċa ssir b’mod li jnaqqas l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ jew forom oħra ta’ tbatija lill-annimali kkaċċjati sa fejn ikun possibbli, filwaqt li jiġu rrispettati l-għajxien tradizzjonali u l-ħtiġijiet ta’ sussistenza tal-komunitajiet Inuit u komunitajiet indiġeni oħra. L-eċċezzjoni mogħtija fir-rigward tal-prodotti mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa magħmula mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra, għandha tkun limitata għal kaċċa li tikkontribwixxi għall-ħtieġa ta' sussistenza ta’ dawk il-komunitajiet u għalhekk ma ssirx primarjament għal skopijiet kummerċjali. Għalhekk, f'każ li jkun hemm bżonn, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tillimita l-kwantità ta’ prodotti mill-foki li jitqiegħdu fis-suq skont din l-eċċezzjoni sabiex tilqa' milli jsir użu ta' din l-eċċezzjoni minn prodotti li jirriżultaw minn kaċċa li ssir primarjament għal skopijiet kummerċjali.

(4)       Bħala eċċezzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jippermetti wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki meta l-kaċċa ssir bl-iskop waħdieni ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Filwaqt li hija rikonoxxuta l-importanza tal-kaċċa bl-iskop ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, madankollu, fil-prattika jista' jkun diffiċli li l-kaċċa ta' dan it-tip tkun distinta mill-kaċċa fuq skala kbira li ssir primarjament għal skopijiet kummerċjali. Dan jista’ jwassal għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-prodotti mill-foki kkonċernati. Għalhekk, din l-eċċezzjoni ma għandhiex tibqa' tiġi stipulata. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt li l-Istati Membri jkomplu jirregolaw il-kaċċa li ssir għall-finijiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar.

(5)       Sabiex jiġu stipulati regoli dettaljati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, anki fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, fit-tħejjija u fit-tfassil tal-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(6)       Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 3

Il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq

1.         It-tqegħid fis-suq ta' prodotti mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa magħmula mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra, diment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin.

(a) il-kaċċa saret b'mod tradizzjonali mill-Komunità;

(b) il-kaċċa tikkontribwixxi għas-sussistenza tal-komunità u ma ssirx primarjament għal raġunijiet kummerċjali;

(c) il-kaċċa ssir b’mod li jnaqqas l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ jew forom oħra ta’ tbatija tal-annimali kkaċċjati, sa fejn ikun possibbli filwaqt li jiġu kkunsidrati l-għajxien tradizzjonali u l-ħtiġijiet tas-sussistenza tal-komunità.

Dawn il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw fil-waqt jew fil-punt tal-importazzjoni għall-prodotti importati.

2.       L-importazzjoni ta' prodotti derivati mill-foki għandha tkun permessa wkoll meta tkun ta' natura okkażjonali u tkun tikkonsisti esklussivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom. In-natura u l-kwantità ta' oġġetti ta' dan it-tip ma għandhomx ikunu tali li jindikaw li qed jiġu importati għal raġunijiet kummerċjali;

3.       L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 u 2 ma għandhiex iddgħajjef l-ilħuq tal-objettiv ta' dan ir-Regolament.

4.       Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 4a sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki skont il-paragrafi 1 u 2.

5.       Jekk l-għadd ta’ foki kkaċċjati, il-kwantità ta’ prodotti dervati mill-foki u mqiegħda fis-suq skont il-paragrafu 1, jew ċirkostanzi oħra huma tali li jindikaw li l-kaċċa qed issir primarjament għal skopijiet kummerċjali, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 4 sabiex jillimitaw il-kwantità ta’ prodotti li jirriżultaw mill-kaċċa li jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

6.       Il-Kummissjoni għandha tfassal noti ta’ gwida teknika li jistabbilixxu lista indikattiva tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda li jistgħu jkopru l-prodotti derivati mill-foki li huma suġġetti għal dan l-Artikolu."

(2) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

"Artikolu 4a

Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3 għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn [insert date - the date of entry into force of this Regulation]. Il-Kummissoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal estensjoni bħal din sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din issir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att delegat adottat skont l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

(3) L-Artikolu 5 jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C […], […], p. […].

[2]               Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36).

Top