Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0417

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020 (2015/2957(RSP))

    ĠU C 366, 27.10.2017, p. 149–150 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 366/149


    P8_TA(2015)0417

    Strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020 (2015/2957(RSP))

    (2017/C 366/15)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-TFUE dwar il-funzjonament tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (COM(2012)0006),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fi ħdan l-Unjoni u b'hekk għal suq intern li jiffunzjona tajjeb;

    B.

    billi ċ-ċittadini Ewropej għandhom interess kbir fil-benessri tal-annimali u jixtiequ jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati bħala konsumaturi;

    C.

    billi r-regoli nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali m'għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku tal-UE;

    D.

    billi l-benessri tal-annimali huwa marbut mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u mas-saħħa pubblika;

    E.

    billi, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f'ċertu Stati Membri fi żvantaġġ kompetittiv serju;

    F.

    billi l-livell tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni huwa fost l-ogħla fid-dinja;

    G.

    billi l-benessri tal-annimali għandu jitjib aktar abbażi ta' sejbiet xjentifiċi prevalenti u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-effiċjenza u l-kompetittività tat-trobbija agrikola tal-annimali; billi standards koerenti tal-benessri tal-annimali madwar l-UE jistgħu jibbenefikaw minn definizzjoni ta' trobbija tal-annimali tajba;

    H.

    billi livell għoli tal-benessri tal-annimali huwa importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà, għad li dan ifisser investimenti u spejjeż operattivi addizzjonali li mhumiex distribwiti b'mod proporzjonat tul il-katina alimentari;

    1.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015;

    2.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa l-istrateġija eżistenti u tfassal strateġija ġdida u ambizzjuża għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali għall-perjodu 2016-2020 sabiex tibni fuq il-ħidma tal-istrateġija preċedenti u tiżgura l-kontinwazzjoni ta' qafas biex tiggarantixxi standards għolja tal-benessri tal-annimali fost l-Istati Membri;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura qafas leġiżlattiv aġġornat, komprensiv u ċar li jimplimenta bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE; itenni, madankollu, li taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom jitbaxxew il-livelli tal-benessri tal-annimali minħabba s-simplifikazzjoni amministrattiva; jenfasizza li dawn l-objettivi ma jeskludux lil xulxin;

    4.

    Jenfasizza li l-Artikolu 13 tat-TFUE huwa ta' applikazzjoni ġenerali, orizzontali, u għaldaqstant huwa importanti daqs id-dispożizzjonijiet dwar l-agrikoltura, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur;

    5.

    Ifakkar li l-Parlament huwa parti fin-negozjati li għaddejjin, u adotta atti leġiżlattivi li jindirizzaw kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali, bħas-saħħa tal-annimali, kundizzjonijiet żootekniċi, produzzjoni organika u kontrolli uffiċjali;

    6.

    Jirrikonoxxi l-isforzi li diġà saru mill-bdiewa dwar il-benessri tal-annimali fid-diversi Stati Membri;

    7.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm evidenza xjentifika ċara li turi problemi marbuta mal-benessri tal-annimal, tadatta jew tintroduċi strumenti ta' politika ġodda biex issolvi dawn il-problemi; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-benessri tal-annimali fl-Istati Membri;

    8.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-implimentazzjoni effikaċi u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE relatata mal-benessri tal-annimali, minħabba l-kumplessità u l-għadd kbir ta' atti leġiżlattivi relevanti; jenfasizza li t-titjib fl-infurzar u l-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti għandu jkun l-għan ewlieni tar-regoli kollha dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, tkun aktar ambizzjuża fir-rigward tal-inklużjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-reċiproċità tal-istandards tal-benessri tal-annimali, bħala element mhux kummerċjali fil-politika tal-kummerċ tagħha u meta tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali, u tippromwovi l-benessri tal-annimali f'pajjiżi terzi billi tesiġi standards ta' benessri ekwivalenti għall-annimali u l-prodotti importati flimkien ma' kontrolli stretti;

    10.

    Jenfasizza l-importanza ta' finanzjament xieraq għall-politika agrikola komuni li jkun kompatibbli mal-livell tal-ambizzjonijiet tagħna, sabiex tiġi evitata rilokazzjoni tal-produzzjoni u tal-kummerċ lejn pajjiżi u kontinenti bi standards aktar baxxi dwar il-benessri tal-annimali;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, tikkondividi u xxerred l-aħjar prattiki bbażati fuq ix-xjenza u tappoġġa innovazzjoni u riċerka dwar l-iżvilupp ta' tekniki u teknoloġiji ġodda dwar il-benessri tal-annimali;

    12.

    Ifakkar li hemm żbilanċi fil-katina alimentari li jqiegħdu lill-produttur primarju fi żvantaġġ, u li din is-sitwazzjoni tillimita l-iskop għal investimenti fil-qasam tal-benessri tal-annimali fil-livell tal-irziezet;

    13.

    Ifakkar li l-produtturi huma mgħobbija wisq b'obbligi amministrattivi u li, fit-tfittxija permanenti għas-simplifikazzjoni amministrattiva, din l-istrateġija Ewropea m'għandhiex tkompli żżid il-piż li diġà jeżisti; jenfasizza l-ħtieġa għal stabbiltà u prevvedibbiltà ta' investimenti fis-settur, filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni internazzjonali ġusta;

    14.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 62.


    Top